EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0637

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/637 tal-20 ta' April 2018 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta' frekwenza 900 MHz u 1800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi pan-Ewropej ta' komunikazzjoni fil-Komunità fir-rigward ta' kundizzjonijiet tekniċi rilevanti għall-internet tal-oġġetti (notifikata bid-dokument C(2018) 2261) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2018/2261

ĠU L 105, 25.4.2018, p. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/02/2022; Impliċitament imħassar minn 32022D0173 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/637/oj

25.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/27


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/637

tal-20 ta' April 2018

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta' frekwenza 900 MHz u 1 800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi pan-Ewropej ta' komunikazzjoni fil-Komunità fir-rigward ta' kundizzjonijiet tekniċi rilevanti għall-internet tal-oġġetti

(notifikata bid-dokument C(2018) 2261)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-radju) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-użu effiċjenti tal-meded ta' 900 MHz u 1 800 MHz ġie rivedut mill-Istati Membri bil-għan li jkopri teknoloġiji addizzjonali filwaqt li tiġi żgurata l-kompatibbiltà teknika mas-sistema tal-GSM u sistemi oħra ta' broadband bla fili b'mezzi adegwati skont id-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE (2).

(2)

L-internet tal-Oġġetti (IoT) ġeneralment jirreferi għall-interkonnessjoni permezz tal-internet ta' apparati integrati f'oġġetti ta' kuljum, li tippermetti li dawn l-oġġetti jiskambjaw id-dejta. L-IoT bla fili tista' wkoll tiġi realizzata permezz ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika bbażati fuq teknoloġiji ċellulari, li normalment jagħmlu użu mill-ispettru liċenzjat. L-applikazzjonijiet tal-IoT bla fili jaqdu firxa wiesgħa ta' setturi industrijali bħal dawk tal-enerġija u s-settur awtomobilistiku u jistrieħu fuq id-disponibbiltà tal-ispettru.

(3)

Fil-Pjan direzzjonali dwar l-Ispettru tiegħu tal-Internet tal-Oġġetti (3), il-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE (4), huwa tal-fehma li l-meded ta' frekwenzi allokati għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (netwerks tat-telefonija mobbli) jistgħu jintużaw għas-servizzi u l-applikazzjonijiet emerġenti tal-IoT. Il-meded ta' frekwenzi armonizzati mill-Unjoni, li jintużaw għall-forniment ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika terrestri tal-broadband mingħajr fili min-netwerks tat-telefonija mobbli jistgħu għalhekk ikunu riżorsa importanti għall-IoT bla fili. L-RSPG ikkonkluda li, f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu ta' dawn il-meded jenħtieġ li jqisu r-rekwiżiti tal-IoT mingħajr fili.

(4)

Fl-14 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni ħarġet lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT), skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, mandat biex tirrevedi l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tal-meded ta' frekwenzi ta' 900 MHz u 1 800 MHz għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika terrestri tal-broadband mingħajr fili biex ikunu jistgħu jintużaw ukoll mill-Internet tal-Oġġetti. Dan il-mandat fakkar b'mod partikolari li, skont ir-Rapport 266 tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi tas-CEPT, m'hemm l-ebda ħtieġa li jiġu mmodifikati l-kundizzjonijiet tekniċi abbażi tad-diviżjoni tal-frekwenzi fil-modalità duplex u l-kundizzjonijiet tekniċi l-inqas restrittivi (block edge masks) fi kwalunkwe medda ta' frekwenzi armonizzata mill-Unjoni għall-faċilitazzjoni tal-użu mill-IoT.

(5)

Abbażi ta' dan il-mandat, fit-13 ta' Marzu 2018, is-CEPT ippreżenta r-Rapport Nru 66 tiegħu (ir-Rapport CEPT) lill-Kummissjoni, li identifika t-teknoloġiji tal-IoT mingħajr fili fir-rigward tas-sistemi ta' komunikazzjoni mobbli tal-broadband (jiġifieri ċellulari), li ġew speċifikati dan l-aħħar mill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) (5): Extended Coverage GSM IoT (EC-GSM-IoT), LTE Machine Type Communications (LTE-MTC), LTE evolved Machine Type Communications (LTE-eMTC), u Narrowband IoT (NB-IoT). Ir-rapport tas-CEPT ma jidentifikax it-teknoloġiji tal-IoT mingħajr fili rilevanti marbuta mas-sistemi tal-UMTS.

(6)

It-teknoloġiji ċellulari tal-IoT imsemmija hawn fuq jistgħu jiġu skjerati bi tliet modi: (a) irrispettivament mill-provvista tas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili (“indipendenti”), (b) billi tiġi prevista parti mir-riżorsi ta' blokka ta' frekwenzi li tintuża għall-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika tal-broadband bla fili (“in-band”), jew (c) fuq in-naħa ta' blokka ta' frekwenzi li tintuża għall-provvista tas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili (“medda ta' protezzjoni”).

