EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0867

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/867 tat-13 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tal-Bord(ijiet) tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/3683

ĠU L 149, 14.6.2018, p. 3–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/867/oj

14.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/867

tat-13 ta' Ġunju 2018

li jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tal-Bord(ijiet) tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 55(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/796 jagħti s-setgħa lill-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) jistabbilixxi Bord tal-Appell wieħed jew iktar li għandhom ikunu responsabbli għall-proċeduri ta' appell u ta' arbitraġġ imsemmija fl-Artikoli 58 u 61 ta' dak ir-Regolament.

(2)

Minħabba li r-Regolament (UE) 2016/796 jistabbilixxi biss il-prinċipji essenzjali tal-ipproċessar tal-appelli, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli ta' proċedura tal-Bord tal-Appell, fosthom ir-regoli tal-votazzjoni, il-proċeduri biex jitressaq appell u l-kundizzjonijiet għar-rimborż tal-ispejjeż tal-membri tiegħu. Fuq proposta tal-Aġenzija, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tal-Bord tal-Appell wara li tikkonsulta lill-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija.

(3)

Jenħtieġ li l-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija jistabbilixxi tal-inqas Bord tal-Appell wieħed bħala korp permanenti sabiex jiżgura l-konsistenza u l-koerenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet u sabiex inaqqas il-piż amministrattiv u l-ħatra tal-membri kull darba li jkun hemm appell jew li ssir talba għal arbitraġġ, li hi ħaġa li tieħu ħafna ħin, u sabiex juża l-għarfien espert individwali u kollettiv tal-membri tiegħu.

(4)

Il-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija jista' jistabbilixxi l-Bord(ijiet) tal-Appell bi tliet jew ħames membri u bl-istess għadd ta' sostituti, skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament (UE) 2016/796.

(5)

Sabiex ikun żgurat li l-Bord tal-Appell ikun jista' jaħdem bla xkiel u b'mod effiċjenti, jenħtieġ li wieħed mill-membri jinħatar bħala l-President tal-Bord tal-Appell. Huwa essenzjali li l-President jiżgura l-kwalità u l-konsistenza tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell.

(6)

Jenħtieġ li l-Bord tal-Appell ikun megħjun fit-twettiq ta' dmirijietu minn reġistratur u minn relatur. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti biċ-ċar il-ħatra tagħhom, kif ukoll ir-rwoli u l-kompiti tagħhom. Jenħtieġ li jinħatar relatur għal kull proċediment u li l-Bordijiet tal-Appell kollha jaqsmu s-servizzi tar-reġistratur bejniethom.

(7)

Jenħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà li jkun hemm linji gwida speċifiċi li jinħarġu mill-Bord tal-Appell biex jikkumplimentaw lil dawn ir-regoli ta' proċedura b'arranġamenti prattiċi.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) 2016/796,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

STABBILIMENT U ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   Ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament għall-Bord tal-Appell għandhom japplikaw għal kull Bord tal-Appell li jiġi stabbilit permezz ta' deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija. Minn hawn 'il quddiem, il-Bordijiet kollha ta' dan it-tip qed jissejħu “il-Bord tal-Appell”.

2.   Sabiex ikun żgurat li s-sejbiet kollha jingħataw fl-iskadenzi preskritti kif ukoll li l-ġurisprudenza tkun ta' kwalità u tkun konsistenti, wieħed mill-Bordijiet tal-Appell stabbiliti skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2016/796 għandu jkun permanenti.

Artikolu 2

Membri

1.   Minn hawn 'il quddiem, il-President, il-membri l-oħrajn u s-sostituti li flimkien jiffurmaw il-Bord tal-Appell jissejħu “il-membri” sakemm ma jkunx indikat mod ieħor.

2.   Il-mandat tal-membri kollha għandu jibda u jispiċċa fid-dati stabbiliti fid-deċiżjoni tal-ħatra. Id-data tista' tiġi stabbilita billi titqies xi funzjoni jew billi jitqies it-tmiem tal-proċedimenti. Skont l-Artikolu 56(1) tar-Regolament (UE) 2016/796, il-mandat ta' membru tal-Bord tal-Appell ma għandux ikun ta' iktar minn erba' snin u jista' jiġġedded darba waħda biss.

3.   F'kull Bord tal-Appell stabbilit għandu jiġi żgurat li jkun hemm membri b'għarfien espert tekniku, legali u proċedurali u/jew b'esperjenza f'dawn l-oqsma.

Artikolu 3

Sostituzzjoni

1.   Kull membru tal-Bord tal-Appell li ma jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, jew li jkun qed jirriskja li ma jkunx jista' jagħmel dan, għandu javża lill-President mingħajr dewmien żejjed b'dan.

2.   F'każijiet fejn il-President ma jkunx disponibbli, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi liema membru minn fost il-membri l-oħrajn li jiffurmawh għandu jaġixxi bħala l-President.

