EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014Y0401(01)

Ftehim Interistituzzjonali tat-12 ta’ Marzu 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament Ewropew ta’ informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni

OJ C 95, 1.4.2014, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

1.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/1


FTEHIM INTERISTITUZZJONALI

tat-12 ta’ Marzu 2014

bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament Ewropew ta’ informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni

(2014/C 95/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL,

Billi:

(1)

L-Artikolu 14(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi li l-Parlament Ewropew, flimkien mal-Kunsill, għandu jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u baġitarji u li għandu jeżerċita funzjonijiet ta’ kontroll u konsultazzjoni politika kif stabbilit fit-Trattati.

(2)

L-Artikolu 13(2) tat-TUE jipprevedi li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati, u f’konformità mal-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet stabbiliti fihom. Dik id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw kooperazzjoni sinċiera reċiproka. L-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, inter alia, għandhom jagħmlu arranġamenti għall-kooperazzjoni tagħhom u li, għal dak il-għan, huma jistgħu, f’konformità mat-Trattati, jikkonkludu ftehimiet interistituzzjonali li jistgħu jkunu ta’ natura vinkolanti.

(3)

It-Trattati u, kif adatt, dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn jipprevedu li jew fil-kuntest ta’ proċedura leġislattiva speċjali jew skont proċeduri oħrajn ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, il-Kunsill għandu jikkonsulta jew jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew qabel jadotta att legali. It-Trattati jipprevedu wkoll li, f’ċerti każijiet, il-Parlament Ewropew għandhu jiġi informat dwar il-progress jew ir-riżultati ta’ proċedura partikolari jew ikun involut fl-evalwazzjoni jew l-iskrutinju ta’ ċerti aġenziji tal-Unjoni.

(4)

B’mod partikolari, l-Artikolu 218(6) tat-TFUE jistipula li, minbarra meta ftehim internazzjonali huwa relatat esklużivament mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehimiet konċernati wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew jew ikun ikkonsultah; il-ftehimiet internazzjonali kollha ta’ dan it-tip li mhumiex relatati esklużivament mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni huma għaldaqstant koperti minn dan il-Ftehim Interistituzzjonali.

(5)

L-Artikolu 218(10) TFUE jistipula li l-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura; dik id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal ftehimiet relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

(6)

F’każijiet fejn l-implimentazzjoni tat-Trattati u, kif adatt, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn, tkun teħtieġ aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill, l-arranġamenti adatti li jirregolaw tali aċċess għandhom jiġu miftehma bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(7)

Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jagħti aċċess lill-Parlament Ewropew għal informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, huwa jieħu deċiżjonijiet ad hoc għal dak il-għan, jew juża l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u d-difiża (1) (minn issa ’l quddiem il-“Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Novembru 2002”), kif adatt.

(8)

Id-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli dwar ir-responsabbiltà politika (2), li saret meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (3), tiddikjara li r-Rappreżentant Għoli ser jirrieżamina u fejn meħtieġ jipproponi biex jiġu aġġustati d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għall-Membri tal-Parlament Ewropew għal dokumenti u informazzjoni klassifikati fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (jiġifieri l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Novembru 2002).

(9)

Huwa importanti li l-Parlament Ewropew ikun assoċjat mal-prinċipji, l-istandards u r-regoli għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata li huma meħtieġa sabiex jitħarsu l-interessi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew ser ikun f’pożizzjoni li jipprovdi informazzjoni klassifikata lill-Kunsill.

(10)

Fil-31 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill adotta Deċiżjoni 2011/292/UE dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (4) (minn hawn ’il quddiem “ir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill”).

(11)

Fis-6 ta’ Ġunju 2011, il-Bureau tal-Parlament Ewropew adotta Deċiżjoni dwar ir-regoli li jirregolaw it-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew (5) (minn hawn ’il quddiem “ir-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew”).

(12)

Ir-regoli ta’ sigurtà tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni għandhom flimkien jikkostitwixxu qafas ġenerali komprensiv u koerenti fl-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata, u għandhom jiżguraw l-ekwivalenza tal-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi. Il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi stabbiliti fir-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew u fir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill għandhom għaldaqstant ikunu ekwivalenti.

