Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0064

    Id-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ottubru 2005 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' l-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u ta' l-irkupru tagħhom, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE

    ĠU L 310, 25.11.2005, p. 10–27 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/64/oj

    25.11.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    10


    ID-DIRETTIVA 2005/64/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-26 ta' Ottubru 2005

    dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' l-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u ta' l-irkupru tagħhom, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Konformement mad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (3), għandhom jitwaqqfu dispożizzjonijiet adegwati sabiex jiġi żgurat li vetturi tat-tip approvat li jaqgħu fil-kategorija M1, u dawk li jaqgħu fil-kategorija N1, ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jistgħu jerġgħu jintużaw u/jew jekk jistgħu jiġu riċiklati sa mill-inqas 85 % tal-massa tagħhom u jekk jistgħu jerġgħu jintużaw u/jew jekk jistgħu jiġu rkuprati sa mill-inqas 95 % tal-massa tagħhom.

    (2)

    Il-possibbiltajiet ta' l-użu mill-ġdid ta' partijiet komponenti, tar-riċiklaġġ u ta' l-rkupru ta' materjali jikkostitwixxu parti sostanzjali mill-istrateġija Komunitarja għall-immaniġġar ta' l-iskart. Għalhekk għandu jkun mitlub mill-manifatturi tal-vetturi u l-fornituri tagħhom li jinkludu dawk l-aspetti fl-iktar stadji bikrin ta' l-iżvilupp ta' vetturi ġodda, sabiex jeħfief it-trattament ta' vetturi meta dawn ma jibqgħux jintużaw.

    (3)

    Din id-Direttiva hija waħda mid-Direttivi separati fil-qafas tas-sistema ta' l-approvazzjoni tat-tip Komunitarja ta' vetturi sħaħ stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (4).

    (4)

    Is-sistema ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi sħaħ bħalissa hija obbligatorja għall-vetturi li jaqgħu fil-kategorija M1 u ser tiġi estiża, fil-futur qarib, għall-kategoriji kollha ta' vetturi. Għalhekk hemm bżonn li jiġu inklużi fis-sistema ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi sħaħ dawk il-miżuri relatati mal-possibbiltajiet ta' l-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u ta' l-irkupru ta' vetturi.

    (5)

    Għal dan il-għan, hemm bżonn li jitwaqqfu dispożizzjonijiet li jikkunsidraw il-fatt li l-vetturi N1 għadhom mhux koperti mis-sistema ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi sħaħ.

    (6)

    Il-manifattur għandu jipprovdi lill-awtorità ta' l-approvazzjoni l-informazzjoni teknika relevanti kollha li tirrigwarda l-materjali kostitwenti u l-massi rispettivi tagħhom sabiex din tippermetti l-verifika tal-kalkoli tal-manifattur skond l-istandard ISO 22628: 2002.

    (7)

    Il-kalkoli tal-manifattur jistgħu jiġu validati kif suppost fiż-żmien ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi biss jekk il-manifattur ikun stabbilixxa arranġamenti u proċeduri sodisfaċenti sabiex imexxi l-informazzjoni kollha li jirċievi mill-fornituri tiegħu. Qabel ma tkun tista' tingħata kull approvazzjoni tat-tip, il-korp kompetenti għandu jwettaq evalwazzjoni preliminari ta' dawk l-arranġamenti u proċeduri u għandu joħroġ ċertifikat li jindika li huma sodisfaċenti.

    (8)

    Ir-relevanza ta' l-elementi differenti li jidħlu fil-kalkoli tar-rati tal-possibbiltajiet ta' riċiklaġġ u ta' rkupru għandha tiġi evalwata skond il-proċessi għat-trattament ta' vetturi li ma jintużawx aktar. Il-manifattur għalhekk għandu jirrakkomanda strateġija għat-trattament ta' vetturi li ma jibqgħux jintużaw u jipprovdi d-dettalji tagħhom lill-korp kompetenti. Din l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq teknoloġiji pruvati, li jkunu disponibbli jew li jkunu qegħdin jiġu żviluppati fiż-żmien meta tkun qiegħda ssir l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-vettura.

    (9)

    Vetturi magħmula għal skop speċjali huma proġettati sabiex iwettqu funzjoni speċifika u jeħtieġu arranġamenti speċjali ta' karrozzerija li mhux kompletament taħt il-kontroll tal-manifattur. Għalhekk, ir-rati tal-possibbiltajiet ta' riċiklaġġ u ta' rkupru ma jistgħux jiġu kkalkolati sew. Għaldaqstant dawk il-vetturi għandhom jiġu esklużi mir-rekwiżiti dwar kalkoli.

    (10)

    Vetturi mhux kompluti jikkostitwixxu proporzjon sinifikattiv ta' vetturi N1. Il-manifattur tal-vettura bażi ma jistax jikkalkula r-rati tal-possibbiltajiet ta' riċiklaġġ u ta' rkupru għal vetturi kompluti billi d-data li tirrigwarda l-istadji aktar avvanzati tal-kostruzzjoni ma tkunx disponibbli fl-istadju tal-proġettazzjoni tal-vetturi bażi. Huwa għalhekk xieraq li l-obbligu ta' konformità ma' din id-Direttiva jiġi stabbilit biss fir-rigward tal-vettura bażi.

