EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1012

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1012 tas-7 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards li jispeċifikaw il-livell ta’ servizz u s-sigurtà ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u fir-rigward tal-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom

C/2022/2055

ĠU L 170, 28.6.2022, p. 27–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1012/oj

28.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/27


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1012

tas-7 ta’ April 2022

li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards li jispeċifikaw il-livell ta’ servizz u s-sigurtà ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u fir-rigward tal-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8a(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, is-sewwieqa tat-trasport bit-triq iridu jieħdu perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa. Xi wħud minn dawn il-perjodi ta’ mistrieħ spiss jitqattgħu fit-triq, b’mod partikolari f’każijiet fejn is-sewwieqa jkunu involuti f’operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali fuq distanzi twal. Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li s-sewwieqa jkollhom aċċess għal żoni ta’ parkeġġ fejn ikunu jistgħu jistrieħu b’mod sikur, b’faċilitajiet xierqa għalihom sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi li jkollhom bżonn.

(2)

L-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistabbilixxi lista ta’ rekwiżiti li ż-żoni ta’ parkeġġ aċċessibbli għas-sewwieqa involuti fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq iridu jissodisfaw sabiex jiġu ċċertifikati bħala żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri, fir-rigward tal-livelli ta’ servizz u sigurtà ta’ tali żoni ta’ parkeġġ.

(3)

Studju tal-2019 tal-Kummissjoni dwar żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri fl-Unjoni (2), irrikonoxxa n-nuqqas sinifikanti ta’ tali faċilitajiet. Huwa ppreżenta wkoll xi proposti, inkluż fir-rigward ta’ standards għal żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u proċeduri ta’ ċertifikazzjoni.

(4)

Minħabba n-nuqqas attwali ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri fl-Unjoni, jenħtieġ li l-iżvilupp ta’ tali faċilitajiet jiġi mħeġġeġ fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li s-sewwieqa tat-trasport bit-triq ikollhom aċċess għalihom kull meta jieqfu tul it-toroq tal-Unjoni.

(5)

Sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri, huwa meħtieġ li jiġi żviluppat qafas komuni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li s-settur ikollu aċċess għal informazzjoni ċara u armonizzata dwar żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri madwar l-Unjoni.

(6)

Sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa tat-trasport bit-triq f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006, jenħtieġ li jkun hemm disponibbli livell minimu komuni ta’ servizzi fiż-żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri kollha, irrispettivament mil-livell ta’ sigurtà tagħhom.

(7)

Fid-dawl tan-numru dejjem akbar ta’ inċidenti ta’ kriminalità relatata mal-merkanzija li jaffettwaw lis-sewwieqa tat-trasport bit-triq, is-sigurtà tas-sewwieqa tat-trasport bit-triq jenħtieġ li tissaħħaħ sabiex jiġi żgurat li jistrieħu mingħajr stress u li ma jakkumulawx l-għeja. L-għoti ta’ kundizzjonijiet tajbin ta’ mistrieħ lis-sewwieqa f’żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri huwa kruċjali sabiex tiġi żgurata s-sikurezza fit-toroq u jitnaqqas ir-riskju ta’ aċċidenti minħabba l-għeja.

(8)

Żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri huma essenzjali għas-sewwieqa u għall-impriżi tat-trasport sabiex jipproteġu t-tagħbijiet tagħhom kontra l-kriminalità relatata mal-merkanzija. Minħabba d-diversità tan-negozji u tal-merkanzija ttrasportata, l-operaturi tat-trasport u s-sewwieqa jista’ jkollhom bżonn ta’ żoni ta’ parkeġġ b’livelli differenti ta’ sigurtà, skont il-merkanzija li jkunu qed iġorru. Għalhekk, l-istandards tal-Unjoni jenħtieġ li jipprovdu għat-tipi differenti ta’ negozji, u ż-żoni ta’ parkeġġ jenħtieġ li jipprovdu livelli minimi differenti ta’ sigurtà.

(9)

Is-sigurtà taż-żoni tal-parkeġġ jenħtieġ li tinkiseb billi jiġi żgurat li t-tagħmir u l-proċeduri xierqa ta’ sigurtà jkunu fis-seħħ madwar il-perimetru tiegħu, fiż-żona tal-parkeġġ innifisha u fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ. Il-proċeduri tal-persunal jenħtieġ li jkunu fis-seħħ ukoll sabiex jiġi żgurat li jiġu adottati miżuri ta’ prevenzjoni tar-riskju, u sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-inċidenti meta jseħħu.

(10)

Sabiex jiġu pprovduti t-trasparenza u ċ-ċertezza għall-utenti ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri, jenħtieġ li ż-żoni ta’ parkeġġ jiġu ċċertifikati minn korp ta’ ċertifikazzjoni indipendenti, f’konformità mal-proċeduri definiti fil-livell tal-Unjoni. Il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni dwar l-awditi, l-awditi mill-ġdid u l-awditi mhux imħabbra għal żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri jenħtieġ li jiġu speċifikati b’mod ċar sabiex jiġi żgurat li l-operaturi taż-żoni tal-parkeġġ ikunu jafu kif japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni jew għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid. Jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll li jintużaw proċeduri adegwati meta jinstab li żona tal-parkeġġ sikura u sigura ma tibqax konformi mal-livell ta’ servizz jew ta’ sigurtà li tkun ġiet iċċertifikata għalih.

