Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0773

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT Pjaneta Nadif għall-kulħadd Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima

    COM/2018/773 final

    Brussell, 28.11.2018

    COM(2018) 773 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Pjaneta Nadif għall-kulħadd







    Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima













































    1.Introduzzjoni – L-urġenza li nipproteġu l-Pjaneta

    It-tibdil fil-klima huwa tħassib serju għall-Ewropej 1 . It-tibdil attwali fil-klima tal-pjaneta tagħna qed ifassal id-dinja mill-ġdid u jkabbar ir-riskji għall-instabbiltà fil-forom kollha tagħha. L-aħħar żewġ deċennji kellhom ir-rekord ta’ l-aktar 18-il sena sħan. It-tendenza hija ċara. Azzjoni klimatika immedjata u deċiżiva hija essenzjali.

    L-impatt tat-tisħin globali qed jittrasforma l-ambjent tagħna, u qed iżid il-frekwenza u l-intensità tal-avvenimenti estremi tat-temp. F’erba’ snin minn dawn l-aħħar ħames snin, l-Ewropa esperjenzat mewġiet tas-sħana estremi. Is-sajf li għadda, it-temperaturi ’l fuq miċ-Ċirku Artiku kienu 5ħF’dawn l-aħħar snin, partijiet kbar tal-Ewropa batew minn nixfa severa, filwaqt li l-avvenimenti ta’ għargħar laqtu b’mod partikolari lill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Estremi marbuta mal-klima bħal nirien fil-foresti, għargħar għall-għarrieda, tifuni u uragani, ukoll qegħdin joħolqu devastazzjoni kbira u telf ta’ ħajjiet, bħalma wrew l-uragani Irma u Maria fl-2017 meta laqtu l-Karibew, inkluż għadd ta’ reġjuni ultraperiferiċi Ewropej. Bħalissa dan qed jaffettwa lill-kontinent Ewropew bil-maltempata Ophelia fl-2017 tkun l-ewwel uragan b’saħħtu mil-Lvant tal-Atlantiku li qatt laħaq l-Irlanda, u l-maltempata Leslie li ġabet il-qerda fil-Portugall u fi Spanja fl-2018.

    F’Ottubru 2018, il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC) ħareġ ir-Rapport Speċjali tiegħu dwar l-impatti tat-tisħin globali ta’ 1.5°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u l-perkorsi globali għall-emissjonijiet ta’ gass serra. Abbażi tal-evidenza xjentifika, dan juri li t-tisħin globali kkaġunat mill-bniedem diġà laħaq il-1°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u bejn wieħed u ieħor qed jiżdied b’0.2°C kull deċennju. Jekk ma tiżdiedx l-azzjoni klimatika internazzjonali, iż-żieda fit-temperatura medja globali tista’ tilħaq iż-2

    Dan it-tibdil fil-klima mhux imxekkel għandu l-potenzjal li jbiddel id-dinja f’“serra msaħħna” li jwassal biex impatti klimatiċi irriversibbli fuq skala kbira jkunu aktar probabbli. Ir-rapport tal-IPCC jikkonferma li b’1ºC ta’ tisħin globali, madwar 4 % taż-żona terrestri globali hija pproġettata li tgħaddi minn trasformazzjoni ta’ ekosistemi minn tip għal ieħor, li tiżdied għal 13 % b’tibdil fit-temperatura ta’ 2°C. Pereżempju, b’żieda fit-temperatura ta’ 2ºC, 99 % tal-iskolli tal-qroqq huma mistennija li jisparixxu globalment. It-tisħin globali minn madwar 1.5°C għal 2°C, jista’ jwassal għat-telf irriversibbli tal-kappa tas-silġ fi Greenland. Eventwalment, dan iwassal għal żieda fil-livell tal-baħar sa seba’ metri li jolqot direttament liż-żoni kostali fid-dinja, inkluż l-artijiet li jinsabu fil-baxx u l-gżejjer fl-Ewropa. Fil-preżent, it-telf b’rata mgħaġġla tas-silġ fil-baħar tal-Artiku fis-sajf diġà qiegħed iseħħ, u qed ikollu impatti negattivi fuq il-bijodiversità fir-reġjun Nordiku u l-għajxien tal-popolazzjoni lokali.

    Dan ikollu wkoll konsegwenzi severi fuq il-produttività tal-ekonomija, l-infrastruttura, l-kapaċità li jiġi prodott l-ikel, is-saħħa pubblika u l-bijodiversità, u l-istabbiltà politika tal-Ewropa. Is-sena l-oħra, id-diżastri marbuta mat-temp wasslu għal rekord ta’ danni ekonomiċi ta’ EUR 283 biljun u sal-2100 jistgħu jolqtu madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni Ewropea, meta mqabbla mal-5 % tal-lum. Pereżempju, mill-EUR 5 biljun fil-preżent, id-danni annwali minħabba għargħar tax-xmajjar fl-Ewropa jistgħu jilħqu EUR 112 biljun. Sal-aħħar tas-seklu, 16 % taż-żona tal-klima Mediterranja attwali tista’ tinxef u f’diversi pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, il-produttività tax-xogħol fuq barra tista’ tonqos b'madwar 10-15 % tal-livelli tal-lum. Huwa stmat ukoll li t-tnaqqis fid-disponibbiltà pproġettata tal-ikel huwa iktar sinifikanti b’tisħin globali ta’ 2ºC milli ta’ 1.5°C, inkluż fir-reġjuni ta’ importanza ewlenija għas-sigurtà tal-UE, bħall-Afrika ta’ Fuq u l-bqija tal-Mediterran. Dan jista’ jdgħajjef is-sigurtà u l-prosperità f’sens wiesa’, joħloq ħsara lis-sistemi ekonomiċi u dawk tal-ikel, tal-ilma u tal-enerġija, u fl-istess ħin joħloq iktar kunflitti u pressjonijiet migratorji. B’mod ġenerali, jekk ma tittiħidx azzjoni klimatika mhux se jkun possibbli li jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa u li jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU maqbula globalment.

    Illustrazzjoni1. Impatti tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa

    2.Viżjoni Ewropea għal ekonomija moderna, kompetittiva, għanja u newtrali għall-klima

    L-għan ta’ din l-istrateġija fit-tul huwa li jiġi kkonfermat l-impenn tal-Ewropa li tkun il-mexxejja fl-azzjoni klimatika globali u li tiġi ppreżentata viżjoni li tista’ twassal għall-kisba ta’ emissjonijiet ta’ gass serra żero netti sal-2050 permezz ta’ tranżizzjoni soċjalment ġusta b’mod kosteffiċjenti. Tenfasizza l-opportunitajiet li din it-trasformazzjoni toffri liċ-ċittadini Ewropej u l-ekonomija tagħhom, filwaqt li tidentifika l-isfidi tal-ġejjieni. L-Istrateġija proposta mhix se tniedi politiki ġodda u l-Kummissjoni Ewropea u lanqas mhi beħsiebha tirrevedi l-miri għall-2030 2 . Hija maħsuba biex tistabbilixxi d-direzzjoni tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE u biex tfassal dak li l-UE tqis bħala l-kontribuzzjoni fit-tul tagħha biex tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi fir-rigward tat-temperatura f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NUE, li se jolqtu wkoll sett usa’ ta’ politiki tal-UE. L-Istrateġija tagħti lok għal dibattitu fil-fond li jinvolvi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u liċ-ċittadini Ewropej b’mod ġenerali dwar kif l-Ewropa jeħtieġ li tipprepara ruħha għall-orizzont tal-2050 u t-tressiq sussegwenti tal-Istrateġija Ewropea fit-tul tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima sal-2020.

    L-UE hi minn ta’ quddiem fl-indirizzar tal-kawżi prinċipali tat-tibdil fil-klima u fit-tisħiħ tar-rispons globali miftiehem fil-qafas tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Ftehim ta’ Pariġi, ratifikat minn 181 parti, jeħtieġ azzjoni globali rapida u b’saħħitha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass serra, bl-għan li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm ferm inqas taħt iż-2°C u biex jitkomplew l-isforzi li tiġi llimitata għal 1.5°C. Għandu wkoll l-għan li jikseb bilanċ bejn l-emissjonijiet mis-sorsi u t-tneħħija permezz tal-bjar ta’ gass serra fuq skala globali fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu. Sal-2020, il-partijiet kollha jeħtieġ jippreżentaw strateġiji fit-tul għal emissjonijiet baxxi ta’ gass serra li jilħqu l-għanijiet tagħhom.

    F’Ġunju 2017, il-Kunsill Ewropew reġa’ tenna bi ħġaru l-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha li jimplimentaw il-Ftehim ta’ Pariġi bis-sħiħ u malajr, filwaqt li enfasizza li l-Ftehim “huwa element prinċipali għall-modernizzazzjoni tal-industrija u l-ekonomija Ewropea” u sussegwentement, f’Marzu 2018, stieden lill-Kummissjoni Ewropea “biex sal-ewwel kwart tal-2019, tippreżenta Strateġija għat-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li jitqiesu l-pjanijiet nazzjonali.”

    F’Ottubru 2017, anki l-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni Ewropea “biex sal-COP24 tipprepara strateġija għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu għall-UE”. Fl-aħħar nett, ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija maqbul mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija tal-UE fit-tul sa April 2019 3 .

    L-UE li hi responsabbli għal 10 % tal-emissjonijiet ta’ gass serra globali, hija mexxej ewlieni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti. Diġà fl-2009, l-UE stabbiliet l-għan tagħha li sal-2050 tnaqqas l-emissjonijiet bi 80-95 % 4 . Fl-aħħar deċennji, l-Ewropej irnexxielhom jisseparaw b’suċċess l-emissjonijiet ta’ gass serra mit-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa. Wara li fl-1979 intlaħqu l-ogħla livelli ta’emissjonijiet ta’ gass serra tal-UE, l-effiċjenza enerġetika, il-politiki dwar il-bdil tal-fjuwil u l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, naqqsu l-emissjonijiet b’mod sinifikanti. Minħabba f’hekk, bejn l-1990 u l-2016, l-użu tal-enerġija tnaqqas bi kważi 2 %, l-emissjonijiet ta’ gass serra bi 22 %, filwaqt li l-PDG kiber b’54 %.

    It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa ħeġġet il-modernizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, xprunat it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u ħolqot benefiċċji ambjentali u għas-soċjetà b’saħħithom għaċ-ċittadini Ewropej. Id-dedikazzjoni tal-UE biex tikseb il-miri tagħha għall-enerġija u l-klima għall-2020 diġà ħolqot industriji ġodda, xogħlijiet Ewropej u żiedet l-innovazzjoni teknoloġika, li naqqsu l-ispejjeż tat-teknoloġija. Ir-rivoluzzjoni tal-enerġija rinnovabbli hija l-aħjar eżempju ta’ dan. Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija żdied minn 9 % fl-2005 għal 17 % fil-preżent. It-tmexxija tal-UE turi lil partijiet oħra fid-dinja li din it-tranżizzjoni hija kemm possibbli, kif ukoll ta’ benefiċċju li jmur lil hinn mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

    L-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha għall-gass serra, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika għall-2020. Madankollu, hemm bżonn ta’ fokus kontinwu sabiex jingħeleb l-istaġnar riċenti tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u t-tendenzi fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra.

    L-UE qed tavvanza bl-Istrateġija tagħha tal-Unjoni tal-Enerġija u qed tiffinalizza qafas regolatorju modern, avvanzat u kosteffiċjenti biex tilħaq il-miri tagħha għat-tnaqqis tal-gass serra għall-2030 u t-tranżizzjoni tagħha lejn enerġija nadifa, li jiksbu l-għan tal-Kummissjoni Juncker li l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel u qabel kollox u li ssir mexxej globali fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Dan huwa investiment fil-prosperità tagħna u fis-sostenibbiltà tal-ekonomija Ewropea. L-istabbiltà regolatorja hija element importanti kemm għall-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll għall-operaturi privati biex jiksbu l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan il-qafas. Il-politiki ambizzjużi ġew maqbula fil-livell Ewropew, u jinkludu riforma tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet li ssaħħaħ is-sinjali tal-prezz għas-CO2. Għas-setturi l-oħra kollha, ġew stabbiliti miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra u ġiet stabbilita leġiżlazzjoni għaż-żamma tal-bir tal-art u tal-foresti tal-UE li jassorbi aktar CO2 milli jarmi. Fir-rigward tal-enerġija, issa ġew approvati l-miri biex sal-2030 titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-UE b’mill-inqas 32.5 % u tiżdied l-enerġija rinnovabbli b’mill-inqas 32 % tal-konsum finali tal-enerġija tal-UE, u l-leġiżlazzjoni proposta biex titjieb l-effiċjenza tas-CO2 tal-karozzi, il-vannijiet u t-trakkijiet se tixpruna t-tranżizzjoni fis-settur tat-trasport.

    Flimkien, dawn il-politiki dwar il-klima u l-enerġija se jiksbu r-riżultati fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’mill-inqas 40 % sal-2030 meta mqabbel mal-1990. Fil-fatt, meta l-leġiżlazzjoni tal-UE maqbula tiġi implimentata bis-sħiħ, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass terra totali huwa stmat li sal-2030 jilħaq madwar 45 %. Il-politiki fis-seħħ illum se jkollhom impatt kontinwu wara l-2030 u għaldaqstant se jkunu tabilħaqq siewja permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ipproġettat għal madwar 60 % sal-2050. Madankollu, dan mhuwiex biżżejjed għall-UE biex tikkontribwixxi għall-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi fir-rigward tat-temperatura.

    Ir-rapport tal-IPCC jikkonferma li d-dinja tjeħtieġ tillimita t-tibdil fil-klima għal 1.5°C biex titnaqqas il-possibbiltà ta’ avvenimenti estremi tat-temp. Jinsisti wkoll li l-emissjonijiet jeħtieġ jitnaqqsu b’mod ħafna aktar urġenti milli kien antiċipat qabel. Sabiex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura għal 1.5°C, l-emissjonijiet tas-CO2 żero netti fil-livell globali jeħtieġ li jinkisbu madwar l-2050 u n-newtralità fil-gass serra l-ieħor kollha iktar tard fis-seklu. F’dan il-mument, kwalunkwe emissjoni ta’ gass serra li jifdal f’ċerti setturi jeħtieġ li tiġi kkumpensata permezz ta’ assorbiment f’setturi oħra, bi rwol speċifiku għas-settur tal-użu tal-art, l-agrikoltura u l-foresti. Dan jagħti l-opportunità lill-UE li żżid l-azzjoni tagħha sabiex turi tmexxija u tgawdi l-benefiċċji tal-vantaġġ tal-innovatur. Dan se jkun jeħtieġ li l-UE tikseb in-newtralità fl-emissjonijiet ta’ gass serra sal-2050.

