Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0292

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/292 tas-26 ta' Frar 2018 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta' informazzjoni u assistenza bejn awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż tas-suq (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2018/1063

ĠU L 55, 27.2.2018, p. 34–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/292/oj

27.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/34


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/292

tas-26 ta' Frar 2018

li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta' informazzjoni u assistenza bejn awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż tas-suq

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 25(9) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet maħtura bħala awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ikunu jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod effiċjenti u f'waqtu u jipprovdu lil xulxin assistenza reċiproka sħiħa għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri u formoli komuni li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għall-iskambju ta' informazzjoni u assistenza, inkluż għall-preżentazzjoni ta' talbiet għal assistenza, konfermi ta' rċevuti u t-tweġibiet għal dawn it-talbiet.

(2)

Huwa mistenni li l-iskambju ta' informazzjoni bil-miktub jassisti awtorità kompetenti fil-qadi tad-dmirijiet tagħha. Tista' ssir komunikazzjoni bil-fomm, fejn xieraq, inkluż qabel ma tintbagħat talba bil-miktub, biex tkun ipprovduta informazzjoni dwar it-talba għal assistenza li ġejja u biex ikunu diskussi kwalunkwe kwistjonijiet li jistgħu jfixklu l-provvediment tal-assistenza. F'każijiet urġenti, jenħtieġ li ikun ukoll permess li talba għal assistenza tkun ikkomunikata oralment, fejn l-urġenza ma tkunx minħabba azzjoni tardiva mill-parti li tagħmel it-talba.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni u jagħtu assistenza. Madankollu, jenħtieġ li t-talbiet għal assistenza, sa fejn possibbli, ikunu jinkludu wkoll teħid ta' dikjarazzjoni jew twettiq ta' spezzjonijiet fuq il-post jew investigazzjoni, iżda biss f'każijiet li fihom talba sempliċi għal skambju ta' informazzjoni ma tkunx biżżejjed. Qabel il-preżentazzjoni ta' talba għall-assistenza lil awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti hija mistennija li tkun wettqet l-azzjonijiet kollha raġonevolment prattikabbli fil-ġuriżdizzjoni tagħha stess, għalkemm wieħed jinnota li jista' ma jkunx raġonevolment fattibbli għal din l-awtorità li teżawrixxi l-metodi kollha ta' inkjesta qabel it-talba.

(4)

Għajnuna mhux mitluba jenħtieġ li tkun provduta f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014, anki fuq bażi volontarja meta awtorità kompetenti ta' Stat Membru tikkunsidra li l-informazzjoni fil-pussess tagħha tista' tkun ta' użu għal awtorità kompetenti oħra.

(5)

Talba għal assistenza skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni suffiċjenti dwar is-suġġett tat-talba, inkluża r-raġuni għat-talba u l-kuntest tagħha, sabiex l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista' tipproċessa t-talba b'mod effiċjenti u espedjenti. Li wieħed jindika l-fatti li jagħtu lok għas-suspett ma għandhiex titqies bħala prekondizzjoni biex l-awtorità rikjedenti tirċievi assistenza fejn l-informazzjoni mitluba hija neċessarja biex l-awtorità twettaq l-obbligi tagħha.

(6)

Lil hinn mill-użu ta' formoli ta' rikjesta u ta' tweġiba għal talba għal assistenza, il-proċeduri għall-kooperazzjoni jenħtieġ li jippermettu u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, il-konsultazzjoni u l-interazzjoni bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba matul il-proċess kollu, biex jiġi żgurat ipproċessar effiċjenti ta' talba għal informazzjoni jew assistenza. Huwa mistenni li dawn il-proċeduri jippermettu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu feedback lil xulxin dwar l-utilità tal-informazzjoni jew għajnuna oħra rċevuta, dwar l-eżitu tal-każ li fih l-għajnuna ġiet mitluba u kwalunkwe problema li tinqala' fl-għoti ta' tali għajnuna jew informazzjoni.

(7)

Jenħtieġ li l-proċeduri u l-formoli għall-iskambju tal-informazzjoni u tal-assistenza jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata jew mibgħuta u l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni abbozzati ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(9)

L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l--istandards tekniċi ta' implementazzjoni abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati mal-introduzzjoni ta' proċeduri u formoli biex jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-iskop u tal-impatt ta' dawn l-istandards, meta wieħed iqis li d-destinatarji tagħhom se jkunu biss l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq.

