Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XG0614(06)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar il-multilingwiżmu u l-iżvilupp ta' kompetenzi lingwistiċi

    ĠU C 183, 14.6.2014, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 183/26


    Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar il-multilingwiżmu u l-iżvilupp ta' kompetenzi lingwistiċi

    2014/C 183/06

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    WARA LI KKUNSIDRA:

    l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002, li appellaw għal azzjoni “biex titjieb il-padrunanza tal-ħiliet bażiċi, b'mod partikolari bit-tagħlim ta' mill-inqas żewġ lingwi barranin minn età żgħira ħafna”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] kif ukoll għall-istabbiliment ta' indikatur tal-kompetenza lingwistika (1);

    il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2006, li ddefinixxew il-prinċipji għal Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika (2);

    il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020), li jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-kompetenza lingwistika (3);

    il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 – 29 ta' Novembru 2011 dwar kompetenzi lingwistiċi għat-tisħiħ tal-mobilità, li enfasizzaw l-importanza ta' ħila tajba fil-lingwi barranin bħala kompetenza ewlenija essenzjali sabiex wieħed jirnexxi fid-dinja moderna u fis-suq tax-xogħol (4);

    Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Erasmus+, li jinkludi l-għan li jitjiebu l-istruzzjoni u t-tagħlim tal-lingwi (5).

    U B'MOD PARTIKOLARI BIEX:

    il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar il-multilingwiżmu, li appellaw lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien biex itejbu l-kooperazzjoni Ewropea dwar il-multilingwiżmu u biex jieħdu passi xierqa biex itejbu t-tagħlim effettiv tal-lingwi (6);

    ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008 dwar strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu, li stiednet lill-Istati Membri biex jippromwovu l-multilingwiżmu b'appoġġ għall-kompetittività, il-mobilità u l-impjegabbiltà, u bħala mezz biex jissaħħaħ id-djalogu interkulturali (7).

    FILWAQT LI JQIS LI:

    1.

    Id-diversità lingwistika hija komponent fundamentali tal-kultura Ewropea u d-djalogu interkulturali, u li l-abbiltà ta’ komunikazzjoni b’lingwa oħra li mhix nattiva huwa rikonoxxut li hija waħda mill-kompetenzi ewlenin li ċ-ċittadini għandhom ifittxu li jiksbu (8).

    2.

    Ix-xenarju lingwistiku fl-UE huwa kumpless u varjat, b'fatturi nazzjonali li jinfluwenzaw it-tagħlim u t-tagħlim tal-lingwi, u hemm differenzi konsiderevoli fil-leġislazzjoni u fil-prattika fir-rigward tagħhom.

    3.

    Il-kompetenzi lingwistiċi jikkontribwixxu għall-mobilità, l-impjegabbiltà u l-iżvilupp personali taċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, f'konformità mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi.

    4.

    Il-livell ta’ ħiliet lingwistiċi ta' ħafna żgħażagħ fl-Ewropa jista' jittejjeb u li, minkejja li sar xi progress f'dawn l-aħħar deċennji, għad hemm varjazzjoni konsiderevoli bejn il-pajjiżi f’termini ta’ aċċess għat-tagħlim tal-lingwi.

    5.

    Peress li huma s-sors ta’ ħafna lingwi moderni, l-istudju ta’ lingwi klassiċi bħal-Latin u l-Grieg Antik jistgħu jiffaċilitaw it-tagħlim tal-lingwi, kif ukoll jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-patrimonju komuni tagħna.

    JAQBEL LI:

    1.

    L-UE u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-progress fl-iżvilupp tal-kompetenzi lingwistiċi, b'kull pajjiż jikkontribwixxi għal dan il-progress f'konformità mal-kuntest u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tiegħu.

    2.

    Il-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi tista’ tgħin il-promozzjoni tal-multilingwiżmu u l-istruzzjoni u t-tagħlim effettivi tal-lingwi fl-iskejjel.