3.   Il-President għandu jaħtar lil wieħed mis-sostituti bħala membru.

4.   Il-ħatriet ta' sostituzzjoni msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 għandhom isiru għall-perjodu taż-żmien kollu li matulu l-membru jew il-President li jkunu ġew sostitwiti jkun għadhom ma jistgħux jaġixxu bħala tali u tal-inqas sa ma jintemmu l-proċedimenti ta' appell jew ta' arbitraġġ li jkunu għaddejjin.

5.   Jekk il-persuna tibqa' mhix disponibbli għal iktar minn 12-il xahar jew issir indisponibbli b'mod permanenti, il-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija għandu jaħtar membru jew President ġdid, kif ukoll sostitut għalih skont il-bżonn.

Artikolu 4

Rwol tal-President

1.   Il-President tal-Bord tal-Appell għandu jippresiedi fuq il-proċedimenti ta' appell u ta' arbitraġġ.

2.   Il-President għandu jiżgura l-kwalità u l-konsistenza tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell.

3.   Għal kull proċediment, il-President għandu jaħtar relatur minn fost il-membri tal-Bord tal-Appell.

4.   Flimkien mar-reġistratur, il-President għandu jiżgura li r-regoli ta' proċedura stabbiliti f'dan ir-Regolament jiġu implimentati sewwa.

5.   F'każ li l-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija jkun ħatar diversi Bordijiet tal-Appell, il-Presidenti tagħhom għandhom jistabbilixxu flimkien metodoloġija biex jitqassmu l-proċedimenti u għandhom javżaw lir-reġistratur dwar dan.

Artikolu 5

Rwol tar-relatur

1.   Ir-relatur għandu jeżamina l-appell b'mod preliminari u għandu jippreżenta r-riżultati ta' dak l-eżami lill-membri l-oħrajn tal-Bord tal-Appell.

2.   Ir-relatur għandu jħejji abbozz tas-sejbiet tal-Bord tal-Appell.

Artikolu 6

Sede tal-Bord tal-Appell

Is-sede tal-Bord tal-Appell għandha tkun is-sede tal-Aġenzija.

Artikolu 7

Ir-reġistratur

1.   Il-Bord tal-Appell għandu jkun megħjun fit-twettiq ta' dmirijietu minn reġistratur.

2.   Ir-reġistratur għandu:

(a)

jirreġistra l-proċedimenti kollha b'numru ta' reġistrazzjoni u javża lill-Bord tal-Appell u lill-partijiet kollha b'dan;

(b)

ikun responsabbli għall-wasla, għat-trażmissjoni u għall-ħżin sikur tad-dokumenti kollha li jkunu rilevanti għall-proċedimenti ta' appell u ta' arbitraġġ, għall-komunikazzjoni mal-partijiet u għal kull kompitu amministrattiv ieħor marbut mal-proċedimenti;

(c)

jinforma lill-partijiet mingħajr dewmien żejjed dwar min huma l-membri li se jisimgħu l-każ, kif ukoll dwar kull tibdil fihom;

(d)

jinforma lill-partijiet involuti fl-appell dwar id-dritt tagħhom li joġġezzjonaw għall-parteċipazzjoni ta' xi membru partikulari fil-proċedura ta' appell skont l-Artikolu 57(3) tar-Regolament (UE) 2016/796;

(e)

jiżgura li jiġi ppubblikat avviż dwar l-appell fuq is-sit web tal-Aġenzija, li jkun jinkludi tal-inqas id-data ta' reġistrazzjoni tal-appell, isem il-partijiet u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom, il-lingwa tal-proċedimenti u d-deċiżjoni kkontestata;

(f)

jiċċekkja li jitħarsu l-limiti taż-żmien kollha u l-kundizzjonijiet formali l-oħrajn kollha biex jitressqu l-appelli u jgħarraf lill-Bord tal-Appell b'dan;

(g)

iżomm il-minuti tas-seduti ta' smigħ, tal-eżami tax-xhieda jew tal-esperti u tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Appell;

(h)

jarkivja d-deċiżjonijiet kollha marbutin mal-proċedimenti kollha ta' appell u ta' arbitraġġ li joħroġ il-Bord tal-Appell;

(i)

jinkludi t-talbiet u s-sejbiet tal-Bord tal-Appell fis-sistema ta' informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/796 (“punt uniku ta' kuntatt”).

Artikolu 8

Ħatra tar-reġistratur u responsabbiltajiet tiegħu

1.   Lir-reġistratur għandu jaħtru l-Bord tal-Appell, fuq proposta tal-Aġenzija, minn fost il-persunal tagħha. F'każ li jkun hemm diversi Bordijiet tal-Appell, dan għandu jinħatar b'kunsens.

2.   Ir-reġistratur ma jista' jieħu sehem fl-ebda kompitu jew proċediment tal-Aġenzija marbut ma' deċiżjonijiet li jista' jsir appell minnhom skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/796.

3.   Ir-reġistratur għandu jwettaq dmirijietu taħt is-superviżjoni tal-President tal-Bord tal-Appell u skont l-istruzzjonijiet tiegħu.

