Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0191

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/191 tal-1 ta' Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2010/166/UE, biex tintroduċi teknoloġiji u meded ta' frekwenza ġodda għas-servizzi ta' komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti (servizzi MCV) fl-Unjoni Ewropea (notifikata bid-dokument C(2017) 450) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/0450

    ĠU L 29, 3.2.2017, p. 63–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/01/2024; Impliċitament imħassar minn 32024D0340 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/191/oj

    3.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 29/63


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/191

    tal-1 ta' Frar 2017

    li temenda d-Deċiżjoni 2010/166/UE, biex tintroduċi teknoloġiji u meded ta' frekwenza ġodda għas-servizzi ta' komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti (servizzi MCV) fl-Unjoni Ewropea

    (notifikata bid-dokument C(2017) 450)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (id-Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/166/UE (2) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi u operattivi meħtieġa biex ikun jista' jintuża l-GSM abbord il-bastimenti (servizzi MCV) fl-Unjoni.

    (2)

    L-iżvilupp ta' mezzi mtejba tal-komunikazzjoni appoġġat mill-progress tekniku jista' jtejjeb il-kapaċità għal kull ċittadin biex ikun konness kullimkien u f'kull ħin f'konformità mal-Programm tal-Politika tal-Ispettru stabbilit bid-Deċiżjoni 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali. Barra minn hekk, l-ispettru għandu jintuża f'konformità mal-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2010/166/UE ssejjaħ lill-Istati Membri biex iżommu taħt reviżjoni l-użu tal-meded ta' frekwenzi ta' 900 MHz u 1 800 MHz minn sistemi li jipprovdu servizzi MCV fl-ibħra territorjali tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tar-rilevanza kontinwa tal-kondizzjonijiet kollha speċifikati f'dik id-Deċiżjoni u tal-każijiet ta' interferenza ta' ħsara. L-Istati Membri huma rikjesti wkoll jissottomettu lill-Kummissjoni rapport dwar is-sejbiet tagħhom u l-Kummissjoni għandha tirrevedi d-Deċiżjoni 2010/166/UE fejn jixraq.

    (4)

    Ir-rapporti mibgħuta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni kkonfermaw bil-qawwa l-ħtieġa li jippermettu teknoloġiji ġodda ta' komunikazzjoni għall-użu MCV.

    (5)

    Biex ikun faċilitat l-użu ulterjuri tal-applikazzjonijiet MCV fl-Unjoni, fis-16 ta' Novembru 2015 il-Kummissjoni tat mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (“is-CEPT”) f'konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 676/2002/KE biex tkun eżaminata l-possibilità li l-koeżistenza ta' apparat li jintuża abbord li juża teknoloġija LTE ma' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika terrestri li joperaw fil-meded 1 710-1 785/1 805-1 880 MHz and 2 500-2 570/2 620-2 690 Mhz u l-koeżistenza ta' apparat abbord li juża teknoloġija UMTS ma' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika li joperaw fil-meded 1 920-1 980/2 110-2 170 MHz.

    (6)

    Wara l-għoti tal-mandat, is-CEPT adottat fis-17 ta' Ġunju 2016 ir-rapport tagħha 62 li kkonkluda li jkun possibbli li jopera MCV, sakemm il-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti jintlaħqu, bl-użu ta' teknoloġija LTE fil-meded 1 710-1 785/1 805-1 880 MHz u 2 500-2 570/2 620-2 690 MHz u t-teknoloġija UMTS fil-medda 1 920-1 980/2 110-2 170 MHz. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2010/166/UE għandha tiġi emendata abbażi tar-riżultati tar-rapport CEPT 62 biex jiġu inklużi dawk it-teknoloġiji u frekwenzi u jkun permess l-użu ta' sistemi bbażati fuq dawn it-teknoloġiji abbord il-bastimenti.

    (7)

    Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness, u sabiex jiġu protetti użi awtorizzati oħra, l-Istati Membri jistgħu jqiegħdu restrizzjonijiet ġeografiċi addizzjonali fuq it-tħaddim tas-sistema MCV fl-ibħra territorjali tagħhom.

    (8)

    Meta wieħed iqis l-importanza tat-teknoloġiji UMTS u LTE għall-komunikazzjoni bla fili fl-Unjoni, il-possibbiltà li jintużaw sistemi MCV tas-sistemi MCV LTE u MCV UMTS kif deskritt f'din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

    (9)

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-MCV għandhom jibqgħu taħt rieżami sabiex jiġi żgurat li dawn dejjem jaqblu mal-progress teknoloġiku.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2010/166/UE hija emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Il-fini ta' din id-Deċiżjoni hu li tarmonizza l-kundizzjonijiet tekniċi għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-meded ta' frekwenzi ta' 900 MHz, 1 800 MHz, 1 900/2 100 MHz, 2 600 MHz għal sistemi li jipprovdu servizzi ta' komunikazzjonijiet mobbli abbord il-bastimenti fl-ibħra territorjali tal-Unjoni Ewropea.”.

