Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1566

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1566 tat-28 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    ST/11607/2023/INIT

    ĠU L 190I, 28.7.2023, p. 21–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1566/oj

    28.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 190/21


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1566

    tat-28 ta’ Lulju 2023

    li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1).

    (2)

    L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

    (3)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill Ewropew tenna l-kundanna qawwija tal-Unjoni tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kunsill Ewropew tenna wkoll li l-Unjoni tibqa’ impenjata li żżomm u żżid il-pressjoni kollettiva fuq ir-Russja, inkluż permezz ta’ aktar miżuri restrittivi possibbli. Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll li l-Unjoni ser tintensifika l-ħidma tagħha mas-sħab biex tiġġieled in-narrattivi foloz tar-Russja u d-diżinformazzjoni dwar il-gwerra.

    (4)

    Fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, xi atturi Russi mexxew kampanja diġitali ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni msemmija “RRN” (Recent Reliable News), li għandha l-għan li timmanipula l-informazzjoni u xxerred il-propaganda b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dik il-kampanja, li fiha pparteċipaw korpi tal-gvern jew korpi affiljati mal-Istat Russu, tiddependi minn paġni web foloz li jassumu l-identità ta’ strumenti tal-media nazzjonali u siti web tal-gvern, kif ukoll minn kontijiet foloz fuq il-media soċjali.

    (5)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li seba’ persuni u ħames entitajiet responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna jiżdiedu mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

    (6)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/145/PESK tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NAVARRO RÍOS


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).


    ANNESS

    Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK:

     

    Persuni

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “1578.

    Timofey Vladimirovitch VASSILIEV

    Тимофей Bладимирович ВАСИЛЬЕВ

    magħruf ukoll bħala Timofey VI

    Тимофей ВИ

    Funzjoni: Kap tad-Dipartiment għall-gwida strateġika ta’ ANO Dialog

    Post tat-twelid: Moscow, Russian Federation

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Timofey Vassiliev huwa l-Kap tad-Dipartiment għall-gwida strateġika ta’ ANO Dialog, organizzazzjoni Russa mingħajr skop ta’ qligħ li nħolqot mid-Dipartiment tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija (DIT) ta’ Moska fl-2019 u li hija marbuta mal-amministrazzjoni presidenzjali, li kienet u għadha qed ixxerred propaganda online dwar it-territorji annessi illegalment fl-Ukrajna. Timofey Vassiliev imexxi l-kont popolari fuq Telegram li “jivverifika l-fatti” u d-dominji sussegwenti “War on Fakes”, li jxerred diżinformazzjoni dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għalhekk, Timofey Vassiliev huwa responsabbli li appoġġa u implimenta azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    1579.

    Ilya Andreïevitch GAMBACHIDZE

    Илья Андреевич ГАМБАЧИДЗЕ

    Funzjoni: Fundatur ta’ Structura National Technologies u Social Design Agency

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Ilya Gambachidze huwa l-fundatur ta’ Structura National Technologies u Social Design Agency, żewġ entitajiet Russi involuti fil-kampanja diġitali ta’ diżinformazzjoni mmexxija mir-Russja “RRN” (Recent Reliable News), li għandha l-għan li timmanipula l-informazzjoni u xxerred id-diżinformazzjoni b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ilya Gambachidze qabel kien jaħdem bħala konsulent għall-Viċi President tad-Duma, Piotr Tolstoi. Structura National Technologies u Social Design Agency ġew identifikati bħala l-attur ewlieni tal-kampanja, responsabbli għall-ħolqien ta’ siti web foloz li jassumu l-identità ta’ organizzazzjonijiet tal-gvern u ta’ media leġittima fl-Ewropa (primarjament il-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Ukrajna u r-Renju Unit) u li taw spinta lill-kampanja favur ir-Russja “RRN” fuq il-media soċjali. Għalhekk, Ilya Gambachidze huwa responsabbli li appoġġa u implimenta azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    1580.