(7)

Skont ir-Rapport CEPT, EC-GSM-IoT huwa parti integrata mis-sistema GSM skont id-Direttiva 87/372/KEE. Dan minnu nnifsu għandu l-karatteristiċi tal-ispettru tas-sistema GSM u jista' jitħaddem kemm “in-band” kif ukoll b'mod “indipendenti”. Għalhekk, l-EC-GSM-IoT jikkonforma mal-kondizzjonijiet tekniċi applikabbli għal sistema tal-GSM mingħajr il-ħtieġa li dawn il-kundizzjonijiet jiġu emendati.

(8)

Fir-rigward tal-LTE-MTC u LTE-eMTC, ir-rapport CEPT jenfasizza li dawn iż-żewġ teknoloġiji jużaw biss il-modalità tal-iskjerament “in-band”, fejn ir-rekwiżiti tat-trażmettitur ikunu daqs jew aktar stretti minn dawk ta' sistema LTE. Għalhekk, kemm l-LTE-MTC kif ukoll l-LTE-eMTC jikkonformaw mal-kondizzjonijiet tekniċi applikabbli għal sistema LTE mingħajr il-ħtieġa li dawn il-kondizzjonijiet jiġu emendati.

(9)

Fir-rigward tal-NB-IoT, ir-rapport CEPT jikkonkludi li l-użu ta' dawn it-tliet modalitajiet ta' skjerament kollha, jiġifieri “in-band”, “indipendenti” jew “medda ta' protezzjoni” huwa possibbli. Huwa jirrakkomanda emenda għall-kondizzjonijiet tekniċi għall-użu tal-meded tad-900 MHz u 1 800 MHz fir-rigward tal-modalitajiet tal-iskjerament “indipendenti” u “medda ta' protezzjoni”.

(10)

L-ETSI adottat standards armonizzati sabiex tingħata presunzjoni tal-konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (“id-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju”) sabiex tinkludi t-teknoloġiji mingħajr fili tal-IoT fit-tliet modalitajiet ta' skjerament.

(11)

Ir-rapport CEPT ma identifika l-ebda kwistjoni ta' koordinazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri problematika żżejjed li tista' tirriżulta mill-introduzzjoni tat-teknoloġiji tal-IoT mingħajr fili msemmija hawn fuq fil-meded ta' frekwenzi ta' 900 MHz u 1 800 MHz.

(12)

Ir-riżultati li ħarġu mix-xogħol li sar skont il-mandat maħruġ lis-CEPT jenħtieġ li jiġu integrati fil-liġi tal-Unjoni mill-iktar fis possibbli minħabba d-domanda tas-suq li qiegħda tikber għall-applikazzjonijiet tal-IoT mingħajr fili, bil-kundizzjoni li l-użu tal-IoT ċellulari fil-meded ta' frekwenzi ta' 900 MHz u 1 800 MHz jagħti protezzjoni xierqa lis-sistemi eżistenti fil-meded ta' maġenbhom.

(13)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE (7), li tirreferi għal tipi ta' sistemi terrestri li jistgħu jużaw il-meded ta' 900 MHz u 1 800 MHz, jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2009/766/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

‘sistema tal-GSM’ tfisser netwerk ta' komunikazzjonijiet elettroniċi kif speċifikat mill-istandards tal-ETSI, b'mod partikolari EN 301 502, EN 301 511 u EN 301 908-18, li jinkludi wkoll il-GSM B'Kopertura Estiża tal-IoT (EC-GSM-IoT);”;

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-medda ta' 1 800 MHz għandha tkun iddeżinjata u ssir disponibbli għal:

(a)

Sistemi GSM, bl-eċċezzjoni tal-EC-GSM-IoT, sad-9 ta' Novembru 2009;

(b)

EC-GSM-IoT sat-30 ta' Settembru 2018.”;

(3)

jiżdied dan l-Artikolu 4 a li ġej:

“Artikolu 4 a

Il-medda 900 MHz għandha tkun iddeżinjata u ssir disponibbli għas-sistemi tal-EC-GSM-IoT sat-30 ta' Settembru 2018.”;

(4)

L-Anness tad-Deċiżjoni 2009/766/KE jinbidel bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Mariya GABRIEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE tal-25 ta' Ġunju 1987 dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità (ĠU L 196, 17.7.1987, p. 85).

(3)  Id-Dokument RSPG 17–006 final tad-9 ta' Novembru 2016.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49).

(5)  Li jikkorrispondu mal-standards sat-3GPP Release 13, inkluż.

(6)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62)

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE tas-16 ta' Ottubru 2009 dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta' frekwenza 900 MHz u 1 800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi pan-Ewropej ta' komunikazzjoni fil-Komunità (ĠU L 274, 20.10.2009, p. 32).