    L-istatus quo mhuwiex għażla. Il-pajjiżi għandhom l-obbligu li flimkien iħarsu liċ-ċittadini tagħhom kontra t-tibdil fil-klima. Għalhekk, il-kisba ta’ riżultati fir-rigward tat-trasformazzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti teħtieġ ippjanar fit-tul bikri, titjib fl-għarfien tal-opportunitajiet għat-trasformazzjoni tal-ekonomija sħiħa tagħha u bini ta’ fiduċja fis-soċjetà tagħna u fl-atturi ekonomiċi kollha li dan it-tibdil huwa possibbli u xieraq.

    Ir-rapport tal-IPCC jtina dan il-messaġġ inkoraġġanti: il-limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura globali għal 1.5°C hija possibbli jekk naġixxu issa u nużaw kwalunkwe għodda għad-dispożizzjoni tagħna b’mod koerenti. Il-bażi xjentifika b’saħħitha tar-rapport tal-IPCC għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet madwar id-dinja għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-modernizzazzjoni tal-ekonomija, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-eradikazzjoni tal-povertà, tqieset kif xieraq mill-Kummissjoni Ewropea waqt li kienet qed tipprepara din l-Istrateġija tal-UE għat-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet ta’ gass serra.

    Għaldaqstant, l-Istrateġija tiddeskrivi viżjoni tat-trasformazzjonijiet ekonomiċi u soċjetali meħtieġa, li tinvolvi s-setturi kollha tal-ekonomija u s-soċjetà, sabiex sal-2050 tinkiseb it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet ta’ gass serra żero netti. Tfittex li tiżgura li din it-tranżizzjoni tkun soċjalment ġusta – ma teskludi lil ebda ċittadin jew reġjun tal-UE – u żżid il-kompetittività tal-ekonomija u l-industrija tal-UE fis-swieq globali, kif ukoll toffri s-sigurtà ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa, filwaqt li tipprovdi sinerġiji ma’ sfidi ambjentali oħra, bħall-kwalità tal-arja u t-telfien tal-bijodiversità.

    Sabiex dan iseħħ, l-Istrateġija tħares lejn il-portafoll ta’ għażliet disponibbli għall-Istati Membri, in-negozji u ċ-ċittadini, u tħares ukoll lejn kif dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija tagħha u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej, iħarsu l-ambjent u jipprevedu l-impjiegi u t-tkabbir.

    3. Perkorsi għat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija b’Emissjonijiet ta’ Gass Serra Żero Netti u Prijoritajiet Strateġiċi

    It-theddid u r-riskji tat-tibdil fil-klima huma magħrufa, bħalma huma magħrufa l-bosta modi kif dawn jiġu evitati. Din l-Istrateġija tipprovdi għadd ta’ soluzzjonijiet li jistgħu jiġu segwiti għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti sa nofs is-seklu. Dawn l-għażliet se jittrasformaw b’mod radikali s-sistema tal-enerġija tagħna, kif ukoll is-setturi tagħna tal-art u l-agrikoltura, jimmodernizzaw in-nisġa industrijali tagħna u s-sistemi tat-trasport u l-bliet tagħna, li jolqtu ulterjurment l-attivitajiet kollha tas-soċjetà tagħna. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini għandhom rwol ċentrali. It-tibdil fil-klima jista’ jiġi indirizzat biss jekk in-nies jimpenjaw ruħhom b’mod attiv bħala konsumaturi u bħala ċittadini. Is-suċċess tat-trasformazzjoni se jiddependi wkoll minn kif is-soċjetà tagħna tieħu ħsieb dawk li huma l-iktar vulnerabbli waqt din it-tranżizzjoni.

    It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti tipprovdi lill-enerġija bi rwol ċentrali peress li fil-preżent hija responsabbli għal iktar minn 75 % tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-UE. Fl-għażliet kollha analizzati, is-sistema tal-enerġija qed timxi lejn emissjonijiet ta’ gass serra żero netti. Hija tiddependi fuq provvista tal-enerġija sikura u sostenibbli permezz ta’ approċċ ibbażat fuq is-suq u pan-Ewropew. Is-sistema tal-enerġija futura se tintegra s-sistemi u s-swieq tal-elettriku, il-gass, it-tisħin/it-tkessiħ u l-mobbiltà, b’netwerks intelliġenti li jqiegħdu liċ-ċittadini fil-qofol.

    It-tranżizzjoni teħtieġ ukoll iż-żieda ulterjuri ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi fis-setturi tal-enerġija, il-bini, it-trasport, l-industrija u l-agrikoltura. Tista’ titħaffef permezz ta’ rivoluzzjonijiet fid-diġitalizzazzjoni, l-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet, l-intelliġenza artifiċjali u l-bijoteknoloġija. Hija meħtieġa wkoll l-espansjoni tas-sistemi u l-proċessi ġodda, bil-kooperazzjoni fost is-setturi. Eżempju tajjeb ta’ dawn l-approċċi orjentati lejn is-sistema hija l-ekonomija ċirkolari, li se tisfrutta firxa ta’ soluzzjonijiet avvanzati u żżid mudelli ta’ negozju ġodda. Se teħtieġ ukoll kooperazzjoni f’diversi livelli fost ir-reġjuni u fost l-Istati Membri biex jiġu massimizzati s-sinerġiji permezz tal-ġbir flimkien tar-riżorsi u l-għarfien. Il-manifattura Ewropea għadha kompetittiva sal-lum, iżda tinsab ukoll taħt pressjoni kemm mill-ekonomiji żviluppati, kif ukoll minn dawk emerġenti. Madankollu, l-Ewropa tinsab fil-quċċata tal-klassifika fir-rigward tal-privattivi ġodda ta’ valur għoli għat-teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju, kif ukoll titqies bħala mexxej globali f’dawn is-setturi, u għandha tittrasforma dan il-vantaġġ xjentifiku f’suċċess kummerċjali. Azzjoni tardiva u mingħajr koordinazzjoni żżid ir-riskji ta’ intrappolament fl-infrastruttura li tuża ħafna l-karbonju, kif ukoll ir-riskji ta’ assi mhux rekuperabbli, u b’hekk din it-trasformazzjoni tkun bilfors iktar għalja.

    Il-portafoll tal-għażliet huwa bbażat fuq soluzzjonijiet eżistenti, għalkemm f’xi każijiet ikunu emerġenti, u huwa kbir biżżejjed biex joffri alternattivi li jassiguraw lil dawk li jfasslu l-politika u liċ-ċittadini tagħna li sa nofs is-seklu tista’ tinkiseb ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti. Il-valutazzjoni tibni fuq il-letteratura xjentifika u l-kontribut minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati – negozji, organizzazzjonijiet nongovernattivi, gruppi ta’ riflessjoni u l-komunità tar-riċerka – kif ukoll l-immudellar integrat li jippermetti l-fehim aħjar tat-trasformazzjoni tas-setturi tal-enerġija, l-industrija, il-bini, it-trasport, l-agrikoltura, il-forestrija u l-iskart, u l-interazzjonijiet kumplessi ta’ bejniethom.

    Ħarsa ġenerali lejn ix-xenarji analizzati

    Il-punt tat-tluq tal-perkorsi analizzati huwa xenarju bażi komuni li jirrifletti l-politiki u l-miri dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, kif maqbul riċentement, kif ukoll ir-Regolament dwar l-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika 5 . Dan jinkludi riforma tas-sistema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet, il-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra, il-leġiżlazzjoni għaż-żamma tal-bir tal-art u tal-foresti tal-UE, il-miri maqbula għall-2030 fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-leġiżlazzjoni proposta biex titjieb l-effiċjenza tas-CO2 tal-karozzi u t-trakkijiet. Dawn il-politiki u l-miri huma proġettati li jiksbu tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra ta’ madwar -45 % sal-2030 u madwar -60 % sal-2050. Dan mhuwiex biżżejjed għall-UE biex tikkontribwixxi għall-għanijiet fit-tul dwar it-temperaturi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi. Sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet, ġew ivvalutati tmien perkorsi addizzjonali – li huma kollha konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi.

    It-tmien xenarji jibnu fuq politiki li ma kienx hemm dispjaċir dwarhom, bħall-użu qawwi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

    Ħamsa minnhom iħarsu lejn teknoloġiji u azzjonijiet differenti li jrawmu ċ-ċaqliq lejn ekonomija b’gass serra żero nett. Ivarjaw fl-intensità tal-applikazzjoni tal-elettrifikazzjoni, l-idroġenu u l-e-fjuwils (jiġifieri gass bl-elettriku), kif ukoll l-effiċjenza enerġetika tal-utent finali u r-rwol ta’ ekonomija ċirkolari, bħala azzjonijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Dan jippermetti l-esplorazzjoni tal-karatteristiċi komuni tagħhom, kif ukoll l-impatti differenti fuq is-sistema tal-enerġija.

    Il-konsum tal-elettriku jiżdied f’dawn il-perkorsi kollha, iżda jeżistu differenzi notevoli. Il-perkorsi li jiffukaw l-aktar fuq l-elettrifikazzjoni fis-setturi ta’ użu finali, jeħtieġu wkoll li jintuża ħafna l-ħżin (sitt darbiet iktar mil-livelli attwali) biex tiġi indirizzata l-varjabbiltà fis-sistema tal-elettriku; iżda l-perkorsi li jużaw iktar idroġenu jeħtieġu iktar elettriku biex l-ewwel jipproduċu l-idroġenu. Il-perkorsi li jużaw l-ogħla ammonti ta’ elettriku huma dawk li jassistu għall-espansjoni tal-e-fjuwils, li tirriżulta fi produzzjoni tal-elettriku ta’ kważi 150 % aktar fl-2050 meta mqabbel mal-lum. Minflok, il-perkorsi li jindirizzaw in-naħa tad-domanda, bħall-effiċjenza enerġetika b’użu finali għolja jew l-ekonomija ċirkolari, jeħtieġu l-inqas żieda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku (madwar 35 % aktar meta mqabbel mal-2050 tal-lum), l-inqas ħtiġijiet għall-ħżin u l-iktar iffrankar enerġetiku fis-setturi residenzjali jew industrijali. Barra minn hekk, dawn il-perkorsi kollha għandhom ħtiġijiet diversi għall-investimenti u t-trasformazzjoni fil-livell settorjali. Il-perkorsi li jiddependu aktar fuq il-vetturi tal-enerġija ħielsa mill-karbonju, jeħtieġu inqas trasformazzjoni u investiment fis-settur tal-użu finali, iżda għandhom ukoll l-ogħla ħtiġijiet ta’ investiment fis-setturi tal-provvista tal-enerġija. Min-naħa l-oħra, il-perkorsi ffukati fuq it-tibdil min-naħa tad-domanda, jeħtieġu l-inqas investimenti fis-setturi tal-provvista tal-enerġija.

    Meta mqabbel mal-1990, dawn il-ħames xenarji sal-2050 jiksbu tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra ta’ ftit iktar minn 80 %, bl-esklużjoni tal-użu tal-art u l-forestrija. Billi jinkludu l-bir tas-setturi tal-użu tal-art u l-forestrija, li jassorbu aktar CO2 milli jarmu, dawn ix-xenarji jiksbu madwar 85 % ta’ tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta’ gass serra sal-2050 meta mqabbla mal-1990. Dan jibqa’ 15-il punt perċentwali inqas tal-ekonomija newtrali għall-klima jew b’gass serra żero nett.

    Ix-xenarju li jiġbor il-ħames għażliet kollha f’daqqa iżda f’livelli aktar baxxi, jikseb tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta’ gass serra li jilħaq id-90 % (inkluż il-bir tal-użu tal-art u tal-forestrija). Madankollu, dan ix-xenarju ma jiksibx in-newtralità fl-emissjonijiet ta’ gass serra sal-2050. Dan minħabba li xi emissjonijiet ta’ gass serra se jibqgħu jeżistu, b’mod partikolari fis-settur tal-agrikoltura. Is-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija huma uniċi għaliex jistgħu ukoll ineħħu s-CO2 mill-atmosfera. Illum, din it-tneħħija annwali hija sinifikanti u twassal għal bir nett fl-UE ta’ madwar 300 miljun tunnellata ta’ CO2. Iżda dan mhux kbir biżżejjed biex jikkumpensa għall-emissjonijiet li jifdal mingħajr miżuri addizzjonali għat-tisħiħ tar-rwol ta’ artna. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi esplorata azzjoni addizzjonali dwar kif il-bijomassa tista’ tiġi fornuta b’mod sostenibbli filwaqt li jissaħħaħ il-bir naturali tagħna, jew flimkien mal-qbid u l-ħżin tal-karbonju li t-tnejn li huma jistgħu jwasslu għal żieda fl-emissjonijiet negattivi.

    Għalhekk, is-seba’ u t-tmien xenarji jesploraw b’mod espliċitu dawn l-interazzjonijiet biex jiġi vvalutat kif tinkiseb in-newtralità fil-gass serra (emissjonijiet żero netti) sal-2050 u l-emissjonijiet negattivi netti minn hemm ’il quddiem. Is-seba’ xenarju jagħti spinta lill-vetturi tal-enerġija mingħajr karbonju, kif ukoll lill-effiċjenza, u jiddependi fuq it-teknoloġija għall-emissjonijiet negattivi fl-għamla ta’ bijoenerġija flimkien mal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju, biex ikun hemm bilanċ fl-emissjonijiet li jifdal.

    It-tmien xenarju jibni fuq ix-xenarju preċedenti iżda jivvaluta l-impatt ta’ ekonomija ċirkolari ħafna u r-rwol benefiku potenzjali ta’ bidla fl-għażliet tal-konsumatur li jużaw inqas il-karbonju. Jesplora wkoll kif jista’ jissaħħaħ il-bir tal-użu tal-art sabiex jiġi identifikat b’kemm dan inaqqas il-ħtieġa tat-teknoloġiji għall-emissjonijiet negattivi.

