EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

Id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva (UE) 2019/1024 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi l-qafas legali għall-użu mill-ġdid* ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku bħal informazzjoni ġeografika, tar-reġistru tal-artijiet, statistika jew legali miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku* jew impriżi pubbliċi*, u ta’ data tar-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi.
  • Din għandha l-għan li ttejjeb il-potenzjal soċjoekonomiku tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, pereżempju billi tagħmilha aktar faċilment disponibbli għal negozji ġodda u intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, billi żżid il-provvista ta’ data dinamika* u settijiet tad-data b’impatt ekonomiku partikolarment għoli, u billi tippromwovi l-kompetizzjoni u t-trasparenza fis-suq tal-informazzjoni.
  • Din hija parti minn pakkett ta’ miżuri mfassal biex isaħħaħ l-ekonomija tad-data tal-Unjoni Ewropea (UE), inkluż l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali.
  • Imsejħa wkoll id-“direttiva dwar id-data miftuħa”, din tirriformula d-Direttiva 2003/98/KE.
  • Hija tħassar id-Direttiva 2003/98/KE u d-Direttiva 2013/37/UE mis-17 ta’ Lulju 2021.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva hija bbażata fuq il-prinċipju ġenerali li d-data pubblika u dik iffinanzjata pubblikament għandha tkun tista’ terġa’ tintuża għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali.

data miftuħa

Id-direttiva tippromwovi l-użu ta’ data miftuħa (data ppreżentata f’formati miftuħa* li l-individwi jistgħu jużaw b’mod liberu u jikkondividu għal kwalunkwe skop). Il-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi għandhom jagħmlu d-dokumenti tagħhom disponibbli b’xi format jew lingwa eżistenti qabel u, fejn xieraq, b’mezzi elettroniċi f’formati li huma miftuħa, li jistgħu jinqraw mill-magni, aċċessibbli, li jistgħu jinstabu u jerġgħu jintużaw, kompluti bil-metadata tagħhom.

Arranġamenti prattiċi għall-użu mill-ġdid

  • Il-korpi tas-settur pubbliku jridu jipproċessaw it-talbiet għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti, permezz ta’ mezzi elettroniċi fejn xieraq, billi jagħmluhom disponibbli fi żmien raġonevoli.
  • Fl-istess ħin, dawn għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiffaċilitaw it-tiftix online u l-iskoperta tad-dokumenti li jżommu.
  • L-Istati Membri tal-UE għandhom jiffaċilitaw ukoll l-użu mill-ġdid effettiv tad-dokumenti, b’mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet deskritti fid-direttiva u billi joffru għajnuna u gwida.

data dinamika u f’ħin reali

data dinamika għandha ssir disponibbli għall-użu mill-ġdid immedjatament wara l-ġbir permezz ta’ interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet u, fejn rilevanti, bħala tniżżil massiv.

data ta’ riċerka

  • L-Istati Membri għandhom jadottaw politiki u jieħdu azzjoni biex jagħmlu d-data ta’ riċerka ffinanzjata pubblikament disponibbli b’mod miftuħ, skont il-prinċipju tal-“ftuħ b’mod awtomatiku” u jappoġġjaw it-tixrid ta’ data ta’ riċerka li tista’ tinstab, li tkun aċċessibbli, interoperabbli u li tkun tista’ terġa’ tintuża (il-prinċipju FAIR).
  • Tħassib relatat mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni u l-kunfidenzjalità tad-data personali, is-sigurtà u l-interessi kummerċjali leġittimi għandu jitqies skont il-prinċipju ta’ “kemm jista’ jkun miftuħ, magħluq kemm meħtieġ”.
  • Id-data ta’ riċerka ffinanzjata pubblikament tista’ tintuża mill-ġdid għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali f’każijiet fejn tkun diġà saret disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ repożitorji istituzzjonali jew ibbażati fuq is-suġġett.

Kummerċ ġust u nondiskriminazzjoni

  • L-użu mill-ġdid tad-dokumenti huwa miftuħ għal kulħadd fis-suq u kull kundizzjoni tal-użu mill-ġdid applikabbli m’għandhiex tkun diskriminatorja.
  • Bħala regola ġenerali, l-arranġamenti bejn il-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi li jkollhom id-dokumenti u l-partijiet terzi ma jistgħux jagħtu drittijiet esklussivi.
  • F’każijiet definiti b’mod ristrett fejn id-direttiva tippermetti dawn l-arranġamenti, il-validità tagħhom hija soġġetta għal rieżami regolari u japplikaw rekwiżiti tat-trasparenza speċjali.