    3.

    Tali valutazzjoni tkun tista' titwettaq abbażi tad-deskrizzjoni fl-Anness għal dan u għandha tkopri l-erba' ħiliet lingwistiċi kollha kemm huma: il-qari, il-kitba, is-smigħ u t-taħdit.

    4.

    Il-valutazzjoni tkun tista':

    i)

    tiġi organizzata fuq livell tal-UE

    ii)

    tikkunsidra - fejn disponibbli u f'konformità maċ-ċirkustanzi nazzjonali - id-data nazzjonali;

    iii)

    tiġi organizzata bl-appoġġ ta' grupp magħmul minn esperti mill-Istati Membri u f’kooperazzjoni mal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta' Referenza, bil-ħsieb li tiġi żgurata komparabbiltà massima;

    iv)

    tiġi ffinanzjata mill-Programm Erasmus+ f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (9) u soġġetti għall-proċedura baġitarja annwali;

    v)

    teħtieġ riżorsi minimi min-naħa tal-iskejjel u sforzi ta' rappurtar min-naħa tal-Istati Membri.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BIL-KONSIDERAZZJONI DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ U F'KONFORMITÀ MA' ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

    1.

    Jadottaw u jtejbu l-miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-multilingwiżmu u t-titjib fil-kwalità u l-effiċjenza tat-tagħlim tal-lingwi u l-istruzzjoni, inkluż billi jiġu mgħallma almenu żewġ lingwi minbarra l-lingwa/i ewlenija ta' struzzjoni minn età bikrija u billi jesploraw il-potenzjal ta' approċċi innovattivi għall-iżvilupp tal-kompetenzi lingwistiċi.

    2.

    Jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw metodi xierqa għall-valutazzjoni tal-profiċjenza fil-lingwa f'konformità mal-Anness għal dan.

    3.

    Jiżviluppaw miżuri għall-appoġġ tat-tfal u l-adulti bi sfond ta' migrazzjoni fit-tagħlim tal-lingwa(i) tal-pajjiż ospitanti.

    4.

    Jisfruttaw il-potenzjal tal-Programm Erasmus+ u l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

    5.

    Jagħmlu aktar użu minn għodod u inizjattivi Ewropej ta' trasparenza maħsuba biex jappoġġaw u jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi, bħall-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi, il-Europass, il-Portafoll Ewropew tal-Lingwi u t-Tikketta Ewropea għal-Lingwi.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BL-APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI, BIEX:

    1.

    Jiskambjaw l-esperjenzi u l-aqwa prattiki permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, sabiex titjieb l-effikaċja u l-kwalità tal-istruzzjoni u t-tagħlim tal-lingwi.

    2.

    Jirrikonoxxu r-rwol li t-tagħlim mhux formali u informali jista’ jkollu fit-tagħlim tal-lingwi, billi jesploraw modi li bihom jirrikonoxxu u jivvalidaw il-kompetenzi lingwistiċi akkwistati b'dan il-mod, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (10).

    3.

    Jesploraw modi kif tiżdied l-attrattività tat-tagħlim tal-lingwi, u l-iżgurar ta' impenn akbar lejn dan it-tagħlim, inkluż permezz tal-użu tal-ICT u r-Riżorsi Edukattivi Miftuħa, bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' studenti li jabbandunaw l-istudji tal-lingwi qabel ma jiksbu livell adegwat ta' profiċjenza.

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    1.

    Tesplora l-possibbiltà li jiġu valutati l-kompetenzi lingwistiċi fl-Istati Membri, inkluż bl-użu ta’ data nazzjonali fejn disponibbli, bl-appoġġ ta’ grupp magħmul minn esperti mill-Istati Membri u f’kooperazzjoni mal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta’ Referenza.

    2.