(13)

Il-livell ta’ protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni klassifikata skont ir-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew għandu jkun ekwivalenti għal-livell mogħti lill-informazzjoni klassifikata taħt ir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill.

(14)

Is-servizzi rilevanti tas-Segretarjat tal-Parlament Ewropew u tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ser jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li jiġu applikati livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata fiż-żewġ istituzzjonijiet,

(15)

Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għal: ir-regoli eżistenti u futuri dwar l-aċċess għad-dokumenti adottati f’konformità mal-Artikolu 15(3) TFUE; ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali adottati f’konformità mal-Artikolu 16(2) TFUE; ir-regoli dwar id-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew adottati f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 226 TFUE; u d-dispożizzjonijiet rilevanti relatati mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-arranġamenti li jirregolaw it-trasmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament Ewropew ta’ informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill, dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, li hija rilevanti sabiex il-Parlament Ewropew ikun jista’ jeżerċita s-setgħat u l-funzjonijiet tiegħu. Dan jikkonċerna, b’ mod partikolari, l-kwistjonijiet kollha bħal dawn:

(a)

proposti soġġetti għal proċedura leġislattiva speċjali jew għal proċedura oħra ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet skont liema l-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat jew huwa mitlub jagħti l-kunsens tiegħu;

(b)

ftehimiet internazzjonali li dwaru l-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat jew mitlub jagħti l-kunsens tiegħu skont l-Artikolu 218(6) TFUE;

(c)

direttivi ta’ negozjar għal ftehimiet internazzjonali msemmijin fil-punt (b);

(d)

attivitajiet, rapporti ta’ evalwazzjoni jew dokumenti oħrajn li dwarhom il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat; u

(e)

dokumenti dwar l-attivitajiet ta’ dawk l-aġenziji tal-Unjoni li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut fl-evalwazzjoni jew l-iskrutinju tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjoni ta’ “informazzjoni klassifikata”

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “informazzjoni klassifikata” għandha tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin, jew dawn kollha:

(a)

“Informazzjoni klassifikata tal-UE” (IKUE) kif definita fir-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew u fir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill u li jkollha waħda mill-marki ta’ klassifikazzjoni ta’ sigurtà li ġejjin:

RESTREINT UE/EU RESTRICTED;

CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL;

SECRET UE/EU SECRET;

TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET;

(b)

informazzjoni klassifikata mogħtija lill-Kunsill mill-Istati Membri u li jkollha marka nazzjonali ta’ klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti għal waħda mill-marki ta’ klassifikazzjoni ta’ sigurtà użati għall-IKUE elenkati fil-punt (a);

(c)

informazzjoni klassifikata mogħtija lill-Unjoni Ewropea minn Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali li jkollha marka ta’ klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti għal waħda mill-marki ta’ klassifikazzjoni ta’ sigurtà użati għall-IKUE elenkati fil-punt (a), kif hemm previst fil-ftehimiet dwar is-sigurtà tal-informazzjoni jew l-arranġamenti amministrattivi rilevanti.

Artikolu 3

Protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata

1.   Il-Parlament Ewropew għandu jipproteġi, f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tiegħu u ma’ dan il-Ftehim, kwalunkwe informazzjoni klassifikata mogħtija lilu mill-Kunsill.

2.   Minħabba li għandha tinżamm ekwivalenza bejn il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata stabbilita mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fir-regoli ta’ sigurtà rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew għandu jiżgura li l-miżuri ta’ sigurtà fis-seħħ fil-bini tiegħu jistgħu jkollhom livell ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata ekwivalenti għal dak mogħti lil tali informazzjoni fil-bini tal-Kunsill. Is-servizzi rilevanti tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkooperaw mill-qrib għal dan il-għan.

3.   Il-Parlament Ewropew għandu jieħu l-miżuri adatti biex jiżgura li informazzjoni klassifikata mogħtija lilu mill-Kunsill ma għandhiex:

(a)

tintuża għal finijiet minbarra dawk li għalihom ingħata aċċess;

(b)

tingħata lil persuni li mhumiex dawk li ngħatalhom aċċess f’konformità mal-Artikoli 4 u 5, jew issir pubblika;

(c)

tiġi rilaxxata lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħrajn tal-Unjoni, jew lil Stati Membri, Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali mingħajr ma jkun ingħata kunsens bil-miktub minn qabel mill-Kunsill.