    Il-valutazzjonijiet tal-immudellar jindikaw li l-użu tal-għażliet li ma kienx hemm dispjaċir dwarhom bħas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, inkluż il-bijofjuwils avvanzati sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika, l-impetu lejn ekonomija ċirkolari flimkien ma’ għażliet individwali bħall-elettrifikazzjoni, l-idroġenu u l-fjuwils alternattivi jew approċċi ġodda għall-mobbiltà, mhumiex biżżejjed għal ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti sal-2050. Permezz ta’ dawn ix-xenarji tat-teknoloġija, l-emissjonijiet jitnaqqsu biss bi 80 % sal-2050 meta mqabbel mal-1990. Filwaqt li t-taħlita ta’ dawn l-għażliet kollha jista’ jnaqqas l-emissjonijiet netti b’madwar 90 % (inkluż il-bir tal-użu tal-art u tal-forestrija), se jifdal dejjem xi emissjonijiet ta’ gass serra, b’mod partikolari fis-settur tal-agrikoltura. Il-kisba tal-emissjonijiet ta’ gass serra żero netti se teħtieġ il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-għażliet teknoloġiċi u tal-ekonomija ċirkolari, l-użu fuq skala kbira ta’ bjar tal-karbonju naturali bbażati fuq l-art, inkluż fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, kif ukoll il-bidliet fit-tendenzi tal-mobbiltà.

    It-triq lejn ekonomija b’gass serra żero nett tista’ tkun ibbażata fuq azzjoni konġunta flimkien ma’ sett ta’ seba’ prijoritajiet strateġiċi ewlenin:

    1. Il-massimizzazzjoni tal-benefiċċji mill-Effiċjenza Enerġetika inkluż il-bini mingħajr emissjonijiet

    Il-miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika għandu jkollhom rwol ċentrali fil-kisba tal-emissjonijiet ta’ gass serra żero netti sal-2050, billi l-konsum tal-enerġija jitnaqqas bi kważi n-nofs meta mqabbel mal-2005. L-istandards għall-effiċjenza enerġetika, id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni domestika, it-tikkettar u l-issettjar għandhom effetti li jmorru lil hinn mill-UE, hekk kif l-apparat domestiku u t-tagħmir elettroniku huma importati fl-UE jew esportati lejn swieq barranin, u l-produtturi barra mill-pajjiż iridu jużaw l-istandards tal-UE.

    L-effiċjenza enerġetika se jkollha rwol ċentrali fid-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi industrijali, iżda l-biċċa l-kbira tad-domanda għal inqas enerġija se sseħħ fil-bini, kemm fis-setturi residenzjali, kif ukoll dawk tas-servizzi, li fil-preżent huma responsabbli għal 40 % tal-konsum tal-enerġija. Minħabba li ħafna mill-unitajiet residenzjali tal-2050 diġà jeżistu llum, dan se jkun jeħtieġ rati ogħla ta’ rinnovazzjoni, bdil tal-fjuwil b’maġġoranza kbira tad-djar li se jużaw tisħin rinnovabbli (elettriku, tisħin distrettwali, gass rinnovabbli jew enerġija solari), tixrid tal-aktar prodotti u apparati effiċjenti, sistemi ta’ ġestjoni intelliġenti tal-bini/tal-apparati, u materjali mtejba għall-iżolament. It-tisħin sostenibbli bis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli se jkompli jkollu rwol ewlieni, u l-gass, inkluż il-gass naturali likwifikat, imħallat mal-idroġenu, jew l-e-metan prodott mill-elettriku rinnovabbli u taħlitiet ta’ bijogass, kollha jista’ jkollhom rwol prinċipali fil-bini eżistenti, kif ukoll f’ħafna mill-applikazzjonijiet industrijali. Sabiex jinkisbu rati ogħla ta’ rinnovazzjoni u jiġu sostnuti, l-istrumenti finanzjarji xierqa biex jingħelbu l-fallimenti tas-suq eżistenti, biżżejjed forza tax-xogħol bil-ħiliet it-tajbin u l-affordabbiltà għaċ-ċittadini kollha huma ta’ importanza ċentrali. Għall-modernizzazzjoni tal-ambjent mibni u l-mobilizzazzjoni tal-atturi kollha, se jkunu meħtieġa approċċ integrat u konsistenza tul il-politiki rilevanti kollha. L-involviment tal-konsumatur, inkluż permezz tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, se jkun element prinċipali f’dan il-proċess.

    2. Il-massimizzazzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-użu tal-elettriku biex il-provvista tal-enerġija tal-Ewropa tiġi dekarbonizzata kompletament

    Fil-preżent, il-biċċa l-kbira tas-sistema tal-enerġija hija bbażata fuq il-fjuwils fossili. Ix-xenarji kollha vvalutati juru li sa nofs is-seklu dan se jinbidel b’mod radikali bl-elettrifikazzjoni fuq skala kbira tas-sistema tal-enerġija xprunata mill-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kemm jekk fil-livell tal-utenti finali, u kemm jekk biex jiġu prodotti fjuwils u materja prima ħielsa mill-karbonju għall-industrija.

    It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa twassal għal sistema tal-enerġija fejn il-provvista tal-enerġija primarja tkun ġejja l-aktar minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u b’hekk is-sigurtà tal-provvista titjieb b’mod sinifikanti u jiżdiedu l-impjiegi domestiċi. Id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari fir-rigward taż-żejt u l-gass, li bħalissa hi madwar 55 %, fl-2050 se tonqos għal inqas minn 20 %. Dan se jkollu impatt pożittiv fuq il-kummerċ u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE peress li se jwassal għal tnaqqis drastiku fin-nefqiet għall-importazzjoni tal-fjuwils fossili (attwalment EUR 266 biljun), fejn f’xi xenarji l-importazzjonijiet se jonqsu b’iktar minn 70 %. L-iffrankar kumulattiv minn kont imnaqqas tal-importazzjonijiet se jammonta għal EUR 2-3 triljuni tul il-perjodu mill-2031 sal-2050, u b’hekk ikun hemm iktar riżorsi għal investimenti potenzjali ulterjuri fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE.

    L-użu fuq skala kbira tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli se jwassal għall-elettrifikazzjoni tal-ekonomija tagħna u għal livell għoli ta’ deċentralizzazzjoni. Sal-2050, is-sehem tal-elettriku fid-domanda finali għall-enerġija mill-inqas se jirdoppja, li se jżidha għal 53 %, u l-produzzjoni tal-elettriku se tiżdied ħafna sabiex jintlaħqu l-emissjonijiet ta’ gass serra żero netti, sa darbtejn u nofs aktar tal-livelli attwali skont l-għażliet magħżula għat-tranżizzjoni tal-enerġija.

    Diġà sar progress fundamentali fit-trasformazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku tal-Ewropa. L-espansjoni globali tal-enerġija rinnovabbli, xprunata permezz tat-tmexxija tal-UE, wasslet għal tnaqqis kbir fl-ispejjeż f’dan l-aħħar 10 snin, b’mod partikolari fir-rigward tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta. Illum, iktar minn nofs il-provvista tal-elettriku tal-Ewropa hija ħielsa mill-emissjonijiet ta’ gass serra. Sal-2050, iktar minn 80 % tal-elettriku se jkun ġej mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (li jinsab dejjem iktar lil hinn mill-kosta). Flimkien mas-sehem tal-enerġija nukleari ta’ madwar 15 %, dan se jkun is-sinsla tas-sistema Ewropea tal-enerġija ħielsa mill-karbonju. Dawn it-tranżizzjonijiet huma simili għall-perkorsi globali analizzati fir-rapport tal-IPCC. L-elettrifikazzjoni se tiftaħ orizzonti ġodda għall-kumpaniji Ewropew fis-suq globali tal-enerġija nadifa li llum jiswa madwar EUR 1.3 triljun. Diversi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għad iridu jiġu sfruttati, b’mod partikolari l-enerġija mill-oċeani. Din se tkun opportunità ta’ negozju unika għall-UE, li attwalment tospita sitta mill-ikbar 25 negozju tal-enerġija rinnovabbli u li timpjega kważi 1.5 miljun persuna (minn 10 miljuni fid-dinja kollha). Se tagħti wkoll rwol importanti lill-konsumaturi li jipproduċu l-enerġija huma nnifishom (prosumaturi) u lill-komunitajiet lokali biex jiġi mħeġġeġ l-użu residenzjali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

    Illustrazzjoni2. Taħlita ta’ fjuwils fil-Konsum Intern Totali

    L-użu kompetittiv tal-elettriku rinnovabbli jipprovdi wkoll opportunità kbira għad-dekarbonizzazzjoni ta’ setturi oħra, bħat-tisħin, it-trasport u l-industrija, kemm permezz tal-użu dirett tal-elettriku, kif ukoll b’mod indirett permezz tal-produzzjoni tal-e-fjuwils bl-elettroliżi (eż. e-idroġenu), meta l-użu dirett tal-elettriku jew tal-bijoenerġija sostenibbli ma jkunx possibbli. Il-gass bl-elettriku għandu l-vantaġġ potenzjali li fjuwils sintetiċi jistgħu jinħażnu u jintużaw b’diversi modi f’setturi ekonomiċi differenti, fejn mill-bqija huwa diffiċli li ssir id-dekarbonizzazzjoni (eż. l-industrija u t-trasport). F’applikazzjonijiet niċċa u b’sistema tal-elettriku dekarbonizzata kompletament, dawn it-teknoloġiji jistgħu jużaw is-CO2 bħala materja prima maqbuda mill-proċessi industrijali. Jekk tinqabad mill-bijoenerġija sostenibbli jew saħansitra direttament mill-arja (filwaqt li jiġi rikonoxxut li madankollu dawn it-teknoloġiji għadhom ma ġewx ittestjati fuq skala), hija kapaċi tikseb ir-riżultati fir-rigward tal-fjuwils b’emissjonijiet żero.

    L-idroġenu u l-gass bl-elettriku (P2X)

    L-industrija tal-kimika ilha tuża l-idroġenu bħala materja prima fil-proċessi industrijali. F’sistema tal-enerġija dekarbonizzata kompletament, ir-rwol tiegħu qed isir dejjem iktar prominenti. Sabiex ikollu dan ir-rwol, l-idroġenu se jkollu jiġi prodott permezz ta’ elettroliżi tal-ilma bl-użu tal-elettriku ħieles mill-karbonju jew mill-fwar tal-gass naturali li jirriforma l-qbid u l-ħżin tal-karbonju. L-idroġenu prodott b’dan il-mod jista’ għalhekk jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni ta’ diversi setturi: l-ewwel nett, bħala ħżin fis-settur tal-enerġija biex jakkomoda s-sorsi ta’ enerġija varjabbli; it-tieni nett, bħala għażla tal-vettur tal-enerġija biex jintuża għat-tisħin, it-trasport u l-industrija, u fl-aħħar nett bħala materja prima għall-industrija bħal dik tal-azzar, il-kimiċi u l-e-fjuwils f’dawk is-setturi li huma l-iktar diffiċli li jiġu dekarbonizzati.

    It-teknoloġiji bil-gass bl-elettriku jirreferu għal teknoloġiji li jippermettu t-trasformazzjoni tal-elettriku f’gassijiet sintetiċi (l-idroġenu, il-metan jew gassijiet oħra) u f’likwidi. L-idroġenu prodott mill-elettriku ħieles mill-karbonju flimkien mas-CO2 minn bijomassa sostenibbli jew qbid dirett mill-arja jista’ joħloq alternattiva newtrali fil-karbonju tal-istess molekuli ta’ gass jew żejt naturali, u b’hekk jista’ jiġi distribwit permezz ta’ sistema ta’ trażmissjoni/distribuzzjoni eżistenti u jintuża minn installazzjonijiet u applikazzjonijiet eżistenti. Dawn it-teknoloġiji jsiru attraenti fil-kuntest ta’ elettriku abbundanti ġġenerat minn sorsi ħielsa mill-karbonju (sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u nukleari). L-iżvantaġġ huwa li l-produzzjoni tagħhom tuża ħafna l-enerġija.

    It-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija fil-biċċa l-kbira deċentralizzata bbażata fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, se tkun teħtieġ sistema aktar intelliġenti u flessibbli li tissejjes fuq l-involviment tal-konsumaturi, iż-żieda fl-interkonnettività, it-titjib fil-ħżin tal-enerġija użata fuq skala kbira, ir-rispons fin-naħa tad-domanda u l-ġestjoni permezz tad-diġitalizzazzjoni. Fid-deċennji li ġejjin, l-espansjoni u l-intelliġenza tas-sistema tal-elettriku, il-produzzjoni u l-applikazzjonijiet li jużaw l-enerġija, se jkunu jeħtieġu li l-adegwatezza tad-disinn tas-suq uniku tal-enerġija tinżamm fuq quddiem fl-aġenda tal-enerġija biex tinkiseb l-enerġija mingħajr karbonju b’mod kosteffiċjenti u biex jiġu evitati l-assi mhux rekuperabbli. It-tranżizzjoni se teħtieġ ukoll li tiġi salvagwardjata minn kwalunkwe riskju miżjud għaċ-ċibersigurtà.

    3. It-tħaddin tal-mobbiltà nadifa, sikura u konnessa

    It-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart mill-emissjonijiet ta’ gass serra fl-UE. Għalhekk, il-modi kollha tat-trasport jeħtieġ li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema ta’ mobbiltà. Dan jeħtieġ approċċ ibbażat fuq sistema. L-ewwel pass ta’ dan l-approċċ huwa vetturi b’emissjonijiet baxxi jew ħielsa minnhom b’sistemi tal-motopropulsjoni alternattivi u effiċjenti ħafna fil-modi kollha. Bħalma ġara fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli fid-deċennju li għadda, illum l-industrija tal-karozzi diġà tinvesti ħafna fit-teknoloġiji emerġenti b’emissjonijiet żero jew baxxi, bħall-vetturi elettriċi. Taħlita ta’ enerġija dekarbonizzata, deċentralizzata u diġitalizzata, batteriji iktar effiċjenti u sostenibbli, sistemi elettriċi tal-motopropulsjoni effiċjenti ħafna, konnettività u sewqan awtonomu, toffri l-prospetti għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq b’benefiċċji ġenerali importanti, inkluż arja nadifa, inqas storbju u traffiku ħieles mill-aċċidenti, li flimkien jiġġeneraw benefiċċji tas-saħħa kbar għaċ-ċittadini u l-ekonomija Ewropea. Għażla oħra hija l-elettrifikazzjoni tat-trasport bil-baħar għal distanzi qosra u l-passaġġi fuq l-ilma interni, fejn il-proporzjon potenza-massa jagħmilha fattibbli.