4.   Ir-reġistratur jista' jkun megħjun minn persunal li għalih għandu japplika wkoll dan l-Artikolu.

KAPITOLU II

APPELL

Artikolu 9

Tressiq ta' appell u avviż dwaru

1.   Għandu jitressaq appell lill-Bord tal-Appell billi dan jintbagħat lir-reġistratur fil-format elettroniku previst għall-appelli fi żmien xahrejn mid-dati li jissemmew fl-Artikolu 59(2) tar-Regolament (UE) 2016/796.

2.   Skont il-każ, l-appell għandu jkun fih:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-appellant;

(b)

meta l-appellant ikun ħatar rappreżentant, l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tiegħu;

(c)

indirizz tal-posta elettronika;

(d)

meta l-appellant ikun persuna ġuridika, għandu jagħti lir-reġistratur l-istrument jew l-istrumenti li jikkostitwuh u li jirregolawh jew silta reċenti mir-reġistru tal-kumpaniji, tad-ditti jew tal-assoċjazzjonijiet, jew kull prova oħra tal-eżistenza ġuridika tiegħu;

(e)

ir-referenza tad-deċiżjoni li qed tiġi kkontestata u r-rimedju li qed jitlob l-appellant;

(f)

l-argumenti invokati;

(g)

fejn ikun xieraq, in-natura ta' kull evidenza ta' appoġġ u dikjarazzjoni li tispjega l-fatti li għalihom qed tiġi ppreżentata l-evidenza ta' appoġġ;

(h)

fejn ikun xieraq, applikazzjoni biex id-dokumenti jew xi partijiet minnhom jiġu ttrattati b'mod kunfidenzjali;

(i)

meta l-appellant ma jkunx il-persuna li lilha tkun ġiet indirizzata d-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex huwa jintlaqat b'mod dirett jew indirett mid-deċiżjoni u l-evidenza ta' meta sar jaf l-ewwel darba bid-deċiżjoni.

3.   Jekk l-appell ma jkunx fih l-informazzjoni mniżżla fil-paragrafu 2, ir-reġistratur għandu jistipula perjodu ta' mhux iktar minn għaxart ijiem tax-xogħol li fih l-appellant irid jibgħat dik l-informazzjoni. Ir-reġistratur jista' jistabbilixxi t-tali perjodu ta' żmien darba waħda biss. Matul dak il-perjodu, jiġi sospiż iż-żmien għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikoli 58 u 62 tar-Regolament (UE) 2016/796.

4.   Ir-reġistratur għandu jgħarraf lill-Bord tal-Appell, lill-Aġenzija u lil kull parti oħra involuta li tkun tista' tiġi identifikata li jkun tressaq appell fi żmien jum tax-xogħol wieħed minn meta jkun tressaq l-appell.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

1.   F'kull applikazzjoni għal trattament kunfidenzjali, għandhom jiġu identifikati l-kliem, id-dettalji, iċ-ċifri jew is-siltiet li qed jintalab li jiġu ttrattati b'mod kunfidenzjali u għandhom jingħataw ir-raġunijiet speċifiċi għal dan. Jekk ma tingħatax din l-informazzjoni, il-Bord tal-Appell jista' jiċħad it-talba.

2.   Il-President għandu jiddeċiedi jekk l-informazzjoni indikata f'applikazzjoni skont l-Artikolu 9(2)(h) għandhiex titqies bħala informazzjoni kunfidenzjali jew le u għandu jiżgura li kull informazzjoni li titqies bħala informazzjoni kunfidenzjali ma tiġix ippubblikata.

Artikolu 11

Inammissibbiltà tal-appell

Il-Bord tal-Appell jista' jiddeċiedi li appell mhuwiex ammissibbli abbażi ta' waħda mir-raġunijiet li ġejjin jew aktar:

(a)

jekk l-appell ma jissodisfax ir-rekwiżiti formali stabbiliti fl-Artikolu 9;

(b)

jekk l-appellant ikun qabeż il-limitu taż-żmien biex jagħmel l-appell;

(c)

jekk l-appell jitressaq kontra deċiżjoni li ma jistax isir appell minnha;

(d)

jekk l-appellant la jkun id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata bl-appell u lanqas ma jkun jista' juri li għandu interess dirett u individwali fiha.

Artikolu 12

Kunflitt ta' interess

1.   Wara li jkun tressaq appell lill-Bord tal-Appell, kull membru li jidentifika kunflitt potenzjali ta' interess b'rabta ma' dan għandu jagħmel dikjarazzjoni motivata dwar dan skont l-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) 2016/796 u jibgħatha lill-President.

2.   Il-partijiet involuti fl-appell għandhom jiġu infurmati b'kull dikjarazzjoni mingħajr dewmien żejjed.

3.   L-oġġezzjoni ta' parti involuta fl-appell għandha tkun ammissibbli jekk issir fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data meta l-parti li tkun għamlet l-oġġezzjoni tkun saret taf bil-fatti li wasslu għall-oġġezzjoni.

4.   Il-membru kkonċernat għandu jiġi mgħarraf bl-oġġezzjoni u għandu jiġi mistieden iwieġeb lill-President fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi n-notifika.

5.   Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-esklużjoni tal-membru kkonċernat mill-proċedimenti skont l-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) 2016/796 mingħajr dewmien żejjed. Il-membru kkonċernat ma għandux jieħu sehem f'dik id-deċiżjoni.

