Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-regoli tal-UE dwar il-produzzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (mill-2022)

Ir-regoli tal-UE dwar il-produzzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (mill-2022)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2018/848 — regoli dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa għandu l-għan li jirrevedi u jsaħħaħ ir-regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi b’rabta ma’:

  • is-sistema ta’ kontrolli;
  • is-sistema kummerċjali;
  • ir-regoli ta’ produzzjoni.

B’dan il-mod, għandu l-għan li:

  • joħloq kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi;
  • jarmonizza u jissimplifika r-regoli;
  • itejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi u fil-logo organiku tal-UE.

Dan jirrevoka u jissostitwixxi l-leġiżlazzjoni preċedenti (ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 mill-1 ta’ Jannar 2022.

PUNTI EWLENIN

  • Ir-regolament jibni fuq u jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-produzzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi sabiex tkopri wkoll prodotti relatati mill-qrib mal-agrikoltura bħas-sufra, il-melħ, iż-żjut essenzjali, il-qoton u s-suf.
  • Dan jarmonizza r-regoli applikabbli għall-operaturi organiċi fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi permezz tal-introduzzjoni tas-sistema ta’ konformità.
  • Dan jissimplifika l-aċċess għall-iskema għall-operaturi ż-żgħar.
  • Dan jirrevedi r-regoli dwar il-produzzjoni organika tal-bhejjem u jintroduċi regoli għal speċijiet ġodda, bħall-fniek.

Prinċipji

Il-produzzjoni organika għandha:

  • tirrispetta s-sistemi u ċ-ċikli naturali;
  • iżżomm u ttejjeb il-kundizzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali, u tal-bilanċ bejniethom;
  • tippreserva l-elementi ta’ pajżaġġi naturali;
  • tuża l-enerġija u r-riżorsi naturali b’mod responsabbli;
  • tipproduċi varjetà kbira ta’ prodotti ta’ kwalità għolja li jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi;
  • tiżgura l-integrità tal-produzzjoni organika fl-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel u l-għalf;
  • teskludi l-użu ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) u prodotti li jiġu prodotti minn jew permezz ta’ OĠM*, ħlief prodotti mediċinali veterinarji;
  • tirrestrinġi l-użu ta’ inputs esterni;
  • tfassal u timmaniġġja proċessi bijoloġiċi permezz ta’ metodi bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskju u l-użu ta’ miżuri ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni;
  • teskludi l-klonazzjoni tal-annimali;
  • tiżgura livell għoli ta’ benessri tal-annimali.

Rekwiżiti

Fost affarijiet oħra, il-biedja organika għandha:

  • iżżomm u ttejjeb il-ħajja tal-ħamrija u l-fertilità naturali tagħha, l-istabbiltà tal-ħamrija u l-kapaċità tagħha li żżomm l-ilma, u l-bijodiversità;
  • tuża żrieragħ u annimali bi brad għoli ta’ diversità ġenetika, reżistenza għall-mard u lonġevità;
  • tagħżel varjetajiet ta’ pjanti — b’kont meħud tal-karatteristiċi ta’ sistemi speċifiċi tal-produzzjoni organika, b’enfasi fuq il-prestazzjoni agronomika u r-reżistenza għall-mard;
  • tagħżel razez ta’ annimali filwaqt li tqis livell għoli ta’ diversità ġenetika, valur tat-tnissil, adattament, lonġevità, vitalità u reżistenza għall-mard u problemi tas-saħħa;
  • tipprattika l-produzzjoni ta’ bhejjem adattata għall-post u relatata mal-art.

Produzzjoni

Biex jevitaw l-effetti ħżiena fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, il-produtturi għandhom:

  • jieħdu miżuri xierqa biex:
    • jippreservaw il-bijodiversità u l-fertilità tal-ħamrija,
    • jipprevjenu l-okkorrenza ta’ pesti u ta’ mard,
    • jikkontribwixxu għat-trattament xieraq għoli tal-annimali u għal ambjent mhux tossiku;
  • jieħdu miżuri proporzjonati u prekawzjonarji f’kull stadju tal-produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni sabiex jevitaw il-kontaminazzjoni ma’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika.