    Abbażi tal-għarfien u t-teknoloġiji tal-lum, l-elettrifikazzjoni bl-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli waħedha mhix se tkun l-unika soluzzjoni għall-modi kollha tat-trasport. S’issa l-batteriji għandhom densità enerġetika baxxa, u għalissa t-teknoloġija mhix adattata ħafna għall-avjazzjoni u t-trasport bil-baħar għal distanzi twal minħabba l-piż għoli tagħhom. Barra minn hekk, għat-trakkijiet u kowċijiet għal distanzi twal, attwalment għadu mhux ċar jekk il-batteriji humiex se jilħqu l-livell ta’ spejjeż u prestazzjonijiet meħtieġ, għalkemm jeżistu prospetti biex il-linji katenarji jiġu elettrifikati. Il-ferrovija tibqa’ s-soluzzjoni l-ikar effiċjenti għall-ġarr tal-merkanzija għal distanzi minn medji għal twal. Għalhekk, il-merkanzija bil-ferrovija jeħtieġ li ssir iktar kompetittiva meta mqabbla mat-trasport bit-triq billi jiġu eliminati l-ostakli operazzjonali u tekniċi bejn in-netwerks nazzjonali u billi jittrawmu l-innovazzjoni u l-effiċjenza kullimkien. Sakemm ma narawx l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda li se jippermettu li jiġu elettrifikati iktar modi mill-preżent, il-fjuwils alternattivi se jkunu importanti. Barra minn hekk, it-teknoloġiji bbażati fuq l-idroġenu (bħall-vetturi elettriċi u l-bastimenti bbażati fuq iċ-ċelluli tal-fjuwil) jistgħu jsiru kompetittivi fit-terminu medju jew twil. Il-gass naturali likwifikat b’taħlit kbir ta’ bijometan jista’ jkun ukoll alternattiva fit-terminu qasir għal distanzi twal. L-avjazzjoni għandha bżonn bidla għall-bijofjuwils avvanzati u l-e-fjuwils ħielsa mill-karbonju, bl-ibridizzazzjoni u b'titjib ieħor fit-teknoloġija tal-inġenji tal-arju jkollhom rwol fit-titjib fl-effiċjenza. Fit-trasport bil-baħar għal distanzi twal u vetturi tqal, minbarra l-bijofjuwils u l-bijogass, jista’ jkollhom rwol anki l-e-fjuwils diment li matul il-katina tal-produzzjoni tagħhom ikunu ħielsa mill-karbonju. L-e-fjuwils jistgħu jintużaw f’magni ta’ vetturi konvenzjonali, hekk kif ikunu jiddependu mill-infrastruttura eżistenti għar-riforniment tal-fjuwil. Huma meħtieġa passi sinifikanti ulterjuri fir-riċerka u l-iżvilupp għall-produzzjoni ta’ fjuwils dekarbonizzati, kif ukoll teknoloġiji tal-vetturi bħall-batteriji biċ-ċelluli tal-fjuwil u magni bil-gass tal-idroġenu.

    It-tieni nett, organizzazzjoni iktar effiċjenti tas-sistema ta’ mobbiltà kollha bbażata fuq id-diġitalizzazzjoni, il-kondiviżjoni tad-data u l-istandards interoperabbli, hija ta’ importanza assoluta biex il-mobbiltà ssir iktar nadifa. Din se tippermetti ġestjoni tat-traffiku intelliġenti u żieda fil-mobbiltà awtomatizzata fil-modi kollha, titnaqqas il-konġestjoni u jiżdiedu r-rati ta’ okkupanza. L-infrastruttura reġjonali u l-ippjanar spazjali jeħtieġ li jitjiebu sabiex jiksbu l-benefiċċji kollha taż-żieda fl-użu tat-trasport pubbliku.

    Iż-żoni urbani u l-bliet intelliġenti se jkunu l-ewwel ċentri ta’ innovazzjoni fil-mobbiltà jew il-bini minħabba l-predominanza fil-kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-vjaġġi għal distanzi qosra u l-kwalità tal-arja. B’75 % tal-popolazzjoni tagħna li tgħix fiż-żoni urbani, l-ippjanar tal-bliet, il-mogħdijiet sikuri għar-roti u għall-mixi, it-trasport pubbliku lokali nadif, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għall-kunsinni bħad-droni, u l-mobbiltà bħala servizz, inkluż l-introduzzjoni ta’ servizzi ta’ car sharing u bike sharing, se jbiddlu l-mobbiltà. Flimkien mat-tranżizzjoni lejn teknoloġiji tat-trasport ħielsa mill-karbonju, it-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja, l-istorbju u l-aċċidenti, dan se jwassal għal titjib kbir fil-kwalità tal-ħajja urbana.

    It-tibdil fl-imġiba tal-individwi u l-kumpaniji jrid isaħħaħ din l-evoluzzjoni Għall-ivvjaġġar għal distanzi twal, l-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali u l-vidjokonferenzi jistgħu jfissru li għal ċerti finijiet bħall-ivvjaġġar għan-negozju, il-preferenzi se jinbidlu u d-domanda għall-ivvjaġġar tista’ titnaqqas meta mqabbla ma’ dak li hu mistenni bħalissa. Vjaġġaturi u trasportaturi bil-baħar informati tajjeb se jieħdu deċiżjonijiet aħjar, speċjalment meta l-modi kollha tat-trasport jitqiegħdu fuq l-istess livell, inkluż fit-termini regolatorji u fiskali. L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-trasport hija prerekwiżit biex isiru l-għażliet l-iktar effiċjenti fit-termini tat-teknoloġija u l-modi tat-trasport.

    It-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti fl-2050 teħtieġ ukoll l-infrastruttura neċessarja, jiġifieri t-tlestija tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050. Investimenti ulterjuri jeħtieġ li jiffukaw fuq il-modi li jniġġsu l-inqas, jippromwovu s-sinerġiji bejn in-netwerks tat-trasport, u dawk diġitali u tal-elettriku biex jiġu permessi innovazzjonijiet bħal servizzi ta’ vettura għall-grilja, u jinkludu minn qabel karatteristiċi intelliġenti bħas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (l-ERTM). Pereżempju, dan se jippermetti li fir-rigward ta’ vjaġġar tal-passiġġieri għal distanzi minn qosra sa medji fl-UE, il-konnessjonijiet għall-ferroviji ta’ veloċità għolja jsiru alternattiva reali għall-avjazzjoni.

    L-Ewropa għandha tibqa’ r-rebbieħa tal-multilateraliżmu. Minħabba l-karattru intrinsikament globali tas-setturi tat-trasport bil-baħar u l-avjazzjoni, bħala l-ewwel pass essenzjali lejn id-dekarbonizzazzjoni ta’ dawn is-setturi, l-UE jeħtieġ li taħdem mas-sħab globali sabiex l-isforzi jiġu mħeġġa ulterjurment u biex jibnu fuq il-progress li ntlaħaq riċentement fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-OMI) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) bil-ħsieb li jiġu protetti. Madankollu, se jkun hemm bżonn ta’ aktar sforzi.

    4. Industrija tal-UE kompetittiva u l-ekonomija ċirkolari bħala l-faċilitatur ewlieni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass serra

    Illum, l-industrija tal-UE diġà hija waħda mill-iktar effiċjenti globalment u dan mistenni li jissokta. Ekonomija kompetittiva, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari se tkun teħtieġ l-iżvilupp biex tibqa’ kif inhi. Il-produzzjoni ta’ ħafna prodotti industrijali bħall-ħġieġ, l-azzar u l-plastik se tara iktar tnaqqis sinifikanti fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-enerġija u l-emissjonijiet minn proċessi, b’mod partikolari biż-żieda tar-rati ta’ riċiklaġġ. Il-materja prima hija faċilitatur indispensabbli għas-soluzzjonijiet newtrali fil-karbonju fis-setturi kollha tal-ekonomija. Minħabba l-iskala tad-domanda għall-materjal li kulma jmur qed tikber, il-materja prima primarja se tkompli tipprovdi parti kbira tad-domanda. Iżda t-tnaqqis fl-input tal-materjali permezz tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ se jtejjeb il-kompetittività, joħloq l-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ negozju, u jkun jeħtieġ inqas enerġija, li min-naħa l-oħra se jnaqqas it-tniġġis u l-emissjonijiet ta’ gass serra. L-irkupru u r-riċiklaġġ tal-materja prima se tkun ta’ importanza partikolari f’dawk is-setturi u t-teknoloġiji fejn jistgħu jitfaċċaw dipendenzi ġodda, bħad-dipendenza fuq il-materjali kritiċi bħall-kobalt, l-elementi terrestri rari jew il-grafit, li l-produzzjoni tagħhom hija kkonċentrata fi ftit pajjiżi barra mill-Ewropa. Iżda politika kummerċjali msaħħa tal-UE għandha wkoll rwol biex tiġi żgurata l-provvista sostenibbli u sikura ta’ dawn il-materjali għall-UE.

    Il-materjali ġodda se jkollhom rwol importanti wkoll, kemm fl-iskoperta mill-ġdid tal-użi tradizzjonali bħall-injam fil-kostruzzjoni, kif ukoll f’komposti ġodda li jissostitwixxu l-materjali li jużaw ħafna l-enerġija. L-għażliet tal-konsumaturi wkoll se jkunu importanti għad-domanda tal-prodott. Uħud jistgħu jkunu ġejjin minn trasformazzjonijiet oħra li jkunu għaddejjin, bħad-diġitalizzazzjoni li tnaqqas id-domanda għall-karti. Oħrajn se jkunu għażliet iktar konxji mill-klima, bħal konsumaturi li dejjem aktar qed jitolbu prodotti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-klima u lill-ambjent. Dan jeħtieġ informazzjoni iktar trasparenti għall-konsumaturi dwar il-marka tal-karbonju u dik ambjentali tal-prodotti u s-servizzi. sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet informati.

    Il-ħelsien mill-emissjonijiet ta’ gass serra ħafna drabi se jfisser il-modernizzazzjoni sinifikanti ta’ installazzjonijiet eżistenti jew is-sostituzzjoni kompleta tagħhom. Dan l-investiment se jifforma parti mir-rivoluzzjoni industrijali li jmiss. Billi tibqa’ fuq quddiem fit-tranżizzjoni, l-industrija tal-UE moderna, kompetittiva u għanja se tkun tista’ ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’ekonomija globali li inevitabbilment se ssir iktar ristretta fil-karbonju. Fit-terminu qasir, id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni qed jidhru bħala wħud mill-iktar mezzi promettenti u effikaċi biex tiżdied il-kompetittività, li twassal kemm għat-titjib fl-effiċjenza, kif ukoll għat-tnaqqis tal-gass serra. Taħlita ta’ elettrifikazzjoni, żieda fl-użu tal-idroġenu, il-bijomassa u l-gass sintetiku rinnovabbli, tista’ tnaqqas l-enerġija marbuta mal-emissjonijiet fil-produzzjoni tal-prodotti industrijali bħal fi kwalunkwe settur ieħor ta’ użu finali.

    Ħafna mill-emissjonijiet industrijali marbuta mal-proċessi se jkun diffiċli ħafna li jiġu eliminati. Madankollu, jeżistu xorta xi għażliet li jnaqqsuhom. Is-CO2 jista’ jinqabad, jinħażen u jintuża. Minbarra l-fjuwils fossili, kemm l-idroġenu rinnovabbli, kif ukoll il-bijomassa sostenibbli jistgħu jkunu materja prima għal għadd ta’ proċessi industrijali, bħall-produzzjoni tal-azzar u ċerti kimiċi.

    Il-qbid u l-użu tal-karbonju fl-industrija jirreferi għal proċessi fejn is-CO2 jinqabad u wara jiġi konvertit fi prodott ġdid. L-e-fjuwils jistgħu jkunu eżempju fejn is-CO2 jiġi rilaxxat mill-ġdid meta l-fjuwil jinħaraq, u b’hekk l-emissjonijiet tal-fjuwils fossili jiġu spostati. Jeżistu prodotti oħra mill-qbid u l-użu tal-karbonju bħall-plastik u l-materjali tal-bini, li fihom is-CO2 għal perjodi twal ta’ żmien.

    L-azzar, is-siment u l-kimiċi jiddominaw l-emissjonijiet industrijali. Bejn l-10 u l-15-il sena li ġejjin, it-teknoloġiji li diġà huma magħrufa se jkollhom juru li jistgħu jaħdmu fuq skala, u infatti wħud minnhom diġà qed jiġu ttestjati fuq skala żgħira, eż. il-produzzjoni primarja tal-azzar ibbażata fuq l-idroġenu.

    Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-wiri se jnaqqsu l-ispejjeż tat-teknoloġiji rivoluzzjonarji b’mod sinifikanti. Dan se jwassal biex prodotti ġodda ġenwinament jissostitwixxu l-prodotti industrijali tal-preżent, bħal fibra tal-karbonju jew siment aktar b’saħħtu li jnaqqsu l-volum tal-produzzjoni filwaqt li jżidu l-valur tal-prodott. Ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti se tara l-kunċetti ġodda ta’ negozju jiżviluppaw permezz tal-użu mill-ġdid u s-servizzi addizzjonali fil-qalba tagħha.