4.   Il-Kunsill jista’ jagħti lill-Parlament Ewropew aċċess għal informazzjoni klassifikata li toriġina f’istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħrajn tal-Unjoni, jew fi Stati Membri, Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali biss jekk ikun ingħata kunsens bil-miktub minn qabel mill-oriġinatur.

Artikolu 4

Sigurtà tal-persunal

1.   L-aċċess għal informazzjoni klassifikata għandha tingħata lill-Membri tal-Parlament Ewropew f’konformità mal-Artikolu 5(4).

2.   Meta l-informazzjoni kkonċernata hija klassifikata fil-livell CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL, SECRET UE/EU SECRET jew TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET jew l-ekwivalenti tiegħu, jista’ jingħata aċċess biss lill-Membri tal-Parlament Ewropew awtorizzati mill-President tal-Parlament Ewropew:

(a)

li jkunu ngħataw approvazzjoni tas-sigurtà f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew; jew

(b)

li dwarhom tkun saret notifika minn awtorità nazzjonali kompetenti li huma debitament awtorizzati permezz tal-funzjonijiet tagħhom f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, fejn l-informazzjoni kkonċernata hija klassifikata fil-livell CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew l-ekwivalenti tiegħu, l-aċċess jista’ jingħata ukoll lil dawk il-Membri tal-Parlament Ewropew determinati f’konformità mal-Artikolu 5(4) li ffirmaw dikjarazzjoni solenni ta’ segretezza f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill għandu jkun infurmat bl-ismijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew li ngħataw aċċess skont dan is-subparagrafu.

3.   Qabel ma jingħataw aċċess għal informazzjoni klassifikata, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu infurmati fil-qosor dwar u jirrikonoxxu r-responsabbiltajiet tagħhom li jipproteġu tali informazzjoni f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew, u għandhom jiġu infurmati dwar il-mezzi biex tiġi żgurata tali protezzjoni.

4.   L-aċċess għal informazzjoni klassifikata għandu jingħata biss lil dawk l-uffiċjali tal-Parlament Ewropew u impjegati oħra tal-Parlament li jaħdmu għall-gruppi politiċi li:

(a)

nħatru minn qabel bħala li jeħtieġu li jkunu infurmati mill-korp jew uffiċjal parlamentari determinati f’konformità mal-Artikolu 5(4);

(b)

ingħataw approvazzjoni tas-sigurtà għal-livell adatt f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew meta l-informazzjoni hija klassifikata fil-livell CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL, SECRET UE/EU SECRET jew TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET jew l-ekwivalenti tiegħu; u

(c)

ingħataw informazzjoni fil-qosor u rċevew struzzjonijiet bil-miktub dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom li jipproteġu tali informazzjoni kif ukoll dwar il-mezzi li jiżguraw tali protezzjoni, u li ffirmaw dikjarazzjoni fejn jirrikonoxxu li rċevew dawk l-istruzzjonijiet u li jimpenjaw rwieħhom li jaderixxu magħhom f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 5

Proċedura għall-aċċess għal informazzjoni klassifikata

1.   Il-Kunsill għandu jagħti l-informazzjoni klassifikata msemmija fl-Artikolu 1 lill-Parlament Ewropew meta jkun obbligat legalment li jagħmel dan, skont it-Trattati jew atti legali adottati abbażi tat-Trattati. Il-korpi jew uffiċjali parlamentari msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu wkoll jippreżentaw talba bil-miktub għal tali informazzjoni.

2.   F’każijiet oħrajn, il-Kunsill jista’ jagħti l-informazzjoni klassifikata msemmija fl-Artikolu 1 lill-Parlament Ewropew, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba bil-miktub mingħand wieħed mill-korpi jew uffiċjali parlamentari msemmija fil-paragrafu 3.