(10)

L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(11)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji u meta wieħed jikkunsidra li r-Regolament (UE) Nru 596/2014 diġà qiegħed ikun applikat, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ u jibda japplika minnufih;

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “mezzi elettroniċi siguri” huma mezzi ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali), il-ħażna u t-trażmissjoni ta' dejta, li jkunu jużaw wajers, radju, teknoloġiji ottiċi, jew kull mezz elettromanjetiku ieħor li jiżguraw li l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jinżammu matul it-trażmissjoni.

Artikolu 2

Il-punti ta' kuntatt

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħtru punti ta' kuntatt għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-punti ta' kuntatt lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni aġġornata lill-ESMA kif meħtieġ.

3.   L-ESMA għandha żżomm lista tal-punti ta' kuntatt deżinjati mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 1 u taġġorna din il-lista kif ikun meħtieġ għall-użu tal-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 3

Talba għal assistenza

1.   Awtorità rikjedenti għandha tagħmel talba għal assistenza bil-miktub bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniku sigur. Hija għandha tindirizza t-talba lill-punt ta' kuntatt maħtur mill-awtorità li ssirilha t-talba skont l-Artikolu 2.

2.   Meta ssir talba għal assistenza, l-awtorità kompetenti għandha tuża l-formola li tinsab fl-Anness I u għandha:

(a)

tispeċifika dettalji tal-informazzjoni rilevanti li l-awtorità rikjedenti tkun qed titlob mill-awtorità li ssirilha t-talba;

(b)

tidentifika, fejn xieraq, kwistjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tista' tinkiseb.

3.   L-awtorità rikjedenti tista' tehmeż mat-talba kwalunkwe dokument jew materjal ta' appoġġ li tqis meħtieġ biex issostni t-talba.

4.   F'każijiet urġenti, l-awtorità rikjedenti tista' tagħmel talba għal għajnuna verbalment. Sakemm l-awtorità li ssirilha t-talba ma taqbilx mod ieħor, dik it-talba bil-fomm għandha sussegwentement tiġi kkonfermata bil-miktub mingħajr dewmien żejjed billi jintużaw il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Konferma tar-riċevuta

Fi żmien 10 ijiem ta' xogħol minn meta tasal talba bil-miktub għal assistenza, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniċi siguri lill-punt ta' kuntatt magħżul skont l-Artikolu 2, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fit-talba. Din il-konferma tar-rċevuta għandha ssir billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness II u, fejn ikun possibbli, għandha tinkludi l-indikazzjoni tad-data mistennija tat-tweġiba.

Artikolu 5

Tweġiba għal talba għal assistenza

1.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha twieġeb għal talba għal assistenza bil-miktub bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniċi siguri. It-tweġiba għandha tiġi indirizzata lill-punt ta' kuntatt maħtur skont l-Artikolu 2, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fit-talba.

2.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha twieġeb għat-talba għal assistenza, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness III u għandha:

(a)

titlob kjarifiki ulterjuri fi kwalunkwe forma malajr kemm jista' jkun, f'każ ta' dubji fir-rigward tal-kontenut tal-kooperazzjoni preċiża mitluba;

(b)

tieħu l-passi raġonevoli kollha fl-ambitu tas-setgħat tagħha li tipprovdi l-assistenza mitluba;

(c)

teżegwixxi t-talbiet għal assistenza mingħajr dewmien b'mod li jiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja neċessarja tipproċedi mingħajr dewmien, waqt li tqis il-kumplessità tat-talba u l-ħtieġa li jiġu involuti partijiet terzi jew xi awtorità kompetenti oħra.

3.   Meta l-awtorità li ssirilha t-talba tirrifjuta li taġixxi, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq talba għal assistenza, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti mill-aktar fis possibbli bid-deċiżjoni tagħha, verbalment jew bil-miktub. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi wkoll tweġiba bil-miktub magħmula skont il-paragrafu 1 li tindika abbażi ta' liema waħda mill-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 qed tagħmel ir-rifjut tagħha.