    5. L-iżvilupp ta’ infrastruttura tan-netwerk xierqa u intelliġenti, u interkonnessjonijiet

    Ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti se tinkiseb biss permezz ta’ infrastruttura xierqa u intelliġenti li tiżgura interkonnessjoni ottimali u integrazzjoni settorjali fl-Ewropa. Iż-żieda tal-kooperazzjoni transfruntiera u reġjonali se tippermetti li jinkisbu l-benefiċċji kollha tal-modernizzazzjoni u t-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-Ewropa. Hemm bżonn li tingħata iktar attenzjoni għat-tlestija fil-ħin tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u n-netwerk tal-enerġija. Minn tal-inqas jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed infrastruttura li tappoġġa l-iżviluppi ewlenin li jiffurmaw it-trażmissjoni tal-enerġija u l-pajsaġġ tad-distribuzzjoni ta’ għada: grilji intelliġenti tal-elettriku u ta’ data/informazzjoni, u fejn meħtieġ, pipelines tal-idroġenu, bl-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni u integrazzjoni ulterjuri tas-settur, l-ewwel nett permezz tal-modernizzazzjoni tar-ragruppamenti industrijali prinċipali tal-Ewropa fis-snin li ġejjin. Min-naħa tiegħu dan se jwassal għal raggruppament ulterjuri tal-installazzjonijiet industrijali.

    It-tranżizzjonijiet fis-settur tat-trasport se jkunu jeħtieġu użu aċċellerat tal-infrastruttura rilevanti, u żieda fis-sinerġija bejn is-sistemi tat-trasport u tal-enerġija bi stazzjonijiet intelliġenti ta’ ċċarġjar jew riforniment tal-fjuwil, li jippermettu servizzi transfruntiera bla xkiel.

    Il-modifika retroattiva se tiżgura l-użu kontinwu, bis-sħiħ jew parzjalment, tal-infrastrutturi u l-assi eżistenti. Fl-istess ħin, qed jinħolqu opportunitajiet pemezz tas-sostituzzjoni f’waqtha ta’ infrastruttura u assi li qed jiqdiemu b’oħrajn imfasslin bir-reqqa, li huma kompatibbli mal-għan tad-dekarbonizzazzjoni profonda.

    6. Il-kisba tal-benefiċċji kollha tal-bijoekonomija u l-ħolqien tal-bjar essenzjali tal-karbonju

    F’dinja b’popolazzjoni ogħla bi 30 % fl-2050 meta mqabbla mal-lum, u bit-tibdil fil-klima li qed jolqot l-ekosistemi u l-użu tal-art globali, l-agrikoltura u l-forestrija tal-UE se jkollhom jipprovdu biżżejjed ikel, għalf u fibri, kif ukoll jappoġġaw l-enerġija u d-diversi setturi tal-industrija u l-kostruzzjoni. Kollha huma kruċjali għall-ekonomija u l-istil ta’ ħajja tal-Ewropa.

    Il-bijomassa sostenibbli għandha rwol importanti f’ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass żero netti. Il-bijomassa tista’ tforni s-sħana direttament. Tista’ tiġi trasformata f’bijofjuwil u bijogass, u meta titnaddaf tista’ tiġi trasportata permezz tal-grilja tal-gass u b’hekk tissostitwixxi l-gass naturali. Meta jintuża fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, is-CO2 mormi jista’ jinqabad u joħloq emissjonijiet negattivi meta jinħażen. Jista’ wkoll jissostitwixxi l-materjali li jużaw ħafna il-karbonju, b’mod partikolari fis-settur tal-bini, iżda wkoll permezz ta’ bijoprodotti ġodda u sostenibbli bħall-bijokimiċi (eż. tessuti, bijoplastik u komposti).

    Ekonomija b’emissjonijiet żero netti se tkun teħtieġ ammonti dejjem jiżdiedu ta’ bijomassa meta mqabbla mal-konsum attwali. Dan huwa kkonfermat kemm minn valutazzjonijiet ta' perkorsi b’ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, li huma kemm globali, kif ukoll Ewropej.. Din il-valutazzjoni tikkonfermah dan, iżda jeżistu differenzi sinifikanti skont it-teknoloġiji u l-azzjonijiet magħżula, bl-ogħla projezzjonijiet jaraw żieda fil-konsum tal-bijoenerġija b’madwar 80 % sal-2050 meta mqabbel mal-lum.

    Anki jekk jitjiebu l-prattiki tal-ġestjoni sostenibbli, il-foresti eżistenti tal-UE waħedhom ma jistgħux jiksbu dak l-ammont mingħajr tnaqqis sostanzjali fis-sink tal-foresta tal-UE u fis-servizzi tal-ekosistemi l-oħra tagħha, li jeħtieġ jiġi evitat. Iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijomassa tista’ wkoll tqajjem tħassib marbut indirettament mal-emissjonijiet mill-bidla fl-użu tal-art f’pajjiżi tal-esportazzjoni. Għalhekk, żieda fil-produzzjoni tal-bijomassa se tkun teħtieġ li tiġi minn taħlita ta’ sorsi filwaqt li tiġi żgurata ż-żamma tal-bir naturali tagħna jew saħansitra li jiġi żgurat it-titjib tiegħu.

    Il-produzzjoni agrikola se tirriżulta dejjem f’emissjonijiet ta’ gass serra li mhumiex tas-CO2 iżda dawn jistgħu jitnaqqsu sal-2050 bis-saħħa ta’ metodi ta’ produzzjoni effiċjenti u sostenibbli. L-innovazzjoni se jkollha rwol li kulma jmur qed isir iktar importanti. Id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji intelliġenti huma l-bażi għal biedja ta’ preċiżjoni u agrikoltura ta’ preċiżjoni li jottimizzaw l-applikazzjoni tal-fertilizzant u tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Għadhom jeżistu differenzi sinifikanti fil-produttività tal-merħliet tal-bhejjem tal-ifrat fl-UE li joffru ambitu għal titjib kontinwu. It-trattament tad-demel f’diġesturi anaerobiċi jnaqqas l-emissjonijiet li mhumiex tas-CO2 u jipproduċi l-bijogass. Hemm ukoll potenzjal konsiderevoli fl-art agrikola biex il-karbonju jinqabad u jinħażen.

    Il-bdiewa qegħdin dejjem jitqiesu bħala fornituri ta’ riżorsi u ta’ materja prima essenzjali. Il-bijoekonomija ċirkolari ħolqot opportunitajiet ġodda ta’ negozju. Is-sistemi ta’ biedja aħjar jinkludu t-tekniki tal-agroforestrija li jużaw b’mod effiċjenti r-riżorsi nutrijenti eżistenti, li jsaħħu mhux biss il-karbonju fil-ħamrija iżda wkoll il-bijodiversità, filwaqt li jtejbu r-reżiljenza tal-biedja għat-tibdil fil-klima nnifsu. Dawn il-miżuri tipikament iżidu l-produttività, inaqqsu l-ħtiġijiet tad-dħul, u pressjonijiet ambjentali oħra bħall-ewtrofikazzjoni u t-tniġġis tal-arja. Il-ħażniet tal-karbonju fl-artijiet agrikoli jistgħu jiżdiedu billi ma jinħadimx ir-raba’ u permezz tal-użu ta’ għelejjel ta’ kopertura, biex b’hekk jitnaqqsu t-tfixkil tal-ħamrija u l-erożjoni tal-ħamrija. L-adattament ta’ ċerti attivitajiet agrikoli fuq artijiet organiċi u r-restawr ta’ torbieri u artijiet mistagħdra, li għadhom postijiet ċentrali għall-emissjonijiet tal-karbonju fil-ħamrija, jista’ jnaqqas l-emissjonijiet b’mod drastiku.

    L-afforestazzjoni u r-restawr ta’ artijiet forestali degradati u ekosistemi oħra jistgħu jżidu ulterjurment l-assorbiment tas-CO2, filwaqt li jkunu ta' benefiċċju wkoll għall-bijodiversità, il-ħamrija u r-riżorsi tal-ilma u jżidu d-disponibbiltà tal-bijomassa tul iż-żmien. Il-bdiewa u l-forestiera huma l-partijiet ikkonċernati ewlenin li jistgħu jiksbu dawn ir-riżultati u jeħtieġ li jiġu mħeġġa u appoġġati jagħmlu dan.

    Il-bjar tal-karbonju huma importanti daqs it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Iż-żamma u ż-żieda ulterjuri tal-bir naturali tal-foresti, il-ħamrija u l-artijiet agrikoli, u l-artijiet mistagħdra kostali huma kruċjali għas-suċċess tal-Istrateġija minħabba li jippermettu l-kumpens ta’ emissjonijiet residwi minn setturi fejn id-dekarbonizzazzjoni hija l-akbar sfida, inkluż l-agrikoltura nnifisha. F’dan il-kuntest, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-approċċi bbażati fuq l-ekosistemi ħafna drabi joffru ħafna benefiċċji fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilma, il-bijodiversità u r-reżiljenza msaħħa għat-tibdil fil-klima.

    Id-domanda ġdida għall-bijomassa mill-injam tista’ tiddiversifika aktar in-negozju tal-biedja tal-lum sa 10 % tal-art agrikola tal-UE. Dan se joffri opportunitajiet ġodda biex l-art abbandunata terġà tiġi kkultivata, kif ukoll biex tiġi konvertita l-art li attwalment qed tintuża għall-bijofjuwils ibbażati fuq l-ikel. Dan se jtejjeb il-produttività u l-introjtu tal-biedja, u għaldaqstant, probabbilment iżid il-valur tal-raba’ li jinħadem.

    Madankollu, it-tranżizzjoni bbażata fuq il-bijomassa hija limitata għad-disponibbiltà tal-art. L-impatti fuq l-użu tal-art, il-bir naturali tal-UE, il-bijodiversità u r-riżorsi tal-ilma jistgħu jvarjaw b’mod sostanzjali skont il-materjal bijoġeniku li minnu tiġi prodotta l-bijomassa. It-tranżizzjoni tal-ekonomija tagħna se jkollha dejjem toqgħod attenta dwar kif tagħmel l-aħjar użu mill-art skarsa u minn riżorsi naturali oħra, u tiżgura li l-bijomassa tintuża biss bl-aktar mod effiċjenti u sostenibbli.

    Sabiex jittaffew il-bosta domandi fuq ir-riżorsi tal-art tal-UE, it-titjib fil-produttività tar-riżorsi akkwatiċi u marini se jkollu rwol eminenti għall-kisba tal-firxa sħiħa ta’ opportunitajiet tal-bijoekonomija biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Dan jinkludi, pereżempju, il-produzzjoni u l-użu tal-alka, u sorsi ġodda oħra ta’ proteina li għandhom il-potenzjal li jtaffu l-pressjoni fuq l-art agrikola.

    7. L-indirizzar tal-emissjonijiet tas-CO2 li jifdal permezz tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju

    Qabel, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju (is-CCS) kienu meqjusa bħala għażla ewlenija għad-dekarbonizzazzjoni għas-settur tal-enerġija u l-industriji li jużaw ħafna l-enerġija. Fil-preżent, dan il-potenzjal jidher iktar baxx meta jitqiesu l-użu rapidu tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, għażliet oħra għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi industrijali u l-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċettazzjoni soċjali tat-teknoloġija nnifisha. Madankollu, l-użu tas-CCS għadu meħtieġ, speċjalment f’industriji li jużaw ħafna l-enerġija u – fil-fażi tranżizzjonali – għall-produzzjoni tal-idroġenu ħieles mill-karbonju. Is-CCS se jkunu meħtieġa wkoll jekk l-emissjonijiet tas-CO2 mill-enerġija bbażata fuq il-bijomassa u l-impjanti industrijali jkunu se jinqabdu u jinħażnu biex joħolqu emissjonijiet negattivi. Flimkien mal-bir tal-użu tal-art, jistgħu jikkompensaw għall-emissjonijiet ta’ gass serra li jifdal fl-ekonomija tagħna.

    Meta wieħed iqis l-intrappolament tat-teknoloġiji tal-fjuwils fossili, eż. probabbilment impjant li jinbena llum ikun għadu operattiv fl-2050, l-abbiltà li jiġu introdotti teknoloġiji għat-tneħħija tal-karbonju żżid il-kredibbiltà tal-istrateġija fit-tul tal-UE. Is-CCS għadhom ma laħqux l-istadju ta’ kummerċjalizzazzjoni minħabba li huma mfixkla min-nuqqas ta’ wiri tal-vijabbiltà teknoloġika u ekonomija tagħhom, l-ostakli regolatorji f’xi Stati Membri u l-aċċettazzjoni pubblika limitata. Jekk is-CCS jiġu materjalizzati fuq skala fid-deċennju li ġej, se jkun meħtieġ ukoll sforz ikbar fir-rigward tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-wiri biex jiġi żgurat l-użu tagħhom flimkien mal-għażliet imsemmija hawn fuq, jiġifieri l-industrija li tuża ħafna enerġija, il-bijomassa u l-impjanti ta’ fjuwils sintetiċi newtrali fil-karbonju. Barra minn hekk, is-CCS jeħtieġu infrastruttura ġdida, inkluża dik marbuta man-netwerks tat-trasport u tal-ħżin. Sabiex is-CSS jiksbu l-potenzjal tagħhom, hija meħtieġa azzjoni koordinata u b’saħħitha biex jiġi assigurat il-bini tad-demostraturi u l-faċilitajiet kummerjali fl-UE, kif ukoll biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-opinjoni pubblika f’xi Stati Membri.

    L-insegwiment ta’ dawn il-prijoritajiet strateġiċi kollha se jikkontribwixxi biex il-viżjoni tagħna ssir realtà. Madankollu, il-ġestjoni tat-tranżizzjoni se tkun teħtieġ sforz politiku ikbar. Huwa meħtieġ qafas ta’ abilitazzjoni biex jiġu xprunati r-riċerka u l-innovazzjoni, biex jiżdiedu l-investimenti privati, jingħataw is-sinjali t-tajbin lis-swieq, u biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali sabiex l-ebda reġjun jew ċittadin ma jibqa’ lura.

    4. L-investiment f’soċjetà sostenibbli – Qafas Ewropew ta’ Abilitazzjoni għat-Tranżizzjoni fit-Tul

    Fil-biċċa l-kbira, l-iżvilupp tal-għażliet u l-azzjonijiet esplorati se jiddependi fuq il-veloċità tal-użu inizjali tagħhom, sa fejn iċ-ċittadini jkunu parteċipanti attivi fit-tranżizzjoni, l-aċċettazzjoni pubblika ta’ ċerti teknoloġiji baxxi fil-karbonju jew ħielsa minnu u kemm tista’ tintlaħaq malajr l-iskala li hemm bżonn. Dan jiġġustifika t-twaqqif ta’ għadd ta’ politiki adegwati u qafas ta’ abilitazzjoni li jwassal biex tiġi stimolata din il-bidla. Filwaqt li jibni fuq il-ħidma mwettqa għall-istabbiliment tal-Unjoni tal-Enerġija, dan il-qafas jeħtieġ li jqis it-tendenzi ewlenin kollha li jiddefinixxu l-ġejjieni tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, bħat-tibdil fil-klima u l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni, it-tixjiħ u l-effiċjenza fir-riżorsi.

