Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini tal-UE

Servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2018/644 — servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa għandu l-għan li:

  • itejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet u s-superviżjoni regolatorja; u
  • jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji żgħar ikollhom aċċess għal servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini bi prezz raġonevoli.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament jistabbilixxi r-regoli għal konsenja tal-pakketti transkonfini li jikkonċernaw tliet (3) aspetti ewlenin:

  • is-sorveljanza regolatorja relatata mas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti;
  • it-trasparenza ta’ ċerti tariffi għal pakkett individwali permezz tal-pubblikazjzoni tagħhom fuq sit web; u
  • valutazzjonijiet fejn it-tariffi huma suġġetti għal obbligu tas-servizz universali* biex jiġu identifikati dawk it-tariffi li huma għoljin b’mod mhux raġonevoli.

lnformazzjoni li għandha tiġi pprovduta

L-istabbilimenti li joffru s-servizzi tal-konsenja tal-pakketti huma meħtieġa li jipprovdu ċerta informazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali (NRA)* fil-pajjiż tal-UE li fih huma bbażati inkluż:

  • isimhom, l-istatus u l-forma ġuridika tagħhom, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumapnija u n-numru tal-VAT (taxxa fuq il-valur miżjud) f’reġistru kummerċjali, l-indirizz tal-kumpanija u d-dettalji ta’ kuntatt;
  • karatteristiċi u deskrizzjoni tas-servizzi offruti minnhom;
  • termini u kundizzjonijiet ġenerali dwar is-servizzi tagħhom, inkluż dettalji tal-proċeduri ta’ lmenti għall-utenti;
  • sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena kalendarja:
    • fatturat annwali;
    • l-għadd ta’ persuni impjegati;
    • l-għadd ta’ pakketti immaniġġjati;
    • l-ismijiet tas-sottokuntratturi;
    • lista tat-tariffi għas-sena kurrenti.

Kumpaniji li jimpjegaw inqas minn 50 persuna u li jipprovdu servizzi biss fil-pajjiż fejn huma stabbiliti m’għandhomx għalfejn jipprovdu din l-informazzjoni, għalkemm japplikaw eċċezzjonijiet.

Trasparenza

It-tariffi soġġetti għal miżuri ta’ trasparenza għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea fuq sit web iddedikat sal-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena.

Valutazzjoni tat-tariffi transkonfini

L-NRAs jivvalutaw l-affordabbiltà tat-tariffi soġġetti għall-obbligu ta’ servizz universali li jikkunsidraw li huma neċessarji li jiġu vvalutati. Huma jikkunsidraw għadd ta’ elementi li jinkludu:

  • jekk it-tariffi humiex affordabbli u pprezzati abbażi tal-kost, kif ukoll trasparenti u mhux diskriminatorji;
  • tariffi domestiċi u kull tariffa oħra rilevanti għal servizzi tal-konsenja tal-pakketti komparabbli kemm fil-pajjiż tal-UE li jkun qed jibgħat il-pakketti kif ukoll fil-pajjiż tal-UE ta’ destinazzjoni;
  • kull applikazzjoni ta’ tariffa uniformi għal tnejn (2) jew aktar minn pajjiż wieħed tal-UE;
  • volumi, spejjeż speċifiċi ta’ trasport jew immaniġġar, spejjeż oħrajn rilevanti u standards tal-kwalità tas-servizz;
  • l-impatt probabbli tat-tariffi transkonfini applikabbli fuq utenti individwali u fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

L-NRAs għandhom jissottomettu valutazzjoni lill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Ġunju tas-sena kalendarja rilevanti. Verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni fi żmien xahar (1) mill-wasla tagħha.

Penali

Ir-regoli għall-penali għall-ksur tar-regolament huma stabbiliti mill-pajjiżi tal-UE u għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu fis-seħħ mit-22 ta’ Mejju 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Obbligi tas-servizz universali: Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu pprovduti b’servizz postali ta’ kwalità speċifika fi kwalunkwe post fil-pajjiż tagħhom bi prezz raġonevoli.
Awtorità regolatorja nazzjonali (NRA): korp li jirregola s-servizzi postali f’livell nazzjonali. Hija tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-obbligu tas-servizz universali u kompetizzjoni mhux distorta fis-servizzi postali.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2018/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini (ĠU L 112, 2.5.2018, pp. 19-28)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 307)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu XV — Protezzjoni tal-Konsumatur — Artikolu 169 (ex Artikolu 153 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 124)

Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, pp. 64-88)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, pp. 14-25)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 02.10.2018

Top