Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003L0088

Ir-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol

ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9–19 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/88/oj

32003L0088



Official Journal L 299 , 18/11/2003 P. 0009 - 0019


Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-4 ta' Novembru 2003

li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jisstabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura li hemm referenza fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta' Novembru 1993, li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol [3], li tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi u tas-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, fir-rigward ta' perjodi ta' serħan kull jum, ta' waqfien, ta' serħan ta' kull ġimgħa, il-ħin massimu tax-xogħol ta' kull ġimgħa, il-leave annwali u l-aspetti tax-xogħol matul il-lejl, ix-xogħol bix-shift u l-istili tax-xogħol, kienu emendati b'mod importanti. Sabiex ikunu ċċarati dawn il-materji, kodifikazzjoni tad-disposizzjonijiet f'dan il-każ għandha tkun imħejjija.

(2) L-Artikolu 137 tat-Trattat jipprovdi li l-Komunità għandha tappoġġja u tikkumplementa l-attivitajiet ta' l-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-ambjent tax-xogħol u tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Id-Direttivi adottati fuq il-bażi ta' dak l-Artikolu għandhom jevitaw l-imposizzjoni ta' limitazzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'tali mod li jistgħu jimpedixxu l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju.

(3) Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex iħeġġu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema waqt ix-xogħol [4] jibqgħu applikabbli għal kollox għall-oqsma koperti b'din id-Direttiva bla ħsara għad-disposizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi li jinsabu hawnhekk.

(4) It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m'għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.

(5) Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta' serħan. Il-kunċett ta' "serħan" għandu jkun espress f'unitajiet ta' ħin, i.e. f'jiem, f'sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-Komunità għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta' serħan ta' kull jum u ta' kull ġimgħa, u waqfien adekwati. Huwa wkoll meħtieġ li f'dan il-kuntest jitqiegħed limitu massimu fuq sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.

(6) Akkont għandu jittieħed tal-prinċipji ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inklużi dawk relatati max-xogħol ta' bil-lejl.

(7) Ir-riċerka uriet li l-ġisem uman huwa aktar sensittiv matul il-lejl għal disturbi ambjentali u wkoll għal ċerti tipi tqal ta' organizzazzjoni u li perjodi twal ta' xogħol matul il-lejl jistgħu ikunu ta' detriment għas-saħħa ta' ħaddiema u jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tagħhom fil-post tax-xogħol.

(8) Hemm ħtieġa li tkun illimitata l-medda tal-perjodi tax-xogħol bil-lejl, inkluża s-sahra, u li jkun hemm provvediment għal dawk li jħaddmu li jutilizzaw il-ħaddiema matul il-lejn li jwaslu din l-informazzjoni għall-attenzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti jekk dawn hekk jitolbu.

(9) Huwa importanti li l-ħaddiema ta' matul il-lejl ikunu intitolati għal assessjar tas-saħħa b'xejn qabel ma jibdew il-ħidma tagħhom u wara dan matul intervalli regolari u li kull meta jkun possibbli dawn għandhom ikunu trasferiti lejn ix-xogħol matul il-jum jekk ikunu tajbin għal dan jew jekk isofru minn problemi tas-saħħa.

(10) Is-siwazzjoni tal-ħaddiema tal-lejl u bix-shift teħtieġ li l-livell tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa għandu jkun adottat għan-natura tax-xogħol tagħhom u li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-servizzi u r-riżorsi tal-protezzjoni u l-prevenzjoni għandhom ikunu effiċjenti.

(11) Kondizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol jistgħu jkollhom effetti detrimentali fuq is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. L-organizzazzjoni tax-xogħol skond ċerti tendenzi għandha tieħu akkont tal-prinċipju ġenerali ta' l-adattazzjoni tax-xogħol lejn il-ħaddiem.

(12) Ftehim Ewropew fir-rigward tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara kien daħal fis-seħħ permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21ta' Ġunju 1999 li tikkonċerna l-Ftehim ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara li kien konkluż mill-Assoċċjazzjoni tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA/ASVKE) u tal-Federazzjoni tal-Unions tal-Ħaddiema tat-Trasport fl-Unjoni Ewropea (FST) [5] ibbażata fuq l-Artikolu 139(2) tat-Trattat. Għalhekk, id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għall-baħħara.

(13) Fil-każ ta' dawk is-"sajjieda bis-sehem" li huma mpjegati, hija għall-Istati Membri li jiddetterminaw, bis-saħħa ta' din id-Direttiva, il-kondizzjonijiet għall-intitolament lejn, u l-għoti ta' leave annwali, inklużi l-arranġamenti għall-pagamenti.