ANNESS

ANNESS

LISTA' TA' SISTEMI TERRESTRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3 U L-ARTIKOLU 4(2)

Il-parametri tekniċi li ġejjin għandhom jiġu applikati bħala parti essenzjali mill-kondizzjonijiet neċessarji biex jiżguraw il-koeżistenza fin-nuqqas ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn netwerks ġirien, mingħajr ma jipprekludu l-parametri tekniċi anqas stretti jekk ikunu miftiehma bejn l-operaturi ta' tali netwerks.

Sistemi

Parametri tekniċi

Skadenzi tal-implimentazzjoni

UMTS, kif speċifikati fl-Istandards tal-ETSI, b'mod partikolari EN 301 908–1, EN 301 908–2, EN 301 908–3 u EN 301 908–11

1.

Separazzjoni tal-carrier ta' 5 MHz jew aktar bejn żewġ netwerks tal-UMTS ġirien.

2.

Separazzjoni tal-carrier ta' 2,8 MHz jew aktar bejn netwerk tal-UMTS u ieħor tal-GSM ġirien.

9 ta' Mejju 2010

LTE (1), kif speċifikati fl-Istandards tal-ETSI, b'mod partikolari EN 301 908-1, EN 301 908-13, EN 301 908-14, EN 301 908-15, u EN 301 908-18

1.

Separazzjoni tal-frekwenza ta' 200 kHz jew iktar bejn it-tarf tal-kanal tal-LTE u t-tarf tal-kanal tal-carrier tal-GSM bejn netwerk tal-LTE u netwerk tal-GSM ġirien.

2.

M'hemm għalfejn issir l-ebda separazzjoni tal-frekwenza bejn it-tarf tal-kanal tal-LTE u t-tarf tal-kanal tal-carrier tal-UMTS bejn netwerk tal-LTE u netwerk tal-UMTS ġirien.

3.

M'hemm għalfejn issir l-ebda separazzjoni tal-frekwenza bejn it-truf tal-kanal tal-LTE bejn żewġ netwerks ġiriEN tal-LTE.

31 ta' Diċembru 2011, bl-eċċezzjoni tat-30 ta' Settembru 2018 għall-LTE-MTC u LTE-eMTC

WiMAX konformi mal-Istandards tal-ETSI, b'mod partikolari EN 301 908-1, EN 301 908-21 u EN 301 908-22

1.

Separazzjoni tal-frekwenza ta' 200 kHz jew iktar bejn it-tarf tal-kanal tal-WiMAX u t-tarf tal-kanal tal-carrier tal-GSM bejn netwerk tal-WiMAX u netwerk tal-GSM ġirien.

2.

M'hemm għalfejn issir l-ebda separazzjoni tal-frekwenza bejn it-tarf tal-kanal tal-WiMAX u t-tarf tal-kanal tal-carrier tal-UMTS bejn netwerk tal-WiMAX u netwerk tal-UMTS ġirien.

3.

M'hemm għalfejn issir l-ebda separazzjoni tal-frekwenza bejn it-truf tal-kanal tal-WiMAX u żewġ netwerks ġiriEN tal-WiMAX.

31 ta' Diċembru 2011

Narrowband IoT (NB-IoT) kif speċifikat fl-Istandards tal-ETSI, b'mod partikolari EN EN 301 908-1, EN 301 908-13, EN 301 908-14, EN 301 908-15, u EN 301 908-18

1.

Modalità “indipendenti”:

Separazzjoni tal-frekwenza ta' 200 kHz jew iktar bejn it-tarf tal-kanal NB-IoT indipendenti ta' netwerk u t-tarf tal-kanal UMTS/LTE tan-netwerk ta' maġenbu;

Separazzjoni tal-frekwenza ta' 200 kHz jew iktar bejn it-tarf tal-kanal NB-IoT indipendenti ta' netwerk u t-tarf tal-kanal GSM tan-netwerk ġar tiegħu.

2.

Modalità “In-band”: japplikaw l-istess parametri bħal fil-każ tal-LTE.

3.

Modalità “Guard-band”: separazzjoni tal-frekwenza ta' 200 kHz jew iktar, bejn it-tarf tal-kanal NB-IoT u t-tarf ta' blokka tal-operatur, b'kunsiderazzjoni għal meded ta' protezzjoni eżistenti bejn il-truf tal-blokok tal-operaturi jew it-tarf tal-medda operattiva (maġenb servizzi oħrajn).

30 ta' Settembru 2018


(1)  Inklużi LTE Machine Type Communications (LTE-MTC) u LTE evolved Machine Type Communications (LTE-eMTC), li joperaw bl-istess kondizzjonijiet tekniċi bħall-LTE.


Top