Perjodu ta’ konverżjoni

  • Meta razzett ikun jixtieq jgħaddi milli jipproduċi prodotti organiċi, dan ikollu jgħaddi minn perjodu ta’ konverżjoni li matulu r-razzett kollu għandu jiġi ġestit skont ir-regoli tal-produzzjoni organika, għalkemm f’dan l-istadju l-prodotti tiegħu ma jitqisux li huma organiċi. Ikun jista’ biss iqiegħed il-prodotti tiegħu fis-suq bħala prodotti organiċi ladarba jintemm dan il-perjodu ta’ konverżjoni u jkun ġie ċċekkjat.
  • Barra minn hekk, il-prodotti tal-ikel u tal-għalf li joriġinaw mill-pjanti li fihom ingredjent wieħed biss tal-għelejjel agrikoli jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bħala prodotti fil-fażi tal-konverżjoni, dment li jkun hemm perjodu ta’ konverżjoni ta’ 12-il xahar qabel il-ħsad. Din ir-regola issa tapplika wkoll għall-materjal riproduttiv tal-pjanti (inklużi ż-żrieragħ u l-pjanti fi kwalunkwe stadju ta’ tkabbir użat għall-produzzjoni ta’ pjanti sħaħ).
  • Wara l-perjodu ta’ konverżjoni, kwalunkwe azjenda agrikola tal-UE li tkun tixtieq tgħaddi għall-produzzjoni organika għandha tiġi ġestita għalkollox f’konformità mar-rekwiżiti tal-produzzjoni organika.
  • Ir-regolament jippermetti wkoll irziezet li kemm il-produzzjoni organika kif ukoll dik mhux organika, bil-kundizzjoni li l-attivitajiet tagħhom ikunu separati f’termini ta’ unitajiet ta’ produzzjoni (mhux organiċi, fil-konverżjoni u organiċi), li għandhom ikunu separati b’mod ċar u ġenwinament.

Ċertifikazzjoni

  • L-operaturi (jiġifieri l-produtturi, il-proċessuri u d-distributuri) għandhom jinnotifikaw l-attivitajiet tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiċċertifikaw uffiċjalment li jikkonformaw mar-regoli dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar.
  • Ir-regolament jintroduċi sistema ġdida ta’ ċertifikazzjoni tal-grupp* għall-bdiewa ż-żgħar, li tagħmilha aktar faċli għalihom biex jaqilbu għall-biedja organika.

Kontrolli uffiċjali u tikkettar

  • Is-sistema ta’ kontrolli hija msaħħa permezz ta’ miżuri ta’ prekawzjoni aktar stretti u kontrolli sodi bbażati fuq ir-riskju tal-katina ta’ provvista. Fil-prinċipju, kontrolli fuq il-post isiru fuq l-operaturi darba fis-sena. Madankollu, dan jista’ jiġi estiż sa sentejn meta l-kontrolli preċedenti ma jkunux urew l-ebda każ ta’ nuqqas ta’ konformità matul it-3 snin preċedenti u l-operaturi kkonċernati jippreżentaw riskju baxx ta’ nuqqas ta’ konformità.
  • Jekk korp ta’ kontroll jissuspetta li operatur qed jipprova jqiegħed fis-suq prodott mhux awtorizzat bħala “organiku”, dan għandu jagħmel investigazzjoni formali u jipprojbixxi temporanjament it-tqegħid fis-suq ta’ dak il-prodott sakemm tintemm l-investigazzjoni. F’każ ta’ ksur serju u ripetut, l-operaturi jistgħu jiġu pprojbiti milli jbiegħu prodotti deskritti bħala organiċi għal perjodu speċifiku jew iċ-ċertifikat tagħhom jista’ jiġi rtirat.
  • Il-kontrolli speċifiċi fuq il-biedja organika huma kkomplementati mir-regoli ġenerali tal-UE dwar il-kontrolli uffiċjali tul il-katina agroalimentari (Ir-Regolament (UE) 2017/625 — ara s-sommarju).

