EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1562

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1562 tal-14 ta' Settembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

ĠU L 237, 15.9.2017, p. 86–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1562/oj

15.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/86


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1562

tal-14 ta' Settembru 2017

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“RDPK”).

(2)

Fil-5 ta' Awwissu 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 2371 (2017) (“UNSCR 2371 (2017)”) li fiha esprimiet it-tħassib l-aktar serju dwar it-testijiet ta' missili ballistiċi tar-RDPK fit-3 u fit-28 ta' Lulju 2017 u nnotat li t-tali attivitajiet kollha jikkontribwixxu għall-iżvilupp mir-RDPK ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari u jżidu t-tensjoni fir-reġjun u lil hinn minnu.

(3)

Il-UNSCR 2371 (2017) testendi l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' ċerti oġġetti mir-RDPK, ir-restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet finanzjarji, u restrizzjonijiet fuq bastimenti tar-RDPK.

(4)

L-UNSCR 2371 (2017) tillimita wkoll l-għadd ta' awtorizzazzjonijiet ta' xogħol li jistgħu jinħarġu għaċ-ċittadini tar-RDPK.

(5)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri f'din id-Deċiżjoni.

(6)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   L-akkwist ta' faħam, ħadid, u minerali tal-ħadid mir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, jew l-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri, għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk dawn joriġinawx fit-territorju tar-RDPK jew le.

2.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti mill-paragrafu 1.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fir-rigward ta' faħam li, kif konfermat mill-Istat Membru akkwistant abbażi ta' informazzjoni kredibbli, ikun oriġina minn barra r-RDPK u jkun ġie trasportat fir-RDPK unikament biex jiġi esportat mill-port ta' Rajin (Rason), dment li l-Istat Membru jinnotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn qabel u li tali tranżazzjonijiet ma jkunux relatati mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew għal attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016) jew 2356(2017), jew minn din id-Deċiżjoni.

4.   L-akkwist ta' ċomb u mineral taċ-ċomb mir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, jew l-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri, għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk dawn joriġinawx fit-territorju tar-RDPK jew le.

5.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti mill-paragrafu 4.”.

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

1.   L-akkwist ta' frott tal-baħar mir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, jew l-użu ta' bastimenti jew ta' inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk dan joriġinax fit-territorju tar-RDPK jew le.

2.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti mill-paragrafu 1, li għandhom jinkludu ħut, krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħra, f'kull forma.”.

(3)

Fl-Artikolu 11(2), il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

il-ftuħ ta' impriżi konġunti jew entitajiet kooperattivi ġodda ma' entitajiet jew individwi tar-RDPK, jew l-espansjoni ta' impriżi konġunti eżistenti permezz ta' investimenti addizzjonali, kemm jekk jaġixxu għall-gvern tar-RDPK jew f'ismu u kemm jekk le, sakemm tali impriżi konġunti jew entitajiet kooperattivi ma jkunux ġew approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-każ;”.

(4)

Fl-Artikolu 13, il-punt (1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(1)

Ma għandu jsir ebda trasferiment jew ikklerjar ta' fondi lil, jew mir-RDPK, ħlief għal tranżazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-punt (3) u li ġew awtorizzati f'konformità mal-punt (4).”.

(5)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kumpaniji li jwettqu servizzi finanzjarji fuq l-istess livell bħal dawk ipprovduti minn banek bħala istituzzjonijiet finanzjarji għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 13, 14 u 24a.”.

(6)

Fl-Artikolu 16, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonfiskaw u jiddisponu minn, bħal bil-qerda, jew billi jagħmluhom inoperabbli jew li ma jistgħux jintużaw, jaħżnuhom, jew jittrasferuhom lejn Stat ieħor għajr l-Istat ta' oriġini jew ta' destinazzjoni għar-rimi, oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016) jew 2371 (2017), li jiġu identifikati fi spezzjonijiet, b'mod li hu konsistenti mal-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali applikabbli.”.

(7)

Fl-Artikolu 18a, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   Jekk id-deżinjazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tkun speċifikat dan, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu d-dħul fil-portijiet tagħhom ta' bastimenti ddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ħlief fil-każ ta' emerġenza jew fil-każ ta' ritorn fil-port ta' oriġini tiegħu, jew sakemm il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jiddeterminax minn qabel li tali dħul ikun meħtieġ għal finijiet umanitarji jew għal kwalunkwe fini ieħor konsistenti mal-objettivi tal-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017) jew 2371 (2017).

7.   L-Anness VI għandu jinkludi l-bastimenti msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu ddeżinjat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet f'konformità mal-paragrafu 6 tal-UNSCR 2371 (2017).”.

(8)

Fl-Artikolu 22, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għandhom ikunu pprojbiti r-reġistrazzjoni ta' bastimenti fir-RDPK, il-kisba ta' awtorizzazzjoni għal bastiment biex juża l-bandiera tar-RDPK, is-sjieda, il-kiri u l-operat ta' bastiment jew l-għoti ta' kwalunkwe klassifikazzjoni, ċertifikazzjoni jew servizzi assoċjati għal bastimenti, jew l-assigurazzjoni ta' kwalunkwe bastiment li jtajjar il-bandiera tar-RDPK, inkluż in-nolleġġar ta' tali bastimenti.”.

(9)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 26a

1.   L-Istati Membri ma għandhomx jaqbżu fi kwalunkwe data wara l-5 ta' Awwissu 2017 l-għadd totali ta' awtorizzazzjonijiet ta' xogħol għaċ-ċittadini tar-RDPK previst fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom u validi fil-5 ta' Awwissu 2017.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet japprova minn qabel skont il-każ individwali li l-impjieg ta' ċittadini addizzjonali tar-RDPK lil hinn mill-għadd ta' awtorizzazzjonijiet ta' xogħol previst fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fil-5 ta' Awwissu 2017 ikun meħtieġ għall-għoti ta' għajnuna umanitarja, id-denuklearizzazzjoni jew kwalunkwe għan ieħor konsistenti mal-objettivi tal-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017) jew 2371 (2017).”.

(10)

Fl-Artikolu 33, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Kunsill għandu jimplimenta modifiki għall-Annessi I, IV u VI abbażi ta' determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”.

(11)

L-intestatura tal-Anness IV hija sostitwita b'dan li ġej:

“'Lista ta' bastimenti msemmija fl-Artikolu 18a(5)”.

(12)

Jiżdied l-Anness li ġej:

ANNESS VI

Lista ta' bastimenti msemmija fl-Artikolu 18a(7)

”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Settembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ANVELT


(1)  ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79.


Top