(11)

Jenħtieġ li jkun hemm disponibbli mekkaniżmi tal-ilmenti għall-utenti ta’ żoni tal-parkeġġ sikuri u siguri sabiex jirrapportaw dwar in-nuqqas ta’ konformità.

(12)

Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu joħorġu ċertifikati tal-awditjar lill-operaturi u li jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, sabiex il-lista ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri fuq is-sit web uffiċjali rilevanti tkun tista’ tinżamm aġġornata.

(13)

Sabiex jitqies l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji diġitali u sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa jkunu jistgħu jittejbu kontinwament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta r-rilevanza tar-rieżami tal-istandards armonizzati u tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-adozzjoni ta’ dan l-att,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Livelli ta’ sigurtà u ta’ servizz

Sabiex tiġi ċċertifikata bħala żona ta’ parkeġġ sikura u sigura msemmija fl-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, żona ta’ parkeġġ għandha tissodisfa l-istandards li ġejjin

(a)

l-istandards kollha dwar il-livell minimu ta’ servizz stabbiliti fit-Taqsima A tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-istandards kollha ta’ wieħed mil-livelli ta’ sigurtà stabbiliti fit-Taqsima B tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Proċeduri ta’ ċertifikazzjoni

Iċ-ċertifikazzjoni taż-żoni ta’ parkeġġ bħala żona ta’ parkeġġ sikura u sigura msemmija fl-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandha tikkonforma mal-istandards u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Klawsola ta’ reviżjoni

Mhux aktar tard mis-7 ta’ April 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-istandards u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni previsti fl-Annessi I u II għandhomx bżonn jiġu emendati fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi eżistenti, u sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa jittejbu fuq bażi kontinwa.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

(2)  Commission Study on safe and secure parking places for trucks (2019). Disponibbli fuq:

https://sstpa.eu-study.eu/download/19/final-report/1188/final-report-sstpa-28022019-isbn.pdf


ANNESS I

STANDARDS TAL-UNJONI LI JISPEĊIFIKAW IL-LIVELL TAS-SERVIZZ U TAS-SIGURTÀ TA’ ŻONI TA’ PARKEĠĠ SIKURI U SIGURI

A.   Livell minimu ta’ servizz

Żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri ċċertifikati skont l-istandards tal-Unjoni għandhom jissodisfaw il-livell minimu ta’ servizzi deskritt fit-Tabella 1.

Tabella 1

Faċilitajiet sanitarji li jirrispettaw il-ġeneri

Għandu jkun hemm disponibbli tojlits u xawers separati u li jaħdmu sew għall-utenti irġiel u għall-utenti nisa. Ix-xawers għandhom jipprovdu ilma sħun.

Għandu jkun hemm disponibbli viti tal-ilma li jaħdmu sew, u li jipprovdu ilma sħun. Is-sapun tal-idejn għandu jiġi pprovdut mingħajr ħlas.

Fuq il-post għandu jkun hemm laned tal-iskart, li għandhom jiġu mbattla regolarment.

It-tojlits, ix-xawers u s-sinks għandhom jitnaddfu u jiġu ċċekkjati kuljum f’intervalli regolari. L-iskeda tat-tindif għandha tintwera.

Għażliet ta’ xiri u konsum ta’ ikel u xorb

Ikliet ħfief u xorb għandhom ikunu disponibbli għax-xiri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

Għandha tkun disponibbli żona tal-ikel għas-sewwieqa.

Konnessjonijiet ta’ komunikazzjoni

Il-konnessjoni tal-Internet għandha tkun disponibbli mingħajr ħlas.

Provvista tal-enerġija

Għandu jkun hemm disponibbli plakek tal-elettriku għall-użu personali.

Sal-31 ta’ Diċembru 2026, għandu jkun hemm disponibbli fuq il-post faċilitajiet tal-enerġija elettrika għall-vetturi tat-trasport bit-triq refriġerati.

Punti ta’ kuntatt u proċeduri ta’ emerġenza

Għandhom jiġu pprovduti sinjali ċari sabiex jiġi żgurat il-moviment sikur tat-traffiku fil-faċilità tal-parkeġġ.

Il-kuntatti ta’ emerġenza għandhom jintwerew fil-faċilità tal-parkeġġ tal-anqas bil-lingwa uffiċjali nazzjonali u bl-Ingliż. Dawn għandhom ikunu ssupplimentati minn pittogrammi li jinftiehmu faċilment.

B.   Livelli ta’ sigurtà

1.

Żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri ċċertifikati skont l-istandards tal-Unjoni għandhom jissodisfaw il-kriterji stabbiliti skont wieħed mil-livelli ta’ sigurtà deskritti fit-Tabelli 2 sa 5.

2.

Żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri għandhom jiżguraw li t-tagħmir u l-proċeduri elenkati f’kull livell ta’ sigurtà jkunu kompletament operazzjonali.

3.

L-istandards stabbiliti f’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-kompiti li jridu jitwettqu minn persunal tas-sigurtà liċenzjat u mħarreġ, intern jew estern. Il-persunal kollu tas-sigurtà għandu jkun irċieva wkoll taħriġ adegwat meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun teħtieġ dan.

4.

Il-perjodi għaż-żamma tad-data miġbura permezz tas-sorveljanza bil-video (CCTV) huma mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali jew għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dik iż-żona. Għandhom japplikaw għal kwalunkwe rekwiżit obbligatorju u volontarju skont dawn l-istandards.

5.

Il-valuri tad-dawl (Lux) indikati fil-livelli differenti ta’ sigurtà għandhom ikunu valuri medji.