(14) In-normi speċifiċi stabbiliti fi strumenti oħrajn tal-Komunità li jirrigwardjaw, per eżempju, il-perjodi ta' serħan, il-ħin tax-xogħol, il-leave annwali u x-xogħol ta' bil-lejl għal ċerti kategoriji ta' ħaddiema għandhom jieħdu preċedenza fuq id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

(15) In vista tal-kwestjonijiet imqajma mill-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fi ħdan impriża, jidher li huwa mixtieq li jkun hemm provvediment għal flessibbiltà fl-applikazzjoni ta' ċerti disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva, waqt li jassiguraw konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

(16) Huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment li ċerti disposizzjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għal derogi implimentati, skond iċ-ċirkostanzi, mill-Istati Membri jew miż-żewġ naħat ta' l-industrija. Bħala regola ġenerali, fil-każ ta' deroga, il-ħaddiema kkonċernati għandhom jingħataw perjodi kompensatorji ta' mistrieħ.

(17) Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-obligazzjonijiet ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw il-limiti ta' żmien għat-transposizzjoni tad-Direttivi kif stabbilit fl-Anness I, il-parti B,

ADOTTAW DIN I-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għan u skop

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2. Din id-Diretiva tapplika għal:

(a) il-perjodi minimi ta' serħan ta' kull jum, serħan ta' kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta' kull ġimgħa; u

(b) ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3. Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta' l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta' din id-Direttiva.

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal baħħara, kif definiti fid-Direttiva 1999/63/KE mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(8) ta' din id-Direttiva.

4. Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE għandhom ikunu applikabbli bis-sħiħ għall-materji kollha li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar iebsa u/jew speċifiċi li jinstabu f'din id-Direttiva.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. "ħin tax-xogħol" ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta' min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b'konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2. "perjodu ta' serħan" ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

3. "ħin ta' bil-lejl" ifisser kwalunkwe perjodu ta' mhux anqas minn seba' sigħat, kif definiti bil-liġi nazzjonali, u li għandu jinkludi, fi kwalunkwe każ, il-perjodu ta' bejn nofs-il-lejl u l-5.00;

4. "ħaddiem ta' matul il-lejl" ifisser:

(a) minn naħa l-waħda, kwalunkwe ħaddiem, li, matul il-ħin tal-lejl, jaħdem mill-anqas tliet sigħat tal-ħin tax-xogħol ta' kull jum tiegħu bħala ħaġa normali; u

(b) minn naħa l-oħra, kwalunkwe ħaddiem li aktarx li matul il-lejl iwettaq ċertu proporzjon tal-ħin annwali tax-xogħol tiegħu, kif definit b'għażla ta' l-Istati Membri kkonċernati:

(i) bil-leġislazzjoni nazzjonali, b'segwiment ta' konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija; jew

(ii) bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija f'livell nazzjonali jew reġjonali;

5. "xogħol bix-shift" ifisser kwalunkwe metodu ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol bix-shift li permezz tagħha ħaddiema jkomplu wara xulxin fl-istess stazzjonijiet tax-xogħol skond ċerti tendenzi, inklużi t-tendenzi tar-rotazzjoni, u li jistgħu jkunu kontinwi jew mhux-kontinwi, li jinvolvi għall-ħaddiema li jaħdmu f'ħinijiet differenti matul perjodu partikolari ta' jiem jew ġimgħat;

6. "ħaddiem bix-shift" ifisser kwalunkwe ħaddiem li l-iskeda tax-xogħol tiegħu hija parti minn xogħol bix-shift;

7. "ħaddiem mobbli" jfisser kwalunkwe ħaddiem impjegat bħala membru ta' persunal ta' l-ivvjaġġar jew tat-titjir minn impriża li topera servizzi tat-trasport għall-passiġġieri jew il-merkanzija bit-triq, bl-ajru jew b'kanali ta' l-ilma nterni;

8. "xogħol offshore" ifisser xogħol imwettaq primarjament fuq jew minn installazzjonijiet offshore (inklużi r-rigijiet tat-tħaffir), direttament jew indirettament konnessi ma l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni jew l-esplojtazzjoni ta' riżorsi minerali, inklużi l-idrokarburi, u għadis b'konnessjoni ma' attivitajiet bħal dawn, sewwa jekk imwettqa minn istallazzjoni offshore jew minn vapur;

9. "serħan adekwat" ifisser li l-ħaddiema jkollhom perjodi regolari ta' serħan, li t-tul tagħhom huwa espress f'unitajiet ta' ħin u li huma suffiċjentement twal u kontinwi li jassiguraw li, bħala riżultat ta' għajja jew tendenzi oħrajn irregolari tax-xogħol, li ma joħolqux xi korriment għalihom, għal ħaddiema sħabhom jew għal oħrajn u li ma jkunux ta' ħsara għal saħħithom, la f'terminu qasir u l-anqas f'terminu fit-tul.

KAPITOLU 2

PERJODI MINIMI TA' SERĦAN - ASPETTI OĦRAJN TA' L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĦIN TAX-XOGĦOL

Artikolu 3

Serħan ta' kull jum

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta' serħan kull jum ta' 11-il siegħa konsekuttivi f'perjodu ta' 24-siegħa.

Artikolu 4

Waqfien

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, meta l-jum tax-xogħol ikun itwal min sitt sigħat, li kull ħaddiem ikun intitolat għal waqfien ta' serħan, li d-dettalji tiegħu, inkluż it-tul ta' żmien u t-terminu li fuqhom jingħata, ikunu stabbiliti fi ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija jew, f'nuqqas ta' dan, b'leġislazzjoni nazzjonali.