    Illustrazzjoni3. Qafas ta’ abilitazzjoni. Sors: iċ-ĊESP

    Investiment u finanzi

    L-immodernizzar u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE se jistimolaw investiment addizzjonali sinifikanti. Illum, madwar 2 % tal-PDG qed jiġi investit fis-sistema tal-enerġija tagħna u l-infrastruttura relatata 6 . Dan se jkollu jiżdied għal 2.8 % (jew madwar EUR 520-575 biljun kull sena) sabiex tinkiseb ekonomija b’gass serra żero nett. Dan ifisser investimenti addizzjonali konsiderevoli meta mqabbla mal-linja bażi, bejn EUR 175 u 290 biljun fis-sena 7 . Dan huwa wkoll konformi mar-rapport speċjali tal-IPCC li stima bejn l-2016 u l-2035 huma meħtieġa investimenti fis-sistema tal-enerġija, li jirrappreżentaw madwar 2.5 % tal-PDG tad-dinja. Madankollu, ċerti għażliet bħal transformazzjoni rapida lejn ekonomija ċirkolari u bidliet fl-imġiba, għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-ħtieġa għal investiment addizzjonali.

    Fl-istess waqt, jistgħu jiġu ffrankati spejjeż sinifikanti tas-saħħa. Illum, it-tniġġis tal-arja fl-UE jikkawża mard serju ħafna u kważi nofs miljun mewta prematura kull sena, bis-sorsi ta’ tniġġis ewlenin ikunu l-fjuwils fossili, il-proċessi industrijali, l-agrikoltura u l-iskart. Dawn l-attivitajiet huma wkoll is-sorsi ewlenin tal-gass serra. Il-kisba ta’ ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass żero netti flimkien mal-miżuri eżistenti għat-tniġġis tal-arja, se jnaqqsu l-imwiet prematuri kkawżati minn materja partikolata fina b’iktar minn 40 % u l-ħsara għas-saħħa b’madwar EUR 200 biljun kull sena.

    Illustrazzjoni4. Rekwiżiti għall-investiment

    In-negozji privati u l-unitajiet domestiċi se jkunu responsabbli mill-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investimenti. Sabiex jiżdied dan l-investiment, huwa kruċjali li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri joffru sinjali ċari u fit-tul biex jiggwidaw lill-investituri sabiex jevitaw l-assi mhux rekuperabbli, jżidu l-finanzi sostenibbli u jidderiġuhom lejn sforzi ta’ innovazzjoni nadifa bl-iktar mod produttiv. Il-fatt li tingħata viżjoni se jsaħħaħ id-direzzjoni ta’ fejn jeħtieġu jmorru l-flussi finanzjarji u kapitali. F’din il-perspettiva, l-involviment trasparenti mill-partijiet ikkonċenrati fl-ippjanar għal ġejjieni b’livell baxx ta’ karbonju ssir indispensabbli. Il-Governanza l-ġdida tal-Unjoni tal-Enerġija tintegra din il-ħtieġa billi tipprevedi l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fit-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima li jeħtieġ li jkunu konsistenti mal-istrateġiji fit-tul, kif ukoll l-istima tal-ħtiġijiet għall-investiment.

    Is-setturi tal-ambjent, ir-riżorsi u l-effiċjenza enerġetika diġà huma prominenti ħafna fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropea – il-Pjan Juncker – li wieħed mill-pilastri tiegħu kien il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (il-FEIS), u l-fondi għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE li permezz tagħhom l-UE tipprovdi madwar EUR 70 biljun għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Unjoni tal-Enerġija. Il-FEIS 2.0 jiffoka saħansitra aktar fuq l-investimenti sostenibbli fis-setturi kollha bħala kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u biex tingħata għajnuna fit-twettiq tat-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ċirkolari u b’livell baxx ta’ karbonju. Mill-inqas 40 % tal-proġetti tal-FEIS taħt it-tieqa tal-infrastruttura u l-innovazzjoni għandhom jikkontribwixxu għall-impenji tal-UE dwar l-azzjoni klimatika f’konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, u l-InvestEU se jsaħħaħ din l-enfasi. Strumenti finanzjarji ġodda, li jindirizzaw kemm investimenti fuq skala kbira, kif ukoll fuq skala żgħira (bħall-komunitajiet tal-enerġija), se jgħinu wkoll lit-tranżizzjoni tal-enerġija.

    Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima tiżdied għal mill-inqas 25 % fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, turi li l-baġit ikompli jaġixxi bħala katalista għall-ingranaġġ tal-investiment sostenibbli privat u pubbliku, u biex l-appoġġ tal-UE għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa jmur fejn huwa l-aktar meħtieġ. Hija wkoll parti ewlenija mill-kredibbiltà tal-UE għall-promozzjoni ta’ emissjonijiet ta’ gass żero netti fl-2050. Progress rapidu fin-negozjati tal-QFP jistabbilizzaw ulterjurment dan il-livell ta’ ambizzjoni.

    Is-settur finanzjarju għandu rwol ewlieni fl-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti peress li jista’ jorjenta mill-ġdid il-flussi kapitali u l-investimenti lejn soluzzjonijiet meħtieġa, filwaqt li jtejjeb l-effiċjenza tal-proċessi tal-produzzjoni u jnaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament. L-orjentament mill-ġdid tal-kapital privat lejn investimenti iktar sostenibbli jeħtieġ Unjoni tas-Swieq Kapitali li taħdem sew. B’mod partikolari, l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli se jgħin biex il-finanzi jidħlu fl-aġenda tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata (tassonomija) dwar l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli, ir-regoli proposti għal parametri referenzjarji għal livell baxx ta’ karbonju u rekwiżiti ta’ żvelar imtejba għall-prodotti ta’ investiment, se jsaħħu t-trasparenza u jgħinu lill-investituri biex jimmiraw lejn l-investimenti t-tajbin. It-trasparenza se tgħin biex jiġu evitati r-riskji ta’ deprezzament ta’ assi li jużaw ħafna enerġija u/jew li huma dipendenti fuq il-fjuwils fossili qabel tmiem il-ħajja ekonomika tagħhom. Minbarra s-settur finanzjarju nnifsu, anki l-awtoritajiet superviżorji u l-banek ċentrali, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew, jista’ jkollhom rwol attiv f’dan l-orjentament mill-ġdid. Jeħtieġ li jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi biex jiġi mobilizzat l-investiment appoġġat mill-kapital “paċenzjuz” u l-kapital ta’ riskju f’perspettiva fit-tul.

    It-tassazzjoni ambjentali, is-sistemi tal-ipprezzar tal-karbonju u l-istrutturi riveduti tas-sussidji għandu jkollhom rwol importanti fit-tmexxija ta’ din it-tranżizzjoni. It-tassazzjoni hija fost l-iktar għodod effiċjenti għall-politika ambjentali. Għaldaqstant, it-taxxi u l-ipprezzar tal-karbonju għandhom jitħaddmu biex jindirizzaw l-impatti ambjentali negattivi u jiffukaw fuq iż-żieda tal-effiċjenza enerġetika, inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass serra u jsaħħu l-ekonomija ċirkolari. Huwa importanti li t-tassazzjoni ambjentali tibqa’ soċjalment ġusta. Approċċ komuni bejn l-UE u l-Istati Membri jkun kruċjali biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tar-riskji u t-telf tal-kompetittività. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija se tkun teħtieġ finanzi pubbliċi sostenibbli u modi alternattivi ta’ infrastrutturi pubbliċi ta’ finanzjament. Għal dan se jkollhom jiġu esplorati sorsi ġodda ta’ finanzjament, pereżempju imposti li jirriżultaw minn applikazzjoni konsistenti tal-prinċipji ta’ “min iniġġes, iħallas” u t-tneħħija tas-sussidji tal-fjuwils fossili f’konformità mal-impenji tal-G20 tal-UE. Ir-riformi li jappoġġaw l-allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi lejn attivitajiet bi produttività għolja u b’livell baxx ta’ karbonju, bħall-iffaċilitar tad-dħul għal negozji ġodda u t-trawwim tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti, se jippermettu trasformazzjoni li saħħaħ il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku.

    Riċerka, innovazzjoni u użu

    Illum, l-ispejjeż ta’ wħud mill-vetturi tal-enerġija u t-teknoloġija avvanzati b’livell baxx ta’ karbonju għadhom għoljin u d-disponibbiltà tagħhom hija limitata. Fiż-żewġ deċennji li ġejjin, fl-UE huwa meħtieġ sforz kbir ta’ riċerka, koordinazzjoni u innovazzjoni, mibni madwar aġenda strateġika u koerenti dwar ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment, biex is-soluzzjonijiet b’livelli baxxi ta’ karbonju jew ħielsa minnu jkunu ekonomikament vijabbli u jinstabu soluzzjonijiet ġodda li għadhom mhumiex qodma jew saħansitra magħrufa fis-suq. F’dan il-kuntest, strateġija ta’ riċerka u innovazzjoni li tħares ’il quddiem jeħtieġ li tiġi ggwidata minn soluzzjonijiet ħielsa mill-karbonju bil-potenzjal li jintużaw sal-2050. Il-klima hija fil-qalba tal-Orizzont Ewropa, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-programm ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tinvesti 35 % tal-baġit ta’ kważi EUR 100 biljun f’għanijiet klimatiċi, permezz tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi u kosteffiċjenti ħielsa mill-karbonju. L-approċċ biex jiġu appoġġati l-proġetti u l-innovazzjonijiet jeħtieġ li jippermetti l-finanzjament ta’ innovazzjonijiet fixkiela b’riskju għoli. L-UE qed tistabbilixxi dawn l-istrumenti ġodda. Wieħed minn dawn l-istrumenti huwa l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni li se jiffoka fuq prodotti, servizzi u proċessi ġodda u rivoluzzjonarji. L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoniu t-Teknoloġija se jkompli wkoll jappoġġa lill-innovaturi żgħażagħ u lin-negozji ġodda fl-Ewropa. Apparti minn hekk, il-Fond ta’ Innovazzjoni taħt l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet se jappoġġa l-wiri fuq skala kummerċjali ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji. Il-politika ta’ koeżjoni se tkompli toffri appoġġ b’segwitu tal-approċċ ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, sabiex tingħata għajnuna lin-negozji fl-innovazzjoni u l-konnessjoni ma’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka. Dawn huma opportunitajiet għal sett b’saħħtu ta’ attivitajiet ta’ riċerka, innovazzjoni u użu tul id-deċennju li ġej. Il-Kummissjoni Ewropea se tesplora kif l-assi tal-Komunità Ewropeà tal-Faħam u l-Azzar f’likwidazzjoni, jistgħu jappoġġaw it-teknoloġiji rivoluzzjonarji għall-produzzjoni tal-azzar b’livell baxx ta’ karbonju.

    Ir-riċerka tal-UE għandha tiffoka fuq soluzzjonijiet trasformazzjonali newtrali fil-karbonju f’oqsma bħall-elettrifikazzjoni (sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, netwerks intelliġenti u batteriji), iċ-ċelluli tal-idroġenu u tal-fjuwil, il-ħżin tal-enerġija, it-trasformazzjoni lejn in-newtralità fil-karbonju ta’ industriji li jużaw ħafna l-enerġija, l-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija u l-intensifikazzjoni sostenibbli tal-agrikoltura u l-forestrija. L-ispejjeż se jonqsu permezz taż-żieda fl-użu iżda fi żmien fejn id-distorsjonijiet kummerċjali globali qed jiżdiedu, strateġija industrijali Ewropea proattiva għall-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni jeħtieġ li tiddefinixxi kif l-użu inizjali jista’ jiġi appoġġat ulterjurment. Għal dan l-għan, l-isfruttament bis-sħiħ tas-Suq Uniku u r-rispett tal-obbligi internazzjonali, eż. permezz ta’ akkwist pubbliku nadif u għajnuna mill-istar immirata u marbuta biż-żmien, se jkunu ta’ importanza ewlenija. Abbażi tal-inzjattivi bħall-Alleanza Ewropea tal-Batteriji, l-UE jeħtieġ li tibni katini ta’ valur b’saħħithom, b’appoġġ mit-teknoloġiji ta’ abilitazzjoni bħall-materjali ġodda, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, il-computing ta’ prestazzjoni għolja u l-bijoteknoloġija.

    Impatti ekonomiċi u soċjali

    Anki mingħajr it-trasformazzjoni lejn emissjonijiet ta’ gass serra żero netti, fl-2050 l-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa se jkunu differenti ħafna mil-lum. Id-demografija tindika li s-soċjetà tagħna se tkun qed tixjieħ b’mod sinifikanti, b’implikazzjonijiet potenzjali fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Min-naħa l-oħra, il-popolazzjoni tagħna se tkun ġeneralment mgħammra aħjar biex taħdem bit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Dawn it-tendenzi se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni.

    L-impatti ekonomiċi ġenerali tat-trasformazzjoni profonda huma pożittivi minkejja l-investiment addizzjonali sinifikanti meħtieġ fis-setturi kollha tal-ekonomija tagħna. L-ekonomija tal-UE fl-2050 mistennija li tkun iktar mid-doppju meta mqabbla mal-1990, anki hekk kif tiġi dekarbonizzata kompletament. Sal-2050, trajettorja kompatibbli mal- emissjonijiet ta’ gass serra żero netti, flimkien ma’ qafas ta’ abilitazzjoni koerenti, huma mistennija li jkollhom impatt minn moderat għal pożittiv fuq il-PDG b’benefiċċji stmati sa 2 % tal-PDG meta mqabbla mal-linja bażi. B’mod importanti ferm, dawn l-istimi ma jinkludux il-benefiċċji tad-dannu evitat fir-rigward tat-tibdil fil-klima u l-ispejjeż tal-adattament marbuta miegħu.