Importazzjonijiet

Prodott jista’ jiġi importat minn pajjiż li mhuwiex fl-UE sabiex jinbiegħ fl-UE bħala prodott organiku jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfati. Il- prodott għandu:

  • jikkonforma mar-regoli ta’ produzzjoni u ta’ kontroll tal-pajjiż li mhuwiex fl-UE li huma rikonoxxuti taħt ftehim internazzjonali bħala ekwivalenti għal dawk fl-UE;
  • ikollu ċertifikat maħruġ minn awtoritajiet ta’ kontroll jew korpi ta’ kontroll rilevanti fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE li jikkonferma li l-prodott huwa konformi mal-istandards tal-UE.

Atti ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-atti legali li ġejjin.

  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464, li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward ta’:
    • id-dokumenti meħtieġa għar-rikonoxximent retroattiv tal-perjodi għall-fini ta’ konverżjoni,
    • il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi,
    • l-informazzjoni li l-Istati Membri jeħtieġ li jipprovdu lill-Kummissjoni;
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/279, li jistabbilixxi regoli għal:
    • investigazzjonijiet uffiċjali f’każijiet ta’ suspett ta’ nuqqas ta’ konformità,
    • id-daqs tal-gruppi ta’ operaturi u d-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kontrolli interni tagħhom,
    • rekwiżiti minimi ta’ kontroll,
    • katalgi nazzjonali ta’ miżuri għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità,
    • l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165, li jawtorizza u jelenka ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika, li wara ġie korrett u emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/121.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378, li jipprovdi regoli għaċ-ċertifikat maħruġ lill-operaturi, gruppi ta’ operaturi u esportaturi f’pajjiżi mhux tal-UE involuti fl-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi u fil-konverżjoni fl-UE, u biex jistabbilixxi lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll rikonoxxuti u korpi ta’ kontroll f’pajjiżi mhux tal-UE.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1935 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/723, li jipprovdi għall-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Organika għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni u data dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar tal-prodotti organiċi li għandhom jiġu sottomessi permezz tal-formola ta’ mudell standard li għandha tintuża fir-rapporti annwali ppreżentati mill-Istati Membri fir-rigward tar-Regolament (UE) 2017/625.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2119, li jipprovdi regoli dettaljati għal ċerti rekords u dikjarazzjonijiet meħtieġa mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi u dwar il-mezzi tekniċi għall-ħruġ taċ-ċertifikati, u li jintroduċi emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378 fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikati għall-operaturi, għall-gruppi ta’ operaturi u għall-esportaturi f’pajjiżi terzi.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2307, li jipprovdi regoli għad-dokumenti u n-notifiki meħtieġa għall-prodotti organiċi u fil-fażi tal-konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-UE.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325, li jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi u l-lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll rikonoxxuti skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 għall-fini tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-UE.

Atti delegati

Il-Kummissjoni adottat diversi atti delegati li jemendaw ir-Regolament (UE) 2018/848 jew l-annessi tiegħu.

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/427 jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward ta’ ċerti regoli dettaljati tal-produzzjoni għall-prodotti organiċi. Dan, min-naħa tiegħu, kien emendat mir-Regolament Delegat (UE) 2021/269.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1794 jemenda l-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-konverżjoni u mhux organiku.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/642 jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li għandha tingħata fuq it-tikkettar ta’ prodotti organiċi.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/715 jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward tar-rekwiżiti għal gruppi ta’ operaturi.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/716 jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward tar-regoli tal-produzzjoni organika dwar iż-żrieragħ bin-nebbieta u l-irjus taċ-ċikwejra, dwar l-għalf għal ċerti annimali tal-akkwakultura u dwar it-trattamenti tal-parassiti tal-akkwakultura.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1006 jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward tal-mudell taċ-ċertifikat li jattesta l-konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1691 tat-12 ta’ Lulju 2021 jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords għall-operaturi fil-produzzjoni organika.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1697 jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward tal-kriterji għar-rikonoxximent ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll li huma kompetenti biex iwettqu kontrolli fuq prodotti organiċi f’pajjiżi terzi, u għall-irtirar tar-rikonoxximent tagħhom.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/207 jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 li jissostitwixxi l-Anness VI tiegħu (mod ta’ ċertifikat li jiċċertifika l-konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika).