    (11)

    L-oqsma tas-suq ta' vetturi prodotti f'serje żgħira huma limitati ħafna, u għalhekk il-benefiċċju jkun żgħir għall-ambjent jekk ikollhom jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għalhekk huwa xieraq li jiġu esklużi mill-ambitu ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

    (12)

    Konformement mad-Direttiva 2000/53/KE, għandhom jittieħdu miżuri adatti, fl-interess tas-sigurtà fit-triq u tal-ħarsien ta' l-ambjent, sabiex jiġi prekluż l-użu mill-ġdid ta' ċerti partijiet komponenti li tneħħew minn vetturi li m'għadhomx jintużaw. Tali miżuri għandhom jiġu ristretti għall-użu mill-ġdid ta' partijiet fil-kostruzzjoni ta' vetturi ġodda.

    (13)

    Id-dispożizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva sejrin jimponu li l-manifatturi jipprovdu data ġdida dwar l-approvazzjoni tat-tip u għalhekk dawn il-partikularitajiet għandhom jiġu riflessi fid-Direttiva 70/156/KEE, li tistabbilixxi l-lista eżawrjenti ta' data li għandha tiġi preżentata għall-approvazzjoni tat-tip. Għalhekk huwa neċessarju li d-Direttiva tiġi emendata f'dan is-sens.

    (14)

    Il-miżuri neċessarji sabiex din id-Direttiva tiġi adattata għall-progress xjentifiku u tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja stipulata fl-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 70/156/KEE.

    (15)

    Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi minimizzat l-impatt fuq l-ambjent permezz tar-rekwiżit li l-vetturi jiġu proġettati mill-fażi ta' konċepiment bil-ħsieb li jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid, jiġu riċiklati u rkuprati, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri waħedhom u jista', għalhekk, minħabba l-firxa ta' l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stipulat fl-imsemmi Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

    (16)

    Konformement mal-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar ta' liġijiet (5), l-Istati Membri jiġu mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, tabelli tagħhom stess li, safejn ikun possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' trasposizzjoni u jagħmluhom pubbliċi,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi koperti mill-Artikolu 2, bil-għan li jiġi żgurat li l-partijiet u l-materjali komponenti tagħhom ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw, jiġu riċiklati u jiġu rkuprati fil-perċentwali minimi esposti fl-Anness I.

    Id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-użu mill-ġdid ta' partijiet komponenti ma jwassalx għal perikli għas-sigurtà u għall-ambjent.

    L-Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Din id-Direttiva għandha tapplika għall-vetturi li jaqgħu fil-kategoriji M1 u N1, kif definiti fil-Parti A ta' l-Anness II tad-Direttiva 70/156/KEE, u għall-partijiet komponenti ġodda jew li jintużaw mill-ġdid ta' tali vetturi.

    L-Artikolu 3

    Eżenzjonijiet

    Bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7, din id-Direttiva ma għandiex tapplika:

    (a)

    għal vetturi magħmula għal skop speċjali kif definiti fil-Parti A, punt 5, ta' l-Anness II tad-Direttiva 70/156/KEE;

    (b)

    għal vetturi mibnija f'diversi stadji li jaqgħu fil-kategorija N1, sakemm il-vettura bażi tkun konformi ma' din id-Direttiva;

    (ċ)

    għal vetturi prodotti f'serje żgħira, imsemmija fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 70/156/KEE.

    L-Artikolu 4

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1)

    “vettura” tfisser vettura b'mutur;

    2)

    “parti komponenti” tfisser kwalunkwe parti jew kwalunkwe muntaġġ ta' partijiet li jkunu inklużi f'vettura fil-mument tal-produzzjoni tagħha, u tkopri wkoll komponenti u unitajiet tekniċi separati kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/156/KEE;

    3)

    “tip ta' vettur” tfisser it-tip ta' vettura kif definita fil-Parti B, punti 1 u 3, ta' l-Anness II tad-Direttiva 70/156/KEE;

    4)

    “vettura li m'għadhiex tintuża” tfisser vettura kif definita fil-punt 2 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/53/KE;

    5)

    “vettura ta' referenza” tfisser il-verżjoni ta' tip ta' vettura, identifikata mill-awtorità ta' l-approvazzjoni, b'konsultazzjoni mal-manifattur u skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness I, bħala l-iktar problematika fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' użu mill-ġdid, ta' riċiklaġġ u ta' rkupru;

    6)

    “vettura mibnija f'diversi stadji” tfisser vettura li tirriżulta minn proċess ta' kostruzzjoni f'diversi stadji;

    7)

    “vettura bażi” tfisser vettura kif definita fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/156/KEE, li tkun użata fl-ewwel stadju ta' kostruzzjoni f'diversi stadji;

    8)

    “kostruzzjoni f'diversi stadji” tfisser il-proċess li permezz tiegħu vettura tiġi prodotta f'diversi stadji billi jiġu miżjuda partijiet komponenti ma' vettura bażi jew billi jiġu modifikati dawk il-partijiet komponenti;

    9)

    “użu mill-ġdid” tfisser użu mill-ġdid kif definit fil-punt 6 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/53/KE;

    10)

