Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0229

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Linji Gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE

    /* COM/2013/0229 final */

    52013DC0229

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Linji Gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE /* COM/2013/0229 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Linji Gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE

    1.           Introduzzjoni

    L-akkwakultura Ewropea toffri prodotti ta’ kwalità tajba, li jirrispettaw is-sostenibbiltà ambjentali stretti, is-saħħa tal-annimali u l-istandards tal-protezzjoni tal-konsumatur. Il-kwalità eċċellenti tal-frott tal-baħar tal-UE[1] għandha tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv kbir għall-akkwakultura tal-UE; madankollu, il-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE qiegħda tistaġna, b’kuntrast ma’ tkabbir qawwi f’reġjuni oħra tad-dinja.

    Fl-2010, il-valur tal-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE kien ta’ EUR 3.1 biljun għal 1.26 miljun tunnellata ta’ produzzjoni. Is-suq tal-frott tal-baħar tal-UE huwa attwalment fornut minn 25 % mis-sajd tal-UE, 65 % mill-importazzjonijiet u 10 % mill-akkwakultura tal-UE.[2] Il-konsum apparenti totali tal-UE tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura laħaq madwar 13.2 miljun tunnellata.[3]

    Id-dejta disponibbli turi diskrepanza dejjem tikber — stmat għal 8 miljun tunnellata — bejn il-livell ta’ konsum tal-frott tal-baħar fl-UE u l-volum tal-qbid mis-sajd. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jgħinu biex jiżguraw li din id-diskrepanza hija parzjalment mimlija minn akkwakultura tal-UE li hija ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli.

    Abbażi tal-produttività tax-xogħol attwali, kull punt ta’ persentaġġ tal-konsum attwali tal-UE prodotta internament permezz tal-akkwakultura se tgħin biex jinħolqu bejn 3 000 u 4 000 impjieg full-time.[4] Din iċ-ċifra tikkonferma li, għalkemm l-akkwakultura tirrappreżenta parti relattivament żgħira tal-ekonomija tal-UE, għandha l-potenzjal li tagħti spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi f’żoni kostali u interni tal-UE. Kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija tal-ipproċessar tista’ tkompli ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività fiż-żewġ setturi. L-akkwakultura hija wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tat-Tkabbir Blu tal-UE[5] u l-iżvilupp tagħha jista' jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020.

    2.           L-akkwakultura fir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

    Il-proposta għar-riforma tal-politika komuni tas-sajd (PKS)[6] għandha l-għan li tippromwovi l-akkwakultura permezz ta’ metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni: proċess volontarju ta’ kooperazzjoni bbażat fuq il-Linji Gwida Strateġiċi u l-Pjanijiet strateġiċi nazzjonali multiannwali li jidentifikaw għanijiet komuni u, fejn possibbli, indikaturi biex jitkejjel il-progress lejn dawn l-għanijiet.

    Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-atturi rilevanti kollha għandhom ikunu involuti: l-awtoritajiet, l-industrija, il-bejjiegħa bl-imnut, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi kif ukoll rappreżentanti mis-soċjetà ċivili. Il-Kunsill Konsultattiv tal-Akkwakultura propost huwa mfassal biex jaqdi rwol importanti f’dan is-sens.

    Dawn il-Linji Gwida Strateġiċi għandhom l-għan li jgħinu lill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-miri nazzjonali tagħhom filwaqt li jqisu l-pożizzjonijiet inizjali, iċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-arranġamenti istituzzjonali relattivi tagħhom. Kwistjonijiet koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE mhumiex indirizzati taħt il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, iżda dawn jipprovdu l-qafas għall-attivitajiet tiegħu.

    L-akkwakultura hija dipendenti fuq ilmijiet tal-baħar u ħelwin nodfa u b'saħħithom. Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE - b'mod partikolari d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD)[7], id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD)[8] u r-Regolament dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jistabux lokalment fl-akkwakultura[9] - jiżguraw li dawn il-prekundizzjonijiet jiġu ssodisfati. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi wkoll l-istandards għoljin ta' saħħa, protezzjoni tal-konsumatur u sostenibbiltà ambjentali li trid timxi magħhom l-akkwakultura tal-UE. Dawn għandhom implikazzjonijiet finanzjarji għall-produtturi, iżda jistgħu jiddawru f’vantaġġ kompetittiv jekk l-attenzjoni tal-konsumaturi tintefa' fuq il-kwalità, u jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-aċċettabbiltà lokali tal-akkwakultura. Ir-riforma tal-PKS tibni fuq dawn l-istandards għoljin.

    Il-Kummissjoni biħsiebha tgħin lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE mingħajr ma jimponu piżijiet mhux meħtieġa fuq il-produtturi. Għal dan l-għan, ġew ippubblikati l-linji gwida dwar l-integrazzjoni tal-akkwakultura f’siti Natura2000,[10] u l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tibda taħdem fuq Linji Gwida simili dwar l-akkwakultura u d-WFD u l-MFSD.