6.   L-esklużjoni tal-membru kkonċernat tkun temporanja u għandha tapplika għall-proċedimenti ta' appell jew ta' arbitraġġ li dwarhom tkun saret l-oġġezzjoni. Għandha tkun żgurata s-sostituzzjoni tal-membru jew tal-President li jkunu ġew esklużi skont l-Artikolu 3.

Artikolu 13

Proċedura ta' reviżjoni interlokutorja

1.   Skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/796, kull appell minn deċiżjoni li l-Aġenzija tieħu skont l-Artikoli 14, 20, 21 u 22 tar-Regolament (UE) 2016/796 jew min-nuqqas tagħha li tieħu azzjoni fil-limiti taż-żmien applikabbli għandha ssirlu reviżjoni interlokutorja qabel ma jintbagħat lill-Bord tal-Appell biex dan jeżaminah.

2.   Malli jitressaq l-appell, l-Aġenzija għandu jkollha xahar biex tieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

biex tirrettifika d-deċiżjoni tagħha jew in-nuqqas tagħha li tieħu azzjoni;

(b)

biex tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata u tagħti r-raġunijiet tagħha għal dan;

(c)

biex tiddikjara li r-reviżjoni interlokutorja ma tapplikax skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2016/796 u tagħti r-raġunijiet tagħha għal dan;

(d)

biex tagħti r-raġunijiet tagħha għaliex tqis li l-appell mhux ammissibbli.

3.   Fil-każijiet kollha msemmijin hawn fuq, l-Aġenzija għandha tavża lir-reġistratur bl-azzjoni li tkun ħadet u tipprovdi d-dokumenti kollha ta' sostenn meħtieġa, skont il-każ.

4.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2(a), l-Aġenzija għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha u r-reġistratur għandu jagħlaq il-proċedura tal-appell u javża lill-partijiet kollha involuti fil-proċedimenti b'dan.

5.   Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 2(b), (c) u (d), ir-reġistratur għandu javża lill-appellant b'dan u jibgħat il-proċedimenti lill-Bord tal-Appell biex dan jeżaminahom.

6.   Fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jiġi avżat b'dan, l-appellant jista' jirtira l-appell tiegħu.

7.   Id-data meta l-proċedimenti jkunu ntbagħtu lill-Bord tal-Appell biex dan jeżaminahom għandha titqies li tkun id-data tat-tressiq rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikoli 58 u 62 tar-Regolament (UE) 2016/796.

8.   F'każ li l-proċedimenti jintbagħtu lill-Bord tal-Appell, l-Aġenzija tista' tiddeċiedi li tissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni li dwarha jkun sar l-appell.

Artikolu 14

Risposta tal-intimat

1.   L-Aġenzija għandha tibgħat risposta tal-intimat fi żmien xahar mid-data tal-avviż tal-appell.

2.   F'każijiet fejn tapplika r-reviżjoni interlokutorja msemmija fl-Artikolu 13, tista' tintbagħat risposta tal-intimat għall-punti 2(c) u (d). Ir-raġunijiet mogħtija fil-punt (b) għandhom iservu bħala r-risposta tal-intimat.

3.   Ir-risposta tal-intimat għandha tkun motivata u għandu jkun fiha d-dokumenti kollha ta' sostenn.

4.   Meta l-Aġenzija ma tibgħat l-ebda risposta tal-intimat, il-proċedimenti għandhom jitkomplew mingħajrha.

Artikolu 15

Intervent

1.   Il-Bord tal-Appell jista' jagħti d-dritt lil kull persuna li turi li għandha interess leġittimu fir-riżultati tal-proċedimenti tintervjeni fihom quddiemu.

2.   Dak li jkun għandu jagħmel it-talba biex jintervjeni fil-proċedimenti fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-avviż dwar l-appell jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Aġenzija.

3.   Il-partijiet għandhom jiġu mgħarrfin bl-applikazzjoni għal intervent sabiex ikollhom l-opportunità jagħmlu l-kummenti li huma jqisu meħtieġa qabel ma l-Bord tal-Appell jiddeċiedi dwar l-intervent.

4.   L-intervent għandu jappoġġa jew jopponi, kompletament jew parzjalment, ir-rimedju li tkun qed titlob xi waħda mill-partijiet. L-intervent ma għandux jagħti l-istess drittijiet proċedurali bħal dawk li diġà jkunu ngħataw lill-partijiet.

Artikolu 16

Kontenut tal-applikazzjoni għal intervent

1.   L-applikazzjoni għal intervent għandu jkun fiha:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-intervenjent;

(b)

l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-intervenjent, jekk dan ikun applikabbli;

(c)

indirizz tas-servizz jekk dan ikun differenti minn dawk mogħtija fil-punti (a) u (b);

(d)

referenza għall-proċedimenti li b'rabta magħhom tkun saret l-applikazzjoni;

(e)

dikjarazzjoni kompletament jew parzjalment favur jew kontra r-rimedju li tkun qed titlob xi waħda mill-partijiet;

(f)

il-motivi u l-argumenti ta' fatti u tal-liġi invokati;

(g)

l-evidenza ta' sostenn rilevanti, fejn ikun xieraq.