3.   Il-korpi jew uffiċjali parlamentari li ġejjin jistgħu jippreżentaw talbiet bil-miktub lill-Kunsill:

(a)

il-President;

(b)

il-Konferenza tal-Presidenti;

(c)

il-Bureau;

(d)

il-President(i) tal-kumitat(i) konċernat(i);

(e)

ir-relatur(i) konċernat(i).

It-talbiet minn Membri oħra tal-Parlament Ewropew għandhom isiru permezz ta’ wieħed mill-korpi jew uffiċjali parlamentari msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kunsill għandu jwieġeb għal tali talbiet mingħajr dewmien.

4.   Fejn il-Kunsill ikun taħt obbligu legali li, jew ikun iddeċieda li jagħti lill-Parlament Ewropew aċċess għal informazzjoni klassifikata, huwa għandu jiddetermina bil-miktub, qabel ma din l-informazzjoni tintbagħat, flimkien mal-korp jew l-uffiċjal rilevanti kif elenkat fil-paragrafu 3:

(a)

li tali aċċess jista’ jingħata lil wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

il-President;

(ii)

il-Konferenza tal-Presidenti;

(iii)

il-Bureau;

(iv)

il-President(i) tal-Kumitat(i) konċernat(i);

(v)

ir-relatur(i) konċernat(i);

(vi)

il-membri tal-kumitat(i) konċernati kollha jew uħud minnhom; u

(b)

kwalunkwe arranġament ta’ trattament speċifiku għall-protezzjoni ta’ tali informazzjoni.

Artikolu 6

Reġistrazzjoni, ħżin, konsultazzjoni u diskussjonita’ informazzjoni klassifikata fil-Parlament Ewropew

1.   Informazzjoni klassifikata pprovduta mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew, fejn din tkun klassifikata fil-livell CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL, SECRET UE/EU SECRET jew TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET jew l-ekwivalenti tiegħu:

(a)

għandha tiġi rreġistrata għal finijiet ta’ sigurtà biex jiġi rrekordjat iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha u tiġi żgurata t-traċċabbiltà tagħha f’kull ħin;

(b)

għandha tinħażen f’żona sigura li tilħaq l-istandards minimi ta’ sigurtà fiżika stabbiliti fir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill u fir-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew, li għandhom ikunu ekwivalenti; u

(c)

tista’ tiġi kkonsultata mill-Membri tal-Parlament Ewropew, uffiċjali tal-Parlament Ewropew u l-impjegati oħra tal-Parlament rilevanti li jaħdmu għall-gruppi politiċi msemmijin fl-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 5(4) biss f’kamra sikura għall-qari ġewwa l-bini tal-Parlament Ewropew. F’dan il-każ, għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-informazzjoni m’għandha tiġi kkopjata bl-ebda mezz, bħall-fotokopji jew ritratti;

(ii)

m’għandhomx jittieħdu noti; u

(iii)

l-ebda apparat ta’ komunikazzjoni elettronika ma jista’ jittieħed fil-kamra.

2.   Informazzjoni klassifikata pprovduta mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew, fejn din tkun klassifikata fil-livell RESTREINT UE/EU RESTRICTED jew l-ekwivalenti tiegħu, għandha tiġi ttratata u maħżuna f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew li għandhom joffru livell ta’ protezzjoni għal tali informazzjoni klassifikata ekwivalenti għal dak tal-Kunsill.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, għal perijodu ta’ 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, informazzjoni klassifikata fil-livell RESTREINT UE/EU RESTRICTED jew l-ekwivalenti tiegħu għandha tiġi ttratata u maħżuna f’konformità mal-paragrafu 1. L-aċċess għal tali informazzjoni klassifikata għandha tkun irregolata mill-punti (a) u (c) tal-Artikolu 4(4) u mill-Artikolu 5(4).

3.   L-informazzjoni klassifikata tista’ tiġi ttrattata biss fuq sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni li jkunu ġew debitament akkreditati jew approvati f’konformità ma’ standards ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill.

4.   L-informazzjoni klassifikata mogħtija bil-fomm lil dawk li jirċevuha fil-Parlament Ewropew għandha tiġi soġġetta għal-livell ekwivalenti ta’ protezzjoni bħal dak mogħti lil informazzjoni klassifikata f’forma miktuba.