    It-tranżizzjoni se tixpruna t-tkabbir fis-setturi l-ġodda. L-“impjiegi ekoloġiċi” diġà jirrappreżentaw 4 miljun impjieg fl-UE. Investiment ulterjuri għall-modernizzazzjoni industrijali, it-trasformazzjoni tal-enerġija, l-ekonomija ċirkolari, il-mobbiltà nadifa, l-infrastruttura ekoloġika u blu, u l-bijoekonomija se joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol ġodda, lokali u ta’ kwalità għolja. L-azzjonjijiet u l-politiki biex jiġu implimentati l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-2020 diġà ġabu żieda ta’ bejn 1 % u 1.5 % fil-forza tax-xogħol tal-UE u din it-tendenza se tkompli.

    Filwaqt li l-għadd ta’ impjiegi se jiżdied fis-setturi tal-kostruzzjoni, il-biedja u l-forestrija, u l-enerġija rinnovabbli, din it-tranżizzjoni tista’ tkun diffiċli għal għadd ta’ setturi. Ir-reġjuni li l-ekonomiji tagħhom jiddependu fuq attivitajiet li fil-ġejjieni mistennija jonqsu jew li se jkollhom jinbidlu, jistgħu jintlaqtu b’mod partikolari. L-oqsma bħall-estrazzjoni tal-faħam, iż-żejt u l-esplorazzjoni tal-gass probabbilment se jintlaqtu. Is-setturi li jużaw ħafna enerġija, bħal dawk tal-azzar, is-siment u l-kimiċi, kif ukoll il-manifatturi tal-karozzi, se jaraw bidla fil-proċessi ta’ produzzjoni l-ġodda fejn se jkunu meħtieġa ħiliet ġodda. Ir-reġjuni, li ħafna minnhom jinsabu fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li ta’ spiss jinsabu fi Stati Membri b’introjtu iktar baxx, u li jiddependu b’mod ekonomiku fuq dawn is-setturi, se jkollhom sfida.

    Impjiegi eżistenti oħra se jkollhom jiġu ttrasformati u adattati għall-ekonomija l-ġdida. Il-ġestjoni ta’ din il-bidla teħtieġ li jitqiesu l-forza tax-xogħol fl-UE li possibbilment se tkun qed tonqos u tixjieħ, u ż-żieda fis-sostituzzjoni tal-ħaddiema minħabba l-bidliet teknoloġiċi, inklużi d-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni. Pereżempju, iż-żoni rurali jeħtieġ li jżommu forza tax-xogħol b’ ħiliet biżżejjed li jagħmlu tajjeb għad-domandi li qed jiżdiedu u jinbidlu fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija, filwaqt li jaffaċċjaw popolazzjoni rurali li qed tonqos. It-tranżizzjoni hija opportunità għall-intrapriżi żgħar u medji, iżda toħloq ukoll sfidi speċifiċi, bħall-aċċess għall-ħiliet u l-finanzi, li jeħtieġ li jiġu indirizzati.

    Illustrazzjoni5. Impjiegi reġjonali fl-estrazzjoni tal-fjuwils fossili u l-industriji li jużaw ħafna enerġija (livell NUTS2)

    Dawn l-isfidi għandhom il-potenzjal li jżidu d-differenzi soċjali u reġjonali fl-UE, kif ukoll ixekklu l-isforzi għad-dekarbonizzazzjoni. Għaldaqstant, il-proċess ta’ modernizzazzjoni profonda sussegwenti se jkun irid jiġi ġestit tajjeb, filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u soċjalment aċċettabbli għal kulħadd fl-ispirtu tas-solidarjetà u l-inklużjoni. Il-konsegwenzi soċjali tat-tranżizzjoni ma jistgħux jiġu indirizzati wara li ssir. Kemm l-UE, kif ukoll l-Istati Membri, jeħtieġ li jqisu mill-bidu nett l-implikazzjonijiet soċjali u jużaw bis-sħiħ il-politiki kollha rilevanti biex irażżnu din l-isfida. Il-baġit tal-UE, il-politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali, kif ukoll il-politiki dwar il-koeżjoni, jistgħu jnaqqsu d-differenzi soċjoekonomiċi u territorjali fl-Unjoni. L-inizjattivi reġjonali li għaddejjin u li tnedew mill-Kummissjoni Juncker, bħall-pjattaforma u l-proġetti pilota dwar ir-reġjuni li jużaw ħafna l-faħam u l-karbonju u li jinsabu fi tranżizzjoni, huma l-ewwel pass f'din id-direzzjoni u għandhom jissaħħu quddiem il-ħtiġijiet tal-ġejjieni. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi żgurat l-involviment tas-sħab soċjali fit-tħejjija ta’ dawn il-miżuri ta’ tranżizzjoni.

    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali qed jipprovdi l-appoġġ għall-tranżizzjoni ġusta, li jiffoka fuq l-appoġġ ta’ tranżizzjonijiet b’sistemi ta’ ħarsien soċjali xierqa, edukazzjoni inklużiva, taħriġ, u tagħlim tul il-ħajja. L-iżvilupp tal-ħiliet huwa essenzjali. In-nies mhux biss se jkollhom bżonn ħiliet professjonali speċifiċi, iżda wkoll “kompetenzi prinċipali” mill-oqsma bħal ħiliet fix-xjenza, t-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM). L-investment fit-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-popolazzjoni tagħna huwa essenzjali biex ħadd ma jitħalla lura.

    Sakemm ma jiġux stabbiliti miżuri regolatorji jew ta’ mitigazzjoni xierqa, it-tranżizzjoni għandha r-riskju li tolqot b’mod mhux proporzjonali lill-persuni b’introjtu baxx, li jwassal għall-introduzzjoni ta’ xi għamla ta’ prekarjetà enerġetika. Dan ir-riskju jrid jiġi indirizzat. F’ħafna mill-Istati Membri, il-klijenti vulnerabbli jistgħu jibbenefikaw minn tariffi tal-enerġija rregolati, iżda dawn it-tariffi jistgħu jfixklu s-sinjali tas-suq u jnaqqsu l-effiċjenza tal-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika jew ifixklu l-użu tat-teknoloġiji, bħall-arloġġi intelliġenti. Ġeneralment dawn il-kwistjonijiet soċjali huma indirizzati aħjar permezz tal-politika soċjali u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, li l-finanzjament tagħhom jista’ jibbenefika minn bidliet fit-taxxa u r-riċiklaġġ tad-dħul.

    Ir-rwol globali tal-UE

    Finalment, is-suċċess tal-isforzi tal-UE fit-tmexxija ta’ tranżizzjoni ta’ suċċess lejn livelli baxxi ta’ karbonju fil-livell globali, kif ukoll il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jiddependu fuq il-kooperazzjoni internazzjonali. Din hija l-forza mexxejja għall-Ftehim ta’ Pariġi li jipproklama bidla minn azzjoni mill-ftit għal azzjoni minn kulħadd. L-istrateġija fit-tul tal-UE ma tistax tiġi segwita f’iżolament. Għalhekk, l-UE trid tippromwovi t-twettiq dinji ta’ politiki u azzjonijiet sabiex tbiddel it-trajettorja ta’ emissjonijiet li attwalment mhijiex sostenibbli, u biex tiġi ġestita tranżizzjoni ordnata lejn ġejjieni globali b’livell baxx ta’ karbonju. L-UE jeħtieġ li tkompli tagħti eżempju, kif ukoll trawwem kooperazzjoni multilaterali bbażata fuq ir-regoli. Dan jibqa’ l-aħjar mezz għall-UE biex tindirizza din l-isfida globali minnha nnfisha, filwaqt li tenfasizza l-importanza li jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi u li tagħmel minnu suċċess globali.

    Dan ifisser l-antiċipazzjoni u t-tħejjija fir-rigward tal-bidliet ġeopolitiċi u ġeoekonomiċi minnhom innifishom fit-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ karbonju, bħal dipendenzi ġodda jew mibdula li se jinħolqu mat-tbegħid mill-fjuwils fossili, li jbiddel ir-relazzjonijiet ekonomiċi attwali, kif ukoll fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji marbuta mas-sigurtà fil-klima, li se jiżdiedu anki taħt it-tbassir l-iktar ottimistiku taż-żieda fit-temperatura.

    Fl-istess ħin, l-UE trid tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tissalvagwardja u tagħti spinta lill-prospetti tagħha stess għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, kif ukoll biex tindirizza l-vulnerabbiltajiet tagħha stess li jinħolqu mit-tibdil fil-klima jew minn politiki unilaterali dannużi minn atturi globali oħra.

    L-UE se tuża l-azzjoni esterna, il-politika kummerċjali u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha biex tappoġġa t-trasformazzjoni globali lejn perkorsi ta’ żvilupp sostenibbli b’livell baxx ta’ karbonju, f’konformità mal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp. Dan se jkun jeħtieġ sforzi kontinwi fl-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-ambjent fil-politiki pubbliċi, kif ukoll qafas ta’ investiment affidabbli fil-pajjiżi sħab tal-UE.

    Filwaqt li tiddependi mill-importazzjonijiet tal-enerġija, l-UE hija l-ikbar esportatur fid-dinja ta’ oġġetti u servizzi manifatturati. L-UE hija esportatur ewlieni globali fis-setturi downstreambħal dawk tal-kimiki, il-makkinarji u t-tagħmir tat-trasport. Fl-istess ħin, l-UE hija wkoll importatur ewlieni integrat bis-sħiħ fil-katini ta’ valur globali.

    Bħala l-ikbar suq uniku fid-dinja, l-istandards ambjentali għoljin tal-UE fuq il-prodotti għandhom effetti li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Dan jenfasizza r-rwol għal tmexxija kontinwa tal-UE fir-rigward tal-istandards regolatorji, li jitfa’ lill-kumpaniji Ewropej fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u mudelli ta’ negozju ġodda.

    Is-swieq miftuħa, id-dinja globalizzata u l-multilateraliżmu huma prekundizzjoni għall-UE biex tkun tista’ tibbenefika minn tranżizzjoni lejn enerġija nadifa domestikament, kif ukoll globalment. Minħabba t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, tipi ġodda ta’ assi u riżorsi qed isiru strateġiċi, bħall-materja prima kritika meħtieġa għall-enerġija rinnovabbli, l-elettromobbiltà, l-apparati domestiċi diġitali, u l-privattivi. Jista’ jkun hemm ħtieġa għal politiki proattivi u korrettivi biex jiġu żgurati bis-sħiħ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni li jkunu wkoll kompetittivi, f’konformità mal-obbligi internazzjonali. Hekk kif l-UE tibqa’ miftuħa għal investiment u kummerċ li ma jagħmlux ħsara lill-klima, jeħtieġ li tiddefendi wkoll id-dritt tagħha għal aċċess reċiproku, ġust u governat b’mod trasparenti għas-swieq, l-infrastruttura u l-materja prima kritika ta’ pajjiżi sħab.

    Dan jibda’ bit-tisħiħ tad-diplomazija dwar l-enerġija u l-klima tal-UE, u b’iktar għanijiet u kunsiderazzjonijiet għall-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fid-djalogi politiċi, inkluż il-qasam tal-migrazzjoni, is-sigurtà u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Abbażi tal-Istrateġija Kummerċ għal Kulħadd tal-Kummissjoni Ewropea, il-politika kummerċjali tal-UE diġà qed tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli fl-UE u f’pajjiż terzi. Kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli jista’ jikkontribwixxi għall-użu globali tat-teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima, filwaqt li jiffaċilita t-tranżizzjoni tal-enerġija u jgħin biex jiġu żgurati l-provvisti tal-materja prima meħtieġa, inkluż dik użata fit-tekonoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. L-UE jeħtieġ ukoll li tkompli tikkatalizza lill-atturi mhux statali, pereżempju permezz tal-Patt tas-Sindki Globali.

    Ir-rwol taċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali

    It-trasformazzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass żero netti ma tikkonċernax biss it-teknoloġiji u l-impjiegi. Tikkonċerna wkoll lin-nies u l-ħajja tagħhom ta’ kuljum, kif ukoll il-mod kif l-Ewropej jaħdmu , jittrasportaw ruħhom u jgħixu flimkien. Il-mixja lejn ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti tista’ tkun ta’ suċċess permezz ta’ ċittadini li jħaddnu l-bidla, li jinvolvu ruħhom u li jarawha bħala benefiċċju għal ħajjithom u għal ħajja ta’ wliedhom. Ir-responsabbiltà lokali tal-investimenti hija eżempju tajjeb ta’ dan. Il-konsumaturi għandhom rwol importanti biex it-trasformazzjoni tingħata spinta ’l quddiem – b’avvanz lejn ekonomija b’gass serra żero nett Attwalment il-konsumaturi għandhom rieda li dejjem qed tiżdied biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet sostenibbli. L-għażla ta’ kull persuna li tixtri dar, tagħżel fornitur tal-enerġija, vettura ġdida jew apparat u tagħmir domestiku, għandha impatt fuq il-marka tal-karbonju tagħha għal bosta snin li ġejjin. L-għażliet personali dwar l-istil ta’ ħajja jistgħu jagħmlu differenza kbira, filwaqt li jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Il-miżuri regolatorji, l-inizjattivi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u l-introduzzjoni ta’ tendenzi soċjetali jistgħu jappoġġaw lil xulxin, filwaqt li jippermettu tibdil rapidu kif intwera, pereżempju, mis-sistema tal-UE għat-tikkettar enerġetiku li kienet ta’ suċċess u li ġiet ikkuppjata f’diversi nħawi fid-dinja.

