Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

Miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2011/486/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

Id-Deċiżjoni 2011/753/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fil-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAR-REGOLAMENT?

Dawn huma parti mill-għodod tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-Unjoni Ewropea (UE) li jippromwovu l-objettivi tal-PESK billi jipprovdu l-bażi legali għas-sanzjonijiet tal-UE kontra t-Taliban fl-Afganistan, u individwi, gruppi, imptiżi u entitajiet oħra assoċjati magħhom.

PUNTI EWLENIN

Id-deċiżjoni u r-regolament kienu emendati bosta drabi. Dawn jinkludu firxa wiesgħa ta’ projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li jimmiraw dawk li jikkostitwixxu theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Afganistan, it-Taliban flimkien ma’ individwi u gruppi assoċjati magħhom, identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU stabbilit mill-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1988 (2011) inkluż:

  • embargo fuq l-armi fuq il-provvista, il-bejgħ, l-esportazzjoni jew it-trasferiment ta’ tagħmir militari, inkluż kull konsulenza, assistenza jew taħriġ tekniku relatat, għal tali individwi, gruppi, impriżi, entitajiet jew korpi;
  • projbizzjoni li tipprovdi direttament jew indirettament assistenza teknika relatata mal-oġġetti u teknoloġija elenkata fil-lista komuni militari, jew relatata mal-provvediment, manifattura, manutenzjoni u użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil tali individwi, gruppi, impriżi, entitajiet jew korpi;
  • rifjut ta’ dħul fi jew tranżitu fit-territorju tal-UE għal tali individwi, gruppi, impriżi, entitajiet jew korpi;
  • iffriżar tal-fondi*, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi* oħra Ta’ tali individwi, gruppi, impriżi, entitajiet jew korpi;
  • projbizzjoni ta’ kull attentat biex jevadu s-sanzjonijiet.

Eżenzjonijiet

Id-deċiżjoni u r-regolament it-tnejn għandhom ċerti eżenzjonijiet mill-projbizzjonijiet u mir-restrizzjonijiet. Dawn jinkludu fondi, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal ħlas ta’:

  • bżonnijiet bażiċi bħal spejjeż tal-ikel u tal-mediċina, għal individwi elenkati u l-membri dipendenti tal-familja tagħhom;
  • tariffi professjonali u tariffi għal servizz;
  • spejjeż straordinarji.

Il-leġiżlazzjoni tkopri:

  • l-UE, inkluż l-ispazju tal-ajru tiegħu;
  • ajruplani u bċejjeċ tal-bahar taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru tal-UE;
  • ċittadini u negozjanti tal-UE.

L-anness għad-deċiżjoni jinkludi, b’raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom, lista ta’ individwi (Sezzjoni A) u entitajiet u gruppi u impriżi oħra (Sezzjoni B) assoċjati mat-Taliban.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ser jistabbilixxi l-lista li hemm fl-anness u ser jemendaha konformi ma’ determinazzjonijiet magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jinfurmaw lil xulxin fil-pront dwar miżuri li jieħdu taħt il-leġiżlazzjoni u jagħtu lil xulxin informazzjoni rilevanti

L-Istati Membri jiddeterminaw penali xierqa għal ksur tal-leġiżlazzjoni u jieħdu kull miżura biex jiżguraw li s-sanzjonijiet ikunu implimentati.

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U R-REGOLAMENT?

Deċiżjoni 2011/486/PESK ilha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2011

Ir-Regolament (UE) Nru 753/2011 ilu japplika mit-2 ta’ Awwissu 2011

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Fondi. Assi finanzjjarji u benefiċċji ta’ kull xorta.
Riżorsi ekonomiċi. Assi tanġibbli u mhux tanġibbli.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/486/PESK tal-1 ta’ Awwissu 2011 rigward miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (ĠU L 199, 2.8.2011, pp. 57–72).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2011/486/PESK ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 753/2011 tal-1 ta’ Awwissu 2011 rigward miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (ĠU L 199, 2.8.2011, pp. 1–22).

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu V — Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Kapitolu 2 — Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni — Taqsima 1 — Dispożizzjonijiet komuni — l-Artikolu (29 (ex Artikolu 15 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 33).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Il-Ħames Parti — L-azzjoni esterna tal-Unjoni — Titolu IV — Miżuri restrittivi — l-Artikolu 215 (ex Artikolu 301 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 144).

Lista militari komuni tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 69, 18.3.2010, pp. 19–51).

l-aħħar aġġornament 05.04.2023

Top