Artikolu 5

Perjodu ta' serħan ta' kull ġimgħa

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f'kull perjodu ta' sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta' serħan kull perjodu ta' 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta' kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

Jekk objettivi, l-organizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi jew tax-xogħol hekk jiġġustifikaw, perjodu minimu ta' serħan ta' 24 siegħa jista' jkun applikat.

Artikolu 6

Ħin massimu ta' xogħol matul ġimgħa

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

(a) il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta' kull ġimgħa jkun limitat permezz ta' liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija;

(b) il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta' sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.

Artikolu 7

Leave annwali

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta' mill-anqas erba' ġimgħat b'konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta', leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2. Il-perjodu minimu ta' leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b'pagament ta' benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta' l-impieg tkun ġiet itterminata.

KAPITOLU 3

XOGĦOL TA' BIL-LEJL - XOGĦOL BIX-SHIFT - TENDENZI TAX-XOGĦOL

Artikolu 8

It-tul tax-xogħol bil-lejl

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a) is-sigħat normali tax-xogħol għal ħaddiema ta' bil-lejl ma jkunux jeċċedu l-medja ta' tmien sigħat fi kwanulkwe perjodu ta' 24 siegħa;

(b) il-ħaddiema ta' matul il-lejl li x-xogħol tagħhom jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta' strapazz mentali ma jaħdmux għal aktar minn tmien sigħat fi kwalunkwe perjodu ta' 24 siegħa li matulhom huma jwettqu x-xogħol ta' matul il-lejl.

Għall-iskopijiet tal-punt (b), xogħol li jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta' strapazz mentali għandu jkun definit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija, billi jittieħed akkont ta' l-effetti speċifiċi u l-perikoli tax-xogħol matul il-lejl.

Artikolu 9

Assessjar tas-saħħa u t-trasferiment ta' ħaddiema ta' matul il-lejl lejn ix-xogħol ta' matul il-jum

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a) il-ħaddiema ta' matul il-lejl huma ntitolati għal eżami tas-saħħa b'xejn qabel l-assenjar tagħhom u minn hemm 'il quddiem f'intervalli regolari;

(b) il-ħaddiema ta' matul il-lejl li jsofru minn problemi tas-saħħa rikonoxxuti bħala li huma konnessi mal-fatt li huma jwettqu xogħol ta' matul il-lejl huma ttrasferiti kull meta jkun possibbli lejn xogħol ta' matul il-jum li għalih huma adattati.

2. L-eżami tas-saħħa b'xejn li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1(a) għandu jkun konformi mal-konfidenzjalità medika.

3. L-eżami tas-saħħa b'xejn li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1(a) għandu jkun imwettaq fi ħdan is-sistema tas-saħħa nazzjonali.

Artikolu 10

Garanziji għal xogħol ta' matul il-lejl

L-Istati Membri jitsgħu jimponu li x-xogħol ta' ċerti kategoriji ta' ħaddiema ta' matul il-lejl ikun suġġett għal ċerti granziji, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika, fil-każ ta' ħaddiema li jkollhom riskji għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom marbuta max-xogħol ta' matul il-lejl.

Artikolu 11

Notifika ta' użu regolari ta' ħaddiema ta' matul il-lejl

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li min iħaddem, li regolarment juża l-ħaddiema ta' bil-lejl, li jwassal din l-informazzjoni għall-attenzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti jekk huma hekk jitolbu.

Artikolu 12

Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a) ħaddiema tal-lejl u ħaddiema tax-shift ikollhom protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa xierqa għan-natura tax-xogħol tagħhom;

(b) servizzi jew faċilitajiet ta' protezzjoni u prevenzjoni xierqa fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema tal-lejl u ta' ħaddiema tax-shift li huma ekwivalenti għal dawk applikabbli għal ħaddiema oħrajn u li jkunu disponibbli fi kwalunwe waqt.

Artikolu 13

Tendenzi tax-xogħol

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li min iħaddem li jkollu l-intenzjoni li jorganizza x-xogħol skond ċerta tendenza billi jieħdu akkont tal-prinċipju ġenerali ta' l-adattazzjoni tax-xogħol għall-ħaddiem, bil-għan, partikolarment, ħalli jtaffu l-monotonija tax-xogħol u x-xogħol b'rata pre-determinata tax-xogħol, dipendenti mit-tip ta' l-attività, u tal-ħtiġiet tas-sigurtà u tas-saħħa, speċjalment fir-rigward tal-waqfien matul il-ħin tax-xogħol.

KAPITOLU 4

DISPOSIZZJONIJIET VARJI

Artikolu 14

Disposizzjonijiet aktar speċifiċi tal-Komunità

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika meta strumenti oħrajn tal-Komunità jkun fihom ħtiġiet aktar speċifiċi li jirrigwardjaw l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għal ċerti impiegi jew attivitajiet ta' l-impieg.