6.

Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali dwar it-taħriġ, l-operaturi ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom li jaħdmu fuq il-post u dawk li jaħdmu mill-bogħod li joperaw f’żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri, kif ukoll il-maniġer tal-parkeġġ, jattendu taħriġ dwar l-istandards tal-Unjoni għal żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri. Persunal ġdid għandu jagħmel dak it-taħriġ fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-servizz tiegħu. It-taħriġ għandu jkopri s-suġġetti li ġejjin:

it-taħriġ u s-superviżjoni tal-persunal;

il-ġestjoni tal-inċidenti;

is-sorveljanza u l-monitoraġġ;

it-teknoloġija.

7.

Żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri għandhom juru fuq il-post l-informazzjoni għall-utenti dwar kif jippreżentaw ilment lill-korp taċ-ċertifikazzjoni rilevanti.

a.   Livell tal-bronż

Tabella 2

LIVELL TAL-BRONŻ

Perimetru

Il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett permezz ta’ deterrent viżiv. Id-deterrent viżiv għandu jkun fuq l-art sabiex jindika l-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura, u biex jindika li fiż-żona ta’ parkeġġ huma permessi biss vetturi tal-merkanzija u vetturi awtorizzati.

Il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkun imdawwal b’intensità ta’ 15-il Lux.

Kwalunkwe veġetazzjoni madwar il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Żona ta’ parkeġġ

Sinjalar xieraq għandu jindika li l-vetturi tal-merkanzija u l-vetturi awtorizzati biss huma permessi fiż-żona ta’ parkeġġ.

Il-kontrolli ta’ sorveljanza fiżiċi jew mill-bogħod għandhom jitwettqu mill-anqas darba kull 24 siegħa.

Kwalunkwe veġetazzjoni fiż-żona ta’ parkeġġ għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Kwalunkwe korsija eżistenti tal-vetturi u ta’ persuni mexjin taż-żona ta’ parkeġġ għandhom ikunu mdawla b’intensità ta’ 15-il Lux.

Dħul/Ħruġ

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mdawla b’intensità ta’ 25 Lux

Għandha tiġi installata sistema tas-CCTV li tipprovdi immaġnijiet ta’ kwalità tajba, u din għandha tkun funzjonali fil-punti kollha tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura.

Is-sistema tas-CCTV għandu jkollha reġistrazzjoni diġitali kontinwa minima (ħames immaġnijiet kull sekonda) jew għandha tkun ibbażata fuq detezzjoni tal-moviment b’kameras ta’ matul il-jum u ta’ billejl reali li jirreġistraw qabel u wara l-moviment b’riżoluzzjoni HD ta’ 720 pixel.

L-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll ta’ rutina tas-CCTV darba fil-ġimgħa, li jrid jinżamm rekord tiegħu għal ġimgħa. L-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll tas-sistema tas-CCTV funzjonali mill-anqas kull 48 siegħa.

Id-data tas-CCTV għandha tinżamm għal perjodu ta’ 30 jum sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli nazzjonali jew tal-Unjoni ma tkunx teħtieġ perjodu ta’ żamma iqsar. F’dak il-każ, għandu japplika l-itwal perjodu ta’ żamma permess mil-liġi.

Iż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkollha garanzija tas-CCTV, ftehim dwar il-livell ta’ servizz fis-seħħ jew għandha turi l-kapaċitajiet ta’ manutenzjoni tagħha stess. Is-sistemi tas-CCTV fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura dejjem għandhom jitħaddmu minn tekniċi kwalifikati.

Proċeduri tal-persunal

Abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju annwali u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan ta’ sigurtà, li jinkludi l-aspetti kollha mill-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju għar-rispons f’kollaborazzjoni mal-infurzar tal-liġi.

Iż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandha taħtar persuna responsabbli għall-proċeduri tal-persunal f’każ ta’ inċidenti. Il-persunal taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura jrid ikollu aċċess għal lista sħiħa tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi lokali f’kull ħin.

Għandu jkun hemm fis-seħħ proċedura għal każijiet fejn vetturi mhux awtorizzati jkunu pparkjati fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura. Din il-proċedura għandha tintwera b’mod ċar fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura.

Ir-rapportar ta’ inċidenti u reati lill-persunal u lill-pulizija għandu jiġi ffaċilitat bis-saħħa tal-wiri ta’ proċedura ċara fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura.

b.   Livell tal-fidda

Tabella 3

LIVELL TAL-FIDDA

Perimetru

Il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett permezz ta’ mill-anqas deterrent fiżiku li ma jippermettix li wieħed jgħaddi minnu u li jippermetti biss id-dħul u l-ħruġ miż-żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri permezz tal-punti tad-dħul u tal-ħruġ definiti. Il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett permezz ta’ monitoraġġ u reġistrazzjoni kontinwi tal-video, kif ukoll permezz ta’ deterrent viżiv.

Is-sistema tas-CCTV għandu jkollha reġistrazzjoni kontinwa diġitali minima ta’ ħames immaġnijiet kull sekonda jew tkun ibbażata fuq detezzjoni tal-moviment b’kameras ta’ matul il-jum u ta’ billejl reali li jirreġistraw qabel u wara l-moviment b’riżoluzzjoni HD ta’ 720 pixel.

L-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll ta’ rutina tas-CCTV kull 72 siegħa, li jrid jinżamm rekord tiegħu għal ġimgħa.

