KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Linji Gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE /* COM/2013/0229 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Linji Gwida strateġiċi għall-iżvilupp
sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE 1. Introduzzjoni L-akkwakultura Ewropea toffri prodotti ta’ kwalità
tajba, li jirrispettaw is-sostenibbiltà ambjentali stretti, is-saħħa
tal-annimali u l-istandards tal-protezzjoni tal-konsumatur. Il-kwalità
eċċellenti tal-frott tal-baħar tal-UE[1]
għandha tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv kbir għall-akkwakultura tal-UE;
madankollu, il-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE qiegħda tistaġna, b’kuntrast
ma’ tkabbir qawwi f’reġjuni oħra tad-dinja. Fl-2010, il-valur tal-produzzjoni tal-akkwakultura
fl-UE kien ta’ EUR 3.1 biljun għal 1.26 miljun tunnellata ta’
produzzjoni. Is-suq tal-frott tal-baħar tal-UE huwa attwalment fornut minn
25 % mis-sajd tal-UE, 65 % mill-importazzjonijiet u 10 %
mill-akkwakultura tal-UE.[2]
Il-konsum apparenti totali tal-UE tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura
laħaq madwar 13.2 miljun tunnellata.[3]
Id-dejta disponibbli turi diskrepanza dejjem
tikber — stmat għal 8 miljun tunnellata — bejn il-livell ta’ konsum
tal-frott tal-baħar fl-UE u l-volum tal-qbid mis-sajd. Il-Kummissjoni u
l-Istati Membri jistgħu jgħinu biex jiżguraw li din id-diskrepanza hija
parzjalment mimlija minn akkwakultura tal-UE li hija ambjentalment, soċjalment
u ekonomikament sostenibbli. Abbażi tal-produttività tax-xogħol attwali, kull
punt ta’ persentaġġ tal-konsum attwali tal-UE prodotta internament permezz tal-akkwakultura
se tgħin biex jinħolqu bejn 3 000 u 4 000 impjieg full-time.[4] Din iċ-ċifra
tikkonferma li, għalkemm l-akkwakultura tirrappreżenta parti relattivament
żgħira tal-ekonomija tal-UE, għandha l-potenzjal li tagħti spinta lit-tkabbir u
lill-impjiegi f’żoni kostali u interni tal-UE. Kooperazzjoni mill-qrib
mal-industrija tal-ipproċessar tista’ tkompli ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi u
l-kompetittività fiż-żewġ setturi. L-akkwakultura hija wieħed mill-pilastri
tal-istrateġija tat-Tkabbir Blu tal-UE[5]
u l-iżvilupp tagħha jista' jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020. 2. L-akkwakultura
fir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd Il-proposta għar-riforma tal-politika komuni
tas-sajd (PKS)[6]
għandha l-għan li tippromwovi l-akkwakultura permezz ta’ metodu miftuħ ta’
koordinazzjoni: proċess volontarju ta’ kooperazzjoni bbażat fuq il-Linji Gwida
Strateġiċi u l-Pjanijiet strateġiċi nazzjonali multiannwali li jidentifikaw
għanijiet komuni u, fejn possibbli, indikaturi biex jitkejjel il-progress lejn
dawn l-għanijiet. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-atturi
rilevanti kollha għandhom ikunu involuti: l-awtoritajiet, l-industrija,
il-bejjiegħa bl-imnut, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi kif ukoll
rappreżentanti mis-soċjetà ċivili. Il-Kunsill Konsultattiv tal-Akkwakultura
propost huwa mfassal biex jaqdi rwol importanti f’dan is-sens. Dawn il-Linji Gwida Strateġiċi għandhom l-għan li
jgħinu lill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-miri nazzjonali tagħhom filwaqt
li jqisu l-pożizzjonijiet inizjali, iċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-arranġamenti
istituzzjonali relattivi tagħhom. Kwistjonijiet koperti mil-leġiżlazzjoni
tal-UE mhumiex indirizzati taħt il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, iżda dawn
jipprovdu l-qafas għall-attivitajiet tiegħu. L-akkwakultura hija dipendenti fuq ilmijiet
tal-baħar u ħelwin nodfa u b'saħħithom. Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE -
b'mod partikolari d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD)[7], id-Direttiva Kwadru
dwar l-Istrateġija Marina (MSFD)[8]
u r-Regolament dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jistabux lokalment
fl-akkwakultura[9]
- jiżguraw li dawn il-prekundizzjonijiet jiġu ssodisfati. Il-leġiżlazzjoni
tal-UE tistabbilixxi wkoll l-istandards għoljin ta' saħħa, protezzjoni
tal-konsumatur u sostenibbiltà ambjentali li trid timxi magħhom l-akkwakultura
tal-UE. Dawn għandhom implikazzjonijiet finanzjarji għall-produtturi, iżda
jistgħu jiddawru f’vantaġġ kompetittiv jekk l-attenzjoni tal-konsumaturi
tintefa' fuq il-kwalità, u jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-aċċettabbiltà
lokali tal-akkwakultura. Ir-riforma tal-PKS tibni fuq dawn l-istandards
għoljin. Il-Kummissjoni biħsiebha tgħin
lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali biex jimplimentaw
il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE mingħajr ma jimponu piżijiet mhux meħtieġa
fuq il-produtturi. Għal dan l-għan, ġew ippubblikati l-linji gwida dwar
l-integrazzjoni tal-akkwakultura f’siti Natura2000,[10] u l-Kummissjoni
għandha l-ħsieb li tibda taħdem fuq Linji Gwida simili dwar l-akkwakultura u
d-WFD u l-MFSD. 3. Linji
Gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE Din il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq ir-riżultat
tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, u tieħu inkunsiderazzjoni
l-analiżi mwettqa miċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta.[11] Se jiġu indirizzat
erba' oqsma ta’ prijorità sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwakultura
tal-UE: il-proċeduri amministrattivi, l-ippjanar spazjali ikkoordinat,
il-kompetittività u l-kundizzjonijiet ekwi. L-akkwakultura tista’ tikkontribwixxi għall-għan
ġenerali li tneħħi d-diskrepanza fl-ammont bejn il-konsum tal-UE u
l-produzzjoni tal-frott tal-baħar b’mod li jkun ambjentalment, soċjalment u
ekonomikament sostenibbli. Għal dan l-għan, kull Stat Membru huwa mħeġġeġ li
fil-pjan nazzjonali multiannwali jindika l-għan tat-tkabbir tal-akkwakultura tiegħu
stess (volum u valur) fil-perjodu kopert mill-pjan. 3.1. Proċeduri
amministrattivi ssimplifikati L-ispejjeż amministrattivi u ż-żmien meħud
għat-twettiq jaqdu rwol importanti fid-determinazzjoni tal-kompetittività
globali u l-iżvilupp ta’ settur ekonomiku. Bħalissa, hija disponibbli biss
informazzjoni limitata dwar id-dewmien u l-ispejjeż tal-liċenzji għal razzett
ġdid tal-akkwakultura, u l-Kummissjoni mhijiex infurmata li hemm xi eżerċizzju
ta' direzzjonar biex jiġu ttrattati l-punti ta' tfixkil. L-informazzjoni
disponibbli turi li f’bosta Stati Membri l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni ta’
spiss jieħdu bejn sentejn u tlieta biex jitlestew;[12] ġew irrappurtanti
wkoll eżempji ta’ ħinijiet sostanzjalment itwal. Bħala paragun, id-dejta
rrappurtata fi studju tal-Parlament Ewropew juri li l-medja ta' żmien għal
liċenzja għall-irziezet tal-akkwakultura fin-Norveġja kien 12-il xahar u ġie
mnaqqas għal 6 xhur bl-introduzzjoni ta’ “punt ta’ kuntatt uniku”.[13] Żmien għall-għoti ta' liċenzja għall-irziezet
tal-akkwakultura f’xi Stati Membri u n-Norveġja (xhur) = żmien għal
liċenzji għall-irziezet ġodda tal-akkwakultura = medja ta' żmien
għall-għoti ta' liċenzja għal parks eoliċi lil hinn mix-xtut mal-UE kollha.[14] = żmien irrappurtat
għall-għoti ta' liċenzja għall-irziezet agrikoli f'żewġ Stati Membri = żmien fil-mira
għall-għoti ta' liċenzja għall-SMEs ġodda (il-pjan ta’ Azzjoni
tal-Intraprenditorija 2020) Sorsi: elaborazzjoni proprja, ibbażata fuq
dejta mingħand SHoCMed, Windbarriers, studju IP/b/pech/nt/2008 176 tal-Parlament
Ewropew u l-informazzjoni provduta mill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u
l-awtoritajiet pubbliċi. Il-maġġoranza tal-produtturi tal-akkwakultura huma
SMEs, u huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-burokrazija: il-piż relattiv
ta’ spejjeż regolatorji u amministrattivi meta mqabbel mal-fatturat u l-għadd
ta’ impjegati jista’ jkun għaxar darbiet akbar għall-SMEs milli
għall-intrapriżi l-kbar tal-ekonomija ġenerali[15].
It-tnaqqis ta' piż regolatorju bla bżonn għadu fil-qofol tal-aġenda politika
tal-Kummissjoni. Bħala segwitu għar-reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar
ta’ April 2011, il-Kummissjoni pproponiet pjan ta’ azzjoni biex tappoġġa
l-intraprenditorija fl-Ewropa. Il-pjan ta' Azzjoni jistieden lill-Istati Membri
biex inaqqsu ż-żmien għall-għoti ta' liċenzja u awtorizzazzjonijiet oħrajn
meħtieġa biex jingħata bidu għal attività ta' negozju għal xahar sal-aħħar
tal-2015,[16]
sakemm ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE jkunu sodisfati. Bħala
l-ewwel pass, irid jitwettaq eżerċizzju komprensiv ta' mmappjar u skrinjar. ·
Mira għall-Istati Membri: Bil-għan li jiġu identifikati possibbiltajiet biex jittejbu
l-proċeduri u sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, l-Istati Membri huma
mħeġġa biex jiġbru l-informazzjoni sal-aħħar tal-2013, dwar: (1)
L-għadd ta’ liċenzji ġodda mogħtija matul
il-perjodu 2007-2013 (n.) (2)
Ir-rata ta’ suċċess tal-applikazzjonijiet
għal-liċenzji (%) (3)
L-għadd ta’ applikazzjonijiet li bħalissa qed jiġu
pproċessati (n.) (4)
Il-medja ta’ żmien sabiex ilestu l-proċeduri
tal-għoti ta' liċenzja (xhur) (5)
L-għadd ta’ korpi pubbliċi involuti fi proċedura
ta’ awtorizzazzjoni (n.) (6)
L-ispejjeż medji tal-proċeduri tal-għoti ta'
liċenzja għal negozju ġdid (EUR) (7)
It-tul medju ta’ liċenzja (snin) ·
Miri għall-Kummissjoni:
Abbażi tad-dejta miġbura mill-Istati Membri, biex ikun hemm ħidma
mal-awtoritajiet rilevanti sabiex sas-sajf tal-2014 jiġu identifikati l-aqwa
prattiki u marġini għat-titjib, inkluż permezz tal-appoġġ tal-Grupp ta’ Livell
Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi tal-Kummissjoni, li l-mandat tiegħu huwa
li jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri biex jimplimentaw
il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod li jkun iktar effiċjenti u reattiv
għall-ħtiġijiet tal-partijiet interessati.[17]
Biex, sat-tieni kwart tal-2014, tħejji dokumenti ta’ gwida li jindirizzaw
il-ħtiġijiet tad-WFD u l-MSFD fir-rigward tal-akkwakultura, sabiex jassistu
lill-Istati Membri u lill-industrija fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u juru
kif il-protezzjoni tal-ambjent tista' tkun kompatibbli mal-akkwakultura sostenibbli.