2.   Wara li jkun sar l-intervent, il-President għandu jistipula limitu taż-żmien ta' mhux aktar minn għaxart ijiem tax-xogħol li matulu l-partijiet jistgħu jwieġbu għall-intervent.

Artikolu 17

Talba għal sospensjoni

1.   Il-Bord tal-Appell jista' jippermetti li d-deċiżjoni kkontestata tiġi sospiża meta l-appellanti jkunu wrew li hemm bżonn urġenti li jsir dan sabiex jitħarsu d-drittijiet u l-interessi tagħhom minħabba r-riskju ta' dannu gravi u irreparabbli lil dawk id-drittijiet u l-interessi.

2.   Il-President jista' jistieden lill-parti opposta tibgħat il-kummenti tagħha bil-miktub dwar din it-talba.

Artikolu 18

Sospensjoni tal-proċedimenti

1.   Il-Bord tal-Appell jista' jordna li jiġu sospiżi l-proċedimenti, bi qbil tal-partijiet kollha involuti fl-appell, għal perjodu massimu ta' għaxart ijiem tax-xogħol.

2.   Fl-ordni għandu jiġi speċifikat il-perjodu tas-sospensjoni u r-raġunijiet għaliha.

3.   Meta jkunu sospiżi l-proċedimenti, għandhom jiġu sospiżi l-limiti taż-żmien proċedurali kollha.

KAPITOLU III

ARBITRAĠĠ

Artikolu 19

Talba għall-arbitraġġ

1.   L-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza kkonċernati jistgħu jressqu talba għall-arbitraġġ skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2016/796.

2.   Din it-talba għandha tintbagħat lir-reġistratur li għandu javża lill-Aġenzija u lill-Bord tal-Appell biha fi żmien jum tax-xogħol wieħed.

Artikolu 20

Talba għal arbitraġġ marbut mal-ERTMS

1.   L-Aġenzija għandha tavża lir-reġistratur bi proċess ta' koordinazzjoni skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2016/796 u bil-partijiet u l-iskadenzi involuti.

2.   Jekk ma tinstabx soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku wara xahar ta' koordinazzjoni, ir-reġistratur għandu jibgħat il-proċedimenti lill-Bord tal-Appell għall-arbitraġġ u għandu javża lill-partijiet involuti b'dan.

Artikolu 21

Proċedura tal-arbitraġġ

1.   Il-Bord tal-Appell għandu jkollu xahar żmien biex jiddeċiedi jekk jikkonfermax il-pożizzjoni tal-Aġenzija.

2.   Kull dispożizzjoni xierqa fil-Kapitolu II tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 22

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jkun fiha tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-ismijiet tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom, jekk ikun applikabbli;

(b)

taqsira tal-fatti u tal-kwistjonijiet ikkontestati;

(c)

il-pożizzjonijiet u l-argumenti rispettivi tal-partijiet;

(d)

analiżi tas-sejbiet;

(e)

dispożittiv li jkun fih id-deċiżjoni.

KAPITOLU IV

REKWIŻITI PROĊEDURALI KOMUNI

TAQSIMA 1

Lingwa

Artikolu 23

Lingwa tal-proċedimenti

1.   Jekk l-appellant ikun id-destinatarju tad-deċiżjoni appellata, l-appell għandu jitressaq bil-lingwa tal-proċedura li tkun wasslet għad-deċiżjoni appellata.

2.   Jekk l-appellant ma jkunx id-destinatarju tad-deċiżjoni appellata, l-appell jista' jitressaq bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

3.   It-talba għall-arbitraġġ tista' titressaq bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Il-proċedimenti tal-arbitraġġ għandhom isiru bil-lingwa tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza involuta.

4.   Il-lingwa msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tkun il-lingwa tal-proċedimenti ta' appell jew ta' arbitraġġ. Din għandha tintuża fil-proċedimenti bil-miktub u fil-proċedimenti orali, kif ukoll fil-komunikazzjonijiet kollha mal-partijiet.

5.   Id-dokumenti tekniċi kollha u d-dokumenti kollha ta' sostenn mehmużin mal-appell, mat-talba għall-arbitraġġ u mar-risposta għandhom ikunu bil-lingwa tal-proċedimenti.

6.   Is-sejbiet tal-Bord tal-Appell għandhom isiru bil-lingwa tal-proċedimenti.

7.   L-intervenjenti għandhom jużaw il-lingwa tal-proċedimenti.

8.   Għall-finijiet tal-effiċjenza u tat-tnaqqis tal-ispejjeż, il-Bord tal-Appell jista' jiddevja mill-paragrafi msemmijin hawn fuq fil-każ tal-proċedimenti bil-miktub u tal-proċedimenti orali jew ta' partijiet minnhom, fosthom fil-każ ta' dokumenti individwali u/jew ta' interventi orali, dejjem jekk il-partijiet kollha jaqblu li jiftehmu mod ieħor. Fuq talba, il-Bord tal-Appell għandu jieħu nota tat-tali ftehim u ta' kull kundizzjoni li jista' jissejjes fuqha.

