Paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa — Regoli dwar trasparenza fil-pagi
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva (UE) 2023/970 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi tal-infurzar
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Din tistabbilixxi r-regoli minimi biex isaħħu:
- rispett għall-prinċipju ta’ paga* ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa;
- il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni* diretta jew indiretta fil-paga abbażi ta’ sess,
- trasparenza fil-pagi u infurzar aktar qawwi tad-dritt għal paga ndaqs.
PUNTI EWLENIN
Id-direttiva tapplika għal:
- impjegaturi fis-settur pubbliku u privat;
- il-ħaddiema kollha fuq kuntratt tax-xogħol jew f’relazzjoni tal-impjieg definita bil-liġi, ftehim u/jew prattika kollettiva.
Paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs
- L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jiżguraw li impjegaturi jkollhom strutturi ta’ paga li jeskludu kull diskriminazzjoni ta’ paga abbażi ta’ sess.
- Il-valutazzjoni ta’ xogħol komparabbli trid tkun ibbażata fuq kriterja inkluż ħiliet, sforz, responsabbiltà u kundizzjonijiet tax-xogħol, u kriterji oħra li huma rilevanti mal-kompitu jew pożizzjoni speċifika. Il-kriterji jridu jkunu applikati b’manjiera objettiva u newtrali għall-ġeneru, u jeskludu kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi ta’ sess.
Miżuri dwar trasparenza fil-pagi jistipulaw li:
- l-applikanti għal impjieg:
- għandhom id-dritt għall-informazzjoni minn impjegatur prospettiv qabel l-intervista dwar paga inizjali tal-pożizzjoni tal-impjieg jew il-firxa tagħha u, fejn rilevanti, dettalj tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv applikat mill-impjegatur fir-rigward tal-pożizzjoni;
- il-ħaddiema:
- għandhom id-dritt li jitolbu (direttament jew permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom jew entità nazzjonali tal-ugwaljanza) informazzjoni dwar il-livell individwali ta’ paga tagħhom u l-livelli medji tal-paga, diżaggregata skont sess, għal kategoriji ta’ ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol bħalhom jew xogħol ta’ valur indaqs għal tagħhom,
- mhux ser ikunu miżmuma milli jikxfu l-paga tagħhom għall-iskop ta’ infurzar tal-prinċipju ta’ paga ndaqs;
- l-impjegaturi:
- ma jistgħux jistaqsu lil applikanti għal impjieg dwar il-paga kurrenti jew preċedenti tagħhom,
- jiżguraw li avviżi ta’ postijiet battala u titoli tal-impjiegi jkunu newtrali għall-ġeneru u li proċessi ta’ reklutaġġ ma jkunux diskriminatorji,
- • jagħmlu faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema tagħhom il-kriterji li jintużaw biex jidditerminaw il-paga tal-ħaddiema, il-livelli ta’ paga u progressjoni ta’ paga u dawk il-kriterji jridu jkunu objettivi u newtrali għall-ġeneru,
- jinfurmaw lill-impjegati kollha tagħhom kull sena dwar id-dritt tagħhom li jitolbu u jirċievu informazzjoni bil-miktub dwar il-paga individwali tagħhom u l-livelli medji ta’ paga diżaggregata skont sess għal kollegi li jkunu qed jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur indaqs,
- jipprovdu informazzjoni bħal lakuna fil-paga tal-ġeneru u l-proporzjon ta’ persunal nisa u rġiel li jirċievu komponenti komplementarji jew varjabbli (dan ir-rekwiżit ser ikun imdaħħal gradwalment mis-7 ta’ Ġunju 2027 għal impjegaturi b’aktar minn 100 ħaddiem, skont id-daqs tal-kumpanija),
- jikkooperaw ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema biex jidentifikaw, jirrimedjaw u jevitaw differenzi diskriminatorji ta’ paga meta r-rapportar tal-paga tagħhom jikxef lakuna ta’ paga abbażi ta’ ġeneru ta’ aktar minn 5 % li ma tistax tkun ġġustifikata minn kriterji objettivi, newtrali għall-ġeneru u ma tkunx indirizzata fi żmien 6 xhur.
L-Istati Membri:
- jiżguraw id-disponibbiltà ta’ għodda jew metodoloġiji analitiċi biex jivvalutaw u jqabblu l-valur ta’ impjiegi differenti fil-livell tal-impjegatur;
- jipprovdu assistenza u taħriġ tekniku biex jgħinu lil impjegaturi b’inqas minn 250 persunal biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-direttiva;
- jieħdu miżuri biex jiżguraw li msieħba soċjali jkunu involuti attivament, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali u konformi ma’ liġi u prattika nazzjonali.