·
Mira għall-Kunsill Konsultattiv
għall-Akkwakultura: biex, sa April tal-2014, iwettaq
skrinjar tal-proċeduri amministrattivi u eżerċizzju tal-immappjar tal-piżijiet
amministrattivi ewlenin f’termini ta’ tul ta' żmien u spejjeż f’tipi differenti
ta' akkwakultura fl-Istati Membri. 3.2. L-iżgurar
ta’ żvilupp u t-tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura permezz ta’ ppjanar
spazjali kkoordinat Studji differenti wrew li jekk ikun hemm pjanijiet
spazjali fis-seħħ dawn ikunu jistgħu jgħinu biex titnaqqas l-inċertezza, jkun
iffaċilitat l-investiment u jitħaffef l-iżvilupp ta’ setturi bħalma huma
l-akkwakultura jew l-enerġija li tiġġedded lil hinn mix-xtut[18]. In-nuqqas ta’ spazju
li spiss huwa kkwotat bħala fattur li jxekkel l-espansjoni tal-akkwakultura
tal-baħar tal-UE jista’ jingħeleb billi jiġu identifikati l-aktar siti xierqa
li huma tajbin għall-akkwakultura, peress li l-okkuppazzjoni attwali
tas-superfiċje u x-xtut mill-attivitajiet tal-akkwakultura jidhru li huma
limitati[19]. L-ippjanar intern huwa normalment aktar avvanzat
meta mqabbel mal-ippjanar marittimu, minħabba pereżempju l-eżistenza ta’ katast
jew sistemi ta’ klassifikazzjoni li jwasslu biex l-informazzjoni tkun faċilment
aċċessibbli għall-istituzzjonijiet rilevanti kollha. L-identifikazzjoni taż-żoni
l-aktar adattati għall-akkwakultura tal-ilma ħelu se tgħin biex titkabbar
il-produzzjoni filwaqt li ssaħħaħ il-pajsaġġi, l-ambjenti naturali u
l-protezzjoni tal-bijodiversità. Il-pjanijiet spazjali għandhom iqisu
s-servizzi ambjentali pprovduti mill-akkwakultura estensiva bbażata
fl-għadajjar. F’ħafna każijiet, il-ħtiġijiet tal-akkwakultura
waħidhom mhux se jiġġustifikaw it-twettiq ta' eżerċizzju bħal dan għall-ambjent
tal-baħar. Madankollu, dan l-approċċ ġie segwit fil-każ ta’ pereż. l-esperjenza
Irlandiża bi CLAMS,[20]
l-istrateġija reġjonali Galizjana għall-akkwakultura[21] u l-proġett nazzjonali
għall-ippjanar spazjali għall-akkwakultura fil-Finlandja.[22] L-eżerċizzji
tal-ippjanar eżistenti, bħal pereżempju il-pjanijiet għas-siti tal-pjattaformi
tar-riħ lil hinn mix-xtut[23],
jistgħu jintużaw bħala punt tat-tluq. Il-linji gwida dwar l-ippjanar spazjali
fil-Mediterran[24]
u fil-Baltiku[25]
ġew prodotti u jistgħu jipprovdu input lill-Istati Membri. Barra minn hekk,
id-dejta miġbura fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti (eż.
