Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023L0970

Paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa — Regoli dwar trasparenza fil-pagi

Paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa — Regoli dwar trasparenza fil-pagi

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2023/970 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi tal-infurzar

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi r-regoli minimi biex isaħħu:

  • rispett għall-prinċipju ta’ paga1 ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs bejn l-irġiel u n-nisa;
  • il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni2 diretta jew indiretta fil-paga abbażi ta’ sess,
  • trasparenza fil-pagi u infurzar aktar qawwi tad-dritt għal paga ndaqs.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tapplika għal:

  • impjegaturi fis-settur pubbliku u privat;
  • il-ħaddiema kollha fuq kuntratt tax-xogħol jew f’relazzjoni tal-impjieg definita bil-liġi, ftehim u/jew prattika kollettiva.

Paga ndaqs għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs

  • L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jiżguraw li impjegaturi jkollhom strutturi ta’ paga li jeskludu kull diskriminazzjoni ta’ paga abbażi ta’ sess.
  • Il-valutazzjoni ta’ xogħol komparabbli trid tkun ibbażata fuq kriterja inkluż ħiliet, sforz, responsabbiltà u kundizzjonijiet tax-xogħol, u kriterji oħra li huma rilevanti mal-kompitu jew pożizzjoni speċifika. Il-kriterji jridu jkunu applikati b’manjiera objettiva u newtrali għall-ġeneru, u jeskludu kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi ta’ sess.

Miżuri dwar trasparenza fil-pagi jistipulaw li:

  • l-applikanti għal impjieg:
    • għandhom id-dritt għall-informazzjoni minn impjegatur prospettiv qabel l-intervista dwar paga inizjali tal-pożizzjoni tal-impjieg jew il-firxa tagħha u, fejn rilevanti, dettalj tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv applikat mill-impjegatur fir-rigward tal-pożizzjoni;
  • il-ħaddiema:
    • għandhom id-dritt li jitolbu (direttament jew permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom jew entità nazzjonali tal-ugwaljanza) informazzjoni dwar il-livell individwali ta’ paga tagħhom u l-livelli medji tal-paga, diżaggregata skont sess, għal kategoriji ta’ ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol bħalhom jew xogħol ta’ valur indaqs għal tagħhom,
    • mhux ser ikunu miżmuma milli jikxfu l-paga tagħhom għall-iskop ta’ infurzar tal-prinċipju ta’ paga ndaqs;
  • l-impjegaturi:
    • ma jistgħux jistaqsu lil applikanti għal impjieg dwar il-paga kurrenti jew preċedenti tagħhom,
    • jiżguraw li avviżi ta’ postijiet battala u titoli tal-impjiegi jkunu newtrali għall-ġeneru u li proċessi ta’ reklutaġġ ma jkunux diskriminatorji,
    • • jagħmlu faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema tagħhom il-kriterji li jintużaw biex jidditerminaw il-paga tal-ħaddiema, il-livelli ta’ paga u progressjoni ta’ paga u dawk il-kriterji jridu jkunu objettivi u newtrali għall-ġeneru,
    • jinfurmaw lill-impjegati kollha tagħhom kull sena dwar id-dritt tagħhom li jitolbu u jirċievu informazzjoni bil-miktub dwar il-paga individwali tagħhom u l-livelli medji ta’ paga diżaggregata skont sess għal kollegi li jkunu qed jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur indaqs,
    • jipprovdu informazzjoni bħal lakuna fil-paga tal-ġeneru u l-proporzjon ta’ persunal nisa u rġiel li jirċievu komponenti komplementarji jew varjabbli (dan ir-rekwiżit ser ikun imdaħħal gradwalment mis- għal impjegaturi b’aktar minn 100 ħaddiem, skont id-daqs tal-kumpanija),
    • jikkooperaw ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema biex jidentifikaw, jirrimedjaw u jevitaw differenzi diskriminatorji ta’ paga meta r-rapportar tal-paga tagħhom jikxef lakuna ta’ paga abbażi ta’ ġeneru ta’ aktar minn 5 % li ma tistax tkun ġġustifikata minn kriterji objettivi, newtrali għall-ġeneru u ma tkunx indirizzata fi żmien 6 xhur.

L-Istati Membri:

  • jiżguraw id-disponibbiltà ta’ għodda jew metodoloġiji analitiċi biex jivvalutaw u jqabblu l-valur ta’ impjiegi differenti fil-livell tal-impjegatur;
  • jipprovdu assistenza u taħriġ tekniku biex jgħinu lil impjegaturi b’inqas minn 250 persunal biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-direttiva;
  • jieħdu miżuri biex jiżguraw li msieħba soċjali jkunu involuti attivament, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali u konformi ma’ liġi u prattika nazzjonali.