Artikolu 24

Traduzzjoni

1.   Il-parti li tippreżenta d-dokumenti tekniċi jew id-dokumenti ta' sostenn l-oħrajn mehmużin għandha tħallas l-ispejjeż kollha marbutin mat-traduzzjoni tagħhom għal-lingwa tal-proċedimenti.

2.   Il-Bord tal-Appell għandu jżomm it-talbiet għat-traduzzjoni u għall-interpretazzjoni għall-minimu possibbli u l-Aġenzija għandha tħallas l-ispejjeż tat-tali servizzi.

3.   Fil-każ ta' traduzzjoni, il-parti kkonċernata għandha tipprovdi traduzzjoni ċċertifikata.

TAQSIMA 2

Il-proċedura

Artikolu 25

Miżuri proċedurali

1.   Il-President jista' jordna li jittieħdu miżuri proċedurali fi kwalunkwe mument waqt il-proċedura, fuq talba tal-partijiet jew mingħajrha.

2.   Il-miżuri li jissemmew fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu, b'mod partikulari:

(a)

l-intervistar tal-partijiet, tax-xhieda jew tal-esperti u ta' kull persuna oħra li jkollha informazzjoni li tkun deċiżiva għall-proċedimenti;

(b)

it-talbiet għal kummenti bil-miktub jew għal kummenti orali dwar aspetti deċiżivi tal-proċedimenti;

(c)

it-talbiet biex jintbagħtu d-dokumenti;

(d)

l-ikkummissjonar tal-perizja;

(e)

it-twettiq ta' spezzjonijiet u awditi li huma deċiżivi għall-proċedimenti.

Artikolu 26

Estensjoni tal-limiti taż-żmien f'ċirkustanzi eċċezzjonali

F'ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom il-parti kkonċernata tagħti provi li kien hemm ċirkustanzi mhux tas-soltu u li ma setgħux jiġu previsti, li hija ma kellhiex kontroll fuqhom u li ma setgħetx tevita l-konsegwenzi tagħhom minkejja li eżerċitat l-attenzjoni kollha dovuta, il-Bord tal-Appell jista' jadatta l-limiti taż-żmien preskritti skont dan ir-Regolament, filwaqt li jiżgura li d-drittijiet tal-partijiet kollha fil-proċedimenti jkunu bbilanċjati.

Artikolu 27

Dokumenti li jitressqu biex jinbdew il-proċedimenti jew bħala provi addizzjonali

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-limiti taż-żmien, dokument għandu jitqies li jkun ġie ppreżentat biss meta jirċevih ir-reġistratur, li jrid jirrikonoxxi li jkun irċevih.

2.   Fuq id-dokumenti għandu jitniżżel in-numru tal-proċedimenti ta' appell jew ta' arbitraġġ li r-reġistratur kien alloka għall-każ meta kien tressaq għall-ewwel darba l-appell jew l-arbitraġġ.

3.   L-għadd massimu ta' paġni tad-dokumenti proċedurali għandu jkun kif ġej:

(a)

20 paġna għall-appelli u għar-risposti; u

(b)

10 paġni għal kull intervent.

Il-limiti tal-paġni ma japplikawx għall-annessi tad-dokumenti proċedurali.

4.   Ir-reġistratur għandu jawtorizza l-qbiż tal-għadd massimu ta' paġni msemmi fil-paragrafu 3 bi qbil mal-President u għandu jagħmel dan biss fil-każ ta' proċedimenti li jkunu jinvolvu kwistjonijiet fattwali partikularment kumplessi.

Artikolu 28

Deliberazzjonijiet

Id-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu kunfidenzjali u għalihom għandu japplika l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Id-deliberazzjonijiet jistgħu jsiru bi kwalunkwe format li jkun xieraq u mhumiex limitati għal laqgħat preżenzjali.

Artikolu 29

Xhieda, esperti u seduti tas-smigħ

1.   Fuq talba ta' xi waħda mill-partijiet, il-Bord tal-Appell jista' jisma' x'għandhom xi jgħidu x-xhieda dwar fatti deċiżivi li għandhom impatt fuq l-eżitu tal-proċedimenti. Fit-talba minn parti biex jinstema' xhud għandu jingħad dwar liema fatti deċiżivi għandu jinstema' x-xhud u r-raġunijiet rilevanti għaliex issejjaħ ix-xhud.

2.   Il-Bord tal-Appell jista' jisma' x'għandhom xi jgħidu l-esperti biex jiċċara ċerti aspetti tal-proċedimenti, jew jaħtar espert biex jagħmel perizja.

3.   Huwa u jaħtar espert biex jagħmel perizja, il-Bord tal-Appell għandu jiddefinixxi l-kompiti tiegħu u għandu jistabbilixxi l-limitu taż-żmien li fih għandha titressaq il-perizja.

4.   Qabel ma jixhed, l-espert għandu jiddikjara kull interess personali dirett jew indirett li jista' jkollu fl-eżitu tal-proċedimenti, b'mod partikulari jekk qabel kien aġixxa bħala rappreżentant ta' parti minnhom jew jekk kien ħa sehem fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni appellata jew fi proċedimenti ta' arbitraġġ marbutin magħha.