Artikolu 15

Disposizzjonijiet l-aktar favorevoli

Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa d-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta' ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Artikolu 16

Perjodu ta' referenza

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu:

(a) għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 (perjodu ta' serħan ta' kull ġimgħa), perjodu ta' referenza li ma jeċċedix 14-il jum;

(b) għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6 (perjodu massimu ta' xogħol ta' kull ġimgħa), perjodu ta' referenza li ma jeċċedix erba' xhur.

Il-perjodi ta' leave annwali bil-ħlas, mogħtija b'konformità ma' l-Artikolu 7, u l-perjodi tal-leave tal-mard, m'għandhomx ikunu inklużi jew inkella jkunu newtralizzati fil-kalkolazzjoni tal-medja;

(a) għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8 (tul ta' xogħol matul il-lejl), perjodu ta' referenza definit wara konsultazzjoni taż-żewġ naħat ta' l-industrija jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija f'livell nazzjonali jew reġjonali.

Jekk il-perjodu minimu ta' 24 siegħa ta' serħan ta' kull ġimgħa meħtieġ bl-Artikolu 5 jidħol fil-perjodu ta' referenza, dan m'għandhux ikun inkluż fil-kalkolazzjoni tal-medja.

KAPITOLU 5

DEROGI U EĊĊEZZJONIJIET

Artikolu 17

Derogi

1. F'dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista' jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta':

(a) eżekuttivi amministraturi jew persuni oħrajn b'poteri awtonomi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

(b) ħaddiema parti mill-familja; jew

(ċ) ħaddiema li juffiċċjaw f'ċerimonji reliġjużi fi knejjes u f'komunitajiet reliġjużi.

2. Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jkunu adottati permezz ta' liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija, basta li l-ħaddiema kkonċernati jkunu mogħtija perjodu ekwivalenti ta' mistrieħ obbligatorju jew li, f'każi eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli, għal raġunijiet objettivi, li jagħtu perjodi bħal dawn ta' serħan obbligatorju, il-ħaddiema kkonċernati għandhom igawdu minn protezzjoni xierqa.

3. B'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

(a) fil-każ ta' attivitajiet meta l-post tax-xogħol tal-ħaddiem u l-post tar-residenza tiegħu huma 'l bogħod minn xulxin, inkluż ix-xogħol offshore, jew meta l-postijiet differenti tal-ħaddiem huma 'l bogħod wieħed mill-ieħor;

(b) fil-każ ta' attivitajiet ta' sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex tkun protetta l-propjetà u persuni, partikolarment gwardji tas-sigurtà u purtinara jew ditti tas-sigurtà;

(ċ) fil-każ ta' attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta' servizz jew produzzjoni kontinwa, partikolarment:

(i) servizzi marbuta ma riċeviment, trattament u/jew kura pprovduta minn sptarijiet jew stabbilimenti simili, inklużi l-attivitajiet ta' tobba waqt it-taħriġ, istituzzjonijiet residenzjali u ħabsijiet;

(ii) ħaddiema tax-xatt jew ta' l-ajruporti;

(iii) servizzi ta' l-istampa, tar-radju, tat-televiżjoni, tal-produzzjoni ċinematografika, tal-posta jew tat-telekommunikazzjonijiet, ta' l-ambulanza, servizzi tal-protezzjoni tan-nar jew ċivili;

(iv) tal-produzzjoni tal-gass, ta' l-ilma u ta' l-elettriku, tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni, tal-ġbir ta' l-iskart domestiku u ta' l-impjanti ta' l-inċenerazzjoni;

(v) industriji li fihom ix-xogħol ma jistax ikun interrott fuq bażi teknika;

(vi) attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp;

(vii) l-agrikoltura;

(viii) il-ħaddiema kkonċernati mal-karreġġjata ta' passiġġieri fuq servizzi regolari tat-trasport urban;

(d) meta jkun hemm previżjoni ta' żieda qawwija ta' attività, partikolarment fi:

(i) l-agrikoltura;

(ii) it-turiżmu:

(iii) is-servizzi postali;

(e) fil-każ ta' persuni li jaħdmu fit-trasport bil-ferroviji:

(i) li l-attivitajiet tagħhom huma intermittenti;

(ii) li jgħaddu l-ħin tax-xogħol tagħhom abbord ferroviji; jew

(iii) li l-attivitajiet tagħhom huma marbuta ma' tabelli tal-ħinijiet tat-trasport u sabiex jassiguraw il-kontinwità u r-regolarità tat-traffiku;

(f) fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 89/391/KEE;

(g) fil-każi ta' inċidenti jew riskju imminenti ta' inċident.

4. B'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3 u 5:

(a) fil-każ ta' l-attivitajiet ta' ħaddiema bix-shift, kull darba li l-ħaddiem jibdel ix-shift u ma jistax jieħu l-perjodi ta' serħan ta' kull jum jew ta' kull ġimgħa bejn it-tmiem ta' shift wieħed u l-bidu tax-shift li jmiss;

(b) fil-każ ta' attivitajiet li jinvolvu perjodi ta' xogħol imqassma matul il-jum, partikolarment dawk tal-persunal tat-tindif.

