Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0836

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/836 tal-11 ta' Jannar 2017 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

    C/2016/8996

    ĠU L 125, 18.5.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/836/oj

    18.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/836

    tal-11 ta' Jannar 2017

    li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika sistema ġeneralizzata ta' preferenzi tariffarji u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Pajjiż benefiċjarju taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Tariffarji (“SĠP”) jista' jitlob li jibbenefika minn preferenzi tariffarji addizzjonali taħt l-arranġament ta' inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (SĠP+). Għal dak l-għan, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi ta' eliġibilità għall-għoti tal-preferenzi tariffarji pprovduti skont l-GSP+. Il-pajjiż għandu jitqies bħala vulnerabbli minħabba nuqqas ta' diversifikazzjoni u integrazzjoni mhux suffiċjenti fis-sistema kummerċjali internazzjonali. Huwa għandu jkun irratifika l-konvenzjonijiet kollha elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u l-aktar konklużjonijiet disponibbli reċenti tal-korpi ta' monitoraġġ rilevanti ma għandhomx jidentifikaw nuqqas serju fl-implimentazzjoni effettiva ta' xi waħda minn dawn il-konvenzjonijiet. Fir-rigward ta' kwalunkwe waħda mill-konvenzjonijiet rilevanti, il-pajjiż ma għandux ikun ifformula riżerva li hija pprojbita mill-konvenzjoni jew li, għall-finijiet esklussivi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, titqies inkompatibbli mal-għan u l-fini ta' din il-konvenzjoni. Huwa għandu jaċċetta mingħajr riżerva l-obbligi ta' rapportar imposti minn kull konvenzjoni u jagħti l-impenji vinkolanti msemmijin fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

    (2)

    Pajjiż benefiċjarju tas-SĠP li jixtieq jibbenefika mis-SĠP+ ikollu jagħmel talba flimkien ma' informazzjoni komprensiva li tikkonċerna r-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti, ir-riżervi tiegħu u l-oġġezzjonijiet għal dawn ir-riżervi magħmula minn partijiet oħra għall-konvenzjoni, u l-impenji obbligatorji tiegħu.

    (3)

    Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa tadotta atti delegati biex temenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 sabiex jingħata SĠP+ lil pajjiż rikjedenti billi jiżdied mal-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP+.

    (4)

    Fit-12 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba ta' GSP+ min-naħa tar-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka (“Sri Lanka”).

    (5)

    Il-Kummissjoni eżaminat it-talba għal SĠP+ magħmula mis-Sri Lanka skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, u l-Kummissjoni stabbiliet li s-Sri Lanka tissodisfa l-kundizzjonijiet. Għalhekk is-Sri Lanka għandha tingħata SĠP + mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-Kummissjoni għandha tkompli tirrevedi l-istatus ta' ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti, l-implimentazzjoni effettiva ta' dawn il-konvenzjonijiet, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-korpi ta' monitoraġġ rilevanti mill-gvern tas-Sri Lanka,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-pajjiż li ġej u l-kodiċi alfabetiku korrispondenti jiddaħħlu taħt il-kolonni B u A, rispettivament:

    “Is-Sri Lanka

    LK”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.


    Top