L-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll tas-sistema tas-CCTV funzjonali mill-anqas kull 48 siegħa.

Id-data tas-CCTV għandha tinżamm għal perjodu ta’ 30 jum sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli nazzjonali jew tal-Unjoni ma tkunx teħtieġ perjodu ta’ żamma iqsar. F’dak il-każ, għandu japplika l-itwal perjodu ta’ żamma permess mil-liġi.

Iż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkollha garanzija tas-CCTV, ftehim dwar il-livell ta’ servizz fis-seħħ jew għandha turi l-kapaċitajiet ta’ manutenzjoni tagħha stess. Is-sistemi tas-CCTV fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura dejjem għandhom jitħaddmu minn tekniċi kwalifikati.

Il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkun imdawwal b’intensità ta’ 20 Lux.

Kwalunkwe veġetazzjoni madwar il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Żona ta’ parkeġġ

Sinjalar xieraq għandu jindika li l-vetturi tal-merkanzija u l-vetturi awtorizzati biss huma permessi fiż-żona ta’ parkeġġ.

Il-kontrolli ta’ sorveljanza fiżiċi jew mill-bogħod għandhom jitwettqu mill-anqas darbtejn kull 24 siegħa, u mill-anqas darba matul il-jum u darba matul il-lejl.

Kwalunkwe korsija eżistenti tal-vetturi u ta’ persuni mexjin taż-żona ta’ parkeġġ għandha tkun imdawla b’intensità ta’ 15-il Lux.

Kwalunkwe veġetazzjoni fiż-żona ta’ parkeġġ għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Dħul/Ħruġ

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mdawla b’intensità ta’ 25 Lux u jkunu protetti b’barrikati. Dawn il-barrikati għandhom ikunu mgħammra b’sistema ta’ intercom bil-vuċi u b’sistema ta’ ħruġ ta’ biljetti.

Għandha tiġi installata sistema tas-CCTV li tipprovdi immaġnijiet ta’ kwalità tajba, u din għandha tkun funzjonali fil-punti kollha tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura. Ir-rekwiżiti għas-CCTV skont it-Taqsima “perimetru” ta’ dan il-livell ta’ sigurtà għandhom japplikaw ukoll għall-fini tas-CCTV fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ.

Proċeduri tal-persunal

Abbażi ta’ valutazzjoni annwali tar-riskju u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan ta’ sigurtà sabiex jiġu eżaminati r-riskji partikolari ffaċċjati miż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura minħabba fatturi bħal fejn tkun tinsab, it-tipi ta’ utenti, il-kundizzjonijiet tas-sikurezza tat-traffiku, ir-rati tal-kriminalità u kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà ġenerali.

Iż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandha taħtar persuna responsabbli għall-proċeduri tal-persunal f’każ ta’ inċidenti. Il-persunal taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura jrid ikollu aċċess għal lista sħiħa tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi lokali f’kull ħin.

Għandu jkun hemm fis-seħħ proċedura għal każijiet fejn vetturi mhux awtorizzati jkunu pparkjati fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura. Din il-proċedura għandha tintwera b’mod ċar fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura.

Ir-rapportar ta’ inċidenti u reati lill-persunal u lill-pulizija għandu jiġi ffaċilitat bis-saħħa tal-wiri ta’ proċedura ċara fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura.

L-assistenza lill-utenti għandha tkun disponibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.

c.   Livell tad-deheb

Tabella 4

LIVELL TAD-DEHEB

Perimetru

Il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett minn barrikata fiżika ta’ mill-anqas 1,8 metru għoli. Għandu jkun hemm żona vojta ta’ metru bejn il-barrikata u ż-żona ta’ parkeġġ.

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-prevenzjoni ta’ ħsara mhux intenzjonata lill-barrikati.

Il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkun imdawwal b’intensità ta’ 25 Lux.

Il-perimetru kollu taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jiġi mmonitorjat permezz ta’ sorveljanza kontinwa bil-vidjo, mingħajr ma jitħalla ebda post li ma jkunx kopert.

Is-sistema tas-CCTV għandu jkollha reġistrazzjoni kontinwa diġitali minima ta’ ħames immaġnijiet kull sekonda jew għandha tkun ibbażata fuq detezzjoni tal-moviment b’kameras ta’ matul il-jum u ta’ billejl reali li jirreġistraw qabel u wara l-moviment b’riżoluzzjoni HD ta’ 720 pixel.

L-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll ta’ rutina tas-CCTV kull 48 siegħa, li jrid jinżamm rekord tiegħu għal ġimgħa.

L-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll tas-sistema tas-CCTV funzjonali mill-anqas kull 24 siegħa.

Id-data tas-CCTV għandha tinżamm għal perjodu ta’ 30 jum sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli nazzjonali jew tal-Unjoni ma tkunx teħtieġ perjodu ta’ żamma iqsar. F’dak il-każ, għandu japplika l-itwal perjodu ta’ żamma possibbli permess mil-liġi.

Iż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkollha fis-seħħ garanzija tas-CCTV jew ftehim dwar il-livell ta’ servizz b’mill-anqas żjara ta’ servizz waħda minn organizzazzjoni speċjalizzata kwalifikata fis-sena, jew għandha turi l-kapaċitajiet ta’ manutenzjoni tagħha stess. Is-sistemi tas-CCTV fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura dejjem għandhom jitħaddmu minn tekniċi kwalifikati.