    Il-bliet huma diġà l-laboratorji għal soluzzjonijiet trasformattivi u sostenibbli. Ir-rinnovazzjoni tal-bliet u l-ġestjoni aħjar tal-ispazju, inkluż spazji ekoloġiċi, jistgħu jkunu xpruni ewlenin għar-rinnovazzjonijiet tad-djar u biex in-nies jitħajru jgħixu mill-ġdid qrib ix-xogħol, filwaqt li jtejbu l-kundizzjonijiet ħajjithom u jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar u l-istress assoċjat miegħu. Sabiex iċ-ċittadini tal-Ewropa jitħarsu mill-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, l-ippjanar u l-bini ta’ infrastruttura pubblika li tiflaħ aktar għall-avvenimenti estremi tat-temp se jkunu għażla imperattiva li mhux se jkun hemm dispjaċir dwarha. F’dan ir-rigward, l-UE jeħtieġ tapprofitta mir-rwol tar-reġjuni, il-bliet u l-bliet żgħar, u tespandih. Il-Patt tas-Sindki tal-UE li jirrappreżenta 200 miljun ċittadin Ewropew huwa eżempju ta’ pjattaforma kollaborattiva li jippermetti lill-awtoritajiet lokali biex jitgħallmu minn xulxin. L-inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment, URBIS, hija eżempju tanġibbli tal-assistenza tal-UE għall-bliet fl-iżvilupp tal-istrateġiji ta’ investiment tagħhom. L-Aġenda Urbana tal-UE li ssaħħaħ id-dimensjoni urbana tal-politiki rilevanti tal-UE wkoll għandha rwol.

    5. Konklużjoni u l-passi li jmiss

    L-UE diġà bdiet il-modernizzazzjoni u t-trasformazzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u se tkompli tmexxi l-isforzi globali għal dan l-għan. Bħala rispons għar-rapport riċenti tal-IPCC u biex tikkontribwixxi għall-istabbilizzar tal-klima f’dan is-seklu, l-UE jeħtieġ li sal-2050 tkun minn ta' quddiem biex tasal għal emissjonijiet ta’ gass serra żero netti u twitti t-triq fid-dinja. Sabiex tagħmel dan, l-UE jeħtieġ li żżid l-isforzi tagħha.

    It-tibdil fil-klima huwa theddida globali, u l-Ewropa waħedha ma tistax twaqqfu. Għalhekk, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab se tkun essenzjali biex jissaħħu l-perkorsi ta’ tnaqqis tal-gass serra li huma konsistenti mal-Ftehim ta’ Pariġi.

    Madankollu, l-UE għandha interess vitali fil-ħidma lejn ekonomija b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti sa nofs is-seklu u biex turi li emissjonijiet żero netti jimxu id f'id mal-prosperità, filwaqt li jkun hemm ekonomiji oħra li jsegwu l-eżempju tas-suċċess tagħha. Għandha tkun ibbażata fuq l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha biex jagħmlu l-bidla possibbli u l-informazzjoni xierqa lill-pubbliku.

    Dan jirrappreżenta opportunità kbira biex ir-rispons jgħaddi b’mod strateġiku lejn l-isfidi tas-seklu 21, aktar milli jiġi ppreżentat u adattat għat-tibdil inevitabbli li ġej. L-iżgurar ta’ tranżizzjoni soċjalment ġusta hija kruċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni politikament fattibbli. Din se tkun ta’ sfida, iżda ma għandhiex x’taqsam mal-isfidi tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom jekk ma naġixxux. L-iskop ta’ din il-viżjoni stateġika mhuwiex li jiġu stabbiliti l-miri, iżda li jinħolqu viżjoni u sens ta’ direzzjoni, jkun hemm pjan għaliha, u li l-partijiet ikkonċernati, ir-riċerkaturi, l-imprendituri u ċ-ċittadini jiġu ispirati u permessi bl-istess mod li jiżviluppaw industriji ġodda u innovattivi, negozji u impjiegi assoċjati.

    L-ippjanar bikri għal din il-viżjoni lejn Ewropa b’emissjonijiet ta’ gass serra żero netti se jippermetti lill-Istati Membri, lin-negozji u liċ-ċittadini biex jagħmlu għażliet, u jfasslu l-perkors eventwali għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, l-allokazzjonijiet tar-riżorsi, l-innovazzjoni tal-industriji u l-preferenzi tal-konsumaturi.

    Illustrazzjoni6. Trajettorja tal-emissjonijiet ta’ gass serra f’xenarju ta’ 1.5 8

    Hemm għadd ta’ perkorsi għall-kisba ta’ emissjonijiet ta’ gass serra żero netti newtrali għall-klima f’konformità mal-viżjoni tagħna: kollha kemm huma ta’ sfida, iżda jistgħu jkunu fattibbli minn perspettiva teknoloġika, ekonomika, ambjentali u soċjali. Biex nilħqu dan l-għan neħtieġu trasformazzjonijiet soċjetali u ekonomiċi profondi f’ġenerazzjoni li tolqot kull settur tal-ekonomija. Jeħtieġ li l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ approċċ Ewropew kompettiv, inklużiv, soċjalment ġust u multilaterali, għadd ta' prijoritajiet li jirkbu fuq xulxin, iżda konsistenti bis-sħiħ mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jkunu ta’ gwida għat-tranżizzjoni lejn Ewropa newtrali għall-klima:

     

    ·L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa biż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika għolja u s-sigurtà mtejba tal-provvista, b’iktar attenzjoni kontra t-theddid taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jiġu żgurati prezzijiet tal-enerġija kompetittivi, dawnflimkien isaħħu l-modernizzazzjoni tal-ekonomija tagħna;

    ·Ir-rikonoxximent u t-tisħiħ tar-rwol ċentrali taċ-ċittadini u l-konsumaturi fit-tranżizzjoni tal-enerġija, it-trawwim u l-appoġġ tal-għażliet tal-konsumatur li jnaqqsu l-impatt klimatiku, u l-ħsad ta’ benefiċċji soċjetali kollaterali li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom;

    ·L-introduzzjoni ta’ mobbiltà tat-trasport bit-triq ħielsa mill-karbonju, konnessa u awtomatizzata; il-promozzjoni multimodali u l-bidliet lejn modi b’livell baxx ta’ karbonju, bħat-trasport ferrovjarju u fuq l-ilma; ir-ristrutturar tal-imposti u t-taxxi fuq it-trasport biex jirriflettu l-infrastruttura u l-ispejjeż esterni; l-indirizzar tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-trasport tal-baħar bl-użu ta’ teknoloġiji u fjuwils avvanzati; l-investiment f’infrastruttura moderna tal-mobbiltà u r-rikonoxximent tar-rwol tal-ippjanar urban aħjar;

    ·L-ispinta fil-kompetittività industrijali tal-UE permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni lejn ekonomija diġitalizzata u ċirkolari li tillimita l-ħolqien ta’ dipendenzi ġodda fuq il-materjali; il-bidu tal-ittestjar fuq skala ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji; il-monitoraġġ tal-implikazzjonijiet fuq it-termini tal-kummerċ tal-UE, b’mod partikolari għall-industriji li jużaw ħafna enerġija u l-fornituri ta’ soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju, l-iżgurar ta' swieq kompetittivi li jattiraw industriji b’livell baxx ta’ karbonju, u t-trażżintal-pressjonijiet kompetittivi, f’konformità mal-obbligi internazzjonali, li jistgħu jwasslu għal rilokazzjoni tal-karbonju u rilokazzjoni industrijali mhux mixtieqa;

    ·Il-promozzjoni ta’ bijoekonomija sostenibbli, id-diversifikazzjoni fl-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem, l-akkwakultura u l-produzzjoni tal-forestrija, iż-żieda ulterjuri fil-produttività filwaqt li jsir ukoll l-adattament għat-tibdil fil-klima nnifsu, il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi, u l-iżgurar tal-użu u l-ġestjoni sostenibbli tal-art naturali u r-riżorsi akkwatiċi u marini;

    ·It-tisħiħ tal-infrastruttura u li ssir reżistenti għat-tibdil fil-klima. Permezz ta’ soluzzjonijiet intelliġenti diġitali u ċibersiguri, l-adattament għall-ħtiġijiet futuri tal-grilji tal-elettriku, tal-gass, tat-tisħin u oħrajn, li jippermetti l-integrazzjoni settorjali li tibda fil-livell lokali u bir-raggruppamenti ewlenin tal-industrija u tal-enerġija ;

    ·L-aċċellerazzjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fuq perjodu qasir f’portafoll wiesa’ ta’ soluzzjonijiet ħielsa mill-karbonju, filwaqt li tissaħħaħ it-tmexxija globali tal-UE;

    ·Il-mobilizzazzjoni u l-orjentazzjoni tal-finanzi u l-investiment sostenibbli, filwaqt li jiġi mħajjar appoġġ minn kapital "paċenzjuż" (jiġifieri kapital ta’ riskju fit-tul); l-investiment f’infrastruttura ekoloġika u l-minimizzazzjoni tal-assi mhux rekuperabbli, kif ukoll l-isfruttament bis-sħiħ tal-potenzjal tas-Suq Uniku;

    ·L-investiment fil-kapital uman fid-deċennju li ġej u lil hinn minnu, it-tagħmir tal-ġenerazzjonijiet tal-preżent u dawk futuri bl-aħjar edukazzjoni u taħriġ fil-ħiliet meħtieġa (inkluż dwar it-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali) b’sistemi ta’ taħriġ li jirreaġixxu malajr għar-rekwiżiti dejjem jinbidlu tal-impjieġi .

    ·L-allinjament ta’ politiki importanti li jżidu t-tkabbir u li jappoġġjawh, bħall-politiki dwar il-kompetizzjoni, is-suq tax-xogħol, il-ħiliet, il-politika ta’ koeżjoni, it-tassazzjoni u strutturi oħra, mal-politika dwar l-azzjoni klimatika u l-enerġija;

    ·L-iżgurar li t-tranżizzjoni tkun soċjalment ġusta. Il-koordinazzjoni tal-politiki fil-livell tal-UE ma’ dawk tal-Istati Membri, bi gvernijiet reġjonali u lokali li jippermettu tranżizzjoni ġusta u ġestita tajjeb li ma tħalli l-ebda reġjun, komunità jew ċittadin lura;

    ·It-tkomplija tal-isforzi internazzjonali tal-UE biex l-ekonomiji maġġuri u emerġenti l-oħra kollha jiġu involuti u jitkompla l-ħolqien ta’ momentum pożittiv biex tissaħħaħ l-ambizzjoni fil-klima globali; il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-esperjenza fl-iżvilupp ta’ strateġiji fit-tul u l-implimentazzjoni ta’ politiki effiċjenti sabiex l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi jintlaħqu kollettivament. L-antiċipazzjoni u t-tħejjija għal bidliet ġeopolitiċi, inkluż il-pressjoni migratorja, u t-tisħiħ tas-sħubijiet bilaterali u multilaterali, pereżempju, permezz tal-għoti ta’ appoġġ lil pajjiżi terzi biex jiddefinixxu żvilupp reżiljenti b’livell baxx ta’ karbonju permezz tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-investimenti.

    Sa tmiem l-2018, l-Istati Membri se jressqu l-abbozzi tagħhom tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Klima u l-Enerġija lill-Kummissjoni Ewropea, li huma ċentrali għall-kisba tal-miri dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 u li għandhom iħarsu ’l quddiem u jitqiesu fl-istrateġija fit-tul tal-UE. Barra minn hekk, għadd dejjem jiżdied ta’ reġjuni, muniċipalitajiet u assoċjazzjonijiet ta’ negozju qed ifasslu l-viżjoni tagħhom stess għall-2050, li se tarrikkixxi d-dibattitu u tikkontribwixxi għad-definizzjoni tat-tweġiba tal-Ewropa għall-isfida globali tat-tibdil fil-klima.

    Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Kunsill Parlament, lill-Kunsill Parlament Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex iqisu l-viżjoni tal-UE għal Ewropea newtrali għall-klima sal-2050. Sabiex il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE jitħejjew fit-tfassil tal-Ġejjieni tal-Ewropa fis-Summit Speċjali tad-9 ta’ Mejju 2019 f’Sibiu, il-formazzjonijiet tal-Kunsill rilevanti kollha jeħtieġ li jiftħu dibattiti politiċi estensivi dwar il-kontribuzzjoni tal-oqsma ta’ politika rispettivi tagħhom għall-viżjoni ġenerali.

    B’mod parallel, fl-ewwel nofs tal-2019, il-Kummissjoni Ewropea se tiftaħ dibattitu b’mod miftuħ u inklużiv għall-Istati Membri kollha tal-UE, dwar it-trasformazzjoni ekonomika kbira meħtieġa u t-tibdil soċjetali fundamentali. Il-Parlamenti Nazzjonali, in-negozji, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, il-bliet u l-komunitajiet, kif ukoll iċ-ċittadini b’mod ġenerali u ż-żgħażagħ, jeħtieġ li jipparteċipaw fid-Djalogi taċ-Ċittadini fejn se tiġi diskussa l-kontribuzzjoni ġusta tal-UE għall-kisba effiċjenti fit-tul tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi fir-rigward tat-temperatura, u biex jiġu identifikati l-elementi kostitwenti prinċipali ħalli tinkiseb din it-trasformazzjoni.

    Dan id-dibattitu informat mifrux mal-UE kollha għandu jippermetti lill-UE biex sal-bidu tal-2020 tadotta u tressaq strateġija ambizzjuża lill-UNFCCC kif mitlub skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

    Mil-lat internazzjonali, tul is-sena li ġejja l-UE jeħtieġ li tespandi l-kooperazzjoni tagħha fil-qrib mas-sħab internazzjonali tagħha, sabiex sal-2020 il-partijiet kollha tal-Ftehim ta’ Pariġi jiżviluppaw u jressqu strateġija nazzjonali fit-tul għal nofs is-seklu fid-dawl tar-Rapport Speċjali riċenti tal-IPCC dwar il-1.5̊ Celsius.

    (1) Skont ir-rapport tal-Ewrobarometru dwar it-tibdil fil-klima, ippubblikat f’Settembru 2017, madwar tliet kwarti taċ-ċittadini (74 %) tal-Unjoni Ewropea (UE) jqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja ħafna u iktar minn disgħa minn kull għaxra (92 %) jarawh bħala problema serja.
    (2) Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2019 (COM (2018)800), paġna 4.
    (3) L-Artikolu (15) tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika.
    (4) Fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ tal-pajjiżi żviluppati bħala grupp.
    (5) COM (2016) 759
    (6) Esklużi l-investimenti meħtieġa biex jiġu sostitwiti l-vetturi.
    (7) Inklużi l-investimenti meħtieġa biex jiġu sostitwiti l-vetturi.
    (8) L-iżbarri jirrappreżentaw l-emissjonijiet u l-assorbiment fl-2050 tas-seba’ u t-tmien xenarji.
    Top