    Tesplora mal-Istati Membri u l-Eurostat, fi ħdan il-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u bil-għan li tittejjeb il-komparabbiltà, il-modi kif tiġi kkumplementata data eżistenti tal-UE dwar l-għadd ta' studenti f'edukazzjoni sekondarja li qed jistudjaw tielet lingwa (11) f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-objettiv ta' Barċellona u l-qafas ET 2020.

    3.

    Tkompli u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet oħra attivi f'dan il-qasam, bħall-Kunsill tal-Ewropa u ċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni tiegħu.


    (1)  SN 100/1/02 REV 1, p. 19, it-tieni inċiż tal-paragrafu 44.

    (2)  ĠU C 172, 25.7.2006, p. 1.

    (3)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

    (4)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 27.

    (5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

    (6)  ĠU C 140, 6.6.2008, p. 14.

    (7)  ĠU C 320, 16.12.2008, p. 1.

    (8)  Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

    (9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

    (10)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

    (11)  Din it-tielet lingwa tista' tkun kwalunkwe lingwa mgħallma fl-iskejjel. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprovdu perċentwal ta' studenti li t-tielet lingwa tagħhom tkun il-Grieg Antik u/jew il-Latin. Data oħra li tista' tinġabar tinkludi n-numru ta' lingwi mgħallma u jekk dawn humiex obbligatorji jew fakultattivi.


    ANNESS

    Valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi

    Il-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi hija bbażata fuq:

    Il-perċentwal ta' studenti ta' 15-il sena jew, fejn xieraq minħabba ċ-ċirkostanzi nazzjonali, ta' 14 jew ta' 16-il sena (1), li jiksbu il-livell ta' utent indipendenti fit-tieni lingwa studjata (2).

    It-terminu utent indipendenti jikkorrispondi għal mill-anqas il-livell B1, kif iddefinit fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (QKERL) għall-kompetenzi lingwistiċi (3).

    Id-data tista’ tinġabar permezz ta’ stħarriġ fl-UE kollha li jivvaluta l-profiċjenza fit-tieni lingwa(i) tas-sistemi edukattivi u ppreżentata b'tali mod li jiġi żgurat l-massimu tal-komparabbiltà. Jista' jsir użu ta' data nazzjonali, dment li din tkun kompatibbli mal-QKERL.

    Ir-riżultati nazzjonali jiġu aggregati bħala medja sempliċi tal-erba' komponenti: il-qari, il-kitba, is-smigħ u t-taħdit. Ir-riżultat huwa medja ponderata ta' dawn ir-riżultati nazzjonali li tieħu kont tad-daqsijiet tal-popolazzjoni.


    (1)  Ser jiġi żgurat il-massimu tal-komparabbiltà tad-data.

    (2)  Il-lingwa(i) ewlenija ta' struzzjoni hija/huma kkunsidrati bħala l-ewwel lingwa(i), filwaqt li fost il-lingwi addizzjonali dik li hija l-aktar mgħallma hija meqjusa bħala t-tieni lingwa studjata. Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-lingwi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-ewwel u t-tieni lingwi fil-każ tiegħu.

    Lingwi uffiċjali tal-UE biss jistgħu jitqiesu bħala tieni lingwi.

    (3)  B1 (Utent Indipendenti) huwa definit kif ġej:

    Kapaċi jifhem il-punti ewlenin ta’ input standard ċar dwar affarijiet familjari li regolarment jiltaqa’ magħhom fuq ix-xogħol, fl-iskola, fil-ħin liberu, eċċ. Kapaċi jiġġestixxi l-maġġoranza tas-sitwazzjonijiet li jistgħu jfiġġu waqt li jivvjaġġa f’żona fejn tkun mitkellma l-lingwa. Kapaċi jipproduċi test sempliċi kontinwu dwar suġġetti li huma familjari jew ta’ interess personali. Kapaċi jiddeskrivi esperjenzi u avvenimenti, ħolm, tamiet u ambizzjonijiet u fil-qosor jagħti raġunijiet u spjegazzjonijiet dwar opinjonijiet u pjanijiet.


    Top