This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017H0948
Commission Recommendation (EU) 2017/948 of 31 May 2017 on the use of fuel consumption and CO2 emission values type-approved and measured in accordance with the World Harmonised Light Vehicles Test Procedure when making information available for consumers pursuant to Directive 1999/94/EC of the European Parliament and of the Council (notified under document C(2017) 3525)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/948 tal-31 ta' Mejju 2017 dwar l-użu tal-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 approvati għat-tip u mkejla skont il-Proċedura tat-Test Dinji Armonizzat għall-Vetturi Ħfief meta din l-informazzjoni tingħata lill-konsumaturi b'konformità mad-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2017) 3525)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/948 tal-31 ta' Mejju 2017 dwar l-użu tal-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 approvati għat-tip u mkejla skont il-Proċedura tat-Test Dinji Armonizzat għall-Vetturi Ħfief meta din l-informazzjoni tingħata lill-konsumaturi b'konformità mad-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2017) 3525)
C/2017/3525
ĠU L 142, 2.6.2017, p. 100–103
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
2.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 142/100 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/948
tal-31 ta' Mejju 2017
dwar l-użu tal-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 approvati għat-tip u mkejla skont il-Proċedura tat-Test Dinji Armonizzat għall-Vetturi Ħfief meta din l-informazzjoni tingħata lill-konsumaturi b'konformità mad-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2017) 3525)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 relatata mad-disponibilità ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet tas-CO2 rigward il-marketing ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda (1) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 9(2)(c) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fil-proċedura regolatorja ġdida tal-ittestjar għall-kejl tal-emissjonijiet tad-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil minn vetturi ħfief, il-Proċedura Armonizzata Dinjija għat-Testijiet tal-Vetturi Ħfief (WLTP) stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) C(2017) 3521 (2), se tissostitwixxi ċ-Ċiklu Ewropew il-Ġdid tat-Testijiet (NEDC), li qiegħed jintuża bħalissa b'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (3), iżda li ma għadux kompatibbli mal-kundizzjonijiet tas-sewqan jew mat-teknoloġiji tal-vetturi tal-lum. Id-WLTP se tipprovdi kundizzjonijiet tat-testijiet aktar stretti u valuri tal-emissjonijiet tad-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil aktar realistiċi u ta' benefiċċju għall-konsumaturi. Ir-rekwiżiti rigward l-informazzjoni lill-konsumaturi jeħtieġ li jinkludu l-mod li bih l-aċċess għal din l-informazzjoni se jkun żgurat sabiex jipprovdi l-paragunabilità meħtieġa ta' dik l-informazzjoni. |
(2) |
Id-Direttiva 1999/94/KE għandha l-għan li tiżgura li l-informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2 ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri offruti għall-bejgħ jew għall-kiri fl-UE ssir disponibbli għall-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata meta jixtru karozza ġdida. Dik id-Direttiva teħtieġ, fir-rigward ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda, li kemm il-konsum uffiċjali tal-fjuwil kif ukoll l-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tad-CO2 ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri, kif iddefiniti fil-punti (5) u (6) tal-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva, jkunu disponibbli għall-konsumaturi. Il-valuri li għandhom jintużaw huma dawk mogħtija approvazzjoni tat-tip u mkejla mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip b'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u tar-Regolament (KE) Nru 692/2008, b'mod partikolari l-Anness XII tiegħu, u li huma inklużi fl-Anness VIII tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dawn il-valuri għandhom jintehmżu maċ-ċertifikat KE tal-approvazzjoni tat-tip tal-karozza u għandhom jiġu inklużi fiċ-ċertifikat ta' konformità. |
(3) |
