Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0391

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/391 tal-4 ta’ Marzu 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    ĠU L 77, 5.3.2021, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/391/oj

    5.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 77/2


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/391

    tal-4 ta’ Marzu 2021

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1), b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 208/2014.

    (2)

    Fuq il-bażi ta’ rieżami mill-Kunsill, l-entrati għal żewġ persuni jenħtieġ li jitħassru u l-informazzjoni fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2017 dwar id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jenħtieġ li tiġi aġġornata.

    (3)

    Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2014 huwa emendat kif jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. P. ZACARIAS


    (1)  ĠU L 66, 6.3.2014, p. 1.


    ANNESS

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-taqsima A (“Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2”), jitħassru l-entrati għall-persuni li ġejjin:

    13.

    Dmytro Volodymyrovych Tabachnyk;

    15.

    Serhiy Hennadiyovych Arbuzov;

    (2)

    it-taqsima B (“Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”) hija sostitwita b’dan li ġej:

    “B.

    Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

    Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna

    L-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna (“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”) jipprevedi li kull persuna li tkun suspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali tgawdi d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn jinkludu: id-dritt li wieħed ikun infurmat bir-reat kriminali li jkun ġie ssuspettat jew akkużat bih; id-dritt li jkun infurmat, espressament u fil-pront, bid-drittijiet tiegħu taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; id-dritt li jkollu, meta jkun talab għall-ewwel darba, aċċess għal avukat tad-difiża; id-dritt li jippreżenta petizzjonijiet għal azzjonijiet proċedurali; u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-omissjonijiet mill-investigatur, il-prosekutur pubbliku u l-imħallef inkwirenti.

    L-Artikolu 303 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn deċiżjonijiet u ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati matul il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess (l-ewwel paragrafu) u d-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qorti matul il-proċedimenti preparatorji (it-tieni paragrafu). L-Artikolu 306 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti kontra deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-investigatur jew il-prosekutur pubbliku għandhom jiġu kkunsidrati minn imħallef inkwirenti ta’ Qorti lokali fil-preżenza tar-rikorrenti jew l-avukat tad-difiża jew ir-rappreżentant legali tiegħu. L-Artikolu 308 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti li jirrigwardaw in-nuqqas mill-investigatur jew mill-prosekutur pubbliku li josservaw żmien raġonevoli matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jistgħu jiġu ppreżentati lil prosekutur pubbliku superjuri u għandhom jiġu kkunsidrati fi żmien tlett ijiem minn meta jiġu ppreżentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 309 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti li jistgħu jiġu kkontestati b’appell, u li deċiżjonijiet oħra jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċeduri preparatorji fil-Qorti. Barra minn hekk, għadd ta’ azzjonijiet investigattivi proċedurali huma possibbli biss soġġett għal deċiżjoni mill-imħallef inkwirenti jew minn Qorti (pereżempju s-sekwestru ta’ proprjetà taħt l-Artikoli 167 sa 175, u miżuri ta’ detenzjoni taħt l-Artikoli 176 sa 178, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

    Applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull waħda mill-persuni elenkati

    1.

    Viktor Fedorovych Yanukovych

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tal-11 ta’ Awwissu 2020 li fiha l-Qorti eżaminat il-petizzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u tat permess biex jinqabad is-Sur Yanukovych. Fid-deċiżjoni tal-Qorti, l-imħallef inkwirenti kkonferma li hemm suspett raġonevoli tal-involviment tas-Sur Yanukovych f’reat kriminali relatat ma’ miżapproprjazzjoni u kkonferma wkoll l-istatus tas-Sur Yanukovych bħala suspettat fil-proċedimenti kriminali.

    Il-Qorti Għolja ta’ Kontra l-Korruzzjoni stabbiliet ukoll li s-Sur Yanukovych ilu joqgħod barra mill-Ukrajna mill-2014. Il-Qorti kkonkludiet li kien hemm biżżejjed raġunijiet biex jitwemmen li s-Sur Yanukovych kien qed jistaħba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Għolja ta’ Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    2.

    Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Zakharchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal-21 ta’ Mejju 2018, tat-23 ta’ Novembru 2018 u tas-27 ta’ Novembru 2019 li tagħti permess biex is-Sur Zakharchenko jiġi detenut.

    Barra minn hekk, il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Zakharchenko. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Zakharchenko fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol.

    Fit-28 ta’ Frar 2020, issoktat l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess u twettqu azzjonijiet proċedurali u investigattivi. Il-korp investigattiv issospenda l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fit-3 ta’ Marzu 2020, ikkonkluda li s-Sur Zakharchenko qed jinħeba mill-korp investigattiv u mill-Qorti biex jevadi r-responsabbiltà kriminali, li mhuwiex magħruf fejn jinsab u li twettqu l-azzjonijiet investigattivi (ta’ tfittxija) u proċedurali kollha li jistgħu jitwettqu fin-nuqqas ta’ persuni suspettati. Dik id-deċiżjoni ta’ sospensjoni setgħet tiġi appellata.

    Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Zakharchenko kien qed jaħrab mill-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Zakharchenko kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    3.

    Viktor Pavlovych Pshonka

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li fit-22 ta’ Diċembru 2014 intbagħtet notifika bil-miktub ta’ suspett, mill-fatt li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017 ta’ sospensjoni tal-proċedimenti kriminali setgħet tiġi appellata u mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tat-12 ta’ Marzu 2018, tat-13 ta’ Awwissu 2018 u tal-5 ta’ Settembru 2019 li jagħtu permess sabiex is-Sur Pshonka jinżamm bl-għan li jitressaq quddiem il-Qorti biex jipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tal-petizzjoni għall-applikazzjoni ta’ detenzjoni taħt kustodja.

    Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn tinsab is-Sur Pshonka u biex tiġi interrogata. Dik it-talba għadha pendenti. L-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess ġiet sospiża fl-24 ta’ Lulju 2020 minħabba fil-ħtieġa li jitwettqu azzjonijiet proċedurali fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali.

    L-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talbiet għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2016 u l-2018.

    Fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukat tas-Sur Pshonka biex jitħassar l-avviż ta’ suspett datat it-23 ta’ Diċembru 2014. Il-Qorti kkonkludiet li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti.

    Fis-7 ta’ Mejju 2020 u fid-9 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna irrifjutat talba biex jinfetħu proċedimenti magħmula abbażi ta’ ilment minn avukati dwar nuqqas ta’ azzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fil-proċedimenti kriminali. L-Awla tal-Appell tal-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni kkonfermat dawk id-deċiżjonijiet fl-1 ta’ Ġunju 2020 u s-26 ta’ Novembru 2020, rispettivament.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Pshonka kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur Pshonka kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talbiet għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    6.

    Viktor Ivanovych Ratushniak

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Ratushniak, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal-21 ta’ Mejju 2018, tat-23 ta’ Novembru 2018, u tal-4 ta’ Diċembru 2019 li jagħtu permess sabiex is-Sur Ratushniak jinżamm bl-għan li jitressaq quddiem il-Qorti biex jipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tal-petizzjoni għall-applikazzjoni ta’ detenzjoni taħt kustodja.

    Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Ratushniak. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Ratushniak fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol.

    Fit-28 ta’ Frar 2020, l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess issoktat bil-għan li jitwettqu azzjonijiet proċedurali u investigattivi. Il-korp investigattiv issospenda l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fit-3 ta’ Marzu 2020, u kkonkluda li s-Sur Ratushniak qed jinħeba mill-korpi investigattivi u mill-Qorti biex jevadi r-responsabbiltà kriminali, li mhuwiex magħruf fejn jinsab u li twettqu l-azzjonijiet investigattivi (ta’ tfittxija) u proċedurali kollha li jistgħu jitwettqu fin-nuqqas ta’ persuni suspettati. Dik id-deċiżjoni ta’ sospensjoni setgħet tiġi appellata.

    Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawn id-drittijiet.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Ratushniak kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Ratushniak kkontribwew ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    7.

    Oleksandr Viktorovych Yanukovych

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill.

    Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Yanukovych, li qed joqgħod fil-Federazzjoni Russa u qed jevita l-investigazzjoni.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    9.

    Artem Viktorovych Pshonka

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mill-fatt li fid-29 ta’ Diċembru 2014 intbagħtet notifika bil-miktub ta’ suspett, mill-fatt li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017 ta’ sospensjoni tal-proċedimenti kriminali kienet soġġetta għal appell, u mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tat-12 ta’ Marzu 2018, tat-13 ta’ Awwissu 2018 u tal-5 ta’ Settembru 2019 li jagħtu permess sabiex is-Sur Pshonka jinżamm bl-għan li jitressaq quddiem il-Qorti biex jipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tal-petizzjoni għall-applikazzjoni ta’ detenzjoni taħt kustodja.

    Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn tinsab il-persuna suspettata u biex tiġi interrogata. Dik it-talba għadha pendenti. L-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess ġiet sospiża fl-24 ta’ Lulju 2020 minħabba fil-ħtieġa li jitwettqu azzjonijiet proċedurali fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali.

    L-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talba għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2018.

    Fid-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukat tas-Sur Pshonka biex titħassar id-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2015 li tiġi sospiża l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti kriminali.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Pshonka kien qed jaħrab l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur Pshonka kif ukoll lil nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    12.

    Serhiy Vitalyovych Kurchenko

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Kurchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari fid-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tas-7 ta’ Marzu 2018 li tat permess biex issir investigazzjoni speċjali in absentia. Barra minn hekk, id-difiża ġiet notifikata bit-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fit-28 ta’ Marzu 2019 u ngħatat aċċess għall-materjali għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill għandu informazzjoni li għaddejja l-familjarizzazzjoni mid-difiża.

    Fid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ April 2020, il-Qorti ta’ Appell ta’ Odessa laqgħet l-appell mill-prosekutur u imponiet miżura preventiva ta’ detenzjoni f’kustodja fuq is-Sur Kurchenko. Il-Qorti ddikjarat ukoll li s-Sur Kurchenko telaq mill-Ukrajna fl-2014 u li ma jistax jiġi stabbilit fejn jinsab. Il-Qorti kkonkludiet li s-Sur Kurchenko qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

    Il-Kunsill ġie infurmat li fid-29 ta’ April 2020 l-awtoritajiet Ukreni bagħtu talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa, li ġiet irritornata fit-28 ta’ Lulju 2020 mingħajr eżekuzzjoni.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Kurchenko kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Odessa attribwiti lis-Sur Kurchenko kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

    17.

    Oleksandr Viktorovych Klymenko

    Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

    L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Klymenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal-1 ta’ Marzu 2017 u l-5 ta’ Ottubru 2018 li taw permess biex issir investigazzjoni speċjali in absentia. Il-Kunsill josserva li d-difiża ġiet innotifikata bit-tlestija tal-investigazzjonijiet ta’ qabel il-proċess fl-2017 u fl-2018, rispettivament, u ġiet ipprovduta bil-materjal tal-proċedimenti kriminali għall-familjarizzazzjoni minn dak iż-żmien ’l hawn. Ir-reviżjoni u l-eżami mid-difiża tal-volum kbir ta’ materjal disponibbli b’rabta mal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess dwar proċedimenti kriminali għadhom għaddejjin. Il-Kunsill iqis li l-perijodu twil ta’ familjarizzazzjoni jiġi attribwit lid-difiża.".


    Top