    3.           Linji Gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE

    Din il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, u tieħu inkunsiderazzjoni l-analiżi mwettqa miċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta.[11] Se jiġu indirizzat erba' oqsma ta’ prijorità sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE: il-proċeduri amministrattivi, l-ippjanar spazjali ikkoordinat, il-kompetittività u l-kundizzjonijiet ekwi.

    L-akkwakultura tista’ tikkontribwixxi għall-għan ġenerali li tneħħi d-diskrepanza fl-ammont bejn il-konsum tal-UE u l-produzzjoni tal-frott tal-baħar b’mod li jkun ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli. Għal dan l-għan, kull Stat Membru huwa mħeġġeġ li fil-pjan nazzjonali multiannwali jindika l-għan tat-tkabbir tal-akkwakultura tiegħu stess (volum u valur) fil-perjodu kopert mill-pjan.

    3.1.        Proċeduri amministrattivi ssimplifikati

    L-ispejjeż amministrattivi u ż-żmien meħud għat-twettiq jaqdu rwol importanti fid-determinazzjoni tal-kompetittività globali u l-iżvilupp ta’ settur ekonomiku. Bħalissa, hija disponibbli biss informazzjoni limitata dwar id-dewmien u l-ispejjeż tal-liċenzji għal razzett ġdid tal-akkwakultura, u l-Kummissjoni mhijiex infurmata li hemm xi eżerċizzju ta' direzzjonar biex jiġu ttrattati l-punti ta' tfixkil. L-informazzjoni disponibbli turi li f’bosta Stati Membri l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni ta’ spiss jieħdu bejn sentejn u tlieta biex jitlestew;[12] ġew irrappurtanti wkoll eżempji ta’ ħinijiet sostanzjalment itwal. Bħala paragun, id-dejta rrappurtata fi studju tal-Parlament Ewropew juri li l-medja ta' żmien għal liċenzja għall-irziezet tal-akkwakultura fin-Norveġja kien 12-il xahar u ġie mnaqqas għal 6 xhur bl-introduzzjoni ta’ “punt ta’ kuntatt uniku”.[13]

    Żmien għall-għoti ta' liċenzja għall-irziezet tal-akkwakultura f’xi Stati Membri u n-Norveġja (xhur)

    = żmien għal liċenzji għall-irziezet ġodda tal-akkwakultura

    = medja ta' żmien għall-għoti ta' liċenzja għal parks eoliċi lil hinn mix-xtut mal-UE kollha.[14]

    = żmien irrappurtat għall-għoti ta' liċenzja għall-irziezet agrikoli f'żewġ Stati Membri

    = żmien fil-mira għall-għoti ta' liċenzja għall-SMEs ġodda (il-pjan ta’ Azzjoni tal-Intraprenditorija 2020)

    Sorsi: elaborazzjoni proprja, ibbażata fuq dejta mingħand SHoCMed, Windbarriers, studju IP/b/pech/nt/2008 176 tal-Parlament Ewropew u l-informazzjoni provduta mill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u l-awtoritajiet pubbliċi.

    Il-maġġoranza tal-produtturi tal-akkwakultura huma SMEs, u huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-burokrazija: il-piż relattiv ta’ spejjeż regolatorji u amministrattivi meta mqabbel mal-fatturat u l-għadd ta’ impjegati jista’ jkun għaxar darbiet akbar għall-SMEs milli għall-intrapriżi l-kbar tal-ekonomija ġenerali[15]. It-tnaqqis ta' piż regolatorju bla bżonn għadu fil-qofol tal-aġenda politika tal-Kummissjoni. Bħala segwitu għar-reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar ta’ April 2011, il-Kummissjoni pproponiet pjan ta’ azzjoni biex tappoġġa l-intraprenditorija fl-Ewropa. Il-pjan ta' Azzjoni jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu ż-żmien għall-għoti ta' liċenzja u awtorizzazzjonijiet oħrajn meħtieġa biex jingħata bidu għal attività ta' negozju għal xahar sal-aħħar tal-2015,[16] sakemm ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE jkunu sodisfati. Bħala l-ewwel pass, irid jitwettaq eżerċizzju komprensiv ta' mmappjar u skrinjar.

    · Mira għall-Istati Membri: Bil-għan li jiġu identifikati possibbiltajiet biex jittejbu l-proċeduri u sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jiġbru l-informazzjoni sal-aħħar tal-2013, dwar:

    (1) L-għadd ta’ liċenzji ġodda mogħtija matul il-perjodu 2007-2013 (n.)

    (2) Ir-rata ta’ suċċess tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji (%)

    (3) L-għadd ta’ applikazzjonijiet li bħalissa qed jiġu pproċessati (n.)

    (4) Il-medja ta’ żmien sabiex ilestu l-proċeduri tal-għoti ta' liċenzja (xhur)

    (5) L-għadd ta’ korpi pubbliċi involuti fi proċedura ta’ awtorizzazzjoni (n.)