Barra minn hekk, regolamenti delegati oħrajn jissupplimentaw ir-Regolament (UE) 2018/848.

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2123 — regoli għall-każijiet meta l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq ċerti oġġetti jistgħu jitwettqu f’punti ta’ kontroll u l-verifiki dokumentarji jistgħu jitwettqu ’l bogħod mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li bihom isiru dawn il-verifiki, emendat aktar tard mir-Regolament Delegat (UE) 2021/2305.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 — regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-UE, emendat aktar tard bir-Regolamenti Delegati (UE) 2020/2190 u (UE) 2021/2305.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/2146 — regoli ta’ produzzjoni eċċezzjonali fil-produzzjoni organika.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/771 — kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1189 — il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu ta’ ġeneri jew speċijiet partikolari.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1342 — regoli dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-pajjiżi terzi u mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll għall-finijiet tas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 għall-prodotti organiċi importati u l-miżuri li għandhom jittieħdu fl-eżerċizzju ta’ dik is-superviżjoni.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 — rekwiżiti proċedurali għar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll li huma kompetenti biex iwettqu kontrolli fuq operaturi u gruppi ta’ operaturi li huma ċċertifikati organiċi u fuq prodotti organiċi f’pajjiżi terzi, ir-regoli dwar is-superviżjoni tagħhom u l-kontrolli u azzjonijiet oħra li għandhom jitwettqu minn dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2304 — regoli dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati komplementari li jiċċertifikaw in-nuqqas ta’ użu ta’ antibijotiċi fil-produzzjoni organika ta’ prodotti tal-annimali għall-fini ta’ esportazzjoni.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2305 — ir-regoli dwar il-każijiet meta u l-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi tal-konverżjoni huma eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, il-post tal-kontrolli uffiċjali għal tali prodotti.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 — regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-konsenji ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi tal-konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni u dwar iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1450 — regoli dwar l-użu ta’ għalf tal-proteina mhux organiku għall-produzzjoni tal-bhejjem organiċi minħabba l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022 (id-data tal-applikazzjoni tiegħu ġiet posposta b’sena bir-Regolament (UE)2020/1693 minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi relatata tas-saħħa pubblika).

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prodotti li jiġu prodotti minn jew permezz ta’ OĠM. (a) Prodotti li huma derivati kompletament jew parzjalment minn OĠM, iżda fihom infushom ma jkunux jinkludu OĠM jew jikkonsistu f’OĠM (eż. patata prodotta minn patata taż-żerriegħa OĠM).

(b) Prodotti li huma derivati bl-użu ta’ OĠM bħala l-aħħar organiżmu ħaj fil-proċess ta’ produzzjoni, iżda fihom infushom ma jkunux jinkludu OĠM jew jikkonsistu f’OĠM, u lanqas ma jkunu prodotti minn OĠM (eż. zokkor u lamtu manifatturati minn sors veġetali OĠM).