Is-CCTV u l-avvenimenti ta’ aċċess għandhom jiġu sinkronizzati permezz ta’ software komuni li jiġbor l-informazzjoni.

Fil-każ ta’ qtugħ fin-network, l-avvenimenti kollha tas-CCTV u ta’ aċċess għandhom jinħażnu lokalment u dawn għandhom jittellgħu fuq it-tagħmir ċentrali ta’ reġistrazzjoni ladarba l-konnessjonijiet jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid.

Kwalunkwe veġetazzjoni madwar il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Żona ta’ parkeġġ

Sinjalar xieraq għandu jindika li l-vetturi tal-merkanzija u l-vetturi awtorizzati biss huma permessi fiż-żona ta’ parkeġġ.

Il-kontrolli ta’ sorveljanza fiżiċi jew mill-bogħod għandhom jitwettqu mill-anqas darbtejn kull 24 siegħa, u mill-anqas darba matul il-jum u darba matul il-lejl.

Il-korsiji taż-żona ta’ parkeġġ u dawk ta’ persuni miexja għandhom jiġu mmarkati u jkunu mdawla b’intensità ta’ 15-il Lux.

Kwalunkwe veġetazzjoni fiż-żona ta’ parkeġġ għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Dħul/Ħruġ

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mdawla b’intensità ta’ 25 Lux u għandhom jiġu protetti permezz ta’ barrikati bi protezzjoni sabiex ma jkunx hemm aċċess minn taħt u minn fuq, kif ukoll bi dwal tat-traffiku.

Għandha tiġi installata sistema tas-CCTV li tipprovdi immaġnijiet ta’ kwalità tajba, u din għandha tkun funzjonali fil-punti kollha tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura. Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ għandhom ikunu mgħammra b’teknoloġija ta’ rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni. Ir-rekords tad-dħul u tal-ħruġ tal-vetturi għandhom jiġu ssejvjati f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli nazzjonali jew tal-Unjoni.

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandhom jiġu protetti permezz ta’ mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u ta’ detezzjoni tal-intrużjoni bħal turnstiles għal persuni mexjin li jkollhom għoli minimu ta’ 1,80 metru. Il-punti ta’ aċċess għas-servizzi bħat-tojlits, ir-ristoranti u l-ħwienet għandhom ikunu mgħammra b’turnstiles trepied meta jkun hemm aċċess dirett bejn iż-żona ta’ parkeġġ u dawn is-servizzi.

Proċeduri tal-persunal

Abbażi ta’ valutazzjoni annwali tar-riskju u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan ta’ sigurtà sabiex jiġu eżaminati r-riskji partikolari ffaċċjati miż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura minħabba fatturi bħal fejn tkun tinsab, it-tipi ta’ klijenti, il-kundizzjonijiet tas-sikurezza tat-traffiku, ir-rati tal-kriminalità u kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà ġenerali.

Abbażi ta’ valutazzjoni annwali tar-riskji u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan għall-kontinwità tal-operat. Għandu jinkludi miżuri dettaljati dwar x’rispons għandu jkun hemm għal inċidenti fixkiela filwaqt li jibqgħu jitwettqu attivitajiet kritiċi matul inċident. Il-ġestjoni taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandha tkun tista’ turi l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri.

Għandu jkun hemm fis-seħħ proċedura għal każijiet fejn vetturi mhux awtorizzati jkunu pparkjati fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura. Din il-proċedura għandha tintwera b’mod ċar fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura.

L-assistenza lill-utenti għandha tkun disponibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa

Ir-rapportar ta’ inċidenti u reati lill-persunal u lill-pulizija għandu jiġi ffaċilitat bis-saħħa tal-wiri ta’ proċedura ċara fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura.

Għandha tinħatar persuna responsabbli għall-proċeduri tal-persunal.

Is-sistema ta’ ġestjoni taż-żona ta’ parkeġġ għandha tkun ippreparata għat-trażmissjoni ta’ data tad-DATEX II.

d.   Livell tal-platinu

Tabella 5

LIVELL TAL-PLATINU

Perimetru

Il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett permezz ta’ barrikata kontinwa ta’ mill-anqas 1,8 metru għoli b’deterrenti sabiex ma jkunx hemm aċċess minn fuq. Għandu jkun hemm żona vojta ta’ metru bejn il-barrikata u ż-żona ta’ parkeġġ.

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-prevenzjoni ta’ ħsara intenzjonata u mhux intenzjonata lill-barrikati.

Il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkun imdawwal b’intensità ta’ 25 Lux.

Il-perimetru kollu taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jiġi mmonitorjat permezz ta’ sorveljanza kontinwa bil-vidjo, mingħajr ma jitħalla ebda post li ma jkunx kopert.

Is-sistema tas-CCTV għandu jkollha reġistrazzjoni kontinwa diġitali minima ta’ ħames immaġnijiet kull sekonda jew tkun ibbażata fuq detezzjoni tal-moviment b’kameras ta’ matul il-jum u ta’ billejl reali li jirreġistraw qabel u wara l-moviment b’riżoluzzjoni HD ta’ 720 pixel.

L-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll ta’ rutina tas-CCTV kull 48 siegħa, li jrid jinżamm rekord tiegħu għal ġimgħa.

L-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll tas-sistema tas-CCTV funzjonali mill-anqas kull 24 siegħa.

Id-data tas-CCTV għandha tinżamm għal perjodu ta’ 30 jum sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli nazzjonali jew tal-Unjoni ma tkunx teħtieġ perjodu ta’ żamma iqsar. F’dan il-każ, għandu japplika l-itwal perjodu ta’ żamma possibbli permess mil-liġi.