    (6) L-ispejjeż medji tal-proċeduri tal-għoti ta' liċenzja għal negozju ġdid (EUR)

    (7) It-tul medju ta’ liċenzja (snin)

    · Miri għall-Kummissjoni: Abbażi tad-dejta miġbura mill-Istati Membri, biex ikun hemm ħidma mal-awtoritajiet rilevanti sabiex sas-sajf tal-2014 jiġu identifikati l-aqwa prattiki u marġini għat-titjib, inkluż permezz tal-appoġġ tal-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi tal-Kummissjoni, li l-mandat tiegħu huwa li jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod li jkun iktar effiċjenti u reattiv għall-ħtiġijiet tal-partijiet interessati.[17] Biex, sat-tieni kwart tal-2014, tħejji dokumenti ta’ gwida li jindirizzaw il-ħtiġijiet tad-WFD u l-MSFD fir-rigward tal-akkwakultura, sabiex jassistu lill-Istati Membri u lill-industrija fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u juru kif il-protezzjoni tal-ambjent tista' tkun kompatibbli mal-akkwakultura sostenibbli.

    · Mira għall-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura: biex, sa April tal-2014, iwettaq skrinjar tal-proċeduri amministrattivi u eżerċizzju tal-immappjar tal-piżijiet amministrattivi ewlenin f’termini ta’ tul ta' żmien u spejjeż f’tipi differenti ta' akkwakultura fl-Istati Membri.

    3.2.        L-iżgurar ta’ żvilupp u t-tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura permezz ta’ ppjanar spazjali kkoordinat

    Studji differenti wrew li jekk ikun hemm pjanijiet spazjali fis-seħħ dawn ikunu jistgħu jgħinu biex titnaqqas l-inċertezza, jkun iffaċilitat l-investiment u jitħaffef l-iżvilupp ta’ setturi bħalma huma l-akkwakultura jew l-enerġija li tiġġedded lil hinn mix-xtut[18]. In-nuqqas ta’ spazju li spiss huwa kkwotat bħala fattur li jxekkel l-espansjoni tal-akkwakultura tal-baħar tal-UE jista’ jingħeleb billi jiġu identifikati l-aktar siti xierqa li huma tajbin għall-akkwakultura, peress li l-okkuppazzjoni attwali tas-superfiċje u x-xtut mill-attivitajiet tal-akkwakultura jidhru li huma limitati[19].

    L-ippjanar intern huwa normalment aktar avvanzat meta mqabbel mal-ippjanar marittimu, minħabba pereżempju l-eżistenza ta’ katast jew sistemi ta’ klassifikazzjoni li jwasslu biex l-informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli għall-istituzzjonijiet rilevanti kollha. L-identifikazzjoni taż-żoni l-aktar adattati għall-akkwakultura tal-ilma ħelu se tgħin biex titkabbar il-produzzjoni filwaqt li ssaħħaħ il-pajsaġġi, l-ambjenti naturali u l-protezzjoni tal-bijodiversità. Il-pjanijiet spazjali għandhom iqisu s-servizzi ambjentali pprovduti mill-akkwakultura estensiva bbażata fl-għadajjar.

    F’ħafna każijiet, il-ħtiġijiet tal-akkwakultura waħidhom mhux se jiġġustifikaw it-twettiq ta' eżerċizzju bħal dan għall-ambjent tal-baħar. Madankollu, dan l-approċċ ġie segwit fil-każ ta’ pereż. l-esperjenza Irlandiża bi CLAMS,[20] l-istrateġija reġjonali Galizjana għall-akkwakultura[21] u l-proġett nazzjonali għall-ippjanar spazjali għall-akkwakultura fil-Finlandja.[22] L-eżerċizzji tal-ippjanar eżistenti, bħal pereżempju il-pjanijiet għas-siti tal-pjattaformi tar-riħ lil hinn mix-xtut[23], jistgħu jintużaw bħala punt tat-tluq. Il-linji gwida dwar l-ippjanar spazjali fil-Mediterran[24] u fil-Baltiku[25] ġew prodotti u jistgħu jipprovdu input lill-Istati Membri. Barra minn hekk, id-dejta miġbura fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti (eż. id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, is-CFP, l-MSFD, id-WFD, id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar) tista' tintuża wkoll għall-ippjanar tal-akkwakultura. F'Marzu 2013 il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-Ippjanar Spazjali Marittimu u l-Ġestjoni Integrata tal-Kosta.[26] L-Istati Membri se jibqgħu responsabbli għat-tfassil u l-istabbilitment tal-għanijiet ġenerali u tal-kontenut ta’ pjanijiet bħal dawn.

