This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018R0973
Regulation (EU) 2018/973 of the European Parliament and of the Council of 4 July 2018 establishing a multiannual plan for demersal stocks in the North Sea and the fisheries exploiting those stocks, specifying details of the implementation of the landing obligation in the North Sea and repealing Council Regulations (EC) No 676/2007 and (EC) No 1342/2008
Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008
Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008
PE/14/2018/REV/2
ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/08/2019
16.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 179/1 |
REGOLAMENT (UE) 2018/973 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-4 ta' Lulju 2018
li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, li tagħha l-Unjoni hija parti kontraenti, tipprevedi obbligi ta' konservazzjoni, inkluż żamma jew irkupru tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f'livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY). |
(2) |
Fis-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fi New York fl-2015, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li, sal-2020, b'mod effettiv jirregolaw il-qbid, li jtemmu s-sajd eċċessiv, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u l-prattiki ta' sajd qerried u li jimplementaw pjanijiet ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, sabiex l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkuprati fl-inqas żmien fattibbli, għall-inqas sa livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY skont kif determinat mill-karatteristiċi bijoloġiċi tagħhom. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) b'mod konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Il-PKS jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent marittimu, għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha sfruttati kummerċjalment u b'mod partikolari għall-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(4) |
L-objettivi tal-PKS huma, inter alia, li jkun żgurat li s-sajd u l-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli għat-terminu twil ta' żmien, li jiġi applikat l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd u li jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd. |
(5) |
Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, iridu jiġu adottati għadd ta' miżuri ta' konservazzjoni, skont kif ikun xieraq, fi kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom, bħalma huma pjanijiet pluriennali, miżuri tekniċi, l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd. |
(6) |
Skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjanijiet pluriennali jenħtieġ li jkunu bbażati fuq pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-pjan pluriennali stabbilit b'dan ir-Regolament (“il-pjan”) jenħtieġ li jkun fih objettivi, miri kwantifikabbli bi skedi ta' żmien ċari, punti ta' referenza tal-konservazzjoni, salvagwardji u miżuri tekniċi mfassla biex jiġu evitati u mnaqqsa l-qabdiet ta' ħut mhux mixtieqa. |
(7) |
Jenħtieġ li l-“-aħjar parir xjentifiku disponibbli” jinftiehem bħala li jirreferi għall-parir xjentifiku disponibbli b'mod pubbliku li huwa appoġġjat mill-aktar data u metodi xjentifiċi aġġornati u li jkun jew ġie maħruġ jew rieżaminat minn korp xjentifiku indipendenti li huwa rikonoxxut fuq livell tal-Unjoni jew internazzjonali. |
(8) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikseb l-aħjar parir xjentifiku disponibbli għall-istokkijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-pjan. Sabiex tagħmel dan, hija tikkonkludi Memoranda ta' Qbil mal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Il-parir xjentifiku maħruġ mill-ICES jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-pjan u jenħtieġ li jindika, b'mod partikolari, l-meded tal-FMSY u l-punti ta' referenza tal-biomassa, jiġifieri l-MSY Btrigger u l-Blim. Dawk il-valuri jenħtieġ li jiġu indikati fil-pariri rilevanti dwar l-istokkijiet u, fejn xieraq, fi kwalunkwe parir xjentifiku disponibbli pubblikament, inkluż, pereżempju, fil-parir mogħti mill-ICES għas-sajd imħallat. |
(9) |
Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 (5) u (KE) Nru 1342/2008 (6) jistabbilixxu r-regoli għall-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-bakkaljaw, il-barbun tat-tbajja' u l-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet li jmissu miegħu. Dawk u stokkijiet demersali oħra jinqabdu fis-sajd imħallat. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit pjan pluriennali uniku li jieħu kont ta' dawn l-interazzjonijiet tekniċi. |
(10) |
Barra minn hekk, pjan pluriennali bħal dan jenħtieġ li japplika għall-istokkijiet demersali u s-sajd tagħhom fil-Baħar tat-Tramuntana. Dawk huma l-ispeċijiet ta' ħut tond, pixxiċatt u kartilaġinuż, l-iskampu (Nephrops norvegicus) u l-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) li jgħixu fil-qiegħ, jew qrib il-qiegħ, tal-kolonna tal-ilma. |
(11) |
Xi stokkijiet demersali huma sfruttati fil-Baħar tat-Tramuntana kif ukoll fl-ilmijiet li jmissu miegħu. Għalhekk il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-pjan relatati mal-miri u s-salvagwardji għall-istokkijiet li huma prinċipalment sfruttati fil-Baħar tat-Tramuntana jenħtieġ li jiġi estiż sabiex ikopru wkoll dawk iż-żoni li jinsabu barra mill-Baħar tat-Tramuntana. Barra minn hekk, għal stokkijiet li huma preżenti wkoll fil-Baħar tat-Tramuntana, iżda li huma prinċipalment sfruttati barra mill-Baħar tat-Tramuntana, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-miri u s-salvagwardji fil-pjanijiet pluriennali għaż-żoni barra mill-Baħar tat-Tramuntana fejn dawk l-istokkijiet huma prinċipalment sfruttati, filwaqt li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk il-pjanijiet pluriennali jiġi estiż ħalli jkopru wkoll il-Baħar tat-Tramuntana. |
(12) |
Il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-pjan jenħtieġ li jkun ibbażat fuq id-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet indikata fil-parir xjentifiku l-aktar riċenti dwar l-istokkijiet mogħti mill-ICES. Bidliet futuri lid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet kif stabbilit fil-pjan jistgħu jkunu meħtieġa jew minħabba informazzjoni xjentifika mtejba jew minħabba l-migrazzjoni tal-istokkijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jaġġustaw id-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet stabbilita fil-pjan jekk il-parir xjentifiku mogħti mill-ICES jindika bidla fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet rilevanti. |
(13) |
Fejn l-istokkijiet ta' interess komuni huma sfruttati wkoll minn pajjiżi terzi, l-Unjoni jenħtieġ li tikkomunika ma' dawk il-pajjiżi terzi bil-ħsieb li tiżgura li dawk l-istokkijiet jiġu ġestiti b'mod sostenibbli li jkun konsistenti mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari mal-Artikolu 2(2) tiegħu, u mal-objettivi ta' dan ir-Regolament. Fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim formali, l-Unjoni jenħtieġ li tagħmel kull sforz biex tilħaq arranġamenti komuni għas-sajd ta' dawn l-istokkijiet bil-ħsieb li ġestjoni sostenibbli ssir possibbli u b'hekk jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni. |
(14) |
L-objettiv tal-pjan jenħtieġ li jkun li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, u b'mod partikolari biex jintlaħaq u jinżamm l-MSY għall-istokkijiet fil-mira, jiġi implimentat l-obbligu ta' ħatt l-art għall-istokkijiet demersali soġġetti għal-limiti tal-qbid, biex jiġi promoss standard ta' għajxien ġust għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jittieħed kont tas-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi, u biex jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd. Il-pjan jenħtieġ li jispeċifika wkoll id-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. |
(15) |
L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti skont l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tiegħu u jkunu konformi mal-miri, mal-iskedi ta' żmien u mal-marġini stabbiliti fil-pjanijiet pluriennali. |
(16) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-mira tal-mortalità mis-sajd (“F”) li tikkorrespondi għall-objettiv li jintlaħaq u jinżamm l-MSY bħala meded ta' valuri li huma konsistenti mal-ilħuq tal-MSY (FMSY). Dawk il-meded, ibbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, huma meħtieġa sabiex tiġi pprovduta l-flessibilità biex jittieħed kont tal-iżviluppi fil-parir xjentifiku, sabiex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art u sabiex jittieħed kont tal-karatteristiċi tas-sajd imħallat. Il-meded tal-FMSY jenħtieġ li jiġu kkalkulati u pprovduti mill-ICES, b'mod partikolari fil-parir perjodiku tiegħu dwar il-qbid. Abbażi ta' dan il-pjan, huma jiġu derivati biex iġibu mhux aktar minn tnaqqis ta' 5 % fir-rendiment fuq terminu twil meta mqabbel mal-MSY, kif stabbilit fir-rispons tal-ICES għat-“talba tal-UE lill-ICES biex jipprovdi meded tal-FMSY għal Stokkijiet Magħżula tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku”. Il-limitu superjuri tal-medda huwa limitat, sabiex il-probabilità li l-istokk jaqa' taħt il-Blim ma tkunx ta' aktar minn 5 %. Dak il-limitu superjuri jikkonforma wkoll mar- regola rakkomandata tal-ICES, li tindika li meta l-bijomassa riproduttiva jew l-abbundanza tkun fi stat fqir, l-F jenħtieġ li jitnaqqas għal valur li ma jaqbiżx limitu massimu ugwali għall-valur tal-punt tal-FMSY immultiplikat bil-bijomassa riproduttiva jew bl-abbundanza fis-sena tal-qabda totali permissibbli (TAC), diviż bl-MSY Btrigger. L-ICES juża dawk il-kunsiderazzjonijiet u r-regola rakkomandata meta jipprovdi parir xjentifiku dwar il-mortalità mis-sajd u l-għażliet ta' qbid. |
(17) |
Għall-finijiet tal-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd, jenħtieġ li jkun hemm livell limitu superjuri għall-meded tal-FMSY fl-użu normali u, sakemm l-istokk ikkonċernat jitqies li jkun fi stat tajjeb, limitu superjuri għal ċerti każijiet. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu ffissati opportunitajiet tas-sajd sal-limitu massimu biss jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza xjentifika, ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f'dan ir-Regolament fis-sajd imħallat, jew meħtieġ sabiex jiġi evitat id-dannu lil stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokkijiet kemm fost speċi nnifisha jew bejn speċijiet differenti, jew sabiex jiġu limitati l-varjazzjonijiet li jkun hemm minn sena għall-oħra fl-opportunitajiet tas-sajd. |
(18) |
Għall-istokkijiet li għalihom huma disponibbli miri relatati mal-MSY, u għall-fini tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti punti ta' referenza għall-konservazzjoni espressi bħala livelli ta' attivazzjoni tal-bijomassa riproduttiva għall-istokkijiet tal-ħut, u bħala livelli ta' attivazzjoni tal-abbundanza għall-iskampu. |
(19) |
Jenħtieġ li jiġu pprovduti miżuri xierqa ta' salvagwardja fil-każ li d-daqs tal-istokk jaqa' taħt dawn il-livelli. Il-miżuri ta' salvagwardja jenħtieġ li jinkludu t-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd u miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni meta l-parir xjentifiku jiddikjara li jkunu meħtieġa miżuri ta' rimedju. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu ssupplimentati bil-miżuri adatti l-oħra kollha bħalma huma l-miżuri tal-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew miżuri tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dak ir-Regolament. |
(20) |
Jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi stabbilita t-TAC għall-iskampu fid-diviżjoni 2a u s-subżona 4 tal-ICES bħala s-somma tal-limiti tal-qbid stabbiliti għal kull unità funzjonali u tar-rettangoli statistiċi li jaqgħu barra mill-unitajiet funzjonali fi ħdan dik iż-żona tat-TAC. Madankollu, dan jenħtieġ li ma jipprekludix l-adozzjoni ta' miżuri biex jiġu protetti unitajiet funzjonali speċifiċi. |
(21) |
Meta l-Kunsill iqis impatt sinifikanti tas-sajd rikreattiv fil-qafas tal-opportunitajiet tas-sajd għal ċertu stokk, jenħtieġ li jkun jista' jistabbilixxi TAC għall-qabdiet kummerċjali li tqis il-volum tal-qabdiet rikreattivi u/jew jadotta miżuri oħra li jillimitaw is-sajd rikreattiv, bħalma huma limiti tal-qabdiet u perijodi tal-għeluq. |
(22) |
Sabiex ikun konformi mal-obbligu ta' ħatt l-art stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjan jenħtieġ li jipprevedi miżuri ta' ġestjoni addizzjonali li jenħtieġ li jkomplu jiġu speċifikati aktar skont l-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament. |
(23) |
Sabiex jiġi evitat id-disturb destabbilizzanti tal-attività tas-sajd li jista' jkollu impatt negattiv fuq l-istat tal-istokkijiet tal-bakkaljaw, huwa xieraq li tinżamm sistema ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd marbuta ma' limitazzjoni tal-kapaċità totali tal-qawwa tal-magna tal-bastimenti tas-sajd fid-diviżjoni tal-ICES 7d, kif applikabbli preċedentement taħt ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008. |
(24) |
Kif rikjest mir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-iskadenza għat-tressiq ta' rakkomandazzjonijiet konġunti mingħand l-Istati Membri li għandhom interess dirett fil-ġestjoni. |
(25) |
Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni, sas-6 ta' Awwissu 2023 u wara dan kull ħames snin, tal-adegwatezza u l-effettività tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament abbażi ta' parir xjentifiku. Dak il-perijodu jippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu ta' ħatt l-art, u li jiġu adottati u implimentati l-miżuri reġjonalizzati, kif ukoll li dawn il-miżuri reġjonalizzati juru effetti fuq l-istokkijiet u s-sajd. Huwa wkoll il-perijodu minimu rikjest mill-korpi xjentifiċi. |
(26) |
Sabiex ikun hemm adattament għall-progress tekniku u xjentifiku b'mod li jkun f'waqtu u proporzjonat u biex tiġi żgurata l-flessibbiltà u biex tiġi permessa l-evoluzzjoni ta' ċerti miżuri, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-supplimentar ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' aġġustamenti li jikkonċernaw l-istokkijiet koperti minn dan ir-Regolament wara bidliet fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet, miżuri rimedjali u l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq il-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati. |
(27) |
Sabiex tingħata ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-miżuri ta' waqfien temporanju li ġew adottati sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli għall-appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
(28) |
Ir-Regolamenti (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 jenħtieġ li jitħassru, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONJIET
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-istokkijiet demersali li ġejjin fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-diviżjonijiet 2a, 3a u s-subżona 4 tal-ICES), inkluż is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u, fejn dawk l-istokkijiet jestendu lil hinn mill-Baħar tat-Tramuntana, fl-ilmijiet li jmissu miegħu:
(a) |
Il-bakkaljaw (Gadus morhua) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u d-diviżjonijiet 7d (Kanal tal-Lvant) u 3a.20 (Skagerrak); |
(b) |
Il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u d-diviżjonijiet 6a (il-Punent tal-Iskozja) u 3a.20 (Skagerrak); |
(c) |
Il-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u d-diviżjoni 3a.20 (Skagerrak); |
(d) |
Il-pollakkju iswed (Pollachius virens) fis-subżoni 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u 6 (Rockall u l-Punent tal-Iskozja) u d-diviżjoni 3a (Skagerrak u Kattegat); |
(e) |
Il-lingwata (Solea solea) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana); |
(f) |
Il-lingwata (Solea solea) fid-diviżjoni 3a (Skagerrak u Kattegat) u tas-subdiviżjonijiet 22–24 (il-Baħar Baltiku tal-Punent); |
(g) |
Il-merlangu (Merlangius merlangus) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u d-diviżjoni 7d (il-Kanal Ingliż tal-Lvant); |
(h) |
Il-petriċa kbira (Lophius piscatorius) fid-diviżjoni 3a (Skagerrak u Kattegat) u s-subżoni 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u 6 (Rockall u l-Punent tal-Iskozja); |
(i) |
Il-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) fid-diviżjonijiet 4a tal-Lvant (it-Tramuntana tal-Baħar tat-Tramuntana, fin-Norwegian Deep) u 3a.20 (Skagerrak); |
(j) |
L-iskampu (Nephrops norvegicus) fid-diviżjoni 3a (Unitajiet Funzjonali 3-4); |
(k) |
L-iskampu fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) skont l-Unità Funzjonali:
|
Meta l-parir xjentifiku jindika bidla fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 sabiex temenda lil dan ir-Regolament billi taġġusta ż-żoni elenkati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu biex tiġi riflessa dik il-bidla. Tali aġġustamenti m'għandhomx jestendu liż-żoni tal-istokkijiet lil hinn mill-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 2 sa 7.
2. Meta, abbażi ta' parir xjentifiku, il-Kummissjoni tqis li l-lista tal-istokkijiet mogħtija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 teħtieġ li tiġi emendata, il-Kummissjoni tista' tressaq proposta biex dik il-lista tiġi emendata.
3. Fir-rigward tal-ilmijiet kontigwi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandhom japplikaw biss l-Artikoli 4 u 6 u l-miżuri relatati mal-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 7.
4. Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-qabdiet aċċessorji li jinqabdu fil-Baħar tat-Tramuntana waqt is-sajd għall-istokkijiet elenkati fil-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. Madankollu, fejn il-meded tal-FMSY u s-salvagwardji li għandhom rabta mal-bijomassa huma stabbiliti għal dawk l-istokkijiet taħt atti legali oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu pjanijiet pluriennali, għandhom japplikaw dawk il-meded u salvagwardji.
5. Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll id-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin flimkien ma' dawk stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 (9), l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (10) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013:
(1) |
“Medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri mogħtija fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-Kunsill Internazzjonali dwar l-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES), fejn il-livelli kollha tal-mortalità mis-sajd fi ħdan dik il-medda jirriżultaw f'rendiment massimu sostenibbli (MSY) fit-terminu twil skont xejra tas-sajd partikolari u taħt kundizzjonijiet ambjentali medji attwali mingħajr ma jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proċess riproduttiv għall-istokk inkwistjoni. Hija tiġi derivata biex tagħti mhux aktar minn tnaqqis ta' 5 % fir-rendiment fuq terminu twil meta mqabbel mal-MSY. Hija limitata għal livell partikolari ħalli l-probabilità li l-istokk jaqa' għal inqas mill-punt ta' referenza tal-bijomassa ta' stokk riproduttiv (Blim) ma tkunx ta' aktar minn 5 %; |
(2) |
“MSY Flower” tfisser l-aktar valur baxx fi ħdan il-medda tal-FMSY; |
(3) |
“MSY Fupper” tfisser l-ogħla valur fi ħdan il-medda tal-FMSY; |
(4) |
“Il-valur tal-punt tal-FMSY” huwa l-valur tal-mortalità mis-sajd stmata li skont xejra tas-sajd partikolari u taħt kondizzjonijiet ambjentali medji attwali jġib l-MSY fuq it-terminu twil; |
(5) |
“Il-medda inferjuri tal-FMSY” tfisser firxa li fiha l-valuri mill-MSY Flower sal-valur tal-punt tal-FMSY; |
(6) |
“Il-medda superjuri tal-FMSY” tfisser firxa li fiha l-valuri mill-valur tal-punt tal-FMSY sal-MSY Fupper; |
(7) |
“Blim” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv mogħti fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-ICES, li taħtu jista' jkun hemm kapaċità riproduttiva mnaqqsa; |
(8) |
“MSY Btrigger” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, tal-abbundanza, mogħti fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-ICES, li taħtu trid tittieħed azzjoni ta' ġestjoni speċifika u xierqa sabiex jiġi żgurat li r-rati ta' sfruttament flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jerġgħu jibnu mill-ġdid l-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li huma kapaċi jipproduċu MSY fuq terminu twil ta' żmien. |
KAPITOLU II
OBJETTIVI
Artikolu 3
Objettivi
1. Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-ilħiq tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari billi japplika l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirkupra l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom f'livelli 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY.
2. Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-qbid skartat, billi jevita u jnaqqas, sa fejn ikun possibbli, il-qbid mhux mixtieq, u għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid u li għalihom japplika dan ir-Regolament.
3. Il-pjan għandu jimplimenta approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiġi żgurat li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar jiġu minimizzati. Għandu jkun koerenti mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-objettiv tal-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.
4. B'mod partikolari, il-pjan għandu jkollu l-għan li:
(a) |
jiżgura li l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 li jinsab fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE jiġu ssodisfati; u |
(b) |
jikkontribwixxi sabiex jiġu ssodisfati d-deskritturi rilevanti l-oħra li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE b'mod proporzjonali mar-rwol li s-sajd kellu fl-issodisfar tagħhom. |
5. Il-miżuri skont il-pjan għandhom jittieħdu f'konformità mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Fejn ma jkunx hemm biżżejjed data, għandu jintlaħaq livell komparabbli ta' konservazzjoni tal-istokkijiet rilevanti.
KAPITOLU III
MIRI
Artikolu 4
Miri
1. Il-mira tal-mortalità mis-sajd, skont il-meded tal-FMSY definiti fl-Artikolu 2, għandha tintlaħaq mill-aktar fis possibbli, u fuq bażi progressiva u inkrementali sal-2020 għall-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1), u għandha tinżamm minn dakinhar 'il quddiem fi ħdan il-meded tal-FMSY, skont dan l-Artikolu.
2. Il-meded tal-FMSY ibbażati fuq il-pjan għandhom jintalbu mill-ICES.
3. Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari, huwa għandu jistabbilixxi dawk l-opportunitajiet fi ħdan il-medda inferjuri tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk.
4. Minkejja l-paragrafi 1 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari jistgħu jiġu ffissati f'livelli li huma aktar baxxi mill-meded tal-FMSY.
5. Minkejja l-paragrafi 3 u 4, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari jistgħu jiġu ffissati skont il-medda superjuri tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk, kemm-il darba l-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(1) ikun akbar mill-MSY Btrigger:
(a) |
jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza, ikun meħtieġ għall-ilħiq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ ta' sajd imħallat; |
(b) |
jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza, ikun meħtieġ biex jiġi evitat dannu serju lil stokk ikkawżat mid-dinamika fost stokk ta' speċi waħda jew bejn speċijiet differenti; jew |
(c) |
sabiex il-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd bejn snin konsekuttivi jiġu limitati għal mhux aktar minn 20 %. |
6. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom fi kwalunkwe każ jiġu ffissati b'tali mod li jiġi żgurat li jkun hemm probabbiltà ta' inqas minn 5 % li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv taqa' taħt Blim.
Artikolu 5
Ġestjoni tal-istokkijiet ta' qabdie aċċessorji
1. Għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4), miżuri ta' ġestjoni inkluż, fejn jixraq, l-opportunitajiet tas-sajd, għandhom jiġu stabbiliti b'kont meħud tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u b'konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.
2. Dawk l-istokkijiet għandhom jiġu ġestiti skont l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd kif definit fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 meta ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni xjentifika adegwata.
3. Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-ġestjoni tas-sajd imħallat fir-rigward tal-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament għandha tqis id-diffikultà li jsir sajd tal-istokkijiet kollha f'livell ta' MSY fl-istess ħin, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn dak iwassal għall-għeluq bikri tal-attività tas-sajd.
KAPITOLU IV
SALVAGWARDJI
Artikolu 6
Punti ta' referenza għall-konservazzjoni
Il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni li ġejjin biex tiġi salvagwardjata l-kapaċità riproduttiva sħiħa tal-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiġu rikjesti mill-ICES abbażi tal-pjan:
(a) |
l-MSY Btrigger għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1); |
(b) |
il-Blim għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1). |
Artikolu 7
Salvagwardji
1. Meta l-parir xjentifiku jindika li, għal sena partikolari, il-bijomassa tal-istokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza, ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) huma aktar baxxi mill-MSY Btrigger, għandhom jiġu adottati l-miżuri rimedjali xierqa kollha biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk jew l-unità funzjonali kkonċernata għal-livelli ogħla minn dawk li jkunu kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, bħala deroga mill-Artikolu 4(3) u (5), l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f'livelli konsistenti mal-mortalità mis-sajd li hija mnaqqsa għal inqas mill-medda superjuri tal-FMSY, waqt li jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.
2. Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa ta' stokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza, ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) huma taħt il-Blim, għandhom jittieħdu miżuri rimedjali ulterjuri sabiex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk jew l-unità funzjonali kkonċernata għal livelli ogħla minn dawk li jkunu kapaċi jipproduċi l-MSY. B'mod partikolari, dawk il-miżuri rimedjali jistgħu jinkludu, bħala deroga mill-Artikolu 4(3) u (5), is-sospensjoni tas-sajd immirat għall-istokk jew l-unità funzjonali kkonċernata u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd.
3. Il-miżuri rimedjali msemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:
(a) |
miżuri ta' emerġenza f'konformità mal-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; |
(b) |
miżuri skont l-Artikoli 8 u 9 ta' dan ir-Regolament. |
4. L-għażla tal-miżuri msemmija f'dan l-Artikolu għandha ssir b'kont meħud tan-natura, is-serjetà, it-tul ta' żmien u r-ripetizzjoni tas-sitwazzjoni fejn il-bijomassa tal-istokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza jkunu taħt il-livelli msemmija fl-Artikolu 6.
Artikolu 8
Miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni
Meta l-parir xjentifiku jindika li tkun meħtieġa azzjoni rimedjali għall-konservazzjoni ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet demersali msemmija fl-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament, jew meta l-bijomassa tal-istokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet koperti mill-Artikolu 1(1) għal sena partikolari jkunu taħt l-MSY Btrigger, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fir-rigward ta':Atti delegati bħal dawn jistgħu jissupplementaw lil dan ir-Regolament billi jistabbilixxu regoli dwar:
(a) |
il-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari d-daqs tal-malja, id-daqs tas-sunnara, il-bini tal-irkaptu, il-ħxuna tal-ispag, id-daqs tal-irkaptu jew l-użu ta' tagħmir ta' selettività, sabiex tkun żgurata jew imtejba s-selettività; |
(b) |
l-użu tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari l-ħin tal-immersjoni, il-fond tal-użu tal-irkaptu, sabiex tiġi żgurata jew imtejba s-selettività; |
(c) |
il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni fuq is-sajd f'żoni speċifiċi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv, il-ħut li għadu qed jikber jew il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet tal-ħut mhux fil-mira; |
(d) |
il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni fuq is-sajd jew l-użu ta' ċerti tipi ta' rkaptu tas-sajd matul perijodi ta' żmien speċifiċi, sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv, il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet tal-ħut mhux fil-mira; |
(e) |
id-daqsijiet ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar; |
(f) |
karatteristiċi oħra relatati mas-selettività. |
KAPITOLU V
MIŻURI TEKNIĊI
Artikolu 9
Miżuri tekniċi
1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 bil-għan li tissupplementa lil dan ir-Regolament fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin:
(a) |
l-ispeċifikazzjonijiet tal-karatteristiċi tal-irkapti tas-sajd u r-regoli għall-użu tagħhom, biex tiġi żgurata jew biex tiġi mtejba s-selettività, biex jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; |
(b) |
l-ispeċifikazzjonijiet tal-modifiki jew l-apparati addizzjonali għall-irkapti tas-sajd, biex tiġi żgurata jew biex tiġi mtejba s-selettività, biex jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; |
(c) |
il-limitazzjonijiet jew il-projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti rkapti tas-sajd u fuq l-attivitajiet tas-sajd, f'ċerti żoni jew perijodi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv, il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet tal-ħut mhux fil-mira, jew sabiex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; u |
(d) |
l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar. |
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi mogħtija fl-Artikolu 3.
KAPITOLU VI
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD
Artikolu 10
Opportunitajiet tas-sajd
1. Meta jkunu qed jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kompożizzjoni probabbli tal-qabdiet li jsiru mill-bastimenti li jipparteċipaw f'sajd imħallat.
2. L-Istati Membri jistgħu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, iwettqu skambju ta' parti mill-opportunitajiet tas-sajd jew tal-opportunitajiet tas-sajd kollha allokati lilhom skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, it-TAC għall-istokk tal-iskampu fiż-żoni 2a u 4 tal-ICES tista' tkun is-somma tal-limiti tal-qabdiet tal-unitajiet funzjonali u tar-rettangoli statistiċi barra mill-unitajiet funzjonali.
4. Meta l-parir xjentifiku jindika li l-attivitajiet ta' sajd rikreattiv għandhom impatt sinifikanti fuq il-mortalità mis-sajd ta' stokk partikolari, il-Kunsill għandu jieħu kont tagħhom u jista' jillimita l-attivitajiet ta' sajd rikreattiv meta jkun qed jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd sabiex jevita li jinqabeż l-ammont totali fil-mira ta' mortalità mis-sajd.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-OBBLIGU TA' ĦATT L-ART
Artikolu 11
Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana
Għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet fil-Baħar tat-Tramuntana li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 sabiex tissupplimenta lil dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji ta' dak l-obbligu kif previst fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
KAPITOLU VIII
AĊĊESS GĦALL-ILMIJIET U R-RIŻORSI
Artikolu 12
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-limiti massimi tal-kapaċità
1. Għal kull waħda miż-żoni tal-ICES imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu joħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li jwettqu attivitajiet ta' sajd f'dik iż-żona. F'dawn l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, l-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw il-kapaċità totali, espressa f'kW, ta' bastimenti bħal dawn li jużaw irkaptu speċifiku.
2. Għall-bakkaljaw fil-Kanal tal-Lvant (Diviżjoni 7d tal-ICES), mingħajr preġudizzju għal-limiti massimi tal-kapaċità stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kapaċità totali espressa f'kW, tal-bastimenti li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, m'għandhiex tkun akbar mill-kapaċità massima tal-bastimenti li kienu attivi fl-2006 jew l-2007 li kienu jużaw wieħed minn dawn l-irkapti li ġejjin fiż-żona tal-ICES ikkonċernata:
(a) |
xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni (OTB, OTT, PTB, SDN, SSC, SPR) b'malji:
|
(b) |
xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) b'malji:
|
(c) |
għeżul, xbieki tat-tħabbil tal-qiegħ (GN); |
(d) |
pariti (GT); |
(e) |
konzijiet (LL). |
3. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm lista tal-bastimenti li jkollhom l-awtorizzazzjoni tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 u jagħmilha disponibbli fuq is-sit web uffiċjali tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.
KAPITOLU IX
ĠESTJONI TA' STOKKIJIET TA' INTERESS KOMUNI
Artikolu 13
Prinċipji u objettivi tal-ġestjoni ta' stokkijiet ta' interess komuni għall-Unjoni u pajjiżi terzi
1. Fejn l-istokkijiet ta' interess komuni jiġu sfruttati wkoll minn pajjiżi terzi, l-Unjoni għandha tikkomunika ma' dawk il-pajjiżi terzi bil-ħsieb li tiżgura li dawk l-istokkijiet jiġu ġestiti b'mod sostenibbli li jkun konsistenti mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu, u mal-objettivi ta' dan ir-Regolament. Fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim formali, l-Unjoni għandha tagħmel kull sforz biex jintlaħqu arranġamenti komuni għas-sajd ta' dawn l-istokkijiet bil-ħsieb li ġestjoni sostenibbli ssir possibbli, u b'hekk jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni.
2. Fil-kuntest tal-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet ma' pajjiżi terzi, l-Unjoni tista' twettaq skambju tal-opportunitajiet tas-sajd ma' pajjiżi terzi skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
KAPITOLU X
REĠJONALIZZAZZJONI
Artikolu 14
Kooperazzjoni reġjonali
1. L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 8, 9 u 11 ta' dan ir-Regolament.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li għandhom interess dirett fil-ġestjoni jistgħu jressqu rakkomandazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ewwel darba sa mhux aktar tard mis-6 ta' Awwissu 2019 u mbagħad 12-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament. Huma jistgħu wkoll iressqu tali rakkomandazzjonijiet meta jqisu li jkunu meħtieġa, b'mod partikolari fil-każ ta' tibdil f'daqqa fis-sitwazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti fir-rigward tal-miżuri li jikkonċernaw sena kalendarja partikolari għandhom jitressqu sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena preċedenti.
3. L-għoti ta' setgħat mogħtija skont l-Artikoli 8, 9 u 11 ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħra tal-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
KAPITOLU XI
SEGWITU
Artikolu 15
Evalwazzjoni tal-pjan
Sas-6 ta' Awwissu 2023, u wara dan kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.
KAPITOLU XII
DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI
Artikolu 16
Eżerċizzju tad-delega
1. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikoli 8, 9 u 11 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-5 ta' Awwissu 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikoli 8, 9 u 11 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettivafil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikoli 8, 9 u 11 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
KAPITOLU XIII
APPOĠĠ MILL-FOND EWROPEW GĦALL-AFFARIJIET MARITTIMI U S-SAJD
Artikolu 17
Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
Il-miżuri ta' waqfien temporanju adottati sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju ta' attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.
KAPITOLU XIV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Tħassir
1. Ir-Regolamenti (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 huma mħassra.
2. Ir-referenzi li jsiru għal dawn ir-Regolamenti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta' Lulju 2018.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
K. EDTSTADLER
(1) ĠU C 75, 10.3.2017, p. 109.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2018.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(4) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 tal-11 ta' Ġunju 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-ħażniet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana (ĠU L 157, 19.6.2007, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20).
(7) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-ispeċijiet ipprojbiti
Ir-Regolament li għandu jiġi adottat abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi (2016/0074 (COD)) għandu jinkludi dispożizzjonijiet, fost l-oħrajn, dwar l-ispeċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit. Għal dik ir-raġuni, iż-żewġ istituzzjonijiet qablu li ma jinkludux lista għall-Baħar tat-Tramuntana f'dan ir-Regolament (2016/0238 (COD)).
Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kontroll
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jinkludu d-dispożizzjonijiet ta' kontroll li ġejjin fir-rieżami li jmiss tar-Regolament dwar il-Kontroll (ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009) fejn rilevanti għall-Baħar tat-Tramuntana: notifiki minn qabel, rekwiżiti tal-ġurnal ta' abbord, portijiet magħżula u dispożizzjonijiet oħra ta' kontroll.