Rimedji u infurzar

L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li:

  • ħaddiema jkollhom id-dritt li jmorru l-qorti biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom għal paga ndaqs jekk tfalli r-rikonċiljazzjoni;
  • assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, entitajiet ta’ ugwaljanza, rappreżentanti tal-ħaddiema u oħrajn b’interess leġittimu fl-iżgurar ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jkunu involuti f’proċedimenti amminstrattivi jew ġudizzjarji;
  • ħaddiema li d-drittijiet tagħhom ikunu miksura jkunu jistgħu jitolbu kumpens sħiħ, inkluż paga b’lura, bonuses relatati jew pagamenti in natura, kumpens għal opportunitajiet mitlufa u dannu mhux materjali;
  • awtoritajiet kompetenti jew qrati nazzjonali jistgħu jordnaw:
    • li ksur jitwaqqaf u l-prinċipju ta’ paga ndaqs ikun applikat,
    • li impjegaturi jikxfu kull evidenza rilevanti;
  • impjegaturi jridu jippruvaw li ebda diskriminazzjoni ma saret jekk jinġieb każ kontrihom;
  • il-perjodu ta’ limitazzjoni biex jinġiebu talbiet għal paga ndaqs ma jkunx iqsar minn 3 snin;
  • penali, li jridu jinkludu pieni, huma effettivi, proporzjonati u dissważivi;
  • fil-prestazzjoni ta’ kuntratti jew konċessjonijiet pubbliċi, operaturi ekonomiċi (inkluża l-katina ta’ subappalt) jikkonformaw mal-obbligi relatati mal-prinċipju ta’ paga ndaqs;
  • ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom ma jkunux vittimizzati abbażi tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom relatati ma’ paga ndaqs.

Dispożizzjonijiet orizzontali

  • Entitajiet tal-ugwaljanza għandhom ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-iskop tad-direttiva ta’ trasparenza fil-pagi.

L-Istati Membri:

  • iridu jipprovdu l-entitajiet tal-ugwaljanza tagħhom bir-riżorsi adegwati biex iwettqu b’mod effettiv il-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-rispett għad-dritt għal paga ndaqs;
  • iridu jiżguraw monitoraġġ konsistenti u kkoordinat ta’ u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs;
  • jistgħu japplikaw aktar termini favorabbli għal ħaddiema milli dawk li hemm fid-direttiva;
  • iridu jipprovdu lil Eurostat kull sena, mill-, b’data nazzjonali għall-kalkolu tal-lakuna tal-paga tal-ġeneru;
  • iridu jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea sas- dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni — dan jipprovdi l-input għar-rapport tal-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sas-.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva trid tkun transposta f’liġi nazzjonali sas-. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw minn dik id-data.

SFOND

  • In-nisa fl-UE jaqilgħu medja ta’ 13 % inqas mill-kontroparti rġiel tagħhom. Dik il-lakuna tal-paga tal-ġeneru in ġenerali staġnat tul l-aħħar deċennju.
  • L-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi 2020–2025 tal-UE (ara s-sommarju) tipprovdi l-bażi għax-xogħol tal-Kummissjoni fuq ugwaljanza bejn is-sessi u tissettja l-objettivi tal-politika, inklużi t-trasparenza fil-pagi u inizjattivi ewlenin matul dan il-perjodu.
  • Il-prinċipju ta’ paga ndaqs hu minqux f’Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan jirrikjedi li Stati Membri jiżguraw il-“prinċipju ta’ paga ndaqs għal ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol indaqs jew xogħol ta’ valur indaqs”.
  • Il-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess fir-rigward ta’ kull aspett u kundizzjoni ta’ paga hu mniżżel f’Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE (ara s-sommarju).

TERMINI EWLENIN

  1. Il-paga. Paga jew salarju bażiku jew minimu, flimkien ma’ benefiċċji fi flus jew in natura li ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament.
  2. Diskriminazzjoni. Din tinkludi fastidju u fastidju sesswali, trattament u struzzjoni inqas favorevoli biex tiddiskrimina kontra persuni abbażi ta’ sess, diskriminazzjoni intersezzjonali, u tirreferi għal diskriminazzjoni diretta u indiretta.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (ĠU L 132, , pp. 21–44).

l-aħħar aġġornament

Fuq