    L-akkwakultura tista' taffettwa b’mod sinifikanti l-ambjent jekk ma tkunx imfassla u mmonitorjata b'mod xieraq. Għalhekk, xi impatti ambjentali tal-akkwakultura (eż. l-arrikkiment ta' nutrijenti u ta' materji organiċi, il-kontaminazzjoni minn sustanzi perikolużi) huma speċifikament indirizzati fil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-impatti globali tal-azjendi agrikoli individwali se jinkludu wkoll tipi oħra ta’ pressjoni (pereżempju s-sedimentazzjoni, id-disturbi fiżiċi) u se jkunu influwenzati minn fatturi oħra, inkluż pereżempju t-tip ta’ organiżmi kkultivati, il-lokazzjoni tar-razzett u l-vulnerabilità tal-ambjent lokali. Skont studju tal-Parlament Ewropew[27], il-valutazzjoni ta' dawn l-aspetti ambjentali fil-qafas tal-proċess tal-ippjanar spazjali tista' tnaqqas il-piż amministrattiv għall-iżviluppaturi privati u tillimita l-inċertezza fil-proċeduri tal-għoti tal-liċenzji u b’hekk l-investimenti jsiru aktar attraenti. Diversi studji u l-esperjenza f’setturi industrijali oħrajn[28] jikkonfermaw li l-indirizzar ta’ dawn it-tip ta’ kwistjonijiet fl-istadji bikrin tal-proċess tal-ippjanar jimminimizza l-impatti ambjentali, jnaqqas l-oppożizzjoni lokali, u jipprevjeni dewmien bla bżonn filwaqt li jżid il-possibbiltà ta’ suċċess ta’ proġetti ġodda. Din it-tip ta’ esperjenza tista' tipprovdi gwida ta’ valur lill-produtturi tal-akkwakultura u tgħin biex tiżdied is-sostenibilità, l-aċċettazzjoni soċjali u l-kompetittività tal-akkwakultura tal-UE.

    Billi l-kapaċità tal-ispazju u dik ambjentali kemm fil-baħar kif ukoll fl-ilmijiet interni hija limitata, għandu jiġi applikat approċċ ekosistemiku. Għandha tingħata attenzjoni speċjali fil-każ ta' żoni vulnerabbli u protetti, permezz ta’ proċeduri sodi tal-ippjanar u ta' valutazzjoni; l-esperjenzi pożittivi fl-integrazzjoni tal-akkwakultura f’siti ta' Natura 2000 juru l-kompatibbiltà possibbli ta' attività kummerċjali li kapaċi tħalli l-qligħ mal-konservazzjoni tal-bijodiversità. Is-servizzi ambjentali pprovduti mill-akkwakultura estensiva tal-għadajjar huma eżempju konkret fejn attività ekonomika tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat jew ta’ speċi partikulari.

    · Mira għall-Istati Membri: li jiġi stabbilit ippjanar spazjali koordinat, inkluż l-ippjanar spazjali marittimu fil-livell tal-baċir tal-baħar, biex ikun żgurat li jitqiesu l-potenzjal u l-ħtiġijiet tal-akkwakultura u biex tkun żgurata allokazzjoni adegwata ta’ spazju fl-ilmijiet u l-art għall-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli.

    · Mira għall-Kummissjoni: li timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ ppjanar marittimu koordinat, biex ixxerred l-istudji u l-esperjenzi sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-ippjanar tagħhom. Biex torganizza seminar dwar l-iskambju tal-aħjar prattika fis-sajf 2014.

    3.3.        Tisħiħ tal-kompetittività tal-akkwakultura tal-UE

    L-intrapriżi tal-akkwakultura tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi u opportunitajiet differenti li jeħtieġu soluzzjonijiet maħsubin apposta[29], iżda kollha se jibbenefikaw minn titjib fl-organizzazzjoni tas-suq u l-istrutturar tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tal-akkwakultura. Dawn huma prijorità għar-riforma tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS). Il-pjanijiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni, flimkien mal-Osservatorju tas-Suq tal-UE għandha tgħin lill-produtturi tal-akkwakultura biex jidentifikaw l-opportunitajiet ta’ negozju u biex jadattaw l-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

    L-aspettattivi dejjem jikbru mill-konsumaturi għall-kwalità u d-diversità tal-prodotti tal-ikel, speċjalment jekk ikunu prodotti lokalment, joffru possibbiltajiet ġodda biex jingħata valur lill-assi taż-żoni kostali u interni. L-azzjoni koordinata fil-livell lokali bejn l-intraprendituri, l-awtoritajiet pubbliċi, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ tista' tgħin biex jiġu stimulati l-ekonomiji lokali u tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għal frott tal-baħar lokali, prodotti b’mod sostenibbli.

    Id-diversifikazzjoni tan-negozju tista' tipprovdi sors addizzjonali ta’ dħul għall-bdiewa. Pereżempju, l-integrazzjoni mas-sajd bil-qasba u t-turiżmu, jew l-internalizzazzjoni ta’ xi attivitajiet upstream jew downstream, jistgħu jipprovdu opportunitajiet ta’ negozju għall-produtturi tal-akkwakultura.