    “riċiklaġġ” tfisser riċiklar kif definit fl-ewwel sentenza tal-punt 7 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/53/KE;

    11)

    “irkupru ta' enerġija” tfisser irkupru ta' enerġija kif definit fit-tieni sentenza tal-punt 7 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/53/KE;

    12)

    “irkupru” tfisser irkupru kif definit fil-punt 8 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/53/KE;

    13)

    “possibbiltà ta' użu mill-ġdid” tfisser il-potenzjalità ta' użu mill-ġdid ta' partijiet komponenti meħuda minn vettura li m'għadiex tintuża;

    14)

    “possibbiltà ta' riċiklaġġ” tfisser il-potenzjalità ta' riċiklaġġ ta' partijiet komponenti meħuda minn vettura li m'għadhiex tintuża;

    15)

    “possibbiltà ta' rkupru” tfisser il-potenzjalità ta' rkupru ta' partijiet komponenti meħuda minn vettura li m'għadhiex tintuża;

    16)

    “rata tal-possibbiltà ta' riċiklaġġ ta' vettura (Rcyc)” tfisser il-perċentwali tal-massa ta' vettura ġdida li potenzjalment tista' terġa tintuża u tiġi rriċiklata;

    17)

    “rata tal-possibbiltà ta' rkupru ta' vettura (Rcov)” tfisser il-perċentwali tal-massa ta' vettura ġdida li potenzjalment tista' terġa tintuża u tiġi rkuprata;

    18)

    “strateġija” tfisser pjan fuq skala kbira li tikkonsisti f'azzjonijiet u f'miżuri tekniċi koordinati li jkollhom jittieħdu fir-rigward ta' żarmar jew ta' tqattigħ jew ta' proċessi simili, ta' riċiklaġġ u ta' rkupru ta' materjali sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jintlaħqu r-rati previsti tal-possibbiltajiet ta' riċiklaġġ u ta' rkupru fiż-żmien li l-vettura tkun qiegħda fl-istadju ta' żvilupp tagħha;

    19)

    “massa” tfisser il-massa tal-vettura fi stat tajjeb ta' tħaddim kif definit fil-punt 2.6 ta' l-Anness I tad-Direttiva 70/156/KEE, iżda teskludi dik tas-sewwieq, li l-massa tiegħu hija meqjusa li tkun 75 kg;

    20)

    “korp kompetenti” tfisser entità, per eżempju ta' servizz tekniku jew korp eżistenti ieħor, notifikat minn Stat Membru sabiex iwettaq evalwazzjoni preliminari tal-manifattur u sabiex joħroġ ċertifikat ta' konformità, skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Il-korp kompetenti jista' jkun l-awtorità ta' l-approvazzjoni tat-tip, sakemm il-kompetenza tiegħu f'dan il-qasam tkun dokumenta adegwatament.

    L-Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet għall-approvazzjoni tat-tip

    1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu, skond il-każ, l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, fir-rigward tal-possibbiltà ta' użu mill-ġdid, ta' riċiklaġġ u ta' rkupru, biss lil dawk it-tipi ta' vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

    2.   Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-manifattur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità ta' l-approvazzjoni l-informazzjoni teknika dettaljata meħtieġa għall-finijet tal-kalkoli u l-verifiki msemmija fl-Anness I ta' din id-Direttiva, li jirrigwardaw in-natura tal-materjali wżati fil-kostruzzjoni tal-vettura u tal-partijiet komponenti tagħha. F'każijiet fejn jintwera li tali informazzjoni hija koperta minn drittijiet ta' proprjetà intelletwali jew tikkostitwixxi konoxxenza teknika speċifika tal-manifattur jew tal-fornituri tiegħu, il-manifattur jew il-fornituri tiegħu għandhom jipprovdu informazzjoni suffiċjenti sabiex jippermettu li dawn il-kalkoli jsiru adegwatament.

    3.   F'dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta' użu mill-ġdid, ta' riċiklaġġ u ta' rkupru, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun qiegħed jippreżenta applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta' vettura skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, il-manifattur juża l-mudell tad-dokument ta' informazzjoni espost fl-Anness II ma' din id-Direttiva.

    4.   Meta tagħti approvazzjoni tat-tip tal-KE skond l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 70/156/KEE, l-awtorità ta' l-approvazzjoni tat-tip għandha tuża l-mudell taċ-ċertifikat ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE espost fl-Anness III ma' din id-Direttiva.

    L-Artikolu 6

    Evalwazzjoni preliminari tal-manifattur

    1.   L-Istati Membri ma għandhomx jagħtu kwalunkwe approvazzjoni tat-tip mingħajr ma jiżguraw minn qabel li l-manifattur ikun daħħal fis-seħħ arranġamenti u proċeduri sodisfaċenti, skond il-punt 3 ta' l-Anness IV, sabiex jimmaniġġa adegwatament l-aspetti tal-possibbiltajiet ta' użu mill-ġdid, ta' riċiklaġġ u ta' rkupru koperti minn din id-Direttiva. Meta tiġi mwettqa din l-evalwazzjoni preliminari, il-manifattur għandu jingħata ċertifikat imsejjaħ 'Ċertifikat ta' Konformità ma' l-Anness IV' (minn hawn 'il quddiem 'iċ-ċertifikat ta' konformità').