Rimedji u infurzar
L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li:
- ħaddiema jkollhom id-dritt li jmorru l-qorti biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom għal paga ndaqs jekk tfalli r-rikonċiljazzjoni;
- assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, entitajiet ta’ ugwaljanza, rappreżentanti tal-ħaddiema u oħrajn b’interess leġittimu fl-iżgurar ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jkunu involuti f’proċedimenti amminstrattivi jew ġudizzjarji;
- ħaddiema li d-drittijiet tagħhom ikunu miksura jkunu jistgħu jitolbu kumpens sħiħ, inkluż paga b’lura, bonuses relatati jew pagamenti in natura, kumpens għal opportunitajiet mitlufa u dannu mhux materjali;
- awtoritajiet kompetenti jew qrati nazzjonali jistgħu jordnaw:
- li ksur jitwaqqaf u l-prinċipju ta’ paga ndaqs ikun applikat,
- li impjegaturi jikxfu kull evidenza rilevanti;
- impjegaturi jridu jippruvaw li ebda diskriminazzjoni ma saret jekk jinġieb każ kontrihom;
- il-perjodu ta’ limitazzjoni biex jinġiebu talbiet għal paga ndaqs ma jkunx iqsar minn 3 snin;
- penali, li jridu jinkludu pieni, huma effettivi, proporzjonati u dissważivi;
- fil-prestazzjoni ta’ kuntratti jew konċessjonijiet pubbliċi, operaturi ekonomiċi (inkluża l-katina ta’ subappalt) jikkonformaw mal-obbligi relatati mal-prinċipju ta’ paga ndaqs;
- ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom ma jkunux vittimizzati abbażi tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom relatati ma’ paga ndaqs.
Dispożizzjonijiet orizzontali
- Entitajiet tal-ugwaljanza għandhom ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-iskop tad-direttiva ta’ trasparenza fil-pagi.
L-Istati Membri:
- iridu jipprovdu l-entitajiet tal-ugwaljanza tagħhom bir-riżorsi adegwati biex iwettqu b’mod effettiv il-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-rispett għad-dritt għal paga ndaqs;
- iridu jiżguraw monitoraġġ konsistenti u kkoordinat ta’ u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs;
- jistgħu japplikaw aktar termini favorabbli għal ħaddiema milli dawk li hemm fid-direttiva;
- iridu jipprovdu lil Eurostat kull sena, mill-31 ta’ Jannar 2028, b’data nazzjonali għall-kalkolu tal-lakuna tal-paga tal-ġeneru;
- iridu jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea sas-7 ta’ Ġunju 2031 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni — dan jipprovdi l-input għar-rapport tal-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sas-7 ta’ Ġunju 2033.
MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?
Id-direttiva trid tkun transposta f’liġi nazzjonali sas-7 ta’ Ġunju 2026. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw minn dik id-data.
SFOND
- In-nisa fl-UE jaqilgħu medja ta’ 13 % inqas mill-kontroparti rġiel tagħhom. Dik il-lakuna tal-paga tal-ġeneru in ġenerali staġnat tul l-aħħar deċennju.
- L-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi 2020–2025 tal-UE (ara s-sommarju) tipprovdi l-bażi għax-xogħol tal-Kummissjoni fuq ugwaljanza bejn is-sessi u tissettja l-objettivi tal-politika, inklużi t-trasparenza fil-pagi u inizjattivi ewlenin matul dan il-perjodu.
-
Il-prinċipju ta’ paga ndaqs hu minqux f’Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan jirrikjedi li Stati Membri jiżguraw il-“prinċipju ta’ paga ndaqs għal ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs”.
- Il-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess fir-rigward ta’ kull aspett u kundizzjoni ta’ paga hu mniżżel f’Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE (ara s-sommarju).
TERMINI EWLENIN
Il-paga. Paga jew salarju bażiku jew minimu, flimkien ma’ benefiċċji fi flus jew in natura li ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament.
Diskriminazzjoni. Din tinkludi fastidju u fastidju sesswali, trattament u struzzjoni inqas favorevoli biex tiddiskrimina kontra persuni abbażi ta’ sess, diskriminazzjoni intersezzjonali, u tirreferi għal diskriminazzjoni diretta u indiretta.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (ĠU L 132, 17.5.2023, pp. 21–44).
DOKUMENTI RELATATI
Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu X — Il-politika soċjali — l-Artikolu 157 (ex Artikolu 141 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 117–118).
Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, 26.7.2006, pp. 23–36).
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parliament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni ta’ ugwaljanza: Strateġija ta’ ugwaljanza bejn is-sessi 2020–2025 (COM(2020) 152 final, 5.3.2020).
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: — Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ mpjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (COM(2013) 0861).
Persunal tal-Kummissjoni li jaħdmu fuq evalwazzjoni ta’ dokument tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva 2006/54/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattat dwar “paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs” (SWD(2020) 0050 final).
l-aħħar aġġornament 12.07.2023