    L-iżvilupp tan-negozju u d-diversifikazzjoni jistgħu jiġu promossi wkoll permezz tar-riċerka mmexxija mis-suq, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom irawmu s-sinerġiji bejn il-programmi nazzjonali ta’ riċerka, u jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-industrija f’attivitajiet tar-riċerka u innovazzjoni — inkluż b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika ta' Riċerka tal-Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akkwakultura Ewropea u l-istrateġija tat-Tkabbir Blu.[30]

    L-akkwakultura estensiva tal-ħut tal-għadajjar issostni l-bijodiversità u hija mifruxa partikolarment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u toffri servizzi u opportunitajiet ta’ negozju importanti minbarra l-produzzjoni tal-ikel u dan jista' jirriżulta f’kompetittività akbar jekk tiġi valorizzata b'mod adegwat. L-impatti tar-regoli li japplikaw għal żoni mogħnija b'ħafna bijodiversità bħas-siti ta' Natura 2000 u d-dħul mitluf minħabba predaturi bħal tal-marguni kif ukoll impenji volontarji sabiex tkun protetta l-bijodiversità jew l-ilma għandhom ikunu rikonoxxuti mill-awtoritajiet pubbliċi. Fattur importanti li jaffettwa il-produzzjoni tal-akkwakultura bbażata fl-għadajjar f'ċerti reġjuni huwa relatat mal-predaturi — b’mod partikolari l-marguni. Id-Direttiva dwar l-Għasafar[31] tistabbilixxi sistema ta' deroga għall-protezzjoni tal-interessi tas-sajd u tal-akkwakultura. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu sħiħ tad-dispożizzjonijiet ta' deroga biex tiġi evitata l-ħsara serja kkawżata mill-marguni fl-inħawi tas-sajd jew tal-akkwakultura. Sabiex l-Istati Membri jiġu assistiti, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippubblikat dokument ta’ gwida[32] bil-għan li jiġu kkjarifikati l-kunċetti ewlenin b’rabta mal-implimentazzjoni tas-sistema tad-deroga.

    · Mira għall-Istati Membri: Li jagħmlu użu sħiħ tal-OKS u l-FEMS proposti biex jappoġġaw it-tkabbir tan-negozju permezz ta’ allokazzjoni adegwata ta’ fondi għall-akkwakultura inklużi pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni u biex jitjiebu r-rabtiet bejn ir-R&Ż u l-industrija (speċjalment SMEs). Li jappoġġaw il-programmi edukattivi u vokazzjonali li jkopru l-ħtiġijiet tas-settur tal-akkwakultura.

    · Mira għall-Kummissjoni: Li tikkoordina u tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni għall-akkwakultura permezz tal-programmi u l-fondi kollha rilevanti tal-UE. Li tippromwovi t-trasferiment tal-għarfien, l-aħjar prattiki u l-innovazzjoni, inklużi s-sejbiet tal-proġett ta’ riċerka tal-UE. Li twassal għal Osservaturju tas-Suq tal-UE li jkun faċli għall-utent biex ikun provdut tagħrif dwar is-swieq.

    3.4.        Il-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi fl-UE billi jisfruttaw il-vantaġġi kompetittivi tagħhom

    L-istandards għoljin ambjentali, fis-saħħa tal-annimali u fil-protezzjoni tal-konsumatur huma fost il-fatturi kompetittivi ewlenin tal-akkwakultura tal-UE u għandhom ikunu sfruttati b’mod iktar effiċjenti biex tikkompeti fis-swieq.

    Il-kontrolli sanitarji eżistenti tal-prodotti tal-UE u dawk importati diġà jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza fl-ikel. It-tħassib tas-soċjetà wasslu wkoll għal domanda mill-konsumaturi, l-NGOs u l-bejjiegħa bl-imnut għal assigurazzjonijiet li l-ikel li jixtru qed jiġi prodott b’rispett ta' standards ambjentali u ta' sostenibbiltà soċjali għoljin ħafna. Jekk il-livell ta’ sostenibbiltà tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE huwa indirizzat b'mod korrett u kkomunikat lill-pubbliku, dan jista’ jtejjeb il-kompetittività u l-aċċetazzjoni mis-soċjetà tal-akkwakultura tal-UE u l-prodotti tagħha. Dispożizzjonijiet ġodda dwar it-tikkettjar kif proposti fir-Regolament dwar l-OKS jistgħu jgħinu aħjar biex jiġu differenzjati l-prodotti tal-akkwakultura tal-UE; skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji jistgħu wkoll ikollhom rwol f’dan il-kuntest. L-iżvilupp ta’ ċirkwiti qosra tal-ikel jistgħu wkoll jagħtu valur addizzjonali sabiex ikun hemm tqarrib lejn il-kwalità għolja u prodotti lokali li jkunu iktar friski.

    L-esperjenza fis-settur agrikolu tikkonferma li hemm domanda dejjem ikbar għal ikel sostenibbli u ta’ kwalità għolja. Pereżempju, fl-aħħar għaxar snin ir-rata ta’ tkabbir tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel organiku fl-akbar erba’ swieq tal-UE ssuperat it-tkabbir fid-domanda globali għall-prodotti tal-ikel fl-UE, b’medja tar-rati ta’ tkabbir annwali minn 7 sa 15 % għall-ikel organiku kontra t-2 sa 5 % għal dawk li mhumiex organiċi.[33] Skont il-FAO, il-produzzjoni tal-akkwakultura organika fl-Ewropa żdiedet bi kważi 30 % kull sena bejn l-1998 u l-2007. Xi bejjiegħa bl-imnut għandhom rwol importanti fit-twassil ta' prodotti tal-ħut iċċertifikati fis-suq, u jagħmlu dan bħala parti mill-impenji taghħom ta' responsabbiltà soċjali korporattiva globali; id-dħul ta’ bejjiegħa bl-imnut ewlenin kien wieħed mill-fatturi deċiżivi li wasslu għat-tkabbir ta’ malajr tas-settur tal-ikel organiku f’dawn l-aħħar għaxar snin.