    2.   Fil-qafas ta' l-evalwazzjoni preliminari tal-manifattur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjali wżati għall-kostruzzjoni ta' tip ta' vettura jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE.

    Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9, tistabbilixxi r-regoli dettaljati meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità ma' din id-dispożizzjoni.

    3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-manifattur għandu jirrakkomanda strateġija li tiżgura ż-żarmar, l-użu mill-ġdid ta' partijiet komponenti, ir-riċiklaġġ u l-irkupru ta' materjali. L-istrateġija għandha tieħu kont tat-teknoloġiji ppruvati li jkunu disponibbli jew li jkunu qegħdin jiġu żviluppati fiż-żmien meta ssir l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip ta' vettura.

    4.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korp kompetenti, skond il-punt 2 ta' l-Anness IV, sabiex iwettaq l-evalwazzjoni preliminari tal-manifattur u sabiex joħroġ iċ-ċertifikat ta' konformità.

    5.   Iċ-ċertifikat ta' konformità għandu jinkludi d-dokumentazzjoni adegwata u għandu jiddeskrivi l-istrateġija rakkomandata mill-manifattur. Il-korp kompetenti għandu juża l-mudell espost fl-Appendiċi ma' l-Anness IV.

    6.   Iċ-ċertifikat ta' konformità għandu jibqa' validu għal mhux inqas minn sentejn mid-data ta' l-għoti taċ-ċertifikat qabel ma jsiru verifiki ġodda.

    7.   Il-manifattur għandu jinforma l-korp kompetenti dwar kull bidla sinifikattiva li tista' tolqot il-pertinenza taċ-ċertifikat ta' konformità. Wara li jiġi konsultat il-manifattur, il-korp kompetenti għandu jiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn ta' verifiki ġodda.

    8.   Fit-tmiem tal-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat ta' konformità, il-korp kompetenti għandu joħroġ ċertifikat ġdid ta' konformità jew jestendi l-validità tiegħu għal perjodu ulterjuri ta' sentejn. Il-korp kompetenti għandu joħroġ ċertifikat ġdid f'każijiet fejn jiġi infurmat li saru tibdiliet sinifikattivi.

    L-Artikolu 7

    Użu mill-ġdid ta' partijiet komponenti

    Il-partijiet komponenti elenkati fl-Anness V:

    (a)

    għandhom jitqiesu li ma jistgħux jintużaw mill-ġdid għall-finijiet tal-kalkoli tar-rati tal-possibbiltajiet ta' riċiklaġġ u ta' rkupru;

    (b)

    ma għandhomx jiġu użati mill-ġdid fil-kostruzzjoni ta' vetturi koperti mid-Direttiva 70/156/KEE.

    L-Artikolu 8

    Emendi għad-Direttiva 70/156/KEE

    Id-Direttiva 70/156/KEE għandha tiġi emendata skond l-Anness VI ta' din id-Direttiva.

    L-Artikolu 9

    Emendi

    Emendi għal din id-Direttiva li jkunu meħtieġa għall-adattament tagħha għall-progress xjentifiku u tekniku għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 70/156/KEE.

    L-Artikolu 10

    Dati ta' implementazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip

    1.   B'seħħ minn 15 ta' Diċembru 2006, l-Istati Membri ma għandhomx, fir-rigward ta' tip ta' vettura li jikkonforma mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva:

    (a)

    jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew nazzjonali;

    (b)

    jipprojbixxu r-reġistrazzjoni jew il-bejgħ jew il-bidu ta' l-użu ta' vetturi ġodda.

    2.   B'seħħ minn 15. ta' Diċembru 2008, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' tip ta' vettura li ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva:

    (a)

    jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE;

    (b)

    jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali.

    3.   B'seħħ minn 15. ta' Lulju 2010, l-Istati Membri għandhom, jekk ma jkunux sodisfatti r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva:

    (a)

    jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE;

    (b)

    jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni jew il-bejgħ jew il-bidu ta' l-użu ta' vetturi ġodda, salv fejn japplika l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 70/156/KEE.

    4.   L-Artikolu 7 għandu japplika b'seħħ minn 15. ta' Diċembru 2006.

    L-Artikolu 11

    Traspożizzjoni

    1.   Mhux aktar tard minn 15. ta' Diċembru 2006 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.

    Dawn il-miżuri għandhom jibdew japplikaw minn 15. ta' Diċembru 2006.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi sabiex issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    L-Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 13

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, nhar is-26 ta' Ottubru 2005.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. ALEXANDER


    (1)  ĠU C 74, tat-23.3.2005, p. 15.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2005 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2005.

    (3)  ĠU L 269, tal-21.10.2000, p. 34. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/438/KE (ĠU L 152, tal-15.6.2005, p. 19).

    (4)  ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/104/KE (ĠU L 337, tat-13.11.2004, p. 13).

    (5)  ĠU C 321, tal-31.12.2003, p. 1.