5. B'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikolu 6 u l-Artikolu 16(b), fil-każ ta' tobba waqt it-taħriġ, b'konformità mad-disposizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sas-seba' subparagrafi ta' dan il-paragrafu.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 6, id-derogi li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu għandhom jinżammu għal perjodu transitorju ta' ħames snin mill-1 ta' Awissu 2004.

L-Istati Membri jistgħu jkollhom sa sentejn oħrajn, jekk meħtieġ, sabiex iqisu d-diffikultajiet ħalli jilħqu d-disposizzjonijiet tal-ħin tax-xogħol fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Mill-anqas sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu transitorju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummisjoni bir-raġunijiet tiegħu, hekk li l-Kummissjoni tkun tista' tagħti opinjoni, wara konsultazzjonijiet xierqa, fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' l-informazzjoni bħal dik. Jekk l-Istat Membru ma jsegwix l-opinjoni tal-Kummissjoni, dan għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. In-notifika u l-ġustifikazzjoni ta' l-Istat Membru u ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u mgħoddija lill-Parlament Ewropew.

L-Istati Membri jistgħu jkollhom perjodu addizzjonali sa sena żmien, jekk meħtieġ, sabiex jieħdu kont ta' diffikultajiet speċjali ħalli jkunu jistgħu jlaħħqu mar-responsabbiltajiet li hemm referenza għalihom fit-tielet subparagrafu. Huma għandhom isegwu l-proċedura stabbilita f'dak is-subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fl-ebda każ m'għandu n-numru ta' sigħat ta' xogħol matul kull ġimgħa jeċċedi l-medja ta' 58 siegħa għall-ewwel tliet snin tal-perjodu transitorju, medja ta' 56 għas-sentejn li jsegwu u medja ta' 52 għal xi perjodu ieħor.

Dak li jimpjega għandu jikkonsulta r-rappreżentanti ta' l-impjegati fi żmien xieraq bil-għan li jilħaq ftehim, kull meta jkun possibbli, dwar l-arranġamenti applikabbli għall-perjodu transitorju. Fil-limiti kif stabbiliti fil-ħames subparagrafu, ftehim bħal dan jista' jkopri:

(a) medja ta' numru ta' sigħat ta' xogħol ta' kull ġimgħa matul il-perjodu transitorju; u

(b) il-miżuri li għandhom ikunu adottati ħalli jitnaqqsu s-sigħat tax-xogħol ta' kull ġimgħa lejn medja ta' 48 siegħa sat-tmiem tal-perjodu transitorju.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 16(b), id-derogi li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu mħollija basta li l-perjodu ta' referenza ma jeċċedix 12-il xahar, matul l-ewwel parti tal-perjodu transitorju speċifikat fil-ħames subparagrafu, u sitt xhur wara dan.

Artikolu 18

Derogi bi ftehim kollettiv

Derogi jistgħu isiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali, jew b'konformità mar-regoli stabbiliti minhom, permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija fil-livell l-aktar baxx.

L-Istati Membri li fihom ma jkunx hemm sistema statutorja li tassigura l-konklużjoni ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija f'livell nazzjonali jew reġjonali, dwar il-materja koperta b'din id-Direttiva, jew dawk l-Istati Membri li fihom ma hemmx qafas leġislattiv speċifiku għal dan l-iskop u fi ħdan il-limiti tiegħu, jista', b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika, jippermetti derogi mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim konkluż bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija fil-livell kollettiv xieraq.

Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandhom jitħallew bil-kondizzjoni li perjodi ta' serħan ekwivalenti kompensatorji jkunu mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati jew, f'każi eċċezzjonali meta dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi li jingħataw perjodi bħal dawn, li l-ħaddiema kkonċernati jkollhom il-protezzjoni xierqa.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli:

(a) għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu miż-żewġ naħat ta' l-industrija; u

(b) għall-estenzjoni tad-disposizzjonijiet tal-ftehim kollettiv jew ftehim konklużi b'konformità ma' dan l-Artikolu lejn ħaddiema oħrajn b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika.

Artikolu 19

Limiti għad-derogi mill-perjodi ta' referenza

L-għażla ta' deroga mill-Artikolu 16(b), li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 17(3) u fl-Artikolu 18, ma tistax tirriżulta fl-istabbiliment ta' perjodu ta' referenza li jeċċedi sitt xhur.

B'dana kollu, l-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla, bla ħsara għal konformità mal-prinċipji ġenerali li jirrigwardaw il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema, li jippermettu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew għal raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija ħalli jistabbilixxu perjodi ta' referenza li fl-ebda każ ma jeċċedu 12-il xahar.

Qabel it-23 ta' Novembru 2003, il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni akkumpanjata b'rapport ta' evalwazzjoni, jeżamina mill-ġdid id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u jiddeċiedi x'azzjoni jieħu.

Artikolu 20

Ħaddiema mobbli u xogħol offshore

1. L-Artikoli 3, 4, 5 u 8 m'għandhomx japplikaw għal ħaddiema mobbli.

L-Istati Membri għandhom, b'dana kollu, jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li ħaddiema mobbli bħal dawk ikunu ntitolati għal serħan adekwat, apparti milli fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikolu 17(3)(f) u (g).