    2.

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.

    “servizzi ta” komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti (servizzi MCV)' tfisser servizzi ta' komunikazzjoni elettroniċi, kif imfisser fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), mogħtijin minn impriża sabiex tippermetti li dawk li jkunu abbord bastiment jikkomunikaw permezz ta' netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni bl-użu ta' sistema soġġetta għall-Artikolu 3 mingħajr ma jkunu stabbiliti konnessjonijiet diretti man-netwerks mobbli terrestri;

    (*1)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).”;"

    (b)

    il-punt 7, jinbidel b'dan li ġej:

    “7.

    “Stazzjon ta' Bażi Transciever ta' Bastiment (BS tal-bastiment)” tfisser piko-ċellula mobbli li tinsab fuq il-bastiment u li tappoġġa s-servizzi tal-GSM, LTE jew UMTS konformi mal-Anness għal din id-Deċiżjoni;”;

    (c)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “8.

    “Il-medda 1 900/2 100 MHz” tfisser il-medda ta' 1 920-1 980 MHz fil-każ ta' konnessjoni axxendentali (terminal li jittrażmetti u stazzjon ta' bażi ta' riċezzjoni) u l-medda 2 110-2 170 MHz għal konnessjoni dixxendentali (stazzjon ta' bażi trażmettitur u terminal ta' riċezzjoni);

    9.

    “il-medda 2 600 MHz” tfisser il-medda 2 500-2 570 MHz fil-każ ta' konnessjoni axxendentali (terminal li jittrażmetti u stazzjon ta' bażi ta' riċezzjoni) u l-medda ta' frekwenzi 2 620-2 690 MHz għal konnessjoni dixxendentali (stazzjon ta' bażi trażmettitur u terminal ta' riċezzjoni);

    10.

    “Sistema LTE” tfisser netwerk ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, kif definit fl-Anness għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/251/UE (*2);

    11.

    “Sistema UMTS” tfisser netwerk ta' komunikazzjonijiet elettroniċi kif definit fl-Anness għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/251/UE.

    (*2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/251/UE tat-18 ta' April 2011 li temenda d-Deċiżjoni Nru 2009/766/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta' frekwenza 900 MHz u 1 800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi pan-Ewropej ta' komunikazzjoni fil-Komunità (ĠU L 106, 27.4.2011, p. 9)”."

    3.

    L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli mill-inqas 2 MHz ta' spettru fid-direzzjoni ta' konnessjoni axxendentali u 2 MHz ta' spettru korrispondenti fid-direzzjoni ta' konnessjoni dixxendentali akkoppjat fil-meded 900 u/jew 1 800 Mhz għal sistemi GSM sakemm is-servizzi MCV fuq bażi bla interferenza u mhux protetta fl-ibħra territorjali tagħhom;

    2.   Malajr kemm jista' jkun, u sitt xhur wara d-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli 5 MHz ta' spettru fid-direzzjoni ta' konnessjoni axxendentali u 5 MHz ta' spettru korrispondenti fid-direzzjoni ta' konnessjoni dixxendentali, akkoppjati fi ħdan il-meded 1 900/2 100 MHz għas-sistemi UMTS u fil-meded 1 800 MHz u 2 600 MHz għal sistemi LTE li jipprovdu servizzi MCV fuq bażi ta' mingħajr interferenza u mingħajr protezzjoni, fl-ibħra territorjali tagħhom.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jikonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness.”.

    4.

    L-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom iżommu taħt reviżjoni l-użu tal-meded ta' frekwenzi mis-sistemi li jipprovdu servizzi MCV fl-ibħra territorjali tagħhom, li huma msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2), b'mod partikolari fir-rigward tar-rilevanza kontinwa tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 3 u tal-każijiet ta' interferenza dannuża.”.

    5.

    L-Anness jinbidel bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Andrus ANSIP

    Viċi President


    (1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/166/UE tad-19 ta' Marzu 2010 dwar kondizzjonijiet armonizzati għall-użu tal-ispektrum għas-servizzi ta' komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti (servizzi MCV) fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 72, 20.3.2010, p. 38).

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

    (4)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).


    ANNESS

    “ANNESS

    Il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu mħarsa mis-sistemi li jipprovdu servizzi MCV fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, biex tiġi evitata interferenza dannuża għan-netwerks mobbli terrestri

    (1)   Il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mis-sistemi tal-GSM li joperaw fil-medda ta' 900 MHz u l-medda ta' 1 800 MHz li jipprovdu servizzi MCV fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri, biex tiġi evitata l-interferenza dannuża għan-netwerks mobbli terrestri.

    Japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Is-sistema li tipprovdi servizzi MCV ma għandhiex tintuża f'distanza eqreb minn żewġ mili nawtiċi (1) mil-linja bażi, kif definit fil- Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar;

    (b)

    Jistgħu jintużaw biss antenni interni ta' BS tal-bastimenti bejn żewġ u tnax-il mil nawtiku mil-linja bażi;

    (c)

    Limiti li għandhom jiġu stabbiliti għal terminals mobbli meta jintużaw abbord il-bastiment u għall-BS tal-bastiment:

    Parametru

    Deskrizzjoni

    Qawwa tat-trażmissjoni/densità tal-potenza

    Għat-terminals mobbli li jintużaw abbord il-bastiment u kkontrollati permezz tal-BS tal-bastiment fil-medda ta' 900 MHz, il-qawwa massima tal-output irradjat:

    5 dBm

    Għat-terminals mobbli li jintużaw abbord il-bastimenti u kkontrollati permezz tal-BS tal-bastimenti fil-medda ta' frekwenzi ta' 1 800 MHz, il-qawwa massima tal-output irradjat:

    0 dBm

    Għall-istazzjonijiet ta' bażi abbord il-bastiment, id-densità massima tal-qawwa mkejla f'partijiet esterni tal-bastiment, b'referenza għal kejl ta' gain ta' antenna ta' 0 dBi:

    – 80 dBm/200 kHz

    Aċċess għall-kanal u regoli tal-okkupazzjoni

    Għandhom jintużaw tekniki għat-tnaqqis tal-interferenza li mill-inqas jipprovdu rendiment ekwivalenti għal dak ta' dawn il-fatturi ta' tnaqqis, abbażi tal-istandards tal-GSM:

    bejn 2 u 3 mili nawtiċi mil-linja bażi, is-sensittività tar-riċevitur u l-livell massimu tad-diskonnessjoni (livelli ACCMIN (2) u min RXLEV (3)) tat-terminal mobbli użat abbord il-bastiment għandu jkun daqs jew ogħla minn — 70 dBm/200 kHz u bejn 3 u 12-il mil nawtiku mil-linjua bażi daqs jew ogħla minn — 75 dBm/200 kHz;

    it-trażmissjoni mhux kontinwa (4) għandha tiġi attivata fid-direzzjoni ta' konnessjoni axxendentali;

    il-valur tal-avvanz tal-ħin (5) tal-BS tal-bastiment għandu jiġi ssettjat fil-valur minimu.

    (2)   Kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mis-sistemi UMTS fil-meded 1 900/2 100 MHz li jipprovdu servizzi MCV fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri, biex tiġi evitata l-interferenza dannuża għan-netwerks mobbli terrestri.

    Għandhom japplikaw dawn il-kundizzjonijiet:

    (a)

    is-sistema li tipprovdi servizzi MCV ma għandhiex tintuża f'distanza eqreb minn żewġ mili nawtiċi mil-linja bażi, kif definit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar;

    (b)

    jistgħu jintużaw biss antenni interni ta' BS tal-bastimenti bejn żewġ u tnax-il mil nawtiku mil-linja bażi;

    (c)

    tista' tintuża wisa' tal-medda sa 5 MHzbiss (duplex) biss;

    (d)

    limiti li għandhom jiġu stabbiliti għal terminals mobbli meta jintużaw abbord il-bastiment u għall-BS tal-bastiment:

    Parametru

    Deskrizzjoni

    Qawwa tat-trażmissjoni/Densità tal-qawwa

    Għal terminals mobbli li jittrażmettu fil-medda 1 900 Mhz użati abbord il-bastimenti u kkontrollati mill-BS tal-bastiment li jittrażmetti fil-medda 2 100  Mhz, il-qawwa massima tal-output irradjat:

    0 dBm/5 MHz

    Emissjonijiet fuq il-gverta

    Emissjonijiet ta' BS tal-bastiment ta' fuq il-gverta għandhom ikunu daqs jew inqas minn — 102 dBm/5 MHz (Kanal Komuni tal-Piloti)

    Aċċess għall-kanal u regoli tal-okkupazzjoni

    Bejn 2 u 12-il mil nawtiku mil-linja bażi, il-kriterji ta' kwalità (il-livell minimu meħtieġ tas-sinjal irċevut f'ċellola) għandu jkun daqs jew ogħla minn:

    – 87 dBm/5 MHz

    It-timer tal-għażla tan-netwerk mobbli terrestri pubbliku għandu jkun issettjat għal 10 minuti

    Il-parametru tal-avvanz tal-ħin għandu jiġi ssettjat skont il-firxa ta' ċelloli mqassma ta' sistemi distribwiti