Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa f’kwistjonijiet tal-impjieg u okkupazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

L-għan ta' tad-Direttiva 2006/54/KE huwa li tikkonsolida diversi direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tissimplifika, timmodernizza u ttejjeb il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-qasam tal-opportunitajiet indaqs u trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fl-impjieg u l-okkupazzjonijiet.

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2024/1500 għandha l-għan li tassikura l-operazzjoni ta’ korpi tal-ugwaljanza skont l-istandards minimi biex ittejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom, sabiex isaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament indaqs.

PUNTI EWLENIN

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-UE li japplika għal diversi aspetti tal-ħajja fis-soċjetà, inkluża d-dinja tal-impjieg u okkupazzjoni.

Ugwaljanza fl-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

Id-Direttiva 2006/54/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni diretta1 u indiretta2 bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’:

  • reklutaġġ, aċċess għall-impjieg u impjieg indipendenti;
  • kondizzjonijiet ta’ impjieg, inklużi l-paga u s-sensja;
  • taħriġ vokazzjonali u promozzjoni;
  • sħubija fi u involviment f’organizzazzjonijiet tal-ħaddiema jew ta’ impjegaturi.

Barra minn hekk, id-direttiva timplimenta l-prinċipju ta’ paga indaqs minquxa fl-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess fi kwistjonijiet ta' paga għall-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur. Paga hi definita bħala paga bażika jew minima jew salarju ordinarju u kull kunsiderazzjoni oħra, sew jekk fi flus kontanti kif ukoll jekk in natura, fejn ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament (komponenti komplementarji jew varjabbli) b’rispett għall-impjieg tiegħu jew tagħha mill-impjegatur tiegħu jew tagħha. Fejn sistemi ta’ klassifikazzjoni ta’ impjieg jintużaw biex jiddeterminaw il-paga, għandhom ikunu bbażati fuq l-istess kriterji sew għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u jkunu mfassla biex jeskludu kull diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ sess.

L-Istati Membri tal-UE jridu jħeġġu lil l-impjegaturi biex jaġixxu kontra d-diskriminazzjoni (kemm diretta kif ukoll indiretta) abbażi ta’ sess, u b’mod partikolari kontra fastidju3 u fastidju sesswali4.

Ugwaljanza fis-sigurtà soċjali okkupazzjonali

In-nisa u l-irġiel għandhom ikunu trattati b’mod ugwali taħt l-iskemi tas-sigurtà soċjali okkupazzjonali, li b’mod partikolari jikkonċernaw:

  • il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-iskemi;
  • it-twaqqif ta’ regoli differenti fir-rigward tal-età ta’ dħul fl-iskema jew il-perjodu minimu ta’ mpjieg jew sħubija tal-iskema meħtieġa biex tikseb il-benefiċċji tagħha;
  • il-kontribuzzjonijiet għal tali skemi;
  • il-kalkolu ta’ benefiċċji, inklużi benefiċċji supplimentari, u l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-intitolament.

Dan il-prinċipju japplika għall-popolazzjoni kollha li taħdem, inkluż:

  • ħaddiema li jaħdmu għal rashom (madanakollu, għal din il-kategorija, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu trattament differenti dwar l-età tal-pensjoni);
  • ħaddiema li l-attività tagħhom tkun interrotta minn mard, aċċident jew qgħad involontarju;
  • persuni li jkunu qed ifittxu impjieg, ħaddiema rtirati u b’diżabilità, u dawk li jagħmlu pretensjonijiet taħt skemi tas-sigurtà soċjali.

Liv tal-maternità, tal-paternità u tal-adozzjoni

Fit-tmiem tal-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-adozzjoni, l-impjegati għandhom id-dritt li:

  • jirritornaw lura għax-xogħlijiet tagħhom jew għal pożizzjonijiet ekwivalenti b’kundizzjonijiet li ma jkunux inqas favorevoli għalihom;
  • jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg li kienu jkunu intitolati għalih matul l-assenza tagħhom.