5.   Jekk parti minnhom toġġezzjona għal xi espert minħabba li dan jista' jkollu kunflitt ta' interess marbut mal-każ, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar dan billi japplika l-Artikolu 12 mutatis mutandis.

6.   Jekk il-Bord tal-Appell iqis li hemm kunflitt ta' interess jew li hemm riskju ta' kunflitt ta' interess, jista' jiddeċiedi li jisma' lil dak l-espert bħala xhud minflok.

7.   Il-Bord tal-Appell jista' jsejjaħ seduta tas-smigħ jekk iqis li dan ikun meħtieġ biex tiġi kkonfermata l-evidenza dwar il-fatti deċiżivi li jkollhom impatt fuq l-eżitu tal-proċedimenti, dejjem jekk dan jitqies li jkun effiċjenti.

Artikolu 30

Argumenti jew provi ġodda

1.   Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi sa meta jistgħu jiġu ppreżentati motivi u provi ġodda.

2.   Fejn ikun xieraq, il-Bord tal-Appell għandu jistieden lill-partijiet jibagħtu l-kummenti tagħhom jew l-informazzjoni addizzjonali li jista' jkollhom f'limitu taż-żmien li għandu jistabbilixxi huwa stess.

3.   Meta l-motivi jew il-provi l-ġodda jitqiesu bħala ammissibbli, il-partijiet l-oħrajn għandu jkollhom id-dritt jibagħtu l-kummenti tagħhom dwarhom.

TAQSIMA 3

Id-deċiżjoni

Artikolu 31

Votazzjoni

Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'vot tal-maġġoranza tal-Bord tal-Appell. Il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv f'każ li l-voti jkunu ndaqs.

Artikolu 32

Sejbiet tal-Bord tal-Appell

1.   Is-sejbiet motivati tal-Bord tal-Appell għandhom jingħataw bil-miktub. Dawn għandu jkun fihom tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-ismijiet tal-membri tal-Bord tal-Appell li jkunu ħadu sehem fil-proċedimenti rilevanti;

(b)

l-ismijiet tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom, jekk ikun applikabbli;

(c)

taqsira tal-fatti rilevanti;

(d)

dikjarazzjoni tat-talbiet tal-partijiet;

(e)

taqsira tal-argumenti tal-partijiet;

(f)

ir-raġunijiet tal-ammissibbiltà;

(g)

id-dispożittiv tas-sejbiet u r-raġunijiet li fuqhom jissejsu;

(h)

id-data meta jkunu nħarġu.

2.   Is-sejbiet għandhom jiffirmawhom il-membri tal-Bord tal-Appell li jkunu ħadu d-deċiżjoni dwarhom u r-reġistratur.

Artikolu 33

Deċiżjoni finali tal-Aġenzija b'rabta mal-appelli

1.   Meta l-Bord tal-Appell isib li hemm raġunijiet validi għall-appell, fi żmien xahar minn meta l-Bord tal-Appell joħroġ is-sejbiet tiegħu, l-Aġenzija għandha toħroġ deċiżjoni finali indirizzata lill-partijiet ikkonċernati skont is-sejbiet tal-Bord tal-Appell.

2.   Id-deċiżjoni għandu jkun fiha tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-ismijiet tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom, jekk ikun applikabbli;

(b)

is-sejbiet tal-Bord tal-Appell;

(c)

id-dispożittiv tad-deċiżjoni u r-raġunijiet li fuqhom tissejjes.

3.   F'każijiet fejn il-Bord tal-Appell jikkonferma d-deċiżjoni tal-Aġenzija, l-Aġenzija għandha toħroġ fattura għall-appell skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar (UE) 2018/764 (3).

4.   Fuq is-sit web tal-Aġenzija għandha tiġi ppubblikata taqsira tas-sejbiet tal-Bord tal-Appell.

TAQSIMA 4

Spejjeż tal-proċedimenti

Artikolu 34

Spejjeż tal-partijiet

1.   It-tariffi marbutin mal-appelli għandhom jiġu stabbiliti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/764.

2.   Kull parti li tieħu sehem fi proċedimenti tal-arbitraġġ għandha tħallas l-ispejjeż tagħha stess.

Artikolu 35

Spejjeż tal-parteċipazzjoni

1.   L-intervenjenti għandhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom stess.

2.   L-appellanti li jirbħu l-appell u li jkunu ħadu sehem fis-seduti tas-smigħ għandu jkollhom id-dritt jiġu rrimborżati għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tagħhom u jiġu kkumpensati għat-telf fid-dħul tagħhom sal-punt meqjus ġust mill-Bord tal-Appell.

3.   Ix-xhieda li jkunu ħadu sehem fis-seduti tas-smigħ għandu jkollhom id-dritt jiġu rrimborżati għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tagħhom u jiġu kkumpensati għat-telf fid-dħul tagħhom sal-punt meqjus ġust mill-Bord tal-Appell.

4.   L-esperti għandu jkollhom id-dritt jitħallsu għas-servizzi tagħhom abbażi tar-rati għall-esperti li jgħinu lill-Aġenzija, kif ukoll jiġu rrimborżati għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tagħhom.