id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, is-CFP, l-MSFD, id-WFD, id-Direttivi
dwar il-Ħabitats u l-Għasafar) tista' tintuża wkoll għall-ippjanar
tal-akkwakultura. F'Marzu 2013 il-Kummissjoni adottat proposta għal
Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-Ippjanar Spazjali Marittimu u l-Ġestjoni
Integrata tal-Kosta.[26]
L-Istati Membri se jibqgħu responsabbli għat-tfassil u l-istabbilitment
tal-għanijiet ġenerali u tal-kontenut ta’ pjanijiet bħal dawn. L-akkwakultura tista' taffettwa b’mod sinifikanti
l-ambjent jekk ma tkunx imfassla u mmonitorjata b'mod xieraq. Għalhekk, xi
impatti ambjentali tal-akkwakultura (eż. l-arrikkiment ta' nutrijenti u ta'
materji organiċi, il-kontaminazzjoni minn sustanzi perikolużi) huma
speċifikament indirizzati fil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-impatti globali
tal-azjendi agrikoli individwali se jinkludu wkoll tipi oħra ta’ pressjoni
(pereżempju s-sedimentazzjoni, id-disturbi fiżiċi) u se jkunu influwenzati minn
fatturi oħra, inkluż pereżempju t-tip ta’ organiżmi kkultivati, il-lokazzjoni
tar-razzett u l-vulnerabilità tal-ambjent lokali. Skont studju tal-Parlament
Ewropew[27],
il-valutazzjoni ta' dawn l-aspetti ambjentali fil-qafas tal-proċess
tal-ippjanar spazjali tista' tnaqqas il-piż amministrattiv għall-iżviluppaturi
privati u tillimita l-inċertezza fil-proċeduri tal-għoti tal-liċenzji u b’hekk
l-investimenti jsiru aktar attraenti. Diversi studji u l-esperjenza f’setturi
industrijali oħrajn[28]
jikkonfermaw li l-indirizzar ta’ dawn it-tip ta’ kwistjonijiet fl-istadji
bikrin tal-proċess tal-ippjanar jimminimizza l-impatti ambjentali, jnaqqas
l-oppożizzjoni lokali, u jipprevjeni dewmien bla bżonn filwaqt li jżid
il-possibbiltà ta’ suċċess ta’ proġetti ġodda. Din it-tip ta’ esperjenza tista'
tipprovdi gwida ta’ valur lill-produtturi tal-akkwakultura u tgħin biex tiżdied
is-sostenibilità, l-aċċettazzjoni soċjali u l-kompetittività tal-akkwakultura
tal-UE. Billi l-kapaċità tal-ispazju u dik ambjentali kemm
fil-baħar kif ukoll fl-ilmijiet interni hija limitata, għandu jiġi applikat
approċċ ekosistemiku. Għandha tingħata attenzjoni speċjali fil-każ ta' żoni
vulnerabbli u protetti, permezz ta’ proċeduri sodi tal-ippjanar u ta'
valutazzjoni; l-esperjenzi pożittivi fl-integrazzjoni tal-akkwakultura f’siti
ta' Natura 2000 juru l-kompatibbiltà possibbli ta' attività kummerċjali li
kapaċi tħalli l-qligħ mal-konservazzjoni tal-bijodiversità. Is-servizzi
ambjentali pprovduti mill-akkwakultura estensiva tal-għadajjar huma eżempju
konkret fejn attività ekonomika tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ konservazzjoni ta’
ħabitat jew ta’ speċi partikulari. ·
Mira għall-Istati Membri: li jiġi stabbilit ippjanar spazjali koordinat, inkluż l-ippjanar
spazjali marittimu fil-livell tal-baċir tal-baħar, biex ikun żgurat li jitqiesu
l-potenzjal u l-ħtiġijiet tal-akkwakultura u biex tkun żgurata allokazzjoni
adegwata ta’ spazju fl-ilmijiet u l-art għall-iżvilupp ta’ akkwakultura
sostenibbli. ·
Mira għall-Kummissjoni:
li timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ ppjanar marittimu koordinat, biex
ixxerred l-istudji u l-esperjenzi sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-ippjanar
tagħhom. Biex torganizza seminar dwar l-iskambju tal-aħjar prattika
fis-sajf 2014. 3.3. Tisħiħ
tal-kompetittività tal-akkwakultura tal-UE L-intrapriżi tal-akkwakultura tal-UE qed iħabbtu
wiċċhom ma’ sfidi u opportunitajiet differenti li jeħtieġu soluzzjonijiet
maħsubin apposta[29],
iżda kollha se jibbenefikaw minn titjib fl-organizzazzjoni tas-suq u
l-istrutturar tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tal-akkwakultura. Dawn
huma prijorità għar-riforma tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) u l-Fond
Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS). Il-pjanijiet tal-produzzjoni u
tal-kummerċjalizzazzjoni, flimkien mal-Osservatorju tas-Suq tal-UE għandha
tgħin lill-produtturi tal-akkwakultura biex jidentifikaw l-opportunitajiet ta’
negozju u biex jadattaw l-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom. L-aspettattivi dejjem jikbru mill-konsumaturi
għall-kwalità u d-diversità tal-prodotti tal-ikel, speċjalment jekk ikunu
prodotti lokalment, joffru possibbiltajiet ġodda biex jingħata valur lill-assi
taż-żoni kostali u interni. L-azzjoni koordinata fil-livell lokali bejn
l-intraprendituri, l-awtoritajiet pubbliċi, l-assoċjazzjonijiet,
l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ tista' tgħin biex
jiġu stimulati l-ekonomiji lokali u tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber
għal frott tal-baħar lokali, prodotti b’mod sostenibbli. Id-diversifikazzjoni tan-negozju tista' tipprovdi
sors addizzjonali ta’ dħul għall-bdiewa. Pereżempju, l-integrazzjoni mas-sajd
bil-qasba u t-turiżmu, jew l-internalizzazzjoni ta’ xi attivitajiet upstream
jew downstream, jistgħu jipprovdu opportunitajiet ta’ negozju għall-produtturi
tal-akkwakultura. L-iżvilupp tan-negozju u d-diversifikazzjoni
jistgħu jiġu promossi wkoll permezz tar-riċerka mmexxija mis-suq,
l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien. Għal dan l-għan, l-Istati Membri
għandhom irawmu s-sinerġiji bejn il-programmi nazzjonali ta’ riċerka, u
jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-industrija f’attivitajiet tar-riċerka u
innovazzjoni — inkluż b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-Aġenda
Strateġika ta' Riċerka tal-Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni
fl-Akkwakultura Ewropea u l-istrateġija tat-Tkabbir Blu.[30] L-akkwakultura estensiva tal-ħut tal-għadajjar
issostni l-bijodiversità u hija mifruxa partikolarment fl-Ewropa Ċentrali u
tal-Lvant u toffri servizzi u opportunitajiet ta’ negozju importanti minbarra
l-produzzjoni tal-ikel u dan jista' jirriżulta f’kompetittività akbar jekk tiġi
valorizzata b'mod adegwat. L-impatti tar-regoli li japplikaw għal żoni mogħnija
b'ħafna bijodiversità bħas-siti ta' Natura 2000 u d-dħul mitluf minħabba
predaturi bħal tal-marguni kif ukoll impenji volontarji sabiex tkun protetta
l-bijodiversità jew l-ilma għandhom ikunu rikonoxxuti mill-awtoritajiet
pubbliċi. Fattur importanti li jaffettwa il-produzzjoni tal-akkwakultura
bbażata fl-għadajjar f'ċerti reġjuni huwa relatat mal-predaturi — b’mod
partikolari l-marguni. Id-Direttiva dwar l-Għasafar[31] tistabbilixxi sistema
ta' deroga għall-protezzjoni tal-interessi tas-sajd u tal-akkwakultura.
L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu sħiħ tad-dispożizzjonijiet ta' deroga biex
tiġi evitata l-ħsara serja kkawżata mill-marguni fl-inħawi tas-sajd jew
tal-akkwakultura. Sabiex l-Istati Membri jiġu assistiti, il-Kummissjoni dan
l-aħħar ippubblikat dokument ta’ gwida[32]
bil-għan li jiġu kkjarifikati l-kunċetti ewlenin b’rabta mal-implimentazzjoni
tas-sistema tad-deroga. ·
Mira għall-Istati Membri: Li jagħmlu użu sħiħ tal-OKS u l-FEMS proposti biex jappoġġaw
it-tkabbir tan-negozju permezz ta’ allokazzjoni adegwata ta’ fondi
għall-akkwakultura inklużi pjanijiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni u
biex jitjiebu r-rabtiet bejn ir-R&Ż u l-industrija (speċjalment SMEs). Li
jappoġġaw il-programmi edukattivi u vokazzjonali li jkopru l-ħtiġijiet
tas-settur tal-akkwakultura. ·
Mira għall-Kummissjoni:
Li tikkoordina u tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni għall-akkwakultura
permezz tal-programmi u l-fondi kollha rilevanti tal-UE. Li tippromwovi
t-trasferiment tal-għarfien, l-aħjar prattiki u l-innovazzjoni, inklużi s-sejbiet
tal-proġett ta’ riċerka tal-UE. Li twassal għal Osservaturju tas-Suq tal-UE li
jkun faċli għall-utent biex ikun provdut tagħrif dwar is-swieq. 3.4. Il-promozzjoni
ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi fl-UE billi jisfruttaw il-vantaġġi
kompetittivi tagħhom L-istandards għoljin ambjentali, fis-saħħa
tal-annimali u fil-protezzjoni tal-konsumatur huma fost il-fatturi kompetittivi
ewlenin tal-akkwakultura tal-UE u għandhom ikunu sfruttati b’mod iktar
effiċjenti biex tikkompeti fis-swieq. Il-kontrolli sanitarji eżistenti tal-prodotti
tal-UE u dawk importati diġà jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza fl-ikel.
It-tħassib tas-soċjetà wasslu wkoll għal domanda mill-konsumaturi, l-NGOs u
l-bejjiegħa bl-imnut għal assigurazzjonijiet li l-ikel li jixtru qed jiġi
prodott b’rispett ta' standards ambjentali u ta' sostenibbiltà soċjali għoljin
ħafna. Jekk il-livell ta’ sostenibbiltà tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE
huwa indirizzat b'mod korrett u kkomunikat lill-pubbliku, dan jista’ jtejjeb
il-kompetittività u l-aċċetazzjoni mis-soċjetà tal-akkwakultura tal-UE u
l-prodotti tagħha. Dispożizzjonijiet ġodda dwar it-tikkettjar kif proposti
fir-Regolament dwar l-OKS jistgħu jgħinu aħjar biex jiġu differenzjati
l-prodotti tal-akkwakultura tal-UE; skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji
jistgħu wkoll ikollhom rwol f’dan il-kuntest. L-iżvilupp ta’ ċirkwiti qosra
tal-ikel jistgħu wkoll jagħtu valur addizzjonali sabiex ikun hemm tqarrib lejn
il-kwalità għolja u prodotti lokali li jkunu iktar friski. L-esperjenza fis-settur agrikolu tikkonferma li
hemm domanda dejjem ikbar għal ikel sostenibbli u ta’ kwalità għolja.