    Aleksandr Gennad’yevich STARUNSKY

    Александр Геннадьевич СТАРУНСКИЙ

    Funzjoni: Fundatur tal-Institute of the Russian Diaspora

    Data tat-twelid: 12.6.1970

    Sess: raġel

    NIT: 771989171763

    Aleksandr Starunsky huwa uffiċjal tal-intelligence militari Russa u eks-kmandant tal-unità PsyOps 54777 tal-GRU. Huwa l-fundatur tal-Istitut tad-Dijaspora Russa, organizzazzjoni faċċata tal-GRU u parti integrali mill-organizzazzjoni tal-media Inforos. L-Istitut tad-Dijaspora Russa għandu preżenza fil-media online msejħa russkie.org, li xxerred id-diżinformazzjoni u l-propaganda Russa dwar il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk, Aleksandr Starunsky huwa responsabbli li appoġġa u implimenta azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    1581.

    Anastasia Sergeevna KIRILLOVA

    Анастасия Сергеевна КИРИЛЛОВА

    Funzjoni: Direttur Ġenerali ta’ Inforos

    Data tat-twelid: 13.12.1986

    Sess: mara

    NIT: 771674318370

    Anastasia Kirillova hija fundatur u Direttur Ġenerali ta’ Inforos, aġenzija tal-aħbarijiet online responsabbli għat-twaqqif ta’ aktar minn 270 strument proxy tal-aħbarijiet online li jxerrdu l-propaganda b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Hija organizzazzjoni faċċata għall-Unità 54777 tas-servizz tal-intelligence militari Russa l-GRU, responsabbli għal operazzjonijiet psikoloġiċi. Għalhekk, Anastasia Kirillova hija responsabbli li appoġġat u implimentat azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    1582.

    Nina Viktorovna DOROKHOVA

    Нина Викторовна ДОРОХОВА

    Funzjoni: Direttur Ġenerali ta’ Inforos

    Data tat-twelid: 20.11.1965

    Sess: mara

    NIT: 505202442068

    Nina Dorokhova hija fundatur u Direttur Ġenerali ta’ Inforos, aġenzija tal-aħbarijiet online responsabbli għat-twaqqif ta’ aktar minn 270 strument proxy tal-aħbarijiet online li jxerrdu l-propaganda b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Hija organizzazzjoni faċċata għall-Unità 54777 tas-servizz tal-intelligence militari Russa l-GRU, responsabbli għal operazzjonijiet psikoloġiċi. Għalhekk, Nina Dorokhova hija responsabbli li appoġġat u implimentat azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    1583.

    Sergey Yurievich PANTELEYEV

    magħruf ukoll bħala PANTELEEV

    Сергей Юрьевич ПАНТЕЛЕЕВ

    Funzjoni: Uffiċjal tal-intelligence fil-GRU unit 54777

    Data tat-twelid: 15.3.1972

    Post tat-twelid: Lugansk, Ukraine

    Sess: raġel

    NIT: 772916129659

    Sergey PANTELEYEV huwa membru tal-unità 54777 tal-GRU u fundatur tal-Istitut tad-Dijaspora Russa, organizzazzjoni faċċata tal-GRU u parti integrali min-network ta’ diżinformazzjoni online ta’ Inforos. L-Istitut tad-Dijaspora Russa għandu preżenza fil-media online msejħa russkie.org, li xxerred id-diżinformazzjoni u l-propaganda Russa dwar il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk, Sergey PANTELEYEV huwa responsabbli li appoġġa u implimenta azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    1584.