    L-UE tippromwovi standards ambjentali, soċjali, sanitarji u fitosanitarji għoljin kullimkien fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali li tinnegozja ma’ pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward tal-akkwakultura.

    · Mira għall-Istati Membri: Li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u interprofessjonali inkluż fil-livell transnazzjonali. Dan jiffaċilita l-ġestjoni kollettiva u/jew l-inizjattivi awtoregolatorji bejn il-produtturi, il-proċessuri, il-bejjiegħa bl-imnut, b’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-NGOs fejn xieraq. Li jappoġġjaw, jimplimentaw u jikkontrollaw ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar u d-dispożizzjonijiet.

    · Mira għall-Kummissjoni: Li tiżgura li r-r-regoli tal-ittikkettjar, b’mod partikolari fir-rigward tal-freskezza, il-provenjenza u l-isem kummerċjali jiġu implimentati bis-sħiħ. Li ttejjeb it-trasparenza tas-swieq u xxerred l-informazzjoni dwar it-tendenzi fi swieq fil-livell lokali, tal-UE u internazzjonali. Li, qabel tmiem l-2013, tvara kampanja ta’ Komunikazzjoni dwar il-punti ta' saħħa tal-akkwakultura tal-UE.

    · Mira għall-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura: Li jappoġġjaw l-istrutturar tal-produzzjoni tal-akkwakultura u l-kummerċjalizzazzjoni inklużi iċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettjar. Li jikkontribwixxu għat-titjib tal-intelliġenza tas-suq tas-settur. Li jiffaċilitaw inizjattivi awtoregolatorji u jgħinu fil-komunikazzjoni ta' dawn il-karatteristiċi lill-konsumatur.

    4.           Governanza ġdida biex tappoġġja l-akkwakultura fl-UE

    Il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni jipprovdi qafas ta’ strateġija nazzjonali għall-iżvilupp u għall-koordinazzjoni tal-politiki bejn l-Istati Membri tal-UE. Dan il-proċess volontarju għandu l-għan li jagħti tweġibiet prattiċi għall-isfidi identifikati mill-Istati Membri u l-partijiet interessati. Dan jinvolvi azzjoni miftiehma bejn l-UE u l-politiki nazzjonali b’rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ għarfien u l-aħjar prattiki, kull Stat Membru huwa mistieden biex jidentifika punt ta’ kuntatt nazzjonali; il-Kummissjoni se tirreferi għalihom fost oħrajn meta torganizza evalwazzjonijiet bejn il-pari u meta jiġu identifikati u jixterdu l-aħjar prattiki.

    4.1.        Pjan strateġiku nazzjonali multiannwali għall-promozzjoni ta’ akkwakultura sostenibbli

    Sabiex jikkoodinaw aħjar azzjonijiet li jippromwovu l-akkwakultura, l-Istati Membri huma mitluba, skont il-proposti tal-Kummissjoni li bħalissa qed ikunu diskussi mal-Parlament u l-Kunsill, biex jippreparaw pjan strateġiku nazzjonali multiannwali bbażat fuq il-Linji Gwida Strateġiċi tal-UE ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni ħejjiet abbozz tal-istruttura tal-pjan (l-Anness 1) sabiex tittaffa l-ħidma tal-Istati Membri.

    Il-pjanijiet nazzjonali multiannwali għandhom ikopru l-perjodu mill-2014 sal-2020. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu valutazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tagħhom sa tmiem l-2017.

    4.2.        Komplementarjetà mal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd

    Il-FEMS propost huwa maħsub biex jappoġġja l-implimentazzjoni dwar il-PKS. Kull Stat Membru ikun mistieden biex ifassal Programm Operattiv (OP) li jidentifika l-azzjonijiet li biħsiebu jiffinanzja permezz tal-FEMS. Fejn hija kkonċernata l-akkwakultura, ikun importanti li l-OP ikun konsistenti mal-pjan nazzjonali multiannwali msemmi hawn fuq sabiex titrawwem il-koerenza tal-politika kollha.

    4.3.        Skambju tal-aħjar prattiki

    Il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għandu l-għan ukoll li jiżviluppa proċess ta’ tagħlim reċiproku mal-Istati Membri kollha. Għodda ewlenija f’dan ir-rigward huma s-seminars ta' evalwazzjoni bejn il-pari fejn l-Istati Membri jistgħu jaqsmu u jevalwaw l-effettività ta’ prattiki tajbin identifikati fil-politiki, il-programmi jew l-arranġamenti istituzzjonali, inkluż fir-rigward tal-valutazzjoni tal-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti ambjentali. Dawn jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim fl-UE dwar il-proċess ta’ implimentazzjoni jew l-approċċi ta’ politika.