Artikolu 6

Proċeduri biex tintbagħat u tkun proċessata talba għal assistenza

1.   L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkomunikaw dwar it-talba għal assistenza u t-tweġiba għaliha bl-aktar mezz espedjenti possibbli, waqt li jqisu b'mod dovut il-konsiderazzjonijiet tal-kunfidenzjalità, tat-tul ta' ħin tal-korrispondenza, tal-volum tal-materjal li se jiġi kkomunikat u tal-faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti. B'mod partikolari, l-awtorità rikjedenti għandha twieġeb fil-pront għal kwalunkwe kjarifika mitluba mill-awtorità li ssirilha t-talba.

2.   Meta l-awtorità li ssirilha t-talba ssir konxja minn ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal dewmien fid-data stmata għat-tweġiba ta' aktar minn 10 ijiem lavorattivi, din għandha tinnotifika lill-awtorità rikjedenti mingħajr dewmien żejjed.

3.   Fejn xieraq, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi feedback regolari dwar il-progress tat-talba pendenti, inklużi stimi riveduti tad-data fil-mira għat-tweġiba lill-awtorità rikjedenti.

4.   Meta l-awtorità rikjedenti tikkwalifika r-rikjesta bħala urġenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-frekwenza li biha l-awtorità li ssirilha t-talba se taġġorna lill-awtorità rikjedenti.

5.   L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista' tinħoloq fl-eżekuzzjoni ta' talba.

Artikolu 7

Proċedura għal talbiet biex tittieħed dikjarazzjoni mingħand persuna

1.   Jekk fit-talba tagħha l-awtorità rikjedenti tinkludi dikjarazzjoni meħuda minn xi persuna fil-kuntest ta' investigazzjoni jew spezzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom, soġġett għal-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet legali eżistenti u kwalunkwe differenza fir-rekwiżiti proċedurali, jivvalutaw u jikkunsidraw dan li ġej:

(a)

id-drittijiet tal-persuni li mingħandhom ikunu se jittieħdu d-dikjarazzjonijiet, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe kwistjonijiet ta' awtoinkriminazzjoni;

(b)

in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persunal tal-awtorità rikjedenti (osservaturi jew parteċipanti attivi);

(c)

ir-rwol tal-persunal tal-awtorità li ssirilha t-talba u tal-awtorità rikjedenti fit-teħid tad-dikjarazzjoni;

(d)

jekk il-persuna li mingħandha trid tittieħed d-dikjarazzjoni għandhiex id-dritt li tkun assistita minn rappreżentant legali, u jekk iva, l-ambitu tal-assistenza mir-rappreżentant matul it-teħid tad-dikjarazzjoni, inkluż fir-rigward ta' kwalunkwe rekord jew rapport tad-dikjarazzjoni;

(e)

jekk id-dikjarazzjoni tkunx se tittieħed fuq bażi volontarja jew imġiegħla, jekk din id-distinzjoni tkun teżisti;

(f)

jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli meta ssir it-talba, il-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni tkunx xhud jew persuna suspettata fejn teżisti tali distinzjoni;

(g)

jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tat-talba, id-dikjarazzjoni tkunx tista' jew hijiex maħsuba biex tintuża fi proċedimenti kriminali;

(h)

l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità rikjedenti;

(i)

ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni u tal-proċeduri applikabbli, inkluż jekk hux ser ikunu kontemporanji jew minuti sommarji miktubin jew reġistrazzjoni ta' smigħ jew awdjoviżiva;

(j)

il-proċeduri dwar iċ-ċertifikazzjoni jew il-konferma tad-dikjarazzjoni mill-persuni li jagħmlu d-dikjarazzjoni, anke jekk dan iseħħ wara li d-dikjarazzjoni tkun ittieħdet; kif ukoll

(k)

il-proċedura għat-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtorità li ssirilha t-talba lill-awtorità rikjedenti, inkluż il-format u l-iskeda.

2.   L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti biex il-persunal tagħhom jipproċedi b'mod effiċjenti, inklużi arranġamenti li jippermettu lill-persunal tagħhom jiftiehem dwar kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista' tkun meħtieġa, inklużi dan li ġej:

(a)

l-ippjanar ta' dati;

(b)

il-lista ta' mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni;

(c)

l-arranġamenti tal-ivvjaġġar, inkluż l-iżgurar li l-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kwistjoni qabel ma tittieħed id-dikjarazzjoni; kif ukoll

(d)

arranġamenti lingwistiċi.

