Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (COM(2000) 1final) dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Hija tispjega l-prinċipju ta’ prekawzjoni li jippermetti li jingħata rispons rapidu fid-dawl tal-periklu possibbli għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, jew biex jiġi mħares l-ambjent.
  • B’mod partikolari, fejn id-data xjentifika ma tippermettix evalwazzjoni kompluta tar-riskju, ir-rikors għal dan il-prinċipju jista’, pereżempju, isir sabiex tintemm id-distribuzzjoni tal-prodotti li jistgħu jkunu ta’ periklu jew jew biex dawn jiġu rtirati mis-suq.
  • Hija tistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

PUNTI EWLENIN

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa ddettaljat fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu l-għan li jiżgura livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali permezz tat-teħid ta’ deċiżjonijiet preventivi fil-każ ta’ riskju. Madankollu, fil-prattika, l-ambitu ta’ dan il-prinċipju huwa ħafna usa’ u jkopri wkoll il-politika tal-konsumatur, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-ikel u s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti.

Id-definizzjoni tal-prinċipju se jkollha wkoll impatt pożittiv fil-livell internazzjonali, sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni ambjentali u tas-saħħa fin-negozjati internazzjonali. Dan ġie rrikonoxxut minn diversi ftehimiet internazzjonali, speċjalment il-Ftehim Sanitarju u Fitosanitarju (SPS) konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Ir-rikors għaIl-prinċipju ta’prekawzjoni

Skont il-Kummissjoni Ewropea il-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jiġi invokat meta fenomenu, prodott jew proċess jista’ jkollu effett perikoluż, identifikat minn evalwazzjoni xjentifika u oġġettiva, jekk din l-evalwazzjoni ma tkunx tippermetti li r-riskju jiġi ddeterminat b’biżżejjed ċertezza.

Ir-rikors għall-prinċipju jappartjenni għall-qafas ġenerali tal-analiżi tar-riskji (li, minbarra l-evalwazzjoni tar-riskji, tinkludi l-ġestjoni u l-komunikazzjoni tar-riskji), u b’mod iktar partikolari fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskju li jikkorrispondi għall-fażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jiġi invokat biss fl-eventwalità ta’ riskju potenzjali u li qatt ma’ jista’ jiġġustifika deċiżjonijiet arbitrarji.

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jiġi invokat biss meta jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet preliminari:

  • l-identifikazzjoni tal-effetti potenzjalment avversi;
  • l-evalwazzjoni tad-data xjentifika disponibbli;
  • il-portata tal-inċertezza xjentifika.

Miżuri ta’prekawzjoni

L-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tar-riskju jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu jew ma jaġixxux, skont il-livell tar-riskju. Jekk ir-riskju jkun għoli, jistgħu jiġu adottati diversi kategoriji ta’ miżuri. Dan jista’ jinvolvi atti legali proporzjonati, il-finanzjament ta’ programmi tar-riċerka, miżuri ta’ informazzjoni pubblika, eċċ.

Linji gwida komuni

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jkun infurmat minn tliet prinċipji speċifiċi:

  • l-aktar evalwazzjoni xjentifika kompluta possibbli, id-determinazzjoni, kemm jista’ jkun, tal-grad ta’ inċertezza xjentifika;
  • evalwazzjoni tar-riskju u evalwazzjoni tal-konsegwenzi potenzjali ta’ nuqqas ta’ azzjoni;
  • il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fl-istudju tal-miżuri ta’ prekawzjoni, ladarba jkunu disponibbli r-riżultati tal-evalwazzjoni xjentifika u/jew tal-evalwazzjoni tar-riskji.

Barra minn hekk, il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni tar-riskju jibqgħu applikabbli meta jiġi invokat il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Dawn huma l-ħames prinċipji segwenti:

  • il-proporzjonalità bejn il-miżuri meħuda u l-livell ta’ protezzjoni magħżul;
  • in-nondiskriminazzjoni fl-applikazzjoni tal-miżuri;
  • il-konsistenza tal-miżuri ma’ miżuri simili li diġà ttieħdu f’sitwazzjonijiet simili jew bl-użu ta’ approċċi simili;
  • l-eżami tal-benefiċċji u l-ispejjeż tal-azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni;
  • ir-reviżjoni tal-miżuri fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi.

L-oneru tal-provi

F’ħafna każijiet, il-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentawhom iridu juru l-periklu assoċjat ma’ proċedura jew prodott imqiegħed fis-suq, ħlief għall-mediċini, il-pestiċidi u l-addittivi tal-ikel.

Madankollu, fil-każ ta’ azzjoni li tittieħed taħt il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-produttur, il-manifattur jew l-importatur jistgħu jkunu meħtieġa jippruvaw in-nuqqas ta’ periklu. Din il-possibbiltà trid tiġi eżaminata fuq bażi ta’ każ b’każ. Ma tistax tiġi estiża b’mod ġenerali għall-prodotti u l-proċessi kollha mqiegħda fis-suq.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni (COM(2000) 1 final tat-2 ta’ Frar 2000)

l-aħħar aġġornament 30.11.2016

Top