Iż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jkollha fis-seħħ garanzija tas-CCTV jew ftehim dwar il-livell ta’ servizz b’mill-anqas żewġ żjarat ta’ servizz minn organizzazzjoni speċjalizzata kwalifikata fis-sena, jew għandha turi l-kapaċitajiet ta’ manutenzjoni tagħha stess. Is-sistemi tas-CCTV fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura dejjem għandhom jitħaddmu minn tekniċi kwalifikati.

Is-CCTV u l-avvenimenti ta’ aċċess għandhom jiġu sinkronizzati permezz ta’ software komuni li jiġbor l-informazzjoni.

L-avvenimenti ta’ sigurtà tas-CCTV fil-parkeġġ għandhom jiġu analizzati mil-persunal bl-użu ta’ web-based clients. Fil-każ ta’ qtugħ fin-network, l-avvenimenti kollha tas-CCTV u ta’ aċċess għandhom jinħażnu lokalment u jittellgħu fuq it-tagħmir ċentrali ta’ reġistrazzjoni ladarba l-konnessjonijiet jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid.

L-immaġnijiet tas-CCTV għandhom jiġu kkontrollati mill-bogħod (24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa) minn ċentru estern ta’ monitoraġġ li jirċievi l-allarm, sakemm il-persunal tas-sigurtà ma jkunx fuq il-post.

Is-sistema tas-CCTV għandha tipprovdi allarmi kemm f’każ ta’ intrużjoni kif ukoll f’każ ta’ aċċess minn fuq il-barrikati, u ddoqq allarm permezz ta’ sinjalar bil-ħoss jew bid-dawl fuq il-parkeġġ kif ukoll fiċ-ċentri ta’ monitoraġġ u ta’ riċeviment tal-allarm.

Kwalunkwe veġetazzjoni madwar il-perimetru taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Żona ta’ parkeġġ

Sinjalar xieraq għandu jindika li l-vetturi tal-merkanzija u l-vetturi awtorizzati biss huma permessi fiż-żona ta’ parkeġġ.

Il-korsiji taż-żona ta’ parkeġġ u dawk ta’ persuni miexja għandhom jiġu mmarkati u jkunu mdawla b’intensità ta’ 15-il Lux.

Kwalunkwe veġetazzjoni fiż-żona ta’ parkeġġ għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Il-post għandu jkun mgħammar bil-persunal jew ikkontrollat bil-vidjo 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.

Ir-rekwiżiti għas-CCTV skont it-Taqsima “perimetru” ta’ dan il-livell ta’ sigurtà għandhom japplikaw ukoll għall-fini tas-CCTV fiż-żona ta’ parkeġġ.

Dħul/Ħruġ

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mdawla b’intensità ta’ 25 Lux u għandhom ikunu protetti b’kanċelli bi protezzjoni sabiex ma jkunx hemm aċċess minn taħt u minn fuq, jew b’barrikati bi protezzjoni sabiex ma jkunx hemm aċċess minn taħt u minn fuq, issupplimentati b’bollards.

Għandha tiġi installata sistema tas-CCTV li tipprovdi immaġnijiet ta’ kwalità tajba, u din għandha tkun funzjonali fil-punti kollha tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura. Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ inklużi l-punti tad-dħul u tal-ħruġ ta’ persuni miexja għandhom jiġu mmonitorjati f’ħin reali.

Ir-rekwiżiti għas-CCTV skont it-Taqsima “perimetru” ta’ dan il-livell ta’ sigurtà għandhom japplikaw ukoll għall-fini tas-CCTV fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ.

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandhom jiġu protetti permezz ta’ mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u ta’ detezzjoni tal-intrużjoni bħal turnstiles għal persuni mexjin li jkollhom għoli minimu ta’ 1,80 metru. Il-punti ta’ aċċess għas-servizzi bħat-tojlits, ir-ristoranti u l-ħwienet għandhom ikunu mgħammra b’turnstiles trepied meta jkun hemm aċċess dirett bejn iż-żona ta’ parkeġġ u dawn is-servizzi.

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona tal-parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mgħammra b’teknoloġija ta’ rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni. Meta jkun hemm ħruġ miż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura, il-persunal tas-sigurtà għandu jivverifika jekk il-pjanċa tar-reġistrazzjoni taqbilx mal-identifikatur tas-sistema ta’ verifika tad-dħul u tal-ħruġ, eż. biljetti, qarrejja tal-RFID jew kodiċijiet QR. Ir-rekords tal-vetturi li jidħlu u joħorġu miż-żona tal-parkeġġ sikura u sigura għandhom jiġu ssejvjati f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli nazzjonali jew tal-Unjoni.

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandhom jiġu protetti permezz ta’ sistema ta’ verifika f’żewġ stadji li tinkludi l-kontrolli tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni u metodu rilevanti addizzjonali magħżul miż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura li jippermetti l-identifikazzjoni u l-verifika tas-sewwieqa, ta’ kwalunkwe persuna li takkumpanja sewwieq u ta’ kwalunkwe persuna oħra awtorizzata li tidħol fil-parkeġġ.

Kwalunkwe kamra ta’ sigurtà maġenb grada potenzjali għandha tkun kapaċi tiflaħ għal attakk estern, inkluż mekkaniżmu li jagħlaq il-bibien għall-kamra ta’ sigurtà.