Ċertifikazzjoni tal-grupp. Sistema ta’ ċertifikazzjoni tidentifika operaturi li jipproduċu, jippreparaw, iqassmu jew jaħżnu prodotti organiċi jew fil-konverżjoni, jimportaw jew jesportaw prodotti bħal dawn, jew iqiegħdu fis-suq prodotti li jikkonformaw mar-regoli li jirregolaw il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi. Minħabba li l-bdiewa żgħar individwalment jiffaċċjaw spejjeż ta’ spezzjoni u piżijiet amministrattivi relattivament għoljin marbuta maċ-ċertifikazzjoni organika, tiġi introdotta u definita sistema ta’ ċertifikazzjoni ta’ grupp, li tirrifletti l-ħtiġijiet u l-kapaċità tar-riżorsi ta’ dawn il-bdiewa.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, pp. 1–92).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2018/848 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/207 tal- 24 ta’ Novembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudell taċ-ċertifikat li jagħti prova tal-konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika (ĠU L 29, 1.2.2023, pp. 6–10).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1450 tas-27 ta’ Ġunju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ għalf ta’ proteini mhux organiku għall-produzzjoni ta’ bhejjem organiċi minħabba l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna (ĠU L 228, 2.9.2022, pp. 8–9).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2325 tas-16 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-lista ta’ pajjiżi terzi u l-lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll li ġew rikonoxxuti skont l-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 għall-fini tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni (ĠU L 465, 29.12.2021, pp. 8–88).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2304 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati komplementari li jiċċertifikaw in-nuqqas ta’ użu ta’ antibijotiċi fil-produzzjoni organika ta’ prodotti tal-annimali għall-fini ta’ esportazzjoni (ĠU L 461, 27.12.2021, pp. 2–4).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2305 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-każijiet meta u l-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, fil-post tal-kontrolli uffiċjali għal tali prodotti u li jemenda r-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 u (UE) 2019/2124 (ĠU L 461, 27.12.2021, pp. 5–12).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-konsenji ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi tal-konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni u dwar iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni (ĠU L 461, 27.12.2021, pp. 13–29).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2307 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar id-dokumenti u n-notifiki meħtieġa għall-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni (ĠU L 461, 27.12.2021, pp. 30–39).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2119 tal-1 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ċerti rekords u dikjarazzjonijiet meħtieġa mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi u dwar il-mezzi tekniċi għall-ħruġ taċ-ċertifikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikati għall-operaturi, għall-gruppi ta’ operaturi u għall-esportaturi fil-pajjiżi terzi (ĠU L 430, 2.12.2021, pp. 24–27).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1935 tat-8 ta’ Novembru 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/723 fir-rigward tal-informazzjoni u d-data dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi li jridu jitressqu permezz tal-mudell tal-formola standard (ĠU L 396, 10.11.2021, pp. 17–26).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1698 tat-13 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bir-rekwiżiti proċedurali għar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll li huma kompetenti biex iwettqu l-kontrolli fuq operaturi u gruppi ta’ operaturi ċċertifikati organiċi u fuq il-prodotti organiċi f’pajjiżi terzi u bir-regoli dwar is-superviżjoni u l-kontrolli tagħhom u azzjonijiet oħra li għandhom jitwettqu minn dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll (ĠU L 336, 23.9.2021, pp. 7–41).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 tad-19 ta’ Awwissu 2021 li jistabbilixxi ċerti regoli fir-rigward taċ-ċertifikat maħruġ lill-operaturi, lill-gruppi ta’ operaturi u lill-esportaturi f’pajjiżi terzi involuti fl-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni fl-Unjoni u jistabbilixxi l-lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u ta’ korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 297, 20.8.2021, pp. 24–31).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1189 tas-7 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu ta’ ġeneri jew speċijiet partikolari (ĠU L 258, 20.7.2021, pp. 18–27).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 tal-15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom (ĠU L 253, 16.7.2021, pp. 13–48).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/279 tat-22 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u miżuri oħra li jiżguraw it-traċċabilità u l-konformità fil-produzzjoni organika u fit-tikkettar ta’ prodotti organiċi (ĠU L 62, 23.2.2021, pp. 6–23).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/771 tal-21 ta’ Jannar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi (ĠU L 165, 11.5.2021, pp. 25–27).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2146 tal-24 ta’ Settembru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli ta’ produzzjoni eċċezzjonali fil-produzzjoni organika (ĠU L 428, 18.12.2020, pp. 5–8).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/464 tas-26 ta’ Marzu 2020 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti meħtieġa għar-rikonoxximent retroattiv tal-perjodi għall-konverżjoni, il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri (ĠU L 98, 31.3.2020, pp. 2–25).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-każijiet meta l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq ċerti oġġetti jistgħu jitwettqu f’punti ta’ kontroll u l-verifiki dokumentarji jistgħu jitwettqu ’l bogħod mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li bihom isiru dawn il-verifiki (ĠU L 321, 12.12.2019, pp. 64–72).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat Tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 1251/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010, (UE) Nru 605/2010, (UE) Nru 142/2011, (UE) Nru 28/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (ĠU L 321, 12.12.2019, pp. 73–98).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/723 tat-2 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudell tal-formola standard li għandu jintuża fir-rapporti annwali mressqa mill-Istati Membri (ĠU L 124, 13.5.2019, pp. 1–31).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1–142).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 16.03.2023

Top