Settijiet tad-data ta’ valur għoli

Id-dokumenti li l-użu mill-ġdid tagħhom huwa assoċjat ma’ benefiċċji soċjoekonomiċi sinifikanti għandhom isiru disponibbli b’kundizzjonijiet ta’ użu mill-ġdid partikolarment favorevoli. Għalhekk, id-direttiva obbligat lill-Kummissjoni Ewropea tadotta lista ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli li għandhom isiru disponibbli mingħajr ħlas, f’formati li jinqraw mill-magni, permezz ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet u, fejn rilevanti, bħala tniżżil massiv. Is-settijiet tad-data ntgħażlu minn sitt kategoriji tematiċi stabbiliti fl-Anness I:

  • ġeospazjali;
  • l-osservazzjoni tad-dinja u l-ambjent;
  • meteoroloġika;
  • statistika;
  • il-kumpaniji u s-sjieda tal-kumpaniji;
  • il-mobbiltà.

Jistgħu jiżdiedu kategoriji tematiċi ġodda mill-Kummissjoni, permezz ta’ att delegat.

B’riżultat ta’ dan, att ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament (UE) 2023/138, jistabbilixxi lista ta’ settijiet tad-data speċifiċi ta’ valur għoli u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u għall-użu mill-ġdid tagħhom.

Spejjeż

  • L-użu mill-ġdid tad-dokumenti għandu jkun mingħajr ħlas. Madankollu, l-ispejjeż marġinali mġarrba għar-riġenerazzjoni u għad-disseminazzjoni tad-dokumenti, għall-anonimizzazzjoni tad-data personali u għall-protezzjoni tal-informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali jistgħu jiġu rkuprati.
  • Bħala eċċezzjoni, l-istituzzjonijiet kulturali, l-impriżi pubbliċi u xi korpi tas-settur pubbliku li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(2) jistgħu jimponu ħlas akbar sabiex jirkupraw l-ispejjeż eliġibbli.

Eċċezzjonijiet

Id-direttiva ma tapplikax għal:

  • dokumenti li għalihom partijiet terzi jżommu drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
  • dokumenti li l-aċċess għalihom huwa eskluż jew ristrett minħabba reġim ta’ aċċess nazzjonali jew minħabba protezzjoni ta’ infrastruttura kritika sensittiva;
  • dokumenti li l-forniment tagħhom jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompitu pubbliku ta’ korp tas-settur pubbliku jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-forniment ta’ servizzi fl-interess ġenerali ta’ impriża pubblika;
  • dokumenti relatati mal-attivitajiet ta’ impriżi pubbliċi esposti b’mod dirett għall-kompetizzjoni u għalhekk mhumiex soġġetti għal regoli tal-akkwist skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE (ara s-sommarju);
  • dokumenti oħra msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-direttiva.

MINN META JAPPLIKAW DAWN IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sas-17 ta’ Lulju 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Użu mill-ġdid. L-użu, minn individwi jew korpi legali, ta’ dokumenti li jinżammu minn korpi tas-settur pubbliku jew impriżi pubbliċi.
Korp tas-settur pubbliku. L-istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi regolati mil-liġi pubblika jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtoritajiet, jew korpi regolati mil-liġi pubblika.
Impriża pubblika. Kwalunkwe impriża li fuqha l-korpi tas-settur pubbliku jeżerċitaw influwenza dominanti permezz ta’ sjieda, parteċipazzjoni finanzjarja jew ir-regoli li jirregolawha; dawn jinkludu dawk li jaġixxu bħala operaturi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq jew bil-ferrovija, trasportaturi tal-ajru u sidien tal-bastimenti tal-UE li jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku.
data dinamika. Dokumenti f’forma diġitali, soġġetti għal aġġornamenti frekwenti jew f’ħin reali minħabba l-volatilità jew il-ħruġ rapidu mill-użu tagħhom; tipikament data ġġenerata minn sensuri.
Format miftuħ. Format ta’ fajl li huwa indipendenti mill-pjattaforma u li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ebda restrizzjoni li xxekkel l-użu mill-ġdid tad-dokumenti.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (riformulazzjoni) (ĠU L 172, 26.6.2019, pp. 56–83).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/138 tal-21 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi lista ta’ settijiet tad-data speċifiċi ta’ valur għoli u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u għall-użu mill-ġdid tagħhom (ĠU L 19, 20.1.2023, pp. 43–75).

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, pp. 1–15).

Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u l-posta u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 243–374).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/25/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (riformulazzjoni) (ĠU L 293, 31.10.2008, pp. 3–20).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, pp. 1–13).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, 12.12.1992, pp. 7–10).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 25.01.2023

Top