5.   Minkejja l-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-informazzjoni klassifikata sal-livell CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ekwivalenti tiegħu mogħtija mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew tista’ tiġi diskussa f’laqgħat li jsiru in camera u li għalihom jattendu biss il-Membri u dawk l-uffiċjali tal-Parlament Ewropew u impjegati oħrajn tal-Parlament li jaħdmu għall-gruppi politiċi u li ngħataw aċċess għall-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 5(4). Għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

id-dokumenti għandhom jitqassmu fil-bidu tal-laqgħa u jerġgħu jinġabru fl-aħħar;

id-dokumenti m’għandhom jiġu kkopjati bl-ebda mezz, bħall-fotokopji jew ritratti;

m’għandhomx jittieħdu noti;

l-ebda apparat ta’ komunikazzjoni elettronika ma jista’ jittieħed fil-kamra; u

il-minuti tal-laqgħa m’għandhomx isemmu d-diskussjoni dwar il-punt li jkun fih informazzjoni klassifikata.

6.   Meta jkunu jinħtieġu laqgħat biex tiġi diskussa informazzjoni klassifikata fil-livell SECRET UE/EU SECRET jew TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET jew l-ekwivalenti tiegħu għandhom jiġu miftiehma arranġamenti speċifiċi bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq bażi ta’ każ b’ każ.

Artikolu 7

Ksur tas-sigurtà, telf jew kompromess ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Fil-każ ta’ telf jew kompromess ipprovat jew issuspettat ta’ informazzjoni klassifikata mogħtija mill-Kunsill, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew għandu jinforma lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill b’dan immedjatament. Is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew għandu jmexxi investigazzjoni u għandu jinforma lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni u tal-miżuri li ttieħdu biex dan ma jerġax iseħħ. Fejn huwa kkonċernat Membru tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jaġixxi flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew.

2.   Kwalunkwe Membru tal-Parlament Ewropew li jkun responsabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew jew f’dan il-Ftehim jista’ jkun soġġett għal miżuri u penali skont ir-Regoli 9(2) u 152 sa 154 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew

3.   Kwalunkwe uffiċjal tal-Parlament Ewropew jew impjegat ieħor tal-Parlament li jaħdem għal grupp politiku li jkun responsabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew jew f’dan il-Ftehim jista’ jkun soġġett għall-pieni stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjaliu l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Impjegati Oħrajn tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill Regulation (KEE, Euratom, KEFA) No 259/68 (6).

4.   Persuni li jkunu responsabbli għat-telf jew il-kompromess ta’ informazzjoni klassifikata jistgħu jkunu soġġetti għal azzjoni dixxiplinarja u/jew legali f’konformità mal-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti applikabbli.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, min-naħa tagħhom, għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Huma għandhom jikkooperaw għal dan il-għan, b’mod partikolari billi jiġu organizzati żjarat biex tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-aspetti tekniċi u ta’ sigurtà ta’ dan il-Ftehim.

2.   Is-servizzi rilevanti tas-Segretarjat tal-Parlament Ewropew u tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jikkonsultaw lil xulxin qabel ma waħda mill-istituzzjonijiet timmodifika r-regoli ta’ sigurtà rispettivi tagħha, sabiex jiġi żgurat li tinżamm l-ekwivalenza tal-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata.

3.   L-informazzjoni klassifikata għandha tiġi pprovduta lill-Parlament Ewropew skont dan il-Ftehim ladarba l-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew, ikun iddetermina li tkun intlaħqet ekwivalenza bejn il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata fir-regoli ta’ sigurtà tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, minn naħa, u bejn il-livell ta’ protezzjoni mogħti għall-informazzjoni klassifikata fil-bini tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, min-naħa l-oħra.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi rieżaminat fuq talba ta’ istituzzjoni waħda jew l-oħra fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tiegħu.

5.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell u fi Strasburgu, 12 ta’ Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew 

Il-President 

Image

Għall-Kunsill

Il-President

Image


(1)  ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1.

(2)  ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.

(4)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.

(5)  ĠU C 190, 30.6.2011, p. 2.

(6)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.


Top