Pereżempju, fl-aħħar għaxar snin ir-rata ta’ tkabbir tal-bejgħ bl-imnut
tal-ikel organiku fl-akbar erba’ swieq tal-UE ssuperat it-tkabbir fid-domanda
globali għall-prodotti tal-ikel fl-UE, b’medja tar-rati ta’ tkabbir annwali
minn 7 sa 15 % għall-ikel organiku kontra t-2 sa 5 % għal dawk li
mhumiex organiċi.[33]
Skont il-FAO, il-produzzjoni tal-akkwakultura organika fl-Ewropa żdiedet bi
kważi 30 % kull sena bejn l-1998 u l-2007. Xi bejjiegħa bl-imnut għandhom
rwol importanti fit-twassil ta' prodotti tal-ħut iċċertifikati fis-suq, u
jagħmlu dan bħala parti mill-impenji taghħom ta' responsabbiltà soċjali
korporattiva globali; id-dħul ta’ bejjiegħa bl-imnut ewlenin kien wieħed
mill-fatturi deċiżivi li wasslu għat-tkabbir ta’ malajr tas-settur tal-ikel
organiku f’dawn l-aħħar għaxar snin. L-UE tippromwovi standards ambjentali, soċjali,
sanitarji u fitosanitarji għoljin kullimkien fil-qafas tal-ftehimiet
kummerċjali li tinnegozja ma’ pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward
tal-akkwakultura. ·
Mira għall-Istati Membri: Li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u
interprofessjonali inkluż fil-livell transnazzjonali. Dan jiffaċilita
l-ġestjoni kollettiva u/jew l-inizjattivi awtoregolatorji bejn il-produtturi,
il-proċessuri, il-bejjiegħa bl-imnut, b’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet
tal-konsumaturi u l-NGOs fejn xieraq. Li jappoġġjaw, jimplimentaw u
jikkontrollaw ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar u d-dispożizzjonijiet. ·
Mira għall-Kummissjoni:
Li tiżgura li r-r-regoli tal-ittikkettjar, b’mod partikolari fir-rigward
tal-freskezza, il-provenjenza u l-isem kummerċjali jiġu implimentati bis-sħiħ.
Li ttejjeb it-trasparenza tas-swieq u xxerred l-informazzjoni dwar it-tendenzi
fi swieq fil-livell lokali, tal-UE u internazzjonali. Li, qabel tmiem l-2013,
tvara kampanja ta’ Komunikazzjoni dwar il-punti ta' saħħa tal-akkwakultura
tal-UE. ·
Mira għall-Kunsill Konsultattiv
għall-Akkwakultura: Li jappoġġjaw l-istrutturar
tal-produzzjoni tal-akkwakultura u l-kummerċjalizzazzjoni inklużi
iċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettjar. Li jikkontribwixxu għat-titjib
tal-intelliġenza tas-suq tas-settur. Li jiffaċilitaw inizjattivi
awtoregolatorji u jgħinu fil-komunikazzjoni ta' dawn il-karatteristiċi lill-konsumatur. 4. Governanza
ġdida biex tappoġġja l-akkwakultura fl-UE Il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni jipprovdi
qafas ta’ strateġija nazzjonali għall-iżvilupp u għall-koordinazzjoni
tal-politiki bejn l-Istati Membri tal-UE. Dan il-proċess volontarju għandu
l-għan li jagħti tweġibiet prattiċi għall-isfidi identifikati mill-Istati
Membri u l-partijiet interessati. Dan jinvolvi azzjoni miftiehma bejn l-UE u
l-politiki nazzjonali b’rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ għarfien u
l-aħjar prattiki, kull Stat Membru huwa mistieden biex jidentifika punt ta’
kuntatt nazzjonali; il-Kummissjoni se tirreferi għalihom fost oħrajn meta
torganizza evalwazzjonijiet bejn il-pari u meta jiġu identifikati u jixterdu
l-aħjar prattiki. 4.1. Pjan
strateġiku nazzjonali multiannwali għall-promozzjoni ta’ akkwakultura
sostenibbli Sabiex jikkoodinaw aħjar azzjonijiet li
jippromwovu l-akkwakultura, l-Istati Membri huma mitluba, skont il-proposti
tal-Kummissjoni li bħalissa qed ikunu diskussi mal-Parlament u l-Kunsill, biex
jippreparaw pjan strateġiku nazzjonali multiannwali bbażat fuq il-Linji Gwida
Strateġiċi tal-UE ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni ħejjiet
abbozz tal-istruttura tal-pjan (l-Anness 1) sabiex tittaffa l-ħidma
tal-Istati Membri. Il-pjanijiet nazzjonali multiannwali għandhom
ikopru l-perjodu mill-2014 sal-2020. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu
valutazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tagħhom sa
tmiem l-2017. 4.2. Komplementarjetà
mal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd Il-FEMS propost huwa maħsub biex jappoġġja
l-implimentazzjoni dwar il-PKS. Kull Stat Membru ikun mistieden biex ifassal
Programm Operattiv (OP) li jidentifika l-azzjonijiet li biħsiebu jiffinanzja
permezz tal-FEMS. Fejn hija kkonċernata l-akkwakultura, ikun importanti li l-OP
ikun konsistenti mal-pjan nazzjonali multiannwali msemmi hawn fuq sabiex
titrawwem il-koerenza tal-politika kollha. 4.3. Skambju
tal-aħjar prattiki Il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għandu l-għan ukoll
li jiżviluppa proċess ta’ tagħlim reċiproku mal-Istati Membri kollha. Għodda
ewlenija f’dan ir-rigward huma s-seminars ta' evalwazzjoni bejn il-pari fejn
l-Istati Membri jistgħu jaqsmu u jevalwaw l-effettività ta’ prattiki tajbin
identifikati fil-politiki, il-programmi jew l-arranġamenti istituzzjonali,
inkluż fir-rigward tal-valutazzjoni tal-valutazzjoni u l-mitigazzjoni
tal-impatti ambjentali. Dawn jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim fl-UE dwar
il-proċess ta’ implimentazzjoni jew l-approċċi ta’ politika. L-Istati Membri huma mħeġġa jissottomettu tliet
proposti ta’ prattika tajba fil-pjan nazzjonali multiannwali tagħhom.
Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li torganizza tal-inqas fuq bażi annwali
bejn seminars ta' evalwazzjoni bejn il-pari biex jippreżentaw il-prattika
tajbin magħżula u jsir skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. 4.4. Kunsill
Konsultattiv tal-akkwakultura Id-djalogu mal-partijiet interessati kien
essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS. Il-ħolqien ta’ Kunsill Konsultattiv
tal-akkwakultura (AAC - 'Aquaculture Advisory Council') għandu jgħin
lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibbenefikaw mill-għarfien u
l-esperjenza tal-partijiet kollha interessati. Ir-rwol tal-AAC se jkun li jipprovdi
rakkomandazzjonijiet lil dawk li jfasslu l-politika, sabiex ikunu megħjuna
jadottaw deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza. Il-Kummissjoni tħeġġeġ
il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati rilevanti kollha:
il-produtturi, l-industrija upstream (fornituri tal-għalf, organizzazzjonijiet
tar-riċerka, veterinarji, fornituri ta’ tagħmir), l-industrija downstream (i.a.
il-ħsad, it-trasport ta' annimali ħajjin, l-ipproċessar, l-esportazzjoni,
id-distribuzzjoni), l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-NGOs ambjentali,
it-trejdjunjins, eċċ. 4.5. Il-passi
li jmiss L-Istati Membri huma mistiedna li jibagħtu il-pjan
nazzjonali multiannwali tagħhom lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn meta
jibagħtu l-Programm Operattiv. Sa April tal-2014, il-Kummissjoni biħsiebha
tħejji rapport sommarju tal-pjanijiet nazzjonali kollha bl-għan li jkun hemm
qsim tal-informazzjoni fost l-Istati Membri u għat-tixrid ta’ prattiki tajbin. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu evalwazzjoni
ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali multiannwali
tagħhom sa tmiem l-2017 li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni beħsiebha
tikkunsidra l-opportunità li tirrevedi l-linji gwida strateġiċi. ANNESS Abbozz ta’ pjan nazzjonali multiannwali
għall-iżvilupp tal-akkwakultura sostenibbli 1. Il-kuntest nazzjonali u
r-rabta mal-għanijiet nazzjonali ewlenin ·
Sitwazzjoni nazzjonali u approċċ strateġiku lejn
l-għanijiet ewlenin tal-UE ·
L-għan tat-tkabbir nazzjonali kkwantifikat
(2014-2020) 2. Reazzjoni għal-linji gwida
strateġiċi (a)
Proċeduri amministrattivi ssimplifikati: (1)
Valutazzjoni tas-sitwazzjoni nazzjonali: (a)
Deskrizzjoni kwalitattiva tal-konfigurazzjoni
amministrattiva (l-entitajiet ewlenin responsabbli għal-liċenzjar,
id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-amministrazzjonijiet, eċċ.) (b)
Dejta kwantitattiva u spjegazzjonijiet: ara l-lista
fit-test ewlieni (2)
Elementi ewlenin tar-reazzjoni politika maħsuba:
azzjonijiet ippjanati biex jitnaqqas il-piż amministrattiv (3)
Jekk applikabbli, il-miri u l-indikaturi
kkwantifikati korrispondenti (pereż. tnaqqis mistenni fl-ispejjeż
amministrattivi u/jew fid-dewmien, eċċ.) (b)
L-iżgurar ta’ żvilupp u tkabbir sostenibbli
tal-akkwakultura permezz ta’ ppjanar spazjali kkoordinat (1)
Valutazzjoni tas-sitwazzjoni nazzjonali: il-qafas
eżistenti għall-ippjanar tal-ispazju (tal-baħar u fuq l-art), id-distribuzzjoni
tal-kompetenzi, il-pjanijiet spazjali diġà fis-seħħ. (2)
Elementi ewlenin tar-reazzjoni politika maħsuba:
kif l-ippjanar spazjali se jiġi promoss b’kont meħud tal-ħtiġijiet
tal-akkwakultura (3)
Fejn ikun applikabbli, il-miri u l-indikaturi
kkwantifikati korrispondenti (pereż. l-għadd u s-superfiċje taż-żoni ġodda
magħżula għall-akkwakultura, l-għadd ta’ pjanijiet reġjonali adottati) (c)
Tisħiħ tal-kompetittività tal-akkwakultura
tal-UE (1)
Valutazzjoni tas-sitwazzjoni nazzjonali: il-punti
ta' saħħa u dgħajfin tas-settur tal-akkwakultura, nazzjonali, l-appoġġ
eżistenti tar-R&Ż, iż-żoni fejn hija l-aktar meħtieġa ż-żieda
fil-kompetittività (2)
Elementi ewlenin tar-reazzjoni politika maħsuba:
attivitajiet ippjanati sabiex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni u r-rabtiet bejn
ir-R&Ż u l-industrija; eċċ. (3)