Artikolu 8

Proċedura għal talbiet għal investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post

1.   Meta ssir talba biex titwettaq investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkonsultaw ma' xulxin dwar l-aħjar mod kif jista' jingħata effett utli għat-talba għal assistenza, waqt li jikkunsidraw il-punti minn (a) sa (e) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, inkluż dwar il-merti li titwettaq investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post.

2.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha żżomm l-awtorità rikjedenti infurmata dwar il-progress tal-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post u tittrażmetti s-sejbiet tagħha lill-awtorità rikjedenti fi żmien xieraq.

3.   Meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda investigazzjoni konġunta jew spezzjoni fuq il-post konġunta, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkunsidraw tal-inqas dan li ġej:

(a)

il-kontenut ta' kwalunkwe talba għal assistenza rċevuta mingħand l-awtorità rikjedenti, inkluż kwalunkwe suġġeriment dwar l-adegwatezza li titwettaq investigazzjoni konġunta jew spezzjoni fuq il-post konġunta;

(b)

jekk humiex it-tnejn li huma qed iwettqu inkjesti separati dwar kwistjoni b'implikazzjonijiet transfruntieri u jekk din il-kwistjoni tkunx aktar xierqa għall-kollaborazzjoni konġunta;

(c)

il-qafas ġuridiku u regolatorju f'kull waħda mill-ġurisdizzjonijiet tagħhom sabiex jiġi żgurat li ż-żewġ awtoritajiet għandhom fehim tajjeb tal-limitazzjonijiet potenzjali u l-limitazzjonijiet ġuridiċi tat-twettiq ta' kwalunkwe investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post u dwar kwalunkwe proċedimenti li jistgħu jsegwu, inkluż kwalunkwe kwistjoni relatata mal-prinċipju ta' ne bis idem;

(d)

l-immaniġġjar u d-direzzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post;

(e)

il-prospetti li x'aktarx se jaqblu dwar il-konstatazzjoni tal-fatti;

(f)

l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ħatra tal-persunal inkarigat biex iwettaq investigazzjonijiet jew spezzjonijiet fuq il-post;

(g)

il-possibbiltà li jiġi stabbilit pjan ta' azzjoni konġunta u l-iskedar tal-ħidma miż-żewġ awtoritajiet;

(h)

id-determinazzjoni ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu, b'mod konġunt jew b'mod individwali, minn kull awtorità;

(i)

il-kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni miġbura u tar-rappurtar dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet individwali meħuda; kif ukoll

(j)

kwistjonijiet speċifiċi oħra tal-każ.

4.   Meta l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba jiddeċiedu li jwettqu investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post, huma għandhom:

(a)

jaqblu dwar il-proċeduri għat-twettiq u l-konklużjoni tagħha;

(b)

jidħlu fi djalogu kontinwu biex jikkoordinaw il-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni u l-konstatazzjoni tal-fatti;

(c)

jaħdmu mill-qrib u jikkooperaw ma' xulxin dwar it-twettiq tal-investigazzjoni konġunta jew tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post;

(d)

jipprovdu assistenza reċiproka dwar proċedimenti ta' eżekuzzjoni sussegwenti sa fejn ikun legalment permissibbli, inkluż bil-koordinazzjoni ta' kwalunkwe proċedimenti jew azzjoni ta' infurzar relatati mal-eżitu (kemm jekk amministrattivi, ċivili jew kriminali) tal-investigazzjoni konġunta jew tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post jew, fejn xieraq, il-prospetti ta' soluzzjoni.

(e)

jidentifikaw id-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li jirregolaw is-suġġett tal-investigazzjoni konġunta jew tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post;

(f)

meta rilevanti, jikkunsidraw mill-inqas dan li ġej:

(1)

it-tfassil ta' pjan ta' azzjoni konġunt li jispeċifika, fost affarijiet oħra, is-sustanza, in-natura u l-iskedar tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, u jinkludi stadji importanti u l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fl-implimentazzjoni tal-eżitu tal-ħidma u filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet rispettivi ta' kull awtorità;

(2)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta' kwalunkwe limitazzjoni jew restrizzjoni legali u kwalunkwe differenzi fil-proċeduri fir-rigward ta' azzjoni investigattiva jew ta' infurzar jew kwalunkwe proċediment ieħor, inklużi d-drittijiet ta' kwalunkwe persuna soġġetta għal investigazzjoni;

(3)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-privileġġi professjonali legali speċifiċi li jista' jkollhom impatt fuq il-proċedimenti ta' investigazzjoni kif ukoll il-proċedimenti ta' infurzar, inkluża l-awtoinkriminazzjoni;

(4)

l-istrateġija mal-pubbliku u mal-istampa; kif ukoll

(5)

l-użu intenzjonat tal-informazzjoni skambjata.