    Denis Valerievich TYURIN

    Денис Валерьевич ТЮРИН

    Funzjoni: Uffiċjal tal-GRU

    Data tat-twelid: 1.4.1976

    Post tat-twelid: Moscow

    Sess: raġel

    NIT: 772807385405

    Denis Tyurin huwa uffiċjal tal-intelligence tal-GRU u fundatur ta’ Inforos, aġenzija tal-aħbarijiet online responsabbli għat-twaqqif ta’ aktar minn 270 strument proxy tal-aħbarijiet online li jxerrdu l-propaganda b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Hija organizzazzjoni faċċata għall-Unità 54777 tas-servizz tal-intelligence militari Russa l-GRU, responsabbli għal operazzjonijiet psikoloġiċi. Għalhekk, Denis Tyurin huwa responsabbli li appoġġa u implimenta azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023”

     

    Entitajiet

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “245.

    Social Design Agency

    magħrufa wkoll bħala

    “Agentsvo Sotsialnogo Proektirovania aka ASP”

    Indirizz: Moscow Bolshoy Kislovsky per, 1, binja 2

    Tip ta’ entità: Kumpanija tat-Teknoloġija u l-Informazzjoni

    Post tar-reġistrazzjoni: Russia

    Data tar-reġistrazzjoni: imwaqqfa fl-2001

    Post prinċipali tan-negozju: Russia

    Social Design Agency hija kumpanija Russa tal-IT marbuta mill-qrib mas-setgħa politika Russa. Ilha mill-2022 involuta fil-kampanja diġitali ta’ diżinformazzjoni mmexxija mir-Russja “RRN” (Recent Reliable News), li għandha l-għan li timmanipula l-informazzjoni u xxerred id-diżinformazzjoni b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Social Design Agency ġiet identifikata bħala attur ewlieni tal-kampanja, responsabbli għall-ħolqien ta’ siti web foloz li jassumu l-identità ta’ organizzazzjonijiet tal-gvern u ta’ media leġittima fl-Ewropa (primarjament il-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Ukrajna u r-Renju Unit) u li tat spinta lill-kampanja favur ir-Russja “RRN” fuq il-media soċjali. Għalhekk, Social Design Agency qed tappoġġa b’mod materjali azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    246.

    Structura National Technologies

    magħrufa wkoll bħala

    “Struktura”

    Bir-Russu:

    ООО “ГК СТРУКТУРА”

    Indirizz: Moscow municipal district Arbat per Bolshoy Kislovskii 1 building 2 premises/room. i/42

    Tip ta’ entità: Kumpanija tat-Teknoloġija u l-Informazzjoni.

    Post tar-reġistrazzjoni: Russia

    Data tar-reġistrazzjoni: imwaqqfa fl-2009

    Numru tar-reġistrazzjoni: NIT 7703438908

    Post prinċipali tan-negozju: Russia

    Structura National Technologies hija kumpanija Russa tal-IT marbuta mill-qrib mas-setgħa politika Russa. Ilha mill-2022 involuta fil-kampanja diġitali ta’ diżinformazzjoni mmexxija mir-Russja “RRN” (Recent Reliable News), li għandha l-għan li timmanipula l-informazzjoni u xxerred id-diżinformazzjoni b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Structura National Technologies ġiet identifikata bħala attur ewlieni tal-kampanja, responsabbli għall-ħolqien ta’ siti web foloz li jassumu l-identità ta’ organizzazzjonijiet tal-gvern u ta’ media leġittima fl-Ewropa (primarjament il-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Ukrajna u r-Renju Unit) u li tat spinta lill-kampanja favur ir-Russja “RRN” fuq il-media soċjali. Għalhekk, Structura National Technologies qed tappoġġa b’mod materjali azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    247.