Fejn applikabbli, il-miri kwantifikati u
l-indikaturi korrispondenti (pereż. l-għadd ta’ sħubiji bejn l-industrija u
r-R&Ż) (d)
Il-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi
għall-operaturi fl-UE billi jisfruttaw il-vantaġġi kompetittivi tagħhom (1)
Valutazzjoni tas-sitwazzjoni nazzjonali:
l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-iskemi eżistenti biex jirrikonoxxu
s-sostenibbiltà (pereż. l-iskemi volontarji użati mill-bejjiegħa bl-imnut
nazzjonali ewlenin), il-perċezzjoni tal-akkwakultura mill-popolazzjoni ġenerali (2)
Elementi ewlenin tar-reazzjoni politika maħsuba:
(2014-2020) azzjonijiet previsti biex titjieb l-immaġni tal-prodotti
tal-akkwakultura tal-UE (pereż. kampanji ta’ komunikazzjoni, appoġġ
għall-parteċipazzjoni fi skemi volontarji, appoġġ għall-akwakultura organika) (3)
Fejn applikabbli, il-miri u l-indikaturi
kkwantifikati korrispondenti (eż. il-perċentwal ta’ akkwakultura organika u/jew
iċċertifikata, eċċ.) 3. Governanza u sħubija ·
Kontribuzzjonijiet importanti mill-atturi ewlenin
involuti (l-awtoritajiet reġjonali u/jew lokali, l-industrija, il-partijiet
interessati u l-NGOs) ·
Rabta mal-FEMS, il-prijoritajiet tal-OP u
l-allokazzjonijiet finanzjarji oħra (FEMS u fondi oħra tal-UE jew nazzjonali) ·
L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-Punt ta’
Kuntatt Nazzjonali għall-promozzjoni ta’ akkwakultura sostenibbli 4. L-aħjar prattiki ·
Identifikazzjoni u preżentazzjoni tal-aqwa 3
prattiki nazzjonali [1] Għall-fini ta’ din il-Komunikazzjoni, il-kelma “frott
tal-baħar” tinkludi l-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura [2] SEG(2011)883 [3] Elaborazzjoni ta' DĠ MARE mid-dejta tal-Eurostat [4] Elaborazzjoni ta' DĠ MARE mid-dejta ta' STECF
(STECF-OWP-12-03) [5] COM(2012) 494 [6] COM(2011) 425 [7] Id-Direttiva 2000/60/KE [8] Id-Direttiva 2008/56/KE [9] Ir-Regolament (EU) Nru 304/2011 [10] http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/Aqua-N2000%20guide.pdf [11] Rapport tekniku tal-JRC “Approċċ lejn Indikaturi ta'
Prestazzjoni għall-Akkwakultura Ewropea” [12] Dejta minn proġett tal-FAO SHoCMed, integrata ma’
informazzjoni mingħand assoċjazzjonijiet tal-produtturi u awtoritajiet pubbliċi
http://www.faosipam.org/?pag=content/_ShowPortal&Portal=SHOCMED [13] http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=29819 [14] http://www.windbarriers.eu/fileadmin/WB_docs/documents/WindBarriers_report.pdf
[15] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/business-environment/administrative-burdens/ [16] COM(2012) 795 finali [17] Għal aktar tagħrif dwar il-Grupp ta’ Livell Għoli: http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/ind_stakeholders/ind_stakeholders_en.htm [18] http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/documentation/studies/documents/economic_effects_maritime_spatial_planning_en.pdf ; http://www.windbarriers.eu/fileadmin/WB_docs/documents/WindBarriers_report.pdf [19] Rapport tekniku tal-JRC “Approċċ lejn Indikaturi ta'
Prestazzjoni għall-Akkwakultura Ewropea” [20] http://www.bim.ie/media/bim/content/BIM_CLAMS_Explanatory_Handbook.pdf [21] http://www.intecmar.org/esga/ [22] http://www.mmm.fi/en/index/frontpage/Fishing,_game_reindeer/Fisheriesindustry/aquaculture.htm
[23] Eż. "Windspeed" roadmap http://www.windspeed.eu/ [24] Riż. GFCM/36/2012/1 http://www.faosipam.org/GfcmWebSite/docs/RecRes/RES-GFCM_36_2012_1.pdf [25] http://www.aquabestproject.eu [26] COM(2013) 133 finali [27] http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=29819 [28] Ara pereż. http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/guidance_en.htm
http://www.project-gpwind.eu/ [29] http://www.europarl.europa.eu/committees/en/pech/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=29823 [30] COM (2012) 494 [31] Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE [32] http://ec.europa.eu/environment/nature/cormorants.htm [33] Id-dejta tal-Eurostat u http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/markets/organic_2010_en.pdf