EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0973

Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008

PE/14/2018/REV/2

OJ L 179, 16.7.2018, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/08/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/973/oj

16.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/1


REGOLAMENT (UE) 2018/973 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Lulju 2018

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, li tagħha l-Unjoni hija parti kontraenti, tipprevedi obbligi ta' konservazzjoni, inkluż żamma jew irkupru tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f'livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY).

(2)

Fis-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fi New York fl-2015, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li, sal-2020, b'mod effettiv jirregolaw il-qbid, li jtemmu s-sajd eċċessiv, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u l-prattiki ta' sajd qerried u li jimplementaw pjanijiet ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, sabiex l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkuprati fl-inqas żmien fattibbli, għall-inqas sa livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY skont kif determinat mill-karatteristiċi bijoloġiċi tagħhom.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) b'mod konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Il-PKS jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent marittimu, għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha sfruttati kummerċjalment u b'mod partikolari għall-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

L-objettivi tal-PKS huma, inter alia, li jkun żgurat li s-sajd u l-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli għat-terminu twil ta' żmien, li jiġi applikat l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd u li jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd.

(5)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, iridu jiġu adottati għadd ta' miżuri ta' konservazzjoni, skont kif ikun xieraq, fi kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom, bħalma huma pjanijiet pluriennali, miżuri tekniċi, l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

(6)

Skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjanijiet pluriennali jenħtieġ li jkunu bbażati fuq pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-pjan pluriennali stabbilit b'dan ir-Regolament (“il-pjan”) jenħtieġ li jkun fih objettivi, miri kwantifikabbli bi skedi ta' żmien ċari, punti ta' referenza tal-konservazzjoni, salvagwardji u miżuri tekniċi mfassla biex jiġu evitati u mnaqqsa l-qabdiet ta' ħut mhux mixtieqa.

(7)

Jenħtieġ li l-“-aħjar parir xjentifiku disponibbli” jinftiehem bħala li jirreferi għall-parir xjentifiku disponibbli b'mod pubbliku li huwa appoġġjat mill-aktar data u metodi xjentifiċi aġġornati u li jkun jew ġie maħruġ jew rieżaminat minn korp xjentifiku indipendenti li huwa rikonoxxut fuq livell tal-Unjoni jew internazzjonali.

(8)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikseb l-aħjar parir xjentifiku disponibbli għall-istokkijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-pjan. Sabiex tagħmel dan, hija tikkonkludi Memoranda ta' Qbil mal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Il-parir xjentifiku maħruġ mill-ICES jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-pjan u jenħtieġ li jindika, b'mod partikolari, l-meded tal-FMSY u l-punti ta' referenza tal-biomassa, jiġifieri l-MSY Btrigger u l-Blim. Dawk il-valuri jenħtieġ li jiġu indikati fil-pariri rilevanti dwar l-istokkijiet u, fejn xieraq, fi kwalunkwe parir xjentifiku disponibbli pubblikament, inkluż, pereżempju, fil-parir mogħti mill-ICES għas-sajd imħallat.

(9)

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 (5) u (KE) Nru 1342/2008 (6) jistabbilixxu r-regoli għall-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-bakkaljaw, il-barbun tat-tbajja' u l-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet li jmissu miegħu. Dawk u stokkijiet demersali oħra jinqabdu fis-sajd imħallat. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit pjan pluriennali uniku li jieħu kont ta' dawn l-interazzjonijiet tekniċi.

(10)

Barra minn hekk, pjan pluriennali bħal dan jenħtieġ li japplika għall-istokkijiet demersali u s-sajd tagħhom fil-Baħar tat-Tramuntana. Dawk huma l-ispeċijiet ta' ħut tond, pixxiċatt u kartilaġinuż, l-iskampu (Nephrops norvegicus) u l-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) li jgħixu fil-qiegħ, jew qrib il-qiegħ, tal-kolonna tal-ilma.

(11)

Xi stokkijiet demersali huma sfruttati fil-Baħar tat-Tramuntana kif ukoll fl-ilmijiet li jmissu miegħu. Għalhekk il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-pjan relatati mal-miri u s-salvagwardji għall-istokkijiet li huma prinċipalment sfruttati fil-Baħar tat-Tramuntana jenħtieġ li jiġi estiż sabiex ikopru wkoll dawk iż-żoni li jinsabu barra mill-Baħar tat-Tramuntana. Barra minn hekk, għal stokkijiet li huma preżenti wkoll fil-Baħar tat-Tramuntana, iżda li huma prinċipalment sfruttati barra mill-Baħar tat-Tramuntana, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-miri u s-salvagwardji fil-pjanijiet pluriennali għaż-żoni barra mill-Baħar tat-Tramuntana fejn dawk l-istokkijiet huma prinċipalment sfruttati, filwaqt li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk il-pjanijiet pluriennali jiġi estiż ħalli jkopru wkoll il-Baħar tat-Tramuntana.

(12)

Il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-pjan jenħtieġ li jkun ibbażat fuq id-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet indikata fil-parir xjentifiku l-aktar riċenti dwar l-istokkijiet mogħti mill-ICES. Bidliet futuri lid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet kif stabbilit fil-pjan jistgħu jkunu meħtieġa jew minħabba informazzjoni xjentifika mtejba jew minħabba l-migrazzjoni tal-istokkijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jaġġustaw id-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet stabbilita fil-pjan jekk il-parir xjentifiku mogħti mill-ICES jindika bidla fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet rilevanti.

(13)

Fejn l-istokkijiet ta' interess komuni huma sfruttati wkoll minn pajjiżi terzi, l-Unjoni jenħtieġ li tikkomunika ma' dawk il-pajjiżi terzi bil-ħsieb li tiżgura li dawk l-istokkijiet jiġu ġestiti b'mod sostenibbli li jkun konsistenti mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari mal-Artikolu 2(2) tiegħu, u mal-objettivi ta' dan ir-Regolament. Fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim formali, l-Unjoni jenħtieġ li tagħmel kull sforz biex tilħaq arranġamenti komuni għas-sajd ta' dawn l-istokkijiet bil-ħsieb li ġestjoni sostenibbli ssir possibbli u b'hekk jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni.

(14)

L-objettiv tal-pjan jenħtieġ li jkun li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, u b'mod partikolari biex jintlaħaq u jinżamm l-MSY għall-istokkijiet fil-mira, jiġi implimentat l-obbligu ta' ħatt l-art għall-istokkijiet demersali soġġetti għal-limiti tal-qbid, biex jiġi promoss standard ta' għajxien ġust għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jittieħed kont tas-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi, u biex jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd. Il-pjan jenħtieġ li jispeċifika wkoll id-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(15)

L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti skont l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tiegħu u jkunu konformi mal-miri, mal-iskedi ta' żmien u mal-marġini stabbiliti fil-pjanijiet pluriennali.

(16)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-mira tal-mortalità mis-sajd (“F”) li tikkorrespondi għall-objettiv li jintlaħaq u jinżamm l-MSY bħala meded ta' valuri li huma konsistenti mal-ilħuq tal-MSY (FMSY). Dawk il-meded, ibbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, huma meħtieġa sabiex tiġi pprovduta l-flessibilità biex jittieħed kont tal-iżviluppi fil-parir xjentifiku, sabiex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art u sabiex jittieħed kont tal-karatteristiċi tas-sajd imħallat. Il-meded tal-FMSY jenħtieġ li jiġu kkalkulati u pprovduti mill-ICES, b'mod partikolari fil-parir perjodiku tiegħu dwar il-qbid. Abbażi ta' dan il-pjan, huma jiġu derivati biex iġibu mhux aktar minn tnaqqis ta' 5 % fir-rendiment fuq terminu twil meta mqabbel mal-MSY, kif stabbilit fir-rispons tal-ICES għat-“talba tal-UE lill-ICES biex jipprovdi meded tal-FMSY għal Stokkijiet Magħżula tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku”. Il-limitu superjuri tal-medda huwa limitat, sabiex il-probabilità li l-istokk jaqa' taħt il-Blim ma tkunx ta' aktar minn 5 %. Dak il-limitu superjuri jikkonforma wkoll mar- regola rakkomandata tal-ICES, li tindika li meta l-bijomassa riproduttiva jew l-abbundanza tkun fi stat fqir, l-F jenħtieġ li jitnaqqas għal valur li ma jaqbiżx limitu massimu ugwali għall-valur tal-punt tal-FMSY immultiplikat bil-bijomassa riproduttiva jew bl-abbundanza fis-sena tal-qabda totali permissibbli (TAC), diviż bl-MSY Btrigger. L-ICES juża dawk il-kunsiderazzjonijiet u r-regola rakkomandata meta jipprovdi parir xjentifiku dwar il-mortalità mis-sajd u l-għażliet ta' qbid.

(17)

Għall-finijiet tal-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd, jenħtieġ li jkun hemm livell limitu superjuri għall-meded tal-FMSY fl-użu normali u, sakemm l-istokk ikkonċernat jitqies li jkun fi stat tajjeb, limitu superjuri għal ċerti każijiet. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu ffissati opportunitajiet tas-sajd sal-limitu massimu biss jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza xjentifika, ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f'dan ir-Regolament fis-sajd imħallat, jew meħtieġ sabiex jiġi evitat id-dannu lil stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokkijiet kemm fost speċi nnifisha jew bejn speċijiet differenti, jew sabiex jiġu limitati l-varjazzjonijiet li jkun hemm minn sena għall-oħra fl-opportunitajiet tas-sajd.

(18)

Għall-istokkijiet li għalihom huma disponibbli miri relatati mal-MSY, u għall-fini tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti punti ta' referenza għall-konservazzjoni espressi bħala livelli ta' attivazzjoni tal-bijomassa riproduttiva għall-istokkijiet tal-ħut, u bħala livelli ta' attivazzjoni tal-abbundanza għall-iskampu.

(19)

Jenħtieġ li jiġu pprovduti miżuri xierqa ta' salvagwardja fil-każ li d-daqs tal-istokk jaqa' taħt dawn il-livelli. Il-miżuri ta' salvagwardja jenħtieġ li jinkludu t-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd u miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni meta l-parir xjentifiku jiddikjara li jkunu meħtieġa miżuri ta' rimedju. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu ssupplimentati bil-miżuri adatti l-oħra kollha bħalma huma l-miżuri tal-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew miżuri tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dak ir-Regolament.

(20)

Jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi stabbilita t-TAC għall-iskampu fid-diviżjoni 2a u s-subżona 4 tal-ICES bħala s-somma tal-limiti tal-qbid stabbiliti għal kull unità funzjonali u tar-rettangoli statistiċi li jaqgħu barra mill-unitajiet funzjonali fi ħdan dik iż-żona tat-TAC. Madankollu, dan jenħtieġ li ma jipprekludix l-adozzjoni ta' miżuri biex jiġu protetti unitajiet funzjonali speċifiċi.

(21)

Meta l-Kunsill iqis impatt sinifikanti tas-sajd rikreattiv fil-qafas tal-opportunitajiet tas-sajd għal ċertu stokk, jenħtieġ li jkun jista' jistabbilixxi TAC għall-qabdiet kummerċjali li tqis il-volum tal-qabdiet rikreattivi u/jew jadotta miżuri oħra li jillimitaw is-sajd rikreattiv, bħalma huma limiti tal-qabdiet u perijodi tal-għeluq.

(22)

Sabiex ikun konformi mal-obbligu ta' ħatt l-art stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjan jenħtieġ li jipprevedi miżuri ta' ġestjoni addizzjonali li jenħtieġ li jkomplu jiġu speċifikati aktar skont l-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament.

(23)

Sabiex jiġi evitat id-disturb destabbilizzanti tal-attività tas-sajd li jista' jkollu impatt negattiv fuq l-istat tal-istokkijiet tal-bakkaljaw, huwa xieraq li tinżamm sistema ta' awtorizzazzjonijiet tas-sajd marbuta ma' limitazzjoni tal-kapaċità totali tal-qawwa tal-magna tal-bastimenti tas-sajd fid-diviżjoni tal-ICES 7d, kif applikabbli preċedentement taħt ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008.

(24)

Kif rikjest mir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-iskadenza għat-tressiq ta' rakkomandazzjonijiet konġunti mingħand l-Istati Membri li għandhom interess dirett fil-ġestjoni.

(25)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni, sas-6 ta' Awwissu 2023 u wara dan kull ħames snin, tal-adegwatezza u l-effettività tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament abbażi ta' parir xjentifiku. Dak il-perijodu jippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu ta' ħatt l-art, u li jiġu adottati u implimentati l-miżuri reġjonalizzati, kif ukoll li dawn il-miżuri reġjonalizzati juru effetti fuq l-istokkijiet u s-sajd. Huwa wkoll il-perijodu minimu rikjest mill-korpi xjentifiċi.

(26)

Sabiex ikun hemm adattament għall-progress tekniku u xjentifiku b'mod li jkun f'waqtu u proporzjonat u biex tiġi żgurata l-flessibbiltà u biex tiġi permessa l-evoluzzjoni ta' ċerti miżuri, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-supplimentar ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' aġġustamenti li jikkonċernaw l-istokkijiet koperti minn dan ir-Regolament wara bidliet fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet, miżuri rimedjali u l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq il-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(27)

Sabiex tingħata ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-miżuri ta' waqfien temporanju li ġew adottati sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli għall-appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(28)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 jenħtieġ li jitħassru,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-istokkijiet demersali li ġejjin fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (id-diviżjonijiet 2a, 3a u s-subżona 4 tal-ICES), inkluż is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u, fejn dawk l-istokkijiet jestendu lil hinn mill-Baħar tat-Tramuntana, fl-ilmijiet li jmissu miegħu:

(a)

Il-bakkaljaw (Gadus morhua) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u d-diviżjonijiet 7d (Kanal tal-Lvant) u 3a.20 (Skagerrak);

(b)

Il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u d-diviżjonijiet 6a (il-Punent tal-Iskozja) u 3a.20 (Skagerrak);

(c)

Il-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u d-diviżjoni 3a.20 (Skagerrak);

(d)

Il-pollakkju iswed (Pollachius virens) fis-subżoni 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u 6 (Rockall u l-Punent tal-Iskozja) u d-diviżjoni 3a (Skagerrak u Kattegat);

(e)

Il-lingwata (Solea solea) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana);

(f)

Il-lingwata (Solea solea) fid-diviżjoni 3a (Skagerrak u Kattegat) u tas-subdiviżjonijiet 22–24 (il-Baħar Baltiku tal-Punent);

(g)

Il-merlangu (Merlangius merlangus) fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u d-diviżjoni 7d (il-Kanal Ingliż tal-Lvant);

(h)

Il-petriċa kbira (Lophius piscatorius) fid-diviżjoni 3a (Skagerrak u Kattegat) u s-subżoni 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) u 6 (Rockall u l-Punent tal-Iskozja);

(i)

Il-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) fid-diviżjonijiet 4a tal-Lvant (it-Tramuntana tal-Baħar tat-Tramuntana, fin-Norwegian Deep) u 3a.20 (Skagerrak);

(j)

L-iskampu (Nephrops norvegicus) fid-diviżjoni 3a (Unitajiet Funzjonali 3-4);

(k)

L-iskampu fis-subżona 4 (il-Baħar tat-Tramuntana) skont l-Unità Funzjonali:

L-iskampu f'Botney Gut-Silver Pit (Unità Funzjonali 5);

L-iskampu f'Farn Deeps (Unità Funzjonali 6);

L-iskampu fi Fladen Ground (Unità Funzjonali 7);

L-iskampu f'Firth of Forth (Unità Funzjonali 8);

L-iskampu f'Moray Firth (Unità Funzjonali 9);

L-iskampu f'Noup (Unità Funzjonali 10);

L-iskampu fin-Norwegian Deep (Unità Funzjonali 32);

L-iskampu f'Horn's Reef (Unità Funzjonali 33);

L-iskampu f'Devil's Hole (Unità Funzjonali 34).

Meta l-parir xjentifiku jindika bidla fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 sabiex temenda lil dan ir-Regolament billi taġġusta ż-żoni elenkati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu biex tiġi riflessa dik il-bidla. Tali aġġustamenti m'għandhomx jestendu liż-żoni tal-istokkijiet lil hinn mill-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 2 sa 7.

2.   Meta, abbażi ta' parir xjentifiku, il-Kummissjoni tqis li l-lista tal-istokkijiet mogħtija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 teħtieġ li tiġi emendata, il-Kummissjoni tista' tressaq proposta biex dik il-lista tiġi emendata.

3.   Fir-rigward tal-ilmijiet kontigwi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandhom japplikaw biss l-Artikoli 4 u 6 u l-miżuri relatati mal-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 7.

4.   Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-qabdiet aċċessorji li jinqabdu fil-Baħar tat-Tramuntana waqt is-sajd għall-istokkijiet elenkati fil-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. Madankollu, fejn il-meded tal-FMSY u s-salvagwardji li għandhom rabta mal-bijomassa huma stabbiliti għal dawk l-istokkijiet taħt atti legali oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu pjanijiet pluriennali, għandhom japplikaw dawk il-meded u salvagwardji.

5.   Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll id-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin flimkien ma' dawk stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 (9), l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (10) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013:

(1)

“Medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri mogħtija fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-Kunsill Internazzjonali dwar l-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES), fejn il-livelli kollha tal-mortalità mis-sajd fi ħdan dik il-medda jirriżultaw f'rendiment massimu sostenibbli (MSY) fit-terminu twil skont xejra tas-sajd partikolari u taħt kundizzjonijiet ambjentali medji attwali mingħajr ma jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proċess riproduttiv għall-istokk inkwistjoni. Hija tiġi derivata biex tagħti mhux aktar minn tnaqqis ta' 5 % fir-rendiment fuq terminu twil meta mqabbel mal-MSY. Hija limitata għal livell partikolari ħalli l-probabilità li l-istokk jaqa' għal inqas mill-punt ta' referenza tal-bijomassa ta' stokk riproduttiv (Blim) ma tkunx ta' aktar minn 5 %;

(2)

“MSY Flower” tfisser l-aktar valur baxx fi ħdan il-medda tal-FMSY;

(3)

“MSY Fupper” tfisser l-ogħla valur fi ħdan il-medda tal-FMSY;

(4)

“Il-valur tal-punt tal-FMSY” huwa l-valur tal-mortalità mis-sajd stmata li skont xejra tas-sajd partikolari u taħt kondizzjonijiet ambjentali medji attwali jġib l-MSY fuq it-terminu twil;

(5)

“Il-medda inferjuri tal-FMSY” tfisser firxa li fiha l-valuri mill-MSY Flower sal-valur tal-punt tal-FMSY;

(6)

“Il-medda superjuri tal-FMSY” tfisser firxa li fiha l-valuri mill-valur tal-punt tal-FMSY sal-MSY Fupper;

(7)

“Blim” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv mogħti fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-ICES, li taħtu jista' jkun hemm kapaċità riproduttiva mnaqqsa;

(8)

“MSY Btrigger” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, tal-abbundanza, mogħti fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-ICES, li taħtu trid tittieħed azzjoni ta' ġestjoni speċifika u xierqa sabiex jiġi żgurat li r-rati ta' sfruttament flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jerġgħu jibnu mill-ġdid l-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li huma kapaċi jipproduċu MSY fuq terminu twil ta' żmien.

KAPITOLU II

OBJETTIVI

Artikolu 3

Objettivi

1.   Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-ilħiq tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari billi japplika l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirkupra l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom f'livelli 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY.

2.   Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-qbid skartat, billi jevita u jnaqqas, sa fejn ikun possibbli, il-qbid mhux mixtieq, u għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid u li għalihom japplika dan ir-Regolament.

3.   Il-pjan għandu jimplimenta approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiġi żgurat li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar jiġu minimizzati. Għandu jkun koerenti mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-objettiv tal-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.

4.   B'mod partikolari, il-pjan għandu jkollu l-għan li:

(a)

jiżgura li l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 li jinsab fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE jiġu ssodisfati; u

(b)

jikkontribwixxi sabiex jiġu ssodisfati d-deskritturi rilevanti l-oħra li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE b'mod proporzjonali mar-rwol li s-sajd kellu fl-issodisfar tagħhom.

5.   Il-miżuri skont il-pjan għandhom jittieħdu f'konformità mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Fejn ma jkunx hemm biżżejjed data, għandu jintlaħaq livell komparabbli ta' konservazzjoni tal-istokkijiet rilevanti.

KAPITOLU III

MIRI

Artikolu 4

Miri

1.   Il-mira tal-mortalità mis-sajd, skont il-meded tal-FMSY definiti fl-Artikolu 2, għandha tintlaħaq mill-aktar fis possibbli, u fuq bażi progressiva u inkrementali sal-2020 għall-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1), u għandha tinżamm minn dakinhar 'il quddiem fi ħdan il-meded tal-FMSY, skont dan l-Artikolu.

2.   Il-meded tal-FMSY ibbażati fuq il-pjan għandhom jintalbu mill-ICES.

3.   Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari, huwa għandu jistabbilixxi dawk l-opportunitajiet fi ħdan il-medda inferjuri tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk.

4.   Minkejja l-paragrafi 1 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari jistgħu jiġu ffissati f'livelli li huma aktar baxxi mill-meded tal-FMSY.

5.   Minkejja l-paragrafi 3 u 4, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari jistgħu jiġu ffissati skont il-medda superjuri tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk, kemm-il darba l-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(1) ikun akbar mill-MSY Btrigger:

(a)

jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza, ikun meħtieġ għall-ilħiq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ ta' sajd imħallat;

(b)

jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza, ikun meħtieġ biex jiġi evitat dannu serju lil stokk ikkawżat mid-dinamika fost stokk ta' speċi waħda jew bejn speċijiet differenti; jew

(c)

sabiex il-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd bejn snin konsekuttivi jiġu limitati għal mhux aktar minn 20 %.

6.   L-opportunitajiet tas-sajd għandhom fi kwalunkwe każ jiġu ffissati b'tali mod li jiġi żgurat li jkun hemm probabbiltà ta' inqas minn 5 % li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv taqa' taħt Blim.

Artikolu 5

Ġestjoni tal-istokkijiet ta' qabdie aċċessorji

1.   Għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4), miżuri ta' ġestjoni inkluż, fejn jixraq, l-opportunitajiet tas-sajd, għandhom jiġu stabbiliti b'kont meħud tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u b'konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Dawk l-istokkijiet għandhom jiġu ġestiti skont l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd kif definit fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 meta ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni xjentifika adegwata.

3.   Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-ġestjoni tas-sajd imħallat fir-rigward tal-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament għandha tqis id-diffikultà li jsir sajd tal-istokkijiet kollha f'livell ta' MSY fl-istess ħin, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn dak iwassal għall-għeluq bikri tal-attività tas-sajd.

KAPITOLU IV

SALVAGWARDJI

Artikolu 6

Punti ta' referenza għall-konservazzjoni

Il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni li ġejjin biex tiġi salvagwardjata l-kapaċità riproduttiva sħiħa tal-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiġu rikjesti mill-ICES abbażi tal-pjan:

(a)

l-MSY Btrigger għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

(b)

il-Blim għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 7

Salvagwardji

1.   Meta l-parir xjentifiku jindika li, għal sena partikolari, il-bijomassa tal-istokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza, ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) huma aktar baxxi mill-MSY Btrigger, għandhom jiġu adottati l-miżuri rimedjali xierqa kollha biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk jew l-unità funzjonali kkonċernata għal-livelli ogħla minn dawk li jkunu kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, bħala deroga mill-Artikolu 4(3) u (5), l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f'livelli konsistenti mal-mortalità mis-sajd li hija mnaqqsa għal inqas mill-medda superjuri tal-FMSY, waqt li jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

2.   Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa ta' stokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza, ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) huma taħt il-Blim, għandhom jittieħdu miżuri rimedjali ulterjuri sabiex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk jew l-unità funzjonali kkonċernata għal livelli ogħla minn dawk li jkunu kapaċi jipproduċi l-MSY. B'mod partikolari, dawk il-miżuri rimedjali jistgħu jinkludu, bħala deroga mill-Artikolu 4(3) u (5), is-sospensjoni tas-sajd immirat għall-istokk jew l-unità funzjonali kkonċernata u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd.

3.   Il-miżuri rimedjali msemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:

(a)

miżuri ta' emerġenza f'konformità mal-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

miżuri skont l-Artikoli 8 u 9 ta' dan ir-Regolament.

4.   L-għażla tal-miżuri msemmija f'dan l-Artikolu għandha ssir b'kont meħud tan-natura, is-serjetà, it-tul ta' żmien u r-ripetizzjoni tas-sitwazzjoni fejn il-bijomassa tal-istokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza jkunu taħt il-livelli msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 8

Miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni

Meta l-parir xjentifiku jindika li tkun meħtieġa azzjoni rimedjali għall-konservazzjoni ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet demersali msemmija fl-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament, jew meta l-bijomassa tal-istokk riproduttiv u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet koperti mill-Artikolu 1(1) għal sena partikolari jkunu taħt l-MSY Btrigger, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fir-rigward ta':Atti delegati bħal dawn jistgħu jissupplementaw lil dan ir-Regolament billi jistabbilixxu regoli dwar:

(a)

il-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari d-daqs tal-malja, id-daqs tas-sunnara, il-bini tal-irkaptu, il-ħxuna tal-ispag, id-daqs tal-irkaptu jew l-użu ta' tagħmir ta' selettività, sabiex tkun żgurata jew imtejba s-selettività;

(b)

l-użu tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari l-ħin tal-immersjoni, il-fond tal-użu tal-irkaptu, sabiex tiġi żgurata jew imtejba s-selettività;

(c)

il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni fuq is-sajd f'żoni speċifiċi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv, il-ħut li għadu qed jikber jew il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet tal-ħut mhux fil-mira;

(d)

il-projbizzjoni jew il-limitazzjoni fuq is-sajd jew l-użu ta' ċerti tipi ta' rkaptu tas-sajd matul perijodi ta' żmien speċifiċi, sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv, il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet tal-ħut mhux fil-mira;

(e)

id-daqsijiet ta' referenza minimi għall-konservazzjoni, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar;

(f)

karatteristiċi oħra relatati mas-selettività.

KAPITOLU V

MIŻURI TEKNIĊI

Artikolu 9

Miżuri tekniċi

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 bil-għan li tissupplementa lil dan ir-Regolament fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet tal-karatteristiċi tal-irkapti tas-sajd u r-regoli għall-użu tagħhom, biex tiġi żgurata jew biex tiġi mtejba s-selettività, biex jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet tal-modifiki jew l-apparati addizzjonali għall-irkapti tas-sajd, biex tiġi żgurata jew biex tiġi mtejba s-selettività, biex jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(c)

il-limitazzjonijiet jew il-projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti rkapti tas-sajd u fuq l-attivitajiet tas-sajd, f'ċerti żoni jew perijodi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv, il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet tal-ħut mhux fil-mira, jew sabiex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; u

(d)

l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi mogħtija fl-Artikolu 3.

KAPITOLU VI

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 10

Opportunitajiet tas-sajd

1.   Meta jkunu qed jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kompożizzjoni probabbli tal-qabdiet li jsiru mill-bastimenti li jipparteċipaw f'sajd imħallat.

2.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, iwettqu skambju ta' parti mill-opportunitajiet tas-sajd jew tal-opportunitajiet tas-sajd kollha allokati lilhom skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, it-TAC għall-istokk tal-iskampu fiż-żoni 2a u 4 tal-ICES tista' tkun is-somma tal-limiti tal-qabdiet tal-unitajiet funzjonali u tar-rettangoli statistiċi barra mill-unitajiet funzjonali.

4.   Meta l-parir xjentifiku jindika li l-attivitajiet ta' sajd rikreattiv għandhom impatt sinifikanti fuq il-mortalità mis-sajd ta' stokk partikolari, il-Kunsill għandu jieħu kont tagħhom u jista' jillimita l-attivitajiet ta' sajd rikreattiv meta jkun qed jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd sabiex jevita li jinqabeż l-ammont totali fil-mira ta' mortalità mis-sajd.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-OBBLIGU TA' ĦATT L-ART

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana

Għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet fil-Baħar tat-Tramuntana li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 sabiex tissupplimenta lil dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji ta' dak l-obbligu kif previst fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU VIII

AĊĊESS GĦALL-ILMIJIET U R-RIŻORSI

Artikolu 12

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-limiti massimi tal-kapaċità

1.   Għal kull waħda miż-żoni tal-ICES imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu joħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li jwettqu attivitajiet ta' sajd f'dik iż-żona. F'dawn l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, l-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw il-kapaċità totali, espressa f'kW, ta' bastimenti bħal dawn li jużaw irkaptu speċifiku.

2.   Għall-bakkaljaw fil-Kanal tal-Lvant (Diviżjoni 7d tal-ICES), mingħajr preġudizzju għal-limiti massimi tal-kapaċità stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kapaċità totali espressa f'kW, tal-bastimenti li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, m'għandhiex tkun akbar mill-kapaċità massima tal-bastimenti li kienu attivi fl-2006 jew l-2007 li kienu jużaw wieħed minn dawn l-irkapti li ġejjin fiż-żona tal-ICES ikkonċernata:

(a)

xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni (OTB, OTT, PTB, SDN, SSC, SPR) b'malji:

(i)

daqs jew akbar minn 100 mm;

(ii)

daqs jew akbar minn 70 mm u inqas minn 100 mm

(iii)

daqs jew akbar minn 16-il mm u inqas minn 32 mm;

(b)

xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) b'malji:

(i)

daqs jew akbar minn 120 mm;

(ii)

daqs jew akbar minn 80 mm u inqas minn 120 mm;

(c)

għeżul, xbieki tat-tħabbil tal-qiegħ (GN);

(d)

pariti (GT);

(e)

konzijiet (LL).

3.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm lista tal-bastimenti li jkollhom l-awtorizzazzjoni tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 u jagħmilha disponibbli fuq is-sit web uffiċjali tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

KAPITOLU IX

ĠESTJONI TA' STOKKIJIET TA' INTERESS KOMUNI

Artikolu 13

Prinċipji u objettivi tal-ġestjoni ta' stokkijiet ta' interess komuni għall-Unjoni u pajjiżi terzi

1.   Fejn l-istokkijiet ta' interess komuni jiġu sfruttati wkoll minn pajjiżi terzi, l-Unjoni għandha tikkomunika ma' dawk il-pajjiżi terzi bil-ħsieb li tiżgura li dawk l-istokkijiet jiġu ġestiti b'mod sostenibbli li jkun konsistenti mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu, u mal-objettivi ta' dan ir-Regolament. Fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim formali, l-Unjoni għandha tagħmel kull sforz biex jintlaħqu arranġamenti komuni għas-sajd ta' dawn l-istokkijiet bil-ħsieb li ġestjoni sostenibbli ssir possibbli, u b'hekk jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni.

2.   Fil-kuntest tal-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet ma' pajjiżi terzi, l-Unjoni tista' twettaq skambju tal-opportunitajiet tas-sajd ma' pajjiżi terzi skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU X

REĠJONALIZZAZZJONI

Artikolu 14

Kooperazzjoni reġjonali

1.   L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 8, 9 u 11 ta' dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li għandhom interess dirett fil-ġestjoni jistgħu jressqu rakkomandazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ewwel darba sa mhux aktar tard mis-6 ta' Awwissu 2019 u mbagħad 12-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament. Huma jistgħu wkoll iressqu tali rakkomandazzjonijiet meta jqisu li jkunu meħtieġa, b'mod partikolari fil-każ ta' tibdil f'daqqa fis-sitwazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti fir-rigward tal-miżuri li jikkonċernaw sena kalendarja partikolari għandhom jitressqu sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena preċedenti.

3.   L-għoti ta' setgħat mogħtija skont l-Artikoli 8, 9 u 11 ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħra tal-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU XI

SEGWITU

Artikolu 15

Evalwazzjoni tal-pjan

Sas-6 ta' Awwissu 2023, u wara dan kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.

KAPITOLU XII

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 16

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikoli 8, 9 u 11 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-5 ta' Awwissu 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikoli 8, 9 u 11 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettivafil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikoli 8, 9 u 11 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU XIII

APPOĠĠ MILL-FOND EWROPEW GĦALL-AFFARIJIET MARITTIMI U S-SAJD

Artikolu 17

Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Il-miżuri ta' waqfien temporanju adottati sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju ta' attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

KAPITOLU XIV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Tħassir

1.   Ir-Regolamenti (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 huma mħassra.

2.   Ir-referenzi li jsiru għal dawn ir-Regolamenti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta' Lulju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 109.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2018.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 tal-11 ta' Ġunju 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-ħażniet tal-barbun tat-tbajja' u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana (ĠU L 157, 19.6.2007, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20).

(7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-ispeċijiet ipprojbiti

Ir-Regolament li għandu jiġi adottat abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi (2016/0074 (COD)) għandu jinkludi dispożizzjonijiet, fost l-oħrajn, dwar l-ispeċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit. Għal dik ir-raġuni, iż-żewġ istituzzjonijiet qablu li ma jinkludux lista għall-Baħar tat-Tramuntana f'dan ir-Regolament (2016/0238 (COD)).


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kontroll

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jinkludu d-dispożizzjonijiet ta' kontroll li ġejjin fir-rieżami li jmiss tar-Regolament dwar il-Kontroll (ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009) fejn rilevanti għall-Baħar tat-Tramuntana: notifiki minn qabel, rekwiżiti tal-ġurnal ta' abbord, portijiet magħżula u dispożizzjonijiet oħra ta' kontroll.


Top