    L-Istati Membri huma mħeġġa jissottomettu tliet proposti ta’ prattika tajba fil-pjan nazzjonali multiannwali tagħhom. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li torganizza tal-inqas fuq bażi annwali bejn seminars ta' evalwazzjoni bejn il-pari biex jippreżentaw il-prattika tajbin magħżula u jsir skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

    4.4.        Kunsill Konsultattiv tal-akkwakultura

    Id-djalogu mal-partijiet interessati kien essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS. Il-ħolqien ta’ Kunsill Konsultattiv tal-akkwakultura (AAC - 'Aquaculture Advisory Council') għandu jgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibbenefikaw mill-għarfien u l-esperjenza tal-partijiet kollha interessati.

    Ir-rwol tal-AAC se jkun li jipprovdi rakkomandazzjonijiet lil dawk li jfasslu l-politika, sabiex ikunu megħjuna jadottaw deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza. Il-Kummissjoni tħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati rilevanti kollha: il-produtturi, l-industrija upstream (fornituri tal-għalf, organizzazzjonijiet tar-riċerka, veterinarji, fornituri ta’ tagħmir), l-industrija downstream (i.a. il-ħsad, it-trasport ta' annimali ħajjin, l-ipproċessar, l-esportazzjoni, id-distribuzzjoni), l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-NGOs ambjentali, it-trejdjunjins, eċċ.

    4.5.        Il-passi li jmiss

    L-Istati Membri huma mistiedna li jibagħtu il-pjan nazzjonali multiannwali tagħhom lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn meta jibagħtu l-Programm Operattiv. Sa April tal-2014, il-Kummissjoni biħsiebha tħejji rapport sommarju tal-pjanijiet nazzjonali kollha bl-għan li jkun hemm qsim tal-informazzjoni fost l-Istati Membri u għat-tixrid ta’ prattiki tajbin.

    L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali multiannwali tagħhom sa tmiem l-2017 li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni beħsiebha tikkunsidra l-opportunità li tirrevedi l-linji gwida strateġiċi.

    ANNESS

    Abbozz ta’ pjan nazzjonali multiannwali għall-iżvilupp tal-akkwakultura sostenibbli

    1.           Il-kuntest nazzjonali u r-rabta mal-għanijiet nazzjonali ewlenin

    · Sitwazzjoni nazzjonali u approċċ strateġiku lejn l-għanijiet ewlenin tal-UE

    · L-għan tat-tkabbir nazzjonali kkwantifikat (2014-2020)

    2.           Reazzjoni għal-linji gwida strateġiċi

    (a) Proċeduri amministrattivi ssimplifikati:

    (1) Valutazzjoni tas-sitwazzjoni nazzjonali:

    (a) Deskrizzjoni kwalitattiva tal-konfigurazzjoni amministrattiva (l-entitajiet ewlenin responsabbli għal-liċenzjar, id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-amministrazzjonijiet, eċċ.)

    (b) Dejta kwantitattiva u spjegazzjonijiet: ara l-lista fit-test ewlieni

    (2) Elementi ewlenin tar-reazzjoni politika maħsuba: azzjonijiet ippjanati biex jitnaqqas il-piż amministrattiv

    (3) Jekk applikabbli, il-miri u l-indikaturi kkwantifikati korrispondenti (pereż. tnaqqis mistenni fl-ispejjeż amministrattivi u/jew fid-dewmien, eċċ.)

    (b) L-iżgurar ta’ żvilupp u tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura permezz ta’ ppjanar spazjali kkoordinat

    (1) Valutazzjoni tas-sitwazzjoni nazzjonali: il-qafas eżistenti għall-ippjanar tal-ispazju (tal-baħar u fuq l-art), id-distribuzzjoni tal-kompetenzi, il-pjanijiet spazjali diġà fis-seħħ.

    (2) Elementi ewlenin tar-reazzjoni politika maħsuba: kif l-ippjanar spazjali se jiġi promoss b’kont meħud tal-ħtiġijiet tal-akkwakultura

    (3) Fejn ikun applikabbli, il-miri u l-indikaturi kkwantifikati korrispondenti (pereż. l-għadd u s-superfiċje taż-żoni ġodda magħżula għall-akkwakultura, l-għadd ta’ pjanijiet reġjonali adottati)

    (c) Tisħiħ tal-kompetittività tal-akkwakultura tal-UE

    (1) Valutazzjoni tas-sitwazzjoni nazzjonali: il-punti ta' saħħa u dgħajfin tas-settur tal-akkwakultura, nazzjonali, l-appoġġ eżistenti tar-R&Ż, iż-żoni fejn hija l-aktar meħtieġa ż-żieda fil-kompetittività

    (2) Elementi ewlenin tar-reazzjoni politika maħsuba: attivitajiet ippjanati sabiex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni u r-rabtiet bejn ir-R&Ż u l-industrija; eċċ.