Proċeduri tal-persunal

Abbażi ta’ valutazzjoni annwali tar-riskju u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan ta’ sigurtà sabiex jiġu eżaminati r-riskji partikolari ffaċċjati miż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura minħabba fatturi bħal fejn tkun tinsab, it-tipi ta’ klijenti, il-kundizzjonijiet tas-sikurezza tat-traffiku, ir-rati tal-kriminalità u kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà ġenerali.

Abbażi ta’ valutazzjoni annwali tar-riskji u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan għall-kontinwità tal-operat. Għandu jinkludi miżuri dettaljati dwar x’rispons għandu jkun hemm għal inċidenti fixkiela filwaqt li jibqgħu jitwettqu attivitajiet kritiċi matul inċident. Il-ġestjoni taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandha tkun tista’ turi l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri.

Għandu jkun hemm fis-seħħ proċedura għal każijiet fejn vetturi mhux awtorizzati jkunu pparkjati fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura. Din il-proċedura għandha tintwera b’mod ċar fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura.

L-assistenza lill-utenti għandha tkun disponibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa

Ir-rapportar ta’ inċidenti u reati lill-persunal tas-sigurtà u lill-pulizija għandu jiġi ffaċilitat bis-saħħa tal-wiri ta’ proċedura ċara fiż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura.

Għandha tinħatar persuna responsabbli għall-proċeduri tal-persunal.

Għandu jintuża manwal tekniku għall-utent.

Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri ta’ reazzjoni għall-allarm.

Is-sistema ta’ ġestjoni taż-żona ta’ parkeġġ għandha tkun ippreparata għat-trażmissjoni ta’ data tad-DATEX II.

Il-prenotazzjoni sigura minn qabel għandha tkun disponibbli permezz tat-telefon, ta’ formoli ta’ kuntatt, tal-posta elettronika, ta’ apps jew ta’ pjattaformi tal-prenotazzjoni. Jekk il-prenotazzjoni minn qabel tiġi offruta permezz ta’ apps jew sistemi simili ta’ prenotazzjoni, it-trażmissjoni tad-data trid isseħħ f’ħin reali.


ANNESS II

STANDARDS U PROĊEDURI TA’ ĊERTIFIKAZZJONI

A.   Korpi ta’ ċertifikazzjoni u taħriġ tal-awdituri

1.

Huma biss korpi ta’ ċertifikazzjoni u awdituri li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Anness li għandhom ikunu intitolati jwettqu ċ-ċertifikazzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri msemmija fl-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

2.

Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni li l-awdituri tagħhom iwettqu awditi bil-għan li jiċċertifikaw żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri f’konformità mal-istandards stabbiliti fl-Anness I għandu jkollhom akkreditazzjoni tal-grupp f’konformità mal-ISO 17021.

3.

L-awdituri li jwettqu awditi ta’ ċertifikazzjoni bil-għan li jiċċertifikaw żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri f’konformità mal-istandards stabbiliti fl-Anness I għandu jkollhom relazzjoni kuntrattwali mal-korp ta’ ċertifikazzjoni.

4.

F’konformità mal-ISO 17021, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni għandhom jiżguraw li l-awdituri li jwettqu awditi bil-għan li jiċċertifikaw żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri jkunu mħarrġa kif xieraq.

5.

L-awdituri tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni għandhom ikunu għaddew b’suċċess minn taħriġ għall-awdituri fl-aktar verżjoni reċenti tal-istandards stabbiliti fl-Anness I li jinkludi parti teoretika u parti prattika.

6.

L-awdituri tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni għandu jkollhom għarfien prattiku tajjeb tal-Ingliż kif ukoll għarfien tal-lingwa lokali rilevanti tal-Istat Membru fejn iwettqu l-awditjar.

7.

Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni li jixtiequ jiċċertifikaw żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-dokumenti li jagħtu prova li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha skont din it-Taqsima. Jekk il-korp taċ-ċertifikazzjoni jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti f’din it-Taqsima, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dak il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandhom jiżdiedu fis-sit web uffiċjali msemmi fl-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

B.   Proċeduri dwar l-awditi ta’ ċertifikazzjoni, l-awditi mhux imħabbra u r-revoka taċ-ċertifikat ta’ parkeġġ sikur u sigur

1.

L-awditi ta’ ċertifikazzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri għandhom isiru fiżikament. L-operaturi tal-parkeġġ li jkunu lesti li jiġu ċċertifikati f’konformità mal-istandards tal-Unjoni stabbiliti fl-Anness I għandhom jagħmlu talba lil korp ta’ ċertifikazzjoni sabiex iwettaq awditu ta’ ċertifikazzjoni fuq is-sit tagħhom.

2.

Tliet xhur qabel it-tmiem tal-validità taċ-ċertifikat, l-operaturi ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri li jkunu jixtiequ jġeddu ċ-ċertifikazzjoni għandhom jitolbu lill-korp ta’ ċertifikazzjoni tal-għażla tagħhom li jiġu awditjati mill-ġdid. L-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid għandu jiġi organizzat u r-riżultati għandhom jiġu nnotifikati lill-operatur tal-parkeġġ qabel id-data ta’ skadenza taċ-ċertifikat attwali.

3.

Fejn, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali li ma setgħux jiġu antiċipati mill-korp ta’ ċertifikazzjoni jew mill-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura, il-korp ta’ ċertifikazzjoni ma jkunx jista’ jwettaq l-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid mitlub, il-korp ta’ ċertifikazzjoni jista’ jiddeċiedi li jestendi l-validità taċ-ċertifikat attwali għal sa sitt xhur. Tali estensjoni tista’ tiġġedded darba biss.

Ir-raġunijiet għal tali estensjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mill-korp ta’ ċertifikazzjoni u l-informazzjoni rilevanti għandha ssir disponibbli fuq is-sit web uffiċjali uniku msemmi fl-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

4.

Matul il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura, il-korp ta’ ċertifikazzjoni rilevanti għandu jwettaq mill-anqas awditu wieħed mhux imħabbar fuq l-istandards stabbiliti fl-Anness I.

5.

Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jinnotifika r-riżultati tal-awditi taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid u tal-awditi mhux imħabbra lill-operatur taż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura mingħajr dewmien żejjed.

6.

Jekk wara awditu ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid jew awditjar mhux imħabbar, il-korp ta’ ċertifikazzjoni jistabbilixxi li ż-żona tal-parkeġġ sikura u sigura ma għadhiex tissodisfa rekwiżit wieħed jew aktar koperti miċ-ċertifikat, huwa għandu jinnotifika lill-operatur bid-dettalji tan-nuqqasijiet osservati u jissuġġerixxi l-miżuri sabiex jiġu rrimedjati. Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jippermetti lill-operatur jindirizza dawk in-nuqqasijiet f’perjodu stabbilit mill-awditur, filwaqt li jqis is-serjetà tan-nuqqas osservat. L-operatur għandu jinforma lill-korp ta’ ċertifikazzjoni bil-miżuri meħuda sabiex jirrimedja dawk in-nuqqasijiet u jipprovdi d-dettalji kollha meħtieġa qabel tmiem il-perjodu.

7.

Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jwettaq il-valutazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju applikati mill-operatur fi żmien erba’ ġimgħat. Jekk jistabbilixxi li ż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura tissodisfa r-rekwiżiti minimi kollha tas-servizz stabbiliti fl-Anness I u r-rekwiżiti kollha tas-sigurtà koperti miċ-ċertifikat, għandu jinħareġ ċertifikat tal-awditjar ġdid għal-livell mitlub. Fil-każ ta’ awditu mhux imħabbar, l-istess ċertifikat tal-awditjar għandu jkompli japplika sal-iskadenza tiegħu.

8.

Jekk il-korp ta’ ċertifikazzjoni jistabbilixxi li ż-żona tal-parkeġġ sikura u sigura tissodisfa r-rekwiżiti minimi kollha tas-servizz stabbiliti fl-Anness I u r-rekwiżiti tas-sigurtà ta’ livell ta’ sigurtà differenti minn dak kopert miċ-ċertifikat eżistenti, għandu jinħareġ ċertifikat tal-awditjar ġdid li jirrifletti l-livell xieraq ta’ sigurtà. Fil-każ ta’ awditu mhux imħabbar, għandu jinħareġ ċertifikat tal-awditjar ġdid bil-livell xieraq ta’ sigurtà bl-istess data ta’ skadenza taċ-ċertifikat tal-awditjar li jissostitwixxi.

9.

Jekk, wara awditu ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid jew awditjar mhux imħabbar u l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju sussegwenti, il-korp ta’ ċertifikazzjoni jistabbilixxi li ż-żona ta’ parkeġġ sikura u sigura ma tissodisfax ir-rekwiżiti minimi tas-servizz jew ma tissodisfax wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ sigurtà koperti miċ-ċertifikat eżistenti, il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jirrevoka ċ-ċertifikat. Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jinnotifika minnufih lill-operatur, li għandu jkun responsabbli għat-tneħħija ta’ kwalunkwe referenza għall-istandards tal-Unjoni dwar żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri fis-sit tiegħu.

10.

L-operatur tal-parkeġġ sikur u sigur għandu jkollu l-possibbiltà li jappella lill-korp ta’ ċertifikazzjoni li jkun wettaq l-awditu meta ma jaqbilx mal-eżitu tal-awditu, f’konformità mal-istandard ISO 17021. Wara l-eżami tal-appell, il-korp ta’ ċertifikazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma jirrevokax iċ-ċertifikat tal-awditjar, jew li joħroġ ċertifikat tal-awditjar ġdid għal livell differenti ta’ sigurtà.

C.   Rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati wara l-awditjar mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni u l-provvista ta’ informazzjoni

1.

Wara l-awditu b’suċċess ta’ ċertifikazzjoni jew taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-awditjar lill-operatur tal-parkeġġ, u għandu jibgħat mingħajr dewmien kopja lill-operatur iċċertifikat taż-żona tal-parkeġġ sikura u sigura u lill-Kummissjoni. Huwa għandu jinforma wkoll lill-Kummissjoni meta ċ-ċertifikati tal-awditjar ikunu ġew revokati jew meta l-livell ta’ sigurtà taż-żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri jkun inbidel wara awditu. Iċ-ċertifikat tal-awditjar għandu jkollu validità ta’ tliet snin.

2.

F’konformità mal-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri ċċertifikati f’konformità mal-istandards stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament tkun disponibbli u aġġornata fuq is-sit web uffiċjali uniku.

3.

Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu online għall-ilmenti għall-utenti ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri.

4.

Għall-finijiet tal-Artikolu 8a(4) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-iskambju ta’ informazzjoni u feedback miġbura sabiex jipproponu titjib jew kjarifiki għall-istandards stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, fejn rilevanti.


Top