Id-WLTP se jiddaħħal gradwalment, u mill-1 ta' Settembru 2017 jibda b'tipi ġodda ta' karozzi tal-passiġġieri, kif deskritt fil-Parti B tal-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE, segwit mill-karozzi tal-passiġġieri ġodda mill-1 ta' Settembru 2018. Il-vetturi ta' tmiem is-serje, kif iddefiniti fil-punt (22) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46/KE, li jgħaddu minn proċedura ta' approvazzjoni tat-tip u jitkejlu skont in-NEDC, jistgħu jitqiegħdu fis-suq għal perjodu ta' tnax-il xahar mid-data li fiha tkun skadiet il-validità tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE, jiġifieri sal-31 ta' Awwissu 2019. B'konsegwenza ta' dan, mill-1 ta' Settembru 2019 il-karozzi tal-passiġġieri kollha li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni għandhom jiġu ttestjati skont id-WLTP. |
(4) |
Waqt li l-introduzzjoni gradwali ta' din il-miżura l-ġdida, iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip u ċ-ċertifikat tal-konformità ta' vettura tal-KE għandhom isemmu l-valuri ta' konsum ta' fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 approvati skont it-tip u mkejla skont in-NEDC u/jew id-WLTP. Fil-każ ta' karozzi tal-passiġġieri li għandhom approvazzjoni tat-tip skont id-WLTP, il-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 kemm tad-WLTP kif ukoll tan-NED se jiġu rreġistrati fiċ-ċertifikat tal-konformità. |
(5) |
Għalhekk huwa importanti li għal dan il-perjodu tranżitorju ta' introduzzjoni gradwali ta' din il-miżura l-ġdida jiġi ċċarat liema huma l-valuri li għandhom jintużaw għall-informazzjoni tal-konsumaturi skont id-Direttiva 1999/94/KE biex jiġi żgurat li l-informazzjoni lill-konsumatur tibqa' paragunabbli għall-karozzi l-ġodda kollha u fl-Istati Membri kollha. |
(6) |
Huwa ferm probabbli li l-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 mkejla skont id-WLTP se jkunu differenti minn dawk imkejla skont in-NEDC. Il-valuri tad-WLTP f'ħafna każijiet se jkunu ogħla meta mqabbel mal-valuri tan-NEDC għall-istess karozza. Barra minn hekk, b'kuntrast man-NEDC, id-WLTP se jipprevedi valuri speċifiċi ta' konsum tal-fjuwil u ta' emissjonijiet tad-CO2 għal kull vettura individwali li jirriflettu l-ispeċifikazzjonijiet tal-vettura u t-tagħmir fakoltattiv li jaffettwa dawk il-valuri. Dan għandu jipprovdi lill-konsumaturi b'informazzjoni aktar preċiża u realistika għal kull karozza ġdida tal-passiġġieri jew, fil-każ ta' ċertu mudell ta' karozza, dwar il-firxa ta' valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 tiegħu. |
(7) |
Ir-riżultati tat-testijiet dwar il-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 huma rreġistrati għal diversi fażijiet ta' ttestjar. Għall-vetturi li għandhom approvazzjoni tat-tip skont in-NEDC, il-valuri huma mogħtija għal kundizzjonijiet “urban” u “extra urban” u jingħataw ukoll il-valuri “combined” u “weighted, combined”. Għall-vetturi li għandhom approvazzjoni tat-tip skont id-WLTP, il-valuri huma mogħtija għal “low”, “medium”, “high”, u “extra high” u jingħataw ukoll il-valuri “combined” u “weighted, combined”. Sabiex tiġi żgurata l-paragunabilità, tal-inqas il-valuri “combined” tal-metodu tat-test applikabbli għandhom ikunu disponibbli għall-konsumaturi. |
(8) |
Meta tkun isseparata minn tikketti, gwidi, kartelluni jew letteratura u materjali promozzjonali meħtieġa skont id-Direttiva 1999/94/KE l-informazzjoni relatata mal-konsum tal-fjuwil jew mal-emmissjonijiet tad-CO2 tkun disponibbli għall-konsumaturi abbażi ta' protokolli tat-testijiet mhux armonizzati fl-ambitu ta' skemi volontarji tal-manifatturi, u l-konsumaturi għandhom jintgħarrfu tajjeb li dawn il-valuri huma bbażati fuq protokolli tat-testijiet mhux armonizzati. Il-konsumaturi għandhom jintgħarrfu li, sabiex ikunu jistgħu iqabblu l-konsum tal-fjuwil jew l-emmissjonijiet tad-CO2 ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri, għandhom jintużaw il-valuri mkejla u approvati skont it-tip b'konformità mal-protokoll tat-testijiet armonizzati tal-UE. |
(9) |
Meta jkunu qed jittrasponu d-Direttiva 1999/94/KE, xi Stati Membri għażlu li jinkludu wkoll informazzjoni dwar is-sustanzi li jniġġsu l-arja fuq it-tikketti tal-karozzi minbarra l-informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet speċifiċi tad-CO2. Bl-introduzzjoni tad-WLTP u tal-proċedura tat-testijiet tal-emissjonijiet reali tas-sewqan (RDE), u skont ir-rekwiżiti l-ġodda għad-dikjarazzjoni tal-valur massimu tal-emissjonijiet reali tas-sewqan fuq iċ-ċertifikat tal-konformità ta' karozzi ġodda (6), l-informazzjoni dwar is-sustanzi li jniġġsu l-arja se tkun disponibbli sa mill-1 ta' Settembru 2017 għat-tipi l-ġodda kollha ta' vetturi u mill-1 ta' Settembru 2019 għall-vetturi l-ġodda kollha. B'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur tal-karozzi (7), l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk huwiex il-każ li jagħtu din l-informazzjoni lill-konsumaturi bl-għan tas-sensibilizzazzjoni u biex jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażla infurmata meta jixtru karozza. |