    (3) Fejn applikabbli, il-miri kwantifikati u l-indikaturi korrispondenti (pereż. l-għadd ta’ sħubiji bejn l-industrija u r-R&Ż)

    (d) Il-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi fl-UE billi jisfruttaw il-vantaġġi kompetittivi tagħhom

    (1) Valutazzjoni tas-sitwazzjoni nazzjonali: l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-iskemi eżistenti biex jirrikonoxxu s-sostenibbiltà (pereż. l-iskemi volontarji użati mill-bejjiegħa bl-imnut nazzjonali ewlenin), il-perċezzjoni tal-akkwakultura mill-popolazzjoni ġenerali

    (2) Elementi ewlenin tar-reazzjoni politika maħsuba: (2014-2020) azzjonijiet previsti biex titjieb l-immaġni tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE (pereż. kampanji ta’ komunikazzjoni, appoġġ għall-parteċipazzjoni fi skemi volontarji, appoġġ għall-akwakultura organika)

    (3) Fejn applikabbli, il-miri u l-indikaturi kkwantifikati korrispondenti (eż. il-perċentwal ta’ akkwakultura organika u/jew iċċertifikata, eċċ.)

    3.           Governanza u sħubija

    · Kontribuzzjonijiet importanti mill-atturi ewlenin involuti (l-awtoritajiet reġjonali u/jew lokali, l-industrija, il-partijiet interessati u l-NGOs)

    · Rabta mal-FEMS, il-prijoritajiet tal-OP u l-allokazzjonijiet finanzjarji oħra (FEMS u fondi oħra tal-UE jew nazzjonali)

    · L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-promozzjoni ta’ akkwakultura sostenibbli

    4.           L-aħjar prattiki

    · Identifikazzjoni u preżentazzjoni tal-aqwa 3 prattiki nazzjonali

    [1]               Għall-fini ta’ din il-Komunikazzjoni, il-kelma “frott tal-baħar” tinkludi l-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura               

    [2]               SEG(2011)883    

    [3]               Elaborazzjoni ta' DĠ MARE mid-dejta tal-Eurostat   

    [4]               Elaborazzjoni ta' DĠ MARE mid-dejta ta' STECF (STECF-OWP-12-03)              

    [5]               COM(2012) 494 

    [6]               COM(2011) 425

    [7]               Id-Direttiva 2000/60/KE  

    [8]               Id-Direttiva 2008/56/KE  

    [9]               Ir-Regolament (EU) Nru 304/2011

    [10]             http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/Aqua-N2000%20guide.pdf           

    [11]             Rapport tekniku tal-JRC “Approċċ lejn Indikaturi ta' Prestazzjoni għall-Akkwakultura Ewropea” 

    [12]             Dejta minn proġett tal-FAO SHoCMed, integrata ma’ informazzjoni mingħand assoċjazzjonijiet tal-produtturi u awtoritajiet pubbliċi http://www.faosipam.org/?pag=content/_ShowPortal&Portal=SHOCMED          

    [13]             http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=29819              

    [14]             http://www.windbarriers.eu/fileadmin/WB_docs/documents/WindBarriers_report.pdf

    [15]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/business-environment/administrative-burdens/              

    [16]             COM(2012) 795 finali       

    [17]             Għal aktar tagħrif dwar il-Grupp ta’ Livell Għoli:

    http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/ind_stakeholders/ind_stakeholders_en.htm

    [18]             http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/documentation/studies/documents/economic_effects_maritime_spatial_planning_en.pdf ;

                    http://www.windbarriers.eu/fileadmin/WB_docs/documents/WindBarriers_report.pdf      

    [19]             Rapport tekniku tal-JRC “Approċċ lejn Indikaturi ta' Prestazzjoni għall-Akkwakultura Ewropea” 

    [20]             http://www.bim.ie/media/bim/content/BIM_CLAMS_Explanatory_Handbook.pdf         

    [21]             http://www.intecmar.org/esga/        

    [22]             http://www.mmm.fi/en/index/frontpage/Fishing,_game_reindeer/Fisheriesindustry/aquaculture.htm

    [23]             Eż. "Windspeed" roadmap http://www.windspeed.eu/               

    [24]             Riż. GFCM/36/2012/1 http://www.faosipam.org/GfcmWebSite/docs/RecRes/RES-GFCM_36_2012_1.pdf               

    [25]             http://www.aquabestproject.eu       

    [26]             COM(2013) 133 finali

    [27]             http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=29819              

    [28]             Ara pereż. http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/guidance_en.htm http://www.project-gpwind.eu/               

    [29]             http://www.europarl.europa.eu/committees/en/pech/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=29823    

    [30]             COM (2012) 494

    [31]             Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE

    [32]             http://ec.europa.eu/environment/nature/cormorants.htm

    [33]             Id-dejta tal-Eurostat u http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/markets/organic_2010_en.pdf       

    Top