Difiża tad-drittijiet

  • L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu rimedji għall-impjegati li kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni, bħal proċeduri ta’ konċiljazzjoni u ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom minn trattament ħażin mill-impjegatur bħala reazzjoni għal ilment fi ħdan il-kumpanija jew għal kwalunkwe proċedura legali.
  • L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penali u possibbiltajiet ta’ riparazzjoni jew kumpens b’rabta mal-ħsara mġarrba.
  • Fil-każ ta’ proċedimenti legali, l-oneru tal-provi jinqasam bejn il-persuna li tippreżenta l-ilment dwar id-diskriminazzjoni u l-parti li tkun ġiet akkużata bid-diskriminazzjoni. Jekk min iressaq ilment jippreżenta fatti li jistgħu joħolqu preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni lill-qorti (pereżempju n-nisa kollha fil-kumpanija għandhom salarji iktar baxxi minn tal-irġiel għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur), imbagħad ir-rispondent irid jipprova li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament indaqs (pereżempju li l-impjiegi tagħhom huma differenti jew għax jaħdmu part-time).
  • Għandu jiġi nnotat li l-Kapitolu III (Remedji u infurzar) tad-Direttiva (UE) 2023/970 dwar ir-regoli dwar it-trasparenza tal-pagi fir-rigward ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali (ara s-sommarju) japplika għal proċedimenti li jikkonċernaw kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta’ paga ugwali stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE. Sal-lum, għalkemm id-dritt għal paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali huwa stabbilit fl-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2006/54/KE, il-prinċipju kien diffiċli biex jiġi applikat u inforzat. Ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2023/970 ser japplikaw mis-.

Il-promozzjoni tat-trattament ugwali

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2024/1500 tħassar lill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE dwar korpi ugwali. Dan l-artikolu kien ħalla marġni wiesgħa fid-diskrezzjoni għall-Istati Membri f’termini tal-mandati ta’ dawn il-korpi, kompetenzi, struttura, riżorsi u funzjonament operattiv, li wassal għal diverġenzi fil-livelli ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni fost l-Istati Membri.

Id-direttiva emendatorja allura tistabbilixxi standards minimi għall-funzjonament ta’ dawn il-korpi biex ittejjeb l-effettività tagħhom u tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom ħalli jkun applikat aħjar il-prinċipju ta’ trattament indaqs. Din tirrekjedi li l-Istati Membri jassikuraw li korpi tal-ugwaljanza:

  • jkunu indipendenti u ħielsa minn influwenza esterna;
  • jkollhom ir-riżorsi bżonnjużi biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv;
  • jwettqu attivitajiet li jimpedixxu diskriminazzjoni u jippromwuovu t-trattament indaqs;
  • jassistu lil vittmi;
  • jkunu jistgħu joffru lill-partijiet l-possibbilità ta’ riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwima tagħhom;
  • jistgħu jwettqu inkjesti fi ksur tal-prinċipju ta’ trattament indaqs;
  • jistgħu jaġixxu fi proċedimenti ġudizzjarji f’kwistjonijiet ċivili u amministrattivi rigward l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament indaqs.

Revoka

Id-Direttiva 2006/54/KE tfassal mill-ġdid u tissostitwixxi bosta direttivi (id-Direttivi 75/117/KEE, 76/207/KEE, 2002/73/KE, 86/378/KEE, 96/97/KE, 97/80/KE u 98/52/KE) u l-emendi sussegwenti tagħhom.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-Direttiva 2006/54/KE kellha tiġi nkorporata f’liġi nazzjonali sal-.

Standards għal korpi tal-ugwaljanza li daħlu bid-Direttiva (UE) 2024/1500 jridu jkunu nkorporati sad-.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

  1. Diskriminazzjoni diretta. Fejn persuna waħda tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi ttrattata persuna oħra, jew tkun trattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ sess.
  2. Diskriminazzjoni indiretta. Fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali jpoġġu lill-persuni ta’ sess wieħed fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni ta’ sess ieħor (sakemm dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma jkunux iġġustifikati b’mod oġġettiv minn għan leġittimu u l-mezzi biex jinkiseb dak l-għan ikunu xierqa u neċessarji).
  3. Fastidju. Fejn ikun hemm imġiba mhux mixtieqa li għandha x’taqsam mas-sess ta’ persuna bl-għan jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità ta’ persuna, u li jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.
  4. Fastidju sesswali. Meta titwettaq kwalunkwe forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali, bil-fini jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, , pp. 23–36).

l-aħħar aġġornament .

Top