(10) |
Sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jifhmu bis-sħiħ l-implikazzjonijiet tal-bidla għad-WLTP, il-partijiet kollha kkonċernati għandhom imexxu jew jikkontribwixxu għal kampanji ta' informazzjoni biex jispjegaw l-effetti tal-proċedura tal-ittestjar il-ġdida dwar il-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2. Dawn il-kampanji ta' informazzjoni għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, lill-organizzazzjonijiet ambjentali u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-assoċjazzjonijiet tas-sewwieqa, u lill-industrija tal-karozzi. |
(11) |
Wara li saru konsultazzjonijiet mal-Grupp Espert għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika dwar id-CO2 mill-vetturi tat-triq, ma' esperti mill-industrija, mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi oħrajn u mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kif il-konsum uffiċjali tal-fjuwil u l-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tad-CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri għandhom jiġu kkomunikati għall-informazzjoni tal-konsumaturi. |
(12) |
Għandha tiġi adottata rakkomandazzjoni biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla informata u biex titħeġġeġ applikazzjoni armonizzata tad-Direttiva 1999/94/KE madwar l-Unjoni. |
(13) |
Il-miżuri stipulati f'din ir-Rakkomandazzjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/94/KE. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
1. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valuri tan-NEDC irreġistrati fiċ-ċertifikati ta' konformità ta' karozzi rreġistrati ġodda jintużaw għall-fini ta' komunikazzjoni tal-konsum uffiċjali tal-fjuwil u tal-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tad-CO2, kif iddefiniti fil-punti (5) u (6) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/94/KE, lill-konsumaturi sal-31 ta' Diċembru 2018, data li warajha l-vetturi ġodda kollha li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni għandhom jiġu ttestjati u approvati skont it-tip b'konformità mad-WLTP. |
2. |
Mill-1 ta' Jannar 2019, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu biss il-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tas-CO2 tad-WLTP li jintużaw għall-fini ta' informazzjoni għall-konsumatur. |
3. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara l-1 ta' Jannar 2019, meta vetturi ta' tmiem is-serje jkun għad għandhom valuri tan-NEDC biss, dawn il-valuri jiġu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà li tagħti l-informazzjoni li l-vettura hija vettura ta' tmiem is-serje u li l-valuri ma jistgħux jitqabblu mal-valuri bbażati fuq id-WLTP. |
4. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwaħħal jew tintwera tikketta ħdejn kull karozza tal-passiġġieri ġdida fil-punt tal-bejgħ li tinkludi informazzjoni dwar il-valuri tal-konsum uffiċjali tal-fjuwil u l-valuri tal-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tad-CO2 tal-vettura li għaliha tkun qed tirreferi. |
5. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gwida dwar l-ekonomija fl-użu tal-fjuwil u dwar l-emissjonijiet tad-CO2 kif ukoll il-kartellun jew id-display li jintwerew fil-punt tal-bejgħ ikunu jinkludu informazzjoni dwar il-valuri tal-konsum uffiċjali tal-fjuwil u l-valuri tal-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tad-CO2 tal-vettura li għaliha jkunu qed jirreferu. Meta diversi varjanti u/jew verżjonijiet ikunu raggruppati taħt mudell wieħed, il-valuri li għandhom jingħataw għandhom ikunu dawk tal-vettura individwali bl-ogħla valuri f'dak il-grupp. |
6. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal promozzjonali li jkun fih referenza għal xi mudell, verżjoni jew varjant partikolari ta' karozza tal-passiġġieri ġdida jinkludi informazzjoni dwar il-valuri tal-konsum uffiċjali tal-fjuwil u l-valuri tal-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tad-CO2 tal-vettura li għaliha jkun qed jirreferi. Jekk jiġi speċifikat aktar minn mudell wieħed, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni tinkludi l-valuri tal-konsum uffiċjali tal-fjuwil u l-valuri tal-emissjonijiet speċifiċi uffiċjali tad-CO2 tal-vetturi kollha li għalihom tirreferi, jew il-firxa bejn l-agħar u l-aħjar valuri tal-vetturi kollha li għalihom tkun tirreferi. Għall-vetturi li għandhom approvazzjoni tat-tip skont id-WLTP, l-agħar u l-aħjar valuri għandhom jirriflettu l-valuri tal-karozzi tal-passiġġieri l-ġodda disponibbli fis-suq, kif irreġistrati fiċ-ċertifikati tal-konformità. |
7. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal promozzjonali ddistribwit b'mezzi elettroniċi li jippermettu lill-konsumaturi jikkonfiguraw vettura speċifika, bħall-konfiguratori tal-karozzi online, juru b'mod ċar lill-konsumaturi kif it-tagħmir speċifiku u l-extras fakultattivi diversi jaffettwaw il-valuri tal-konsum tal-fjuwil u l-valuri tal-emissjonijiet tad-CO2 approvati għat-tip u mkejla skont id-WLTP. |
8. |
F'każ li l-Istati Membri jippermettu li l-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 tad-WLTP jingħataw bħala informazzjoni addizzjonali qabel l-1 ta' Jannar 2019 sabiex jipprovdu lill-konsumaturi kemm jista' jkun malajr b'aċċess għall-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 li huma l-iktar rappreżentattivi f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni addizzjonali tiġi ppreżentata b'mod ċar u separat minn dik li tinsab fuq it-tikketti, fil-gwidi, fuq il-kartelluni jew fil-letteratura promozzjonali u l-materjal ieħor meħtieġ skont id-Direttiva 1999/94/KE u li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja: “Mill-1 ta' Settembru 2017, ċerti vetturi ġodda se jiġu approvati skont it-tip bl-użu tat-Test Dinji Armonizzat għall-Vetturi Ħfief (WLTP), li hija proċedura tal-ittestjar ġdida u aktar realistika għall-kejl tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2. Mill-1 ta' Settembru 2018, id-WLTP se jissostitwixxi kompletament iċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC), li hija l-proċedura tal-ittestjar attwali. Minħabba l-kundizzjonijiet tat-test atkar realistiċi, il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 imkejla bid-WLTP f'ħafna każijiet ikunu ogħla meta mqabbla ma' dawk imkejla bin-NEDC.” |
9. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li qabel ma jieħdu deċiżjoni dwar ix-xiri ta' karozza, il-konsumaturi jkunu infurmati dwar it-tibdil fil-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 li rriżultaw mill-introduzzjoni tad-WLTP u dwar l-implikazzjonijiet li dawn it-tibdiliet jistgħu jkollhom meta ssir ir-reġistrazzjoni. |
10. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valuri tal-konsum uffiċjali tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 speċifiċi uffiċjali tal-inqas jinkludu l-valuri msejħa “combined” imkejla skont il-proċedura tat-test rilevanti. |
11. |
Meta l-informazzjoni relatata mal-konsum tal-fjuwil jew mal-emissjonijiet tad-CO2 abbażi tal-protokolli tat-test mhux armonizzati fl-ambitu tal-iskemi volontarji tal-manifatturi tingħata lill-konsumaturi b'mod separat mit-tikketti, il-gwidi, il-kartelluni jew il-letteratura promozzjonali u l-materjal meħtieġ skont id-Direttiva 1999/94/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni tinkludi l-informazzjoni li ġejja: “Il-valuri tal-konsum tal-fjuwil jew il-valuri tal-emissjonijiet tad-CO2 ipprovduti huma msejsa fuq protokolli tat-testijiet mhux armonizzati. Qegħdin jingħataw biss għal skopijiet ta' informazzjoni. Sabiex jitqabblu l-valuri tal-konsum tal-fjuwil tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri jew il-valuri tal-emissjonijiet tad-CO2 tagħhom, abbażi ta' protokoll tat-testijiet armonizzat tal-UE, għandhom jintużaw il-valuri tal-konsum uffiċjali tal-fjuwil jew il-valuri tal-emissjonijiet tad-CO2.”. |
12. |
L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li jinkludu wkoll informazzjoni dwar il-valur massimu għall-inkwinanti tal-arja għas-sewqan reali ddikjarati fiċ-ċertifikat ta' konformità tal-vettura fuq it-tikketta li tkun imwaħħla jew murija ħdejn kull karozza tal-passiġġieri ġdida fil-punt tal-bejgħ. |
13. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitvaraw kampanji ta' informazzjoni xierqa li jispjegaw lill-konsumaturi l-introduzzjoni tad-WLTP u l-implikazzjonijiet tagħha għall-valuri tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2, b'mod partikulari ż-żieda f'dawk il-valuri meta mqabbla mal-kejl li jiġi dderivat min-NEDC, u t-tifsira tal-valuri li jirriżultaw minn fażijiet tal-ittestjar differenti. |
14. |
Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. |
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Mejju 2017.
Għall-Kummissjoni
Miguel ARIAS CAÑETE
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni C(2017) 3521 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).
(5) Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 109, 26.4.2016, p. 1).
(7) P8_TA(2017)0100