2. Suġġett għal konformità mal-prinċipji ġenerali li jirrigwardjaw il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema, u basta li jkun hemm konsultazzjonijiet mar-rapreżentanti ta' min jimpjega u tal-ħaddiema kkonċernati u sforzi sabiex jinkoraġġixxu t-tipi relevanti kollha ta' djalogu soċjali, inklużi n-negozjati jekk il-partijiet hekk jixtiequ, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew għal raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, jestendu l-perjodu ta' referenza li hemm referenza għalih fl-Artikolu 16(b) għal 12-il xahar fir-rigward ta' ħaddiema li primarjament iwettqu xogħol offshore.

3. Mhux aktar tard mill-1 ta' Awissu 2005 il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-amministraturi u l-ħaddiema fil-livell Ewropew, tirrevdi l-operazzjoni tad-disposizzjonijiet fir-rigward tal-ħaddiema offshore mill-perspettiva tas-saħħa u tas-sigurtà bil-għan li tippreżenta, jekk meħtieġ, il-modifiki xierqa.

Artikolu 21

Ħaddiema abbord dgħajjes tas-sajd li jbaħħru f'ilmijiet miftuħa

1. L-Artikoli 3 sa 6 u 8 m'għandhomx japplikaw għal xi ħaddiem abbord dgħajjes tas-sajd li jbaħħru f'ilmijiet miftuħa li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru.

L-Istati Membri għandhom, b'dana kollu, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li kwalunkwe ħaddiem abbord dgħajsa tas-sajd li tbaħħar f'ilmijiet miftuħa li ttajjar il-bandiera ta' Stat Membru jkun intitolat għal serħan adekwat u għal-limitu ta' sigħat tax-xogħol ta' 48 siegħa fil-ġimgħa fuq medja kkalkolata matul perjodu ta' referenza li ma jeċċeddix 12-il xahar.

2. Fi ħdan il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, u l-paragrafi 3 u 4, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li, b'konformità mal-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema bħal dawk:

(a) is-sigħat tax-xogħol huma llimitati għal numru massimu ta' sigħat li m'għandhomx ikunu misbuq matul perjodu partikolari ta' żmien; jew

(b) numru minimu ta' sigħat ta' serħan ikunu pprovvduti matul perjodu partikolari ta' żmien.

In-numru massimu ta' sigħat ta' xogħol jew in-numru minimu ta' sigħat ta' serħan għandhom ikunu speċifikati bil-liġi, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija.

3. Il-limiti fuq is-sigħat tax-xogħol u tas-serħan għandhom ikunu; jew:

(a) sigħat massimi ta' xogħol li m'għandhomx jeċċedu:

(i) 14-il siegħa fi kwalunkwe perjodu ta' 24 siegħa; u

(ii) 72 siegħa fi kwalunkwe perjodu ta' sebat ijiem;

jew

(b) minimu ta' sigħat ta' serħan li m'għandhomx ikunu anqas minn:

(i) 10 siegħat fi kwalunkwe perjodu ta' 24 siegħa; u

(ii) 77 siegħa fi kwalunkwe perjodu ta' sebat ijiem.

4. Is-sigħat tax-xogħol għandhom ikunu diviżi f'mhux aktar minn żewġ perjodi, li wieħed minnhom għandu jkun ta' mill-anqas sitt sigħat fit-tul, u l-intervall bejn żewġ perjodi konsekuttivi tas-serħan m'għandux jeċċedi 14-il siegħa.

5. B’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema, u għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jippermettu eċċezzjonijiet, inkluzi l-istabbiliment ta’ perjodi ta’ referenza, għal-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, u l-paragrafi 3 u 4. Eċċezzjonijiet bħal dawn għandhom, sa kemm ikun possibbli, ikunu konformi man-normi stabbiliti imma jistgħu jieħdu akkont ta’ perjodi aktar ta’ spiss jew aktar twal ta’ leave jew ta’ l-għoti ta’ leave b’kumpens lill-ħaddiema. Dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jkunu stabbiliti permezz ta’:

(a) liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi basta li jkun hemm konsultazzjonijiet, meta possibbli, tar-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema kkonċernati, u sforzi jkunu magħmula sabiex jinkoraġġixxu l-għamliet kollha relevanti ta’ djalogu soċjali; jew

(b) ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija.

6. Il-kaptan ta' dgħajsa tas-sajd li tbaħħar f'ilmijiet miftuħa għandu jkollu d-dritt li jeħtieġ li ħaddiema abbord iwettqu kwalunkwe sigħat ta' xogħol meħtieġa għas-sigurtà immedjata tad-dgħajsa, ta' persuni abbord jew tal-merkanzija, jew għal skopijiet sabiex jagħtu għajnuna lil xi dgħajjes jew persuni f'sitwazzjoni mwiera fil-baħar.

7. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li ħaddiema abbord dgħajsa tas-sajd li tbaħħar f'ilmijiet miftuħa li dwarhom leġislazzjoni nazzjonali jew prattika tiddettermina li dawn id-dgħajjes ma jkunux imħollija li joperaw f'perjodu speċifiku tas-sena kalendarja li jeċċedi xahar wieħed, għandhom jieħdu l-leave annwali b'konformità ma' l-Artikolu 7 fi żmien dak il-perjodu.

Artikolu 22

Disposizzjonijiet mixxellanji

1. Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema, u basta li hu jieħu l-miżuri meħtieġa ħalli jassigura li:

(a) li min jimpjega ma jkunx jeħtieġ li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa matul perjodu ta' sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta' referenza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 16(b), sakemm ma jkunx l-ewwel akkwista l-ftehim tal-ħaddiem ħalli jwettaq xogħol bħal dak;

(b) l-ebda ħaddiem ma jkun suġġett għal xi detriment minn min jimpjegah minħabba li hu ma jkunx lest li jagħti l-ftehim tiegħu għal twettieq ta' xogħol bħal dak;

(ċ) min jimpjega iżomm rekords aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu xogħol bħal dak;

(d) li r-rekords jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirristrinġu l-possibbiltà li jkunu misbuqa s-sigħat massimi ta' xogħol matul ġimgħa;

(e) min jimpjega jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom b'informazzjoni dwar każi li fihom ftehim ikun seħħ ma ħaddiema ħalli jwettqu xogħol b'eċċess ta'48 siegħa matul perjodu ta' sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta' referenza kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 16(b).

Qabel it-23 ta' Novembru 2003, il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni akkumpanjata b'rapport ta' l-evalwazzjoni, jeżamina mill-ġdid id-disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu u jiddeċiedi x'azzjoni jieħu.

2. L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla, f'dak li jirrigwardja l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7, li jagħmlu użu minn perjodu transitorju ta' mhux aktar minn tliet snin mit-23 ta' Novembru 1996, basta li matul dak il-perjodu transitorju:

(a) kull ħaddiem jirċievi tliet ġimgħat imħallsa ta' leave annwali b'konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament lejn, u l-għoti ta' leave bħal dan, stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika; u

(b) Il-perjodu ta' tliet ġimgħat ta' leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b'pagament ta' benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta' l-impieg tkun ġiet itterminata.

3. Jekk l-Istati Membri jutilizzaw minn dawn l-għażliet li hemm provvediment dwarhom f'dan l-Artikolu, huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

KAPITOLU 6

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Il-livell ta' Protezzjoni

Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' Stat Membru li jiżviluppa, fid-dawl ta' ċirkostanzi li jinbidlu, leġislattiva differenti, disposizzjonijiet regolatorji jew kuntrattwali fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, sakemm il-ħtiġiet minimi li hemm provvediment dwarhom f'din id-Direttiva jkun hemm konformità magħhom, l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhiex tikkostitwixxi bażi valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema.

Artikolu 24

Rapporti

1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali diġà eżistenti jew li huma sejrin jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni prattika tad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva, jindikaw il-veduti taż-żewġ naħat ta' l-industrija.

Il-Kummissjoni għandha twassal dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtá, l-Iġjene, u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

3. Kull ħames snin mit-23 ta' Novembru 1996 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rappart dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva billi jittieħed akkont ta' l-Artikoli 22 u 23 u l-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 25

Reviżjoni ta' l-operat tad-disposizzjonijiet fir-rigward ta' ħaddiema abbord dgħajjes tas-sajd li jbaħħlu f'ilmijiet miftuħa

Mhux aktar tard mill-1 ta' Awissu 2009 il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-amministraturi u l-ħaddiema fil-livell Ewropew, tirrevdi l-operazzjoni tad-disposizzjonijiet fir-rigward tal-ħaddiema abbord dgħajjes tas-sajd li jbaħħru f'ilmijiet miftuħa, u, partikolarment teżamina jekk dawn id-disposizzjonijiet jibqgħux xierqa, partikolarment, mill-perspettiva ta' kif is-saħħa u s-sigurtà huma kkonċernati, bil-għan li tipproponi, jekk meħtieġ, l-emendi xierqa.

Artikolu 26

Reviżjoni ta' l-operat tad-disposizzjonijiet fir-rigward tal-ħaddiema kkonċernati bit-trasport tal-passiġġieri

Mhux aktar tard mill-1 ta' Awissu 2005 il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-amministraturi u l-ħaddiema fil-livell Ewropew, tirrevedi l-operazzjoni tad-disposizzjonijiet fir-rigward tal-ħaddiema kkonċernati mal-karreġġjata ta' passiġieri fuq servizzi tat-trasport urban regolari, bil-għan li tippreżenta, jekk meħtieġ, il-modifiki xierqa ħalli tassigura resqien koħerenti u adattat fis-settur.

Artikolu 27

Tħassir

1. Id-Direttiva 93/104/KE, kif emendata bid-Direttiva li hemm referenza għaliha fl-Anness I, il-parti A, għandha tkun imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-termini ta' żmien għat-transposizzjoni kif stabbiliti fl-Anness I, il-parti B.

2. Ir-referenzi għall-imsemmija Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw b'konformità mat-tabella tal-korrelazzjoni stabbilita fl-Anness II.