    ANO Dialog

    AHO Диалог

    Address:119021, st. Timura Frunze, d.11, p. 1, BC Demidov, Moscow

    Tip ta’ entità: Organizzazzjoni awtonoma mingħajr skop ta’ qligħ

    Post tar-reġistrazzjoni: Russia

    Data tar-reġistrazzjoni: 2019

    Numru tar-reġistrazzjoni: NIT: 9709056472

    Post prinċipali tan-negozju: Russia

    ANO Dialog hija organizzazzjoni Russa mingħajr skop ta’ qligħ li nħolqot mid-Dipartiment tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija (DIT) ta’ Moska fl-2019 u li hija marbuta mill-qrib mal-amministrazzjoni presidenzjali. Hija mmexxija minn Alexey Goreslavsky, eks-viċi kap tad-Dipartiment tal-President għall-Proġetti Pubbliċi (OPS). ANO Dialog kienet u għadha qed ixxerred propaganda online dwar it-territorji annessi illegalment fl-Ukrajna. ANO Dialog tagħti struzzjonijiet lill-kanal Readovka fuq Telegram li jippubblika diżinformazzjoni dwar il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna b’appoġġ għall-propaganda tal-Kremlin. ANO Dialog hija marbuta mal-kont popolari fuq Telegram li “jivverifika l-fatti” u mad-dominji sussegwenti “War on Fakes”, immexxija mill-Kap ta’ ANO tal-Iżvilupp ta’ Oqsma Strateġiċi ta’ ANO Dialogue, Timofey Vasiliev, li jxerred aħbarijiet foloz u propaganda dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għalhekk, ANO Dialog qed tappoġġa b’mod materjali azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    248.

    Inforos OOO IA

    ООО ИА ИНФОРОС

    Indirizz: 117218, MOSCOW, Intracity territory of the city of federal significance municipal district academic, 13 Krzhizhanovskogo str., k. 2, office 511

    Tip ta’ entità: Organizzazzjoni tal-media

    Post tar-reġistrazzjoni: Moscow

    Data tar-reġistrazzjoni: 2/6/2003

    Numru tar-reġistrazzjoni: NIT: 7727214569

    Post prinċipali tan-negozju: Moscow

    Inforos hija aġenzija tal-aħbarijiet online responsabbli għat-twaqqif ta’ aktar minn 270 strument proxy tal-aħbarijiet online li jxerrdu l-propaganda b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Hija organizzazzjoni faċċata għall-Unità 54777 tas-servizz tal-intelligence militari Russa l-GRU, responsabbli għal operazzjonijiet psikoloġiċi.

    Il-propaganda mxerrda minn Inforos u mid-diversi strumenti proxy tagħha għandha l-għan li ssaħħaħ l-idea li l-Ukrajna hija “stat Nazist” u li b’mod falz tikkaratterizza l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja bħala “gwerra bi prokura tal-Punent” kontra r-Russja, u b’hekk iddgħajjef l-appoġġ tal-Punent għall-Ukrajna. Għalhekk, Inforos qed tappoġġa b’mod materjali azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023

    249.

    Institute of the Russian Diaspora

    ИНСТИТУТ РУССКОГО ЗАРУБЕЖЬЯ

    Indirizz: 117218, MOSCOW CITY, str. Krzhizhanovskoy, d.13, str.2

    Tip ta’ entità: “Advising on commercial activities and management”

    Post tar-reġistrazzjoni: Moscow

    Data tar-reġistrazzjoni: 3/11/2005

    Numru tar-reġistrazzjoni: NIT: 7727536630

    Post prinċipali tan-negozju: Moscow

    L-Istitut tad-Dijaspora Russa huwa organizzazzjoni faċċata tal-GRU u parti integrali min-network ta’ diżinformazzjoni online ta’ Inforos. Dan twaqqaf b’mod konġunt mill-fundatur ta’ Inforos Denis Tyurin. Barra minn hekk, Denis Tyurin irreġistra s-sit web uffiċjali tal-propaganda tal-Istitut huwa nnifsu, billi uża indirizz tal-posta elettronika uffiċjali ta’ Inforos. L-Istitut għandu preżenza fil-media online msejħa russkie.org, li xxerred id-diżinformazzjoni u l-propaganda Russa dwar il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk, l-Istitut tad-Dijaspora Russa qed jappoġġa b’mod materjali azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    28.7.2023”


    Top