5.   Il-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija għandu jistabbilixxi regoli ddettaljati li japplikaw għal dawk ir-rimborżi u għal dawk il-ħlasijiet.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 36

Rimunerazzjoni tal-membri tal-Bord tal-Appell

1.   Il-membri tal-Bord tal-Appell għandu jkollhom id-dritt jitħallsu talli jwettqu dmirijiethom bħala membri tal-Bord tal-Appell abbażi tal-iskema tar-rimunerazzjoni mogħtija fl-Anness.

2.   Il-membri tal-Bord tal-Appell għandu jkollhom id-dritt jiġu rrimborżati għall-ispejjeż li jkunu ġarrbu b'rabta mal-ivvjaġġar, mal-akkomodazzjoni u mas-sussistenza għal kull jum. Il-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija għandu jistabbilixxi regoli ddettaljati li japplikaw għall-kalkolu ta' dawn l-ammonti.

Artikolu 37

Obbligu ta' trasparenza

Il-partijiet interessati għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti li l-Bord tal-Appell iħejji jew li dan ikun irċieva skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u skont il-politika dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti li tapplika fl-Aġenzija.

Artikolu 38

Linji gwida u informazzjoni rilevanti oħra

1.   Il-Bord tal-Appell għandu jadotta linji gwida rilevanti għall-proċedimenti tiegħu permezz ta' vot tal-maġġoranza.

2.   Dawn il-linji gwida għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija flimkien ma' kull informazzjoni oħra li tkun rilevanti għall-appellanti.

Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/764 tat-2 ta' Mejju 2018 dwar it-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom (ĠU L 129, 25.5.2018, p. 68)


ANNESS

RIMUNERAZZJONI

1.   RIMUNERAZZJONI GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI FI PROĊEDIMENTI TA' APPELL JEW TA' ARBITRAĠĠ (TARIFFI):

(1)

Il-membri tal-Bord(ijiet) tal-Appell u s-sostituti tagħhom għandu jkollhom id-dritt jitħallsu meta jiġu assenjati għall-proċedimenti ta' appell jew ta' arbitraġġ. Ir-rimunerazzjoni tal-membri u tas-sostituti li jkunu qed jieħdu sehem fil-proċedimenti għandha tkun ta' EUR 600 għal kull jum ta' xogħol fuq il-proċedimenti ta' appell jew ta' arbitraġġ jew ta' EUR 75 fis-siegħa f'każ li ma jkunx kopert jum sħiħ tax-xogħol, u kull persuna tista' tirċievi ammont massimu ta' EUR 9 000 għax-xogħol fuq kull proċediment.

(2)

Għall-President tal-Bord(ijiet) tal-appell u għar-relatur, it-tali ammonti tar-rimunerazzjoni għandhom ikunu ta' EUR 700 għal kull jum ta' xogħol fuq il-proċedimenti ta' appell jew ta' arbitraġġ jew ta' EUR 87,5 fis-siegħa f'każ li ma jkunx kopert jum sħiħ tax-xogħol, u kull persuna tista' tirċievi ammont massimu ta' EUR 18 000 rispettivament għax-xogħol fuq kull proċediment.

 

Ammont tar-rimunerazzjoni għal kull persuna għal kull jum li hija tqatta' taħdem fuq il-proċediment

Ammont massimu tar-rimunerazzjoni għal kull persuna għax-xogħol fuq kull proċediment

Il-membri u s-sostituti

EUR 600

EUR 9 000

Il-President u r-relatur tal-proċedimenti assenjati

EUR 700

EUR 18 000

2.   RIMUNERAZZJONI GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI FIL-LAQGĦAT TAL-BORD(IJIET) TAL-APPELL LI MA JKUNUX MARBUTIN MAL-PROĊEDIMENTI TA' APPELL JEW TA' ARBITRAĠĠ:

Il-Bord tal-Appell jew il-membri individwali tiegħu jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu kwistjonijiet organizzattivi u amministrattivi. Ir-rimunerazzjoni għall-parteċipazzjoni fit-tali laqgħat għandha tkun ta' EUR 600 għal kull laqgħa. Ma għandhomx isiru iktar minn sitt laqgħat ta' dan it-tip f'sena kalendarja waħda. L-Aġenzija għandha tgħin fl-organizzazzjoni tat-tali laqgħat.

 

Ammont tar-rimunerazzjoni għal kull persuna għal kull laqgħa

Għadd massimu ta' laqgħat għal kull persuna fis-sena

Il-membri tal-Bord tal-Appell u s-sostituti tagħhom

EUR 600

Sitt laqgħat

3.   RIMUNERAZZJONI GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI F'LAQGĦAT OĦRAJN

Il-membri tal-Bord(ijiet) tal-Appell u s-sostituti tagħhom għandhom id-dritt jiġu rrimborżati wkoll għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tagħhom b'rabta ma' laqgħat ad hoc li ma jidħlux fil-kategoriji deskritti fil-punti 1 u 2, dejjem jekk l-Aġenzija tkun stednithom jattenduhom.


Top