Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014Y0401(01)

Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-informazzjoni kklassifikata miżmuma mill-Kunsill

Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-informazzjoni kklassifikata miżmuma mill-Kunsill

Il-ftehim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet jistabblixxi kif għandha tiġi aċċessata u ttrattata l-informazzjoni sensittiva jew ikklassifikata li l-Kunsill jikkondividi mal-Parlament.

ATT

Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament Ewropew ta’ informazzjoni kklassifikata miżmuma mill-Kunsill fuq kwistjonijiet oħrajn għajr dawk fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IL-FTEHIM

It-test jiddetermina l-aċċess għal u t-trattament ta’ informazzjoni kklassifikata, mibgħuta mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew (PE). Huwa japplika għall-oqsma fejn il-PE huwa ko-leġiżlatur, għandu jiġi kkonsultat jew huwa mitlub li jagħti l-kunsens tiegħu. Il-ftehim ikopri l-ftehimiet internazzjonali li mhumiex esklussivament relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, l-attivitajiet, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jew dokumenti oħrajn li fuqhom għandu jiġi informat il-PE, kif ukoll id-dokumenti dwar l-attivitajiet tal-aġenziji tal-UE, li l-PE huwa involut fl-evalwazzjoni jew fl-iskrutinju tagħhom.

PUNTI PRINĊIPALI

Il-ftehim jiddefinixxi l-informazzjoni kklassifikata tal-UE li ġġorr waħda mill-marki ta’ klassifikazzjoni tas-sigurtà li ġejjin:

  • EU RESTRICTED;
  • EU CONFIDENTIAL;
  • EU SECRET;
  • EU TOP SECRET.

Dan japplika wkoll għall-informazzjoni kklassifikata minn pajjiż tal-UE jew pajjiż terz jew inkella minn organizzazzjonijiet internazzjonali, li ġġorr klassifikazzjoni tas-sigurtà ekwivalenti għal waħda minn dawk speċifikati fuq.

Japplikaw ċerti kondizzjonijiet:

  • Il-PE għandu jipproteġi l-informazzjoni kklassifikata b’konformità mar-regoli tas-sigurtà tiegħu, li huma ekwivalenti għal dawk tal-Kunsill. Tali informazzjoni ma għandhiex tintuża għal skopijiet oħrajn għajr dawk li għalihom ġie pprovdut l-aċċess. Huwa biss bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Kunsill li tali informazzjoni tista’ tiġi żvelata lil persuni mhux awtorizzati, magħmula pubblika, kondiviża ma’ istituzzjonijiet tal-UE, pajjiżi tal-UE, pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
  • Il-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) jingħataw aċċess skont il-livell ta’ klassifikazzjoni tas-sigurtà. Dawn għandu jkollhom is-sigurtà approvata u jkunu awtorizzati mill-President tal-Parlament. F’ċerti każijiet, l-MEPs li jkunu ffirmaw dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni jistgħu jingħataw aċċess. Uffiċjali speċifiċi jirrikjedu l-approvazzjoni tas-sigurtà u jingħataw il-privileġġ biss fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ għarfien;
  • Tali informazzjoni għandha tiġi rreġistrata sabiex kwalunkwe utenti jkunu jistgħu jiġu rintraċċati, għandha tinħażen f’żona sigura u tiġi kkonsultata biss f’kamra tal-qari sigura fil-bini tal-Parlament;
  • L-utenti ma jistgħux jagħmlu fotokopja jew jieħdu ritratt tal-kontenut, jieħdu noti jew idaħħlu tagħmir elettroniku fil-kamra;
  • Kull min jitlef jew jagħmel użu ħażin mill-informazzjoni kklassifikata jista’ jkun soġġett għal azzjoni dixxiplinarja u/jew legali.

META JAPPLIKA L-FTEHIM

Il-ftehim ġie ffirmat fit-12 ta’ Marzu 2014. Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2014.

SFOND

Il-ftehim jiżgura li l-informazzjoni kklassifikata, li jeħtieġ il-PE sabiex ikun jista’ jwettaq id-doveri tiegħu, tiġi ttrattata b’mod sigur u responsabbli u skont ir-regoli tas-sigurtà eżistenti. Barra minn hekk, huwa jiżgura trattament ekwivalenti tal-informazzjoni kklassifikata fost l-istituzzjonijiet tal-UE.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ftehim Interistituzzjonali

1 ta' April 2014

-

ĠU C 95 tal-1.4.2014

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2013 dwar ir-regoli li jirregolaw it-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew (ĠU C 96 tal-1.4.2014, p.1).

Deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-regoli li jirregolaw it-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew (ĠU C 190 tat-30 ta’ Ġunju 2011, p.2)

23.09.2014

Fuq