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-2 ta' Awissu 2004.

Artikolu 29

Li min indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-4 ta' Novembru 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Tremonti

[1] ĠU C 61, ta' l-14.3.2003, pġ. 123.

[2] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003.

[3] ĠU L 307, tat-13.12.1993, pġ. 18. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 195, ta' l-1.8.2000, pġ. 41).

[4] ĠU L 183, tad-29.6.1989, pġ. 1.

[5] ĠU L 167, tat-2.7.1999, pġ. 33.

--------------------------------------------------

ANNESS I

PARTI A ID-DIRETTIVA MĦASSRA U L-EMENDI GĦALIHA

(L-Artikolu 27)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE | (ĠU L 307, tat-13.12.1993, p. 18) |

Id-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill | (ĠU L 195, ta' l-1.8.2000, p. 41) |

PARTI B LIMITI TAŻ-ŻMIEN GĦAT-TRANSPOSIZZJONI F'LIĠI NAZZJONALI

(L-Artikolu 27)

Direttiva | Limitu ta' żmien għat-transposizzjoni |

93/104/KE | fit-23 ta' Novembru 1996. |

2000/34/KE | 1 ta' Awissu 2003 |

--------------------------------------------------

ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 93/104/KE | Din id-Direttiva |

L-Artikoli 1 sa 5 | L-Artikoli 1 sa 5 |

L-Artikolu 6, il-kliem introduttorji | L-Artikolu 6, il-kliem introduttorji |

L-Artikolu 6(1) | L-Artikolu 6(a) |

L-Artikolu 6(2) | L-Artikolu 6(b) |

Artikolu 7 | Artikolu 7 |

L-Artikolu 8, il-kliem introduttorji | L-Artikolu 8, il-kliem introduttorji |

L-Artikolu 8(1) | L-Artikolu 8(a) |

L-Artikolu 8(2) | L-Artikolu 8(b) |

L-Artikoli 9, 10 u 11 | L-Artikoli 9, 10 u 11 |

L-Artikolu 12, il-kliem introduttorji | L-Artikolu 12, il-kliem introduttorji |

L-Artikolu 12(1) | L-Artikolu 12(a) |

L-Artikolu 12(2) | L-Artikolu 12(b) |

L-Artikoli 13, 14 u 15 | L-Artikoli 13, 14 u 15 |

L-Artikolu 16, il-kliem introduttorji | L-Artikolu 16, il-kliem introduttorji |

L-Artikolu 16(1) | L-Artikolu 16(a) |

L-Artikolu 16(2) | L-Artikolu 16(b) |

L-Artikolu 16(3) | L-Artikolu 16(c) |

L-Artikolu 17(1) | L-Artikolu 17(1) |

L-Artikolu 17(2), il-kliem introduttorji | L-Artikolu 17(2) |

L-Artikolu 17(2)(1) | L-Artikolu 17(3)(a) sa (e) |

L-Artikolu 17(2)(2) | L-Artikolu 17(3)(f) sa (g) |

L-Artikolu 17(2)(3) | L-Artikolu 17(4) |

L-Artikolu 17(2)(4) | L-Artikolu 17(5) |

L-Artikolu 17(3) | Artikolu 18 |

L-Artikolu 17(4) | Artikolu 19 |

L-Artikolu 17a(1) | L-Artikolu 20(1), l-ewwel subparagrafu |

L-Artikolu 17a(2) | L-Artikolu 20(1), it-tieni subparagrafu |

L-Artikolu 17a(3) | L-Artikolu 20(2) |

L-Artikolu 17a(4) | L-Artikolu 20(3) |

L-Artikolu 17b(1) | L-Artikolu 21(1), l-ewwel subparagrafu |

L-Artikolu 17b(2) | L-Artikolu 21(1), it-tieni subparagrafu |

L-Artikolu 17b(3) | L-Artikolu 21(2) |

L-Artikolu 17b(4) | L-Artikolu 21(3) |

L-Artikolu 17b(5) | L-Artikolu 21(4) |

L-Artikolu 17b(6) | L-Artikolu 21(5) |

L-Artikolu 17b(7) | L-Artikolu 21(6) |

L-Artikolu 17b(8) | L-Artikolu 21(7) |

l-Artikolu 18(1)(a) | — |

L-Artikolu 18(1)(b)(i) | L-Artikolu 22(1) |

L-Artikolu 18(1)(b)(ii) | L-Artikolu 22(2) |

L-Artikolu 18(1)(c) | L-Artikolu 22(3) |

L-Artikolu 18(2) | — |

L-Artikolu 18(3) | Artikolu 23 |

L-Artikolu 18(4) | L-Artikolu 24(1) |

L-Artikolu 18(5) | L-Artikolu 24(2) |

L-Artikolu 18(6) | L-Artikolu 24(3) |

— | L-Artikolu 25 |

— | L-Artikolu 26 |

— | Artikolu 27 |

— | Artikolu 28 |

Artikolu 19 | Artikolu 29 |

— | L-Anness I |

— | L-Anness II |

--------------------------------------------------

Top