    L-ANNESS

    LISTA TA' L-ANNESSI

    L-Anness I:

    Rekwiżiti

    L-Anness II:

    Dokument ta' informazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta' vettura

    L-Anness III:

    Mudell taċ-ċertifikat għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE

    L-Anness IV:

    Evalwazzjoni preliminari tal-manifattur

    Appendiċi:

    mudell taċ-ċertifikat ta' konformità

    L-Anness V:

    Partijiet komponenti meqjusa li ma jistgħux jintużaw mill-ġdid

    L-Anness VI:

    Emendi lid-Direttiva 70/156/KEE

    L-ANNESS I

    REKWIŻITI

    1.

    Vetturi li jaqgħu fil-kategorija M1 u dawk li jaqgħu fil-kategorija N1 għandhom jinbnew b'mod li jkunu:

    jistgħu jintużaw mill-ġdid u/jew jirriċiklaw mill-inqas 85 % tal-massa tagħhom u,

    jistgħu jintużaw mill-ġdid u/jew jirriċiklaw mill-inqas 95 % tal-massa tagħhom,

    kif stabbilit mill-proċeduri imsemmija f'dan l-Anness.

    2.

    Għall-finijiet ta' l-approvazzjoni tat-tip, il-manifattur għandu jippreżenta formola ta' preżentazzjoni ta' data debitament mimlija, stabbilita skond l-Anness A ma' l-istandard ISO 22628: 2002. Din għandha tinkludi lista klassifikattiva tal-materjali.

    Hija għandha tkun akkumpanjata minn lista tal-partijiet komponenti żarmati, dikjarati mill-manifattur fir-rigward ta' l-istadju ta' żarmar u l-proċess li jirrakkomanda għat-trattament tagħhom.

    3.

    Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-punti 1 u 2, il-manifattur għandu juri għas-sodisfazzjon ta' l-awtorità ta' l-approvazzjoni li l-vetturi ta' referenza jissodisfaw ir-rekwiżiti. Għandu jiġi applikat il-metodu ta' kalkolu stipulat fl-Anness B ta' l-istandard ISO 22628: 2002.

    Madankollu l-manifattur għandu jkun jista' juri li kull verżjoni tat-tip ta' vettura tikkonforma mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

    4.

    Għall-finijiet tas-selezzjoni tal-vetturi ta' referenza, għandu jittieħed kont tal-kriterji li ġejjin:

    it-tip tal-karozzerija;

    il-livelli ta' attrezzatura disponibbli (1);

    l-aċċessorji (1) disponibbli li jistgħu jiġu installati taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.

    5.

    Jekk l-awtorità ta' l-approvazzjoni tat-tip u l-manifattur flimkien ma jirnexxilhomx jidentifikaw il-verżjoni l-aktar problematika ta' tip ta' vettura, fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' użu mill-ġdid, ta' riċiklaġġ u ta' rkupru, għandha tintgħażel vettura waħda ta' referenza:

    (a)

    għal kull “tip ta' karozzerija”, kif definit fil-punt 1 tal-Parti Ċ ta' l-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE fil-każ ta' vetturi M1;

    (b)

    għal kull 'tip ta' “karozzerija”, jiġifieri vann, chassis b'kabina, pick up, eċċ, fil-każ ta' vetturi N1.

    6.

    Għall-finijiet tal-kalkoli, it-tyres għandhom jitqiesu bħala riċiklabbli.

    7.

    Il-massa għandha tiġi espressa f'kg sa figura deċimali waħda. Ir-rati għandhom jiġu kalkolati bħala perċentwali sa figura deċimali waħda, u mbagħad arrotondati kif ġej:

    (a)

    jekk il-figura ta' wara l-punt deċimali tkun bejn 0 u 4, it-total għandu jiġi arrotondat 'l isfel;

    (b)

    jekk il-figura ta' wara l-punt deċimali tkun bejn 5 u 9, it-total għandu jiġi arrotondat 'il fuq.

    8.

    Sabiex jiġu vverifikati l-kalkoli msemmija f'dan l-Anness, l-awtorità ta' l-approvazzjoni għandha tiżgura li l-formola ta' preżentazzjoni tad-data msemmija fil-punt 2 tkun koerenti ma' l-istrateġija rakkomandata annessa maċ-ċertifkat ta' konformità msemmi fl-Artikolu 6(1) ta' din id-Direttiva.

    9.

    Sabiex jiġu vverifikati l-materjali u l-massa tal-partijiet komponenti, il-manifattur għandu jagħmel disponibbli vetturi kif ukoll partijiet komponenti skond kif meqjus neċessarju mill-awtorità ta' l-approvazzjoni tat-tip.


    (1)  Jiġifieri tapizzerija tal-ġilda, sistema 'hi-fi', sistema ta' arja kkundizzjonata, roti ta' l-'alloy' eċċ.

    L-ANNESS II

    DOKUMENTI TA' INFORMAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE TA' VETTURA

    skond l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (1) dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta' vettura fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' l-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u ta' l-irkupru tagħha

    L-informazzjoni li ġejja, jekk applikabbli, għandha tiġi provduta fi tliet kopji u tinkludi lista tal-kontenut. Kull disinn għandu jiġi provdut fi skala adegwata u f'dettall suffiċjenti fuq daqs A4 jew f'dossier ta' daqs A4. Jekk ikun hemm ritratti, dawn għandhom ikunu dettaljati suffiċjentement.

    0.

    ĠENERALI

    0.1.

    Marka (trade name tal-manifattur):…

    0.2.

    Tip:…

    0.2.0.1.

    Chassis:…

    0.2.1.

    Isem/Ismijiet kummerċjali (jekk disponibbli):…

    0.3.

    Mezz ta' identifikazzjoni tat-tip, jekk immarkata fuq il-vettura(b):…

    0.3.1.

    Pożizzjoni ta' din il-marka:…

    0.4.

    Kategorija tal-vettura(c):…

    0.5.

    Isem u indirizz tal-manifattur:…

    0.8.

    Indirizz(i) ta' l-impjant(i) ta' kostruzzjoni:…

    1.

    KARATTERISTIĊI ĠENERALI TAL-KOSTRUZZJONI TAL-VETTURA

    1.1.

    Ritratti u/jew disinji ta' vettura rappreżentattiva:…

    1.2.

    Disinn tal-vettura sħiħa bid-dimensjonijiet:…

    1.3.

    Numru ta' fusien u roti:…

    1.3.1.

    Numru u pożizzjoni ta' fusien b'roti doppji:…

    1.3.3.

    Fusien imħaddma b'enerġija mekkanika (numru, pożizzjoni, interkonnessjoni):…

    1.7.

    Kabina tas-sewqan (forward control jew bonnetted)(z):…

    3.

    MUTUR(q) (Fil-każ ta' vettura li tista' taħdem jew bil-petrol, diesel, eċċ, jew ukoll flimkien ma' karburanti ieħor, l-elementi għandhom jiġu ripetuti(+))

    3.1.

    Manifattur:…

    3.2.

    Magna ta' kombustjoni interna

    3.2.1.

    Informazzjoni speċifika dwar il-magna

    3.2.1.1.

    Prinċipju ta' operazzjoni: positive ignition/compression ignition, four-stroke/two-stroke  (1)

    3.2.1.2.

    Numru u arranġament taċ-ċilindri:…

    3.2.1.3.

    Ċilindrata(s):… cm3

    3.2.2.

    Karburanti: diesel/petrol/LPG/NG/etanol: (1)

    4.

    TRASMISSJONI(v)

    4.2.

    Tip (mekkaniku, idrawliku, elettriku, eċċ.):…

    4.5.

    Gearbox

    4.5.1.

    Tip (manwali/awtomatiku/CVT (trasmissjoni b'varjazzjoni kontinwa)) (1)

    4.9.

    Differential lock: iva/le/fakultattiva ( (1))

    9.

    KAROZZERIJA

    9.1.

    Tip ta' karozzerija:…

    9.3.1.

    Konfigurazzjoni u numru ta' bibien:…

    9.10.3.

    Sedili

    9.10.3.1.

    Numru:…

    15.

    POSSIBBILTAJIET TA' UŻU MILL-ĠDID, TA' RIĊIKLAĠĠ U TA' RKUPRU

    15.1.

    Verżjoni li għaliha tappartjeni l-vettura ta' referenza:…

    15.2.

    Massa tal-vettura ta' referenza bil-karozzerija jew massa tax-chassis bil-kabina, mingħajr karozzerija u/jew coupling device jekk il-manifattur ma jinstallax il-karozzerija u/jew il-coupling device (inklużi likwidi, għodda, rota spare, jekk installati) eskluż ix-xufier:…

    15.3.

    Massa tal-materjali tal-vettura ta' referenza

    15.3.1.

    Massa tal-materjal kunsidrata fil-fażi ta' pre-trattament(##):…

    15.3.2.

    Massa tal-materjal kunsidrata fil-fażi taż-żarmar(##):…

    15.3.3.

    Massa tal-materjal kunsidrata fil-fażi tat-trattament tar-residwu mhux metalliku, meqjus riċiklabbli(##):…

    15.3.4.

    Massa tal-materjal kunsidrata fil-fażi tat-trattament tar-residwu mhux metalliku, meqjus li jista' jkun l-oġġett ta' rkupru enerġetiku(##):…

    15.3.5.

    Lista klassifikattiva tal-materjali(##):…

    15.3.6.

    Massa totali tal-materjali, li jistgħu jiġu wżati mill-ġdid u/jew riċiklati:…

    15.3.7.

    Massa totali tal-materjali, li jistgħu jiġu wżati mill-ġdid u/jew irkuprati:…

    15.4.

    Rati

    15.4.1.

    Rata tal-possibbiltà ta' riċiklaġġ “Rcyc( %)”:…

    15.4.2.

    Rata tal-possibbiltà ta' rkupru “Rcov( %)”:…


    (1)  In-numerazzjoni ta' l-elementi u n-noti f'qiegħ il-paġni użati f'dan id-dokument ta' informazzjoni jikkorrispondu għal dawk esposti fl-Anness I tad-Direttiva 70/156/KEE. L-elementi li mhumiex relevanti għall-finijiet ta' din id-Direttiva qegħdin jitħallew barra.

    L-ANNESS III

    MUDELL TA' ĊERTIFIKAT TA' L-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

    Format massimu: A4 (210 x 297mm)

    ĊERTIFIKAT GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

    Timbru ta' l-awtorità ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE

    Komunikazzjoni dwar:

    l-approvazzjoni tat-tip tal-KE (1) ta' tip ta' vettura

    estensjoni ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE( (1))

    rifjut ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE( (1))

    fir-rigward tad-Direttiva 2005/64/KE

    Numru ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE:

    Raġuni għall-estensjoni:

    TAQSIMA I

    0.1.

    Marka (trade name tal-manifattur):…

    0.2.

    Tip:…

    0.2.1.

    Isem/Ismijiet kummerċjali (2) :…

    0.3.

    Mezz ta' identifikazzjoni tat-tip, jekk immarkati fuq il-vettura:…

    0.3.1.

    Pożizzjoni ta' din il-marka:…

    0.4.

    Kategorija tal-vettura (3) :…

    0.5.

    Isem u indirizz tal-manifattur:…

    0.8.

    Isem/ismijiet u indirizz(i) ta' l-impjant(i) ta' kostruzzjoni:(…)

    […]

    TAQSIMA II

    1.

    Informazzjoni oħra:…

    Rata(i) tal-possibbiltà ta' riċiklaġġ tal-vettura(i) ta' referenza:…

    Rata(i) tal-possibbiltà ta' rkupru tal-vettura(i) ta' referenza:…

    2.

    Servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet:…

    3.

    Data tar-rapport tat-test:…

    4.

    Referenza tar-rapport tat-test:…

    5.

    Rimarki (jekk ikun hemm):…

    6.

    Mehmużin: l-indiċi u l-pakkett ta' informazzjoni

    7.

    Il-vettura tissodisfa/ma tissodisfax (1) ir-rekwiżiti tekniċi ta' din id-Direttiva:…

    (Post)

    (Data)

    (Firma)

    Mehmużin: Pakkett ta' informazzjoni.


    (1)  Ħassar fejn mhux applikabbli.

    (2)  Jekk mhux disponibbli meta tiġi mogħtija l-approvazzjoni tat-tip, dan l-element għandu jiġi indikat mhux iktar tard minn meta l-vettura titqiegħed fis-suq.

    (3)  Kif definita fil-Part A ta' l-Anness II tad-Direttiva 70/156/KEE.

    L-ANNESS IV

    EVALWAZZJONI PRELIMINARI

    1.   Għan ta' dan l-Anness

    Dan l-Anness jiddeskrivi l-evalwazzjoni preliminari li għandha titwettaq mill-korp kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-manifattur stabbilixxa l-arranġamenti u l-proċeduri meħtieġa.

    2.   Korp kompetenti

    Il-korp kompetenti għandu jikkonforma ma' l-istandard EN 45012: 1989 jew mal-Gwida ISO/IEC 62: 1996 dwar il-kriterji ġenerali għall-korpi ta' ċertifkazzjoni li jwettqu ċertifikazzjoni ta' sistemi ta' kwalità fir-rigward ta' sistemi ta' mmaniġġar implimentati mill-manifattur.

    3.   Verifiki li għandhom jitwettqu mill-korp kompetenti

    3.1.   Il-korp kompetenti għandu jiżgura li l-manifattur ikun ħa l-miżuri meħtieġa sabiex:

    (a)

    jiġbor id-data adatta tul il-katina kollha tal-fornitura, b'mod partikulari dwar in-natura u l-massa tal-materjali kollha wżati fil-kostruzzjoni tal-vetturi sabiex jitwettqu l-kalkoli meħtieġa skond din id-Direttiva;

    (b)

    iżomm għad-dispożizzjoni tiegħu id-data adatta l-oħra kollha dwar il-vettura li jirrikjedi l-proċess tal-kalkolu, bħall-volum tal-fluwidi, eċċ.;

    (ċ)

    jivverifika b'mod adegwat l-informazzjoni li jkun irċieva mill-fornituri;

    (d)

    jimmaniġġa l-lista klassifikattiva tal-materjali;

    (e)

    ikun jista' jagħmel il-kalkoli tar-rati tal-possibbiltajiet ta' riċiklaġġ u ta' rkupru skond l-istandard ISO 22628: 2002;

    (f)

    jimmarka l-partijiet komponenti magħmula minn ’polymers’ jew ’elastomers’ skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/138/KE tas-27 ta' Frar 2003 li tistabilixxi l-istandards tal-kodifikazzjoni tal-komponenti u l-materjali tal-vetturi skond id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (1);

    (g)

    jivverifika li l-ebda parti komponenti elenkata fl-Anness V terġa' tintuża fil-kostruzzjoni ta' vetturi ġodda.

    3.2.   Il-manifattur għandu jipprovdi lill-korp kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha, f'forma dokumentata. B'mod partikulari, ir-riċiklaġġ u l-irkupru ta' materjali għandhom jiġu dokumentati kif suppost.


    (1)  ĠU L 53, tat-28.2.2003, p. 58.

    Appendiċi ma' l-Anness IV

    MUDELL TAĊ-ĊERTIFKAT TA' KONFORMITÀ

    Image

    Test ta 'immaġni

    L-ANNESS V

    PARTIJIET KOMPONENTI MEQJUSA LI MA JISTGĦUX JINTUŻAW MILL-ĠDID

    1.   Introduzzjoni

    Dan l-Anness jindirizza l-partijiet komponenti ta' vetturi li jaqgħu fil-kategorija M1 u dawk li jaqgħu fil-kategorija N1 li m'għandhomx jiġu użati mill-ġdid fil-kostruzzjoni ta' vetturi ġodda.

    2.   Lista ta' partijiet komponenti

    L-'airbags' (1) kollha, inklużi cushions, actuators pirotekniċi, unitajiet elettroniċi ta' kontroll u sensors;

    Muntaġġi automatiċi jew mhux automatiċi ta' seatbelts, inklużi webbing, bokkli, retractorsactuators pirotekniċi;

    Seats (fil-każijiet biss fejn l-ankraġġi tas-seatbelts u/jew airbags huma inkorporati fis-seat);

    Muntaġġi tas-sokra ta' l-isteering li jikkontrollaw il-kolonna ta' l-isteering;

    Immobilizzaturi inklużi transponders u unitajiet elettroniċi ta' kontroll;

    Sistemi għall-post-trattament ta' l-emissjonijiet (per eżempju, konvertituri katalitiċi, filtri ta' partikulati');

    Exhaust silencers


    (1)  Meta l-airbag ikun installat fl-isteering, l-isteering innifsu.

    L-ANNESS VI

    EMENDI LID-DIRETTIVA 70/156/KEE

    Id-Direttiva 70/156/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

    (1)

    Jiġu miżjuda l-punti li ġejjin fl-Anness I:

    “15.

    POSSIBBILTÀ TA' UŻU MILL-ĠDID, POSSIBBILTÀ TA' RIĊIKLAĠĠ U POSSIBBILTÀ TA' RKUPRU

    15.1.

    Verżjoni li għaliha tappartjeni l-vettura ta' referenza:

    15.2.

    Massa tal-vettura ta' referenza bil-karozzerija jew massa tax-chassis bil-kabina, mingħajr karozzerija u/jew strument ta' l-igganċjar jekk il-manifattur ma jinstallax il-karozzerija u/jew l-istrument ta' l-igganċjar (inklużi likwidi, għodda, rota spare, jekk installati) eskluż ix-xufier:

    15.3.

    Massa tal-materjali tal-vettura ta' referenza

    15.3.1.

    Massa tal-materjal kunsidrata fil-fażi ta' pre-trattament (##):

    15.3.2.

    Massa tal-materjal kunsidrata fil-fażi taż-żarmar (##):

    15.3.3.

    Massa tal-materjal kunsidrata fil-fażi tat-trattament tar-residwu mhux metalliku, meqjus riċiklabbli (##):

    15.3.4.

    Massa tal-materjal kunsidrata fil-fażi tat-trattament tar-residwu mhux metalliku, meqjus li jista' jkun l-oġġett ta' rkupru enerġetiku (##):

    15.3.5.

    Lista klassifikattiva tal-materjali (##):

    15.3.6.

    Massa totali tal-materjali, li jistgħu jiġu wżati mill-ġdid u/jew riċiklati:

    15.3.7.

    Massa totali tal-materjali, li jistgħu jiġu wżati mill-ġdid u/jew irkuprati:

    15.4.

    Rati

    15.4.1.

    Rata tal-possibbiltà ta' riċiklaġġ ‘Rcyc( %)’:

    15.4.2.

    Rata tal-possibbiltà ta' rkupru ‘Rcov( %)’:

    (##)  Dawn it-termini huma definiti fl-istandard ISO 22628: 2002.”"

    (##)  Dawn it-termini huma definiti fl-istandard ISO 22628: 2002.”"

    (##)  Dawn it-termini huma definiti fl-istandard ISO 22628: 2002.”"

    (##)  Dawn it-termini huma definiti fl-istandard ISO 22628: 2002.”"

    (##)  Dawn it-termini huma definiti fl-istandard ISO 22628: 2002.”"

    (2)

    L-element li ġej jiġi miżjud fil-Parti I ta' l-Anness IV:

    “Suġġett:

    Numru tad-Direttiva

    Referenza tal-Ġurnal Uffiċjali

    Applikabbiltà

    M1

    M2

    M3

    N1

    N2

    N3

    O1

    O2

    O3

    O4

    59.

    Possibbiltà ta' riċiklaġġ

    2005/64/KE

    L 310, 25 ta' Novembru 2005, p. 10

    X

    X

     

     

     

    (3)

    L-Anness XI jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    L-element li ġej jiġi miżjud fl-Appendiċi 1:

    “Element

    Suġġett

    Numru tad-Direttiva

    M1 ≤ 2 500

    (1) kg

    M1 > 2 500

    (1) kg

    M2

    M3

    59

    Possibbiltà ta' riċiklaġġ

    2005/64/KE

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    —”

    (b)

    L-element li ġej jiġi miżjud fl-Appendiċi 2:

    “Element

    Suġġett

    Numru tad-Direttiva

    M1

    M2

    M3

    N1

    N2

    N3

    O1

    O2

    O3

    O4

    59

    Possibbiltà ta' riċiklaġġ

    2005/64/KE

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    —”

    (ċ)

    L-element li ġej jiġi miżjud fl-Appendiċi 3:

    “Element

    Suġġett

    Numru tad-Direttiva

    M1

    M2

    M3

    N1

    N2

    N3

    O1

    O2

    O4

    59

    Possibbiltà ta' riċiklaġġ

    2005/64/KE

    Mhux applikabbli

    —”



    Top