Artikolu 9

Proċeduri għal assistenza fl-irkupru ta' sanzjonijiet pekunjarji

1.   L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkonsultaw ma' xulxin meta talba għal assistenza fl-irkupru ta' sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-aħjar mod kif jista' jingħata effett utli għat-talba. L-awtoritajiet għandhom iqisu l-azzjonijiet diġà meħuda mill-awtorità rikjedenti fil-ġurisdizzjoni tagħha u l-qafas nazzjonali dwar l-irkupru ta' sanzjonijiet tal-awtorità li ssirilha t-talba.

2.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi l-għajnuna jew tagħmel disponibbli kwalunkwe informazzjoni mitluba għall-finijiet ta' dan l-Artikolu skont il-liġi nazzjonali rilevanti. Meta l-assistenza mitluba tista' tiġi pprovduta jew l-informazzjoni tista' tkun disponibbli għal awtorità oħra jew korp rilevanti tal-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha toffri li tipprovdi lill-awtorità rikjedenti bl-informazzjoni meħtieġa biex ikun stabbilit kuntatt dirett bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità jew korp ieħor li għandu l-informazzjoni mitluba, skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 10

Skambju ta' informazzjoni mhux mitluba

1.   Għall-finijiet ta' trażmissjoni ta' informazzjoni mhux mitluba, skont l-Artikolu 16(4) u l-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, jew meta awtorità kompetenti jkollha informazzjoni li hija temmen li tista' tassisti awtorità kompetenti oħra fit-twettiq ta' dmirijietha skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014, hija għandha tittrażmetti din l-informazzjoni bil-miktub bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniku sigur, lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti maħtur skont l-Artikolu 2.

2.   Meta l-awtorità kompetenti li tibgħat l-informazzjoni, taħseb li l-informazzjoni għandha tintbagħat b'urġenza, din tista' tinforma lill-awtorità l-oħra verbalment, dment li ssir trażmissjoni sussegwenti bil-miktub mingħajr dewmien żejjed.

3.   Awtorità kompetenti li tibgħat informazzjoni li ma tkun intalbet għandha tagħmel dan permezz tal-formola li tidher fl-Anness IV, filwaqt li tidentifika b'mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

Artikolu 11

Restrizzjonijiet u l-użi permissibbli ta' informazzjoni

1.   L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jinkludu twissija ta' kunfidenzjalità xierqa fi kwalunkwe talba għal assistenza, tweġiba għal talba għal assistenza jew trażmissjoni ta' informazzjoni mhux mitluba skont il-formoli stabbiliti fl-Annessi.

2.   Meta, sabiex tiġi eżegwita t-talba, l-awtorità li ssirilha t-talba hija rikjesta li tiddivulga l-fatt li l-awtorità rikjedenti tkun għamlet talba, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tiddivulga dan biss wara li tkun iddiskutiet in-natura u id-daqs tad-divulgazzjoni neċessarja mal-awtorità rikjedenti u wara li tkun kisbet il-kunsens tagħha għal tali divulgazzjoni. Meta l-awtorità rikjedenti ma tagħtix il-kunsens tagħha għad-divulgazzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba ma għandhiex taġixxi fuq it-talba, u l-awtorità rikjedenti tista' tirtira jew tissospendi t-talba tagħha sakemm tkun tista' tagħti tali kunsens għad-divulgazzjoni.

3.   L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 10 għandha tintuża biss għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew għall-infurzar tagħhom, inkluż, iżda mhux limitat għall-bidu, it-twettiq jew l-assistenza fi proċedimenti kriminali, amministrattivi, ċivili jew dixxiplinarji li jirriżultaw minn ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS I

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image Test ta 'immaġni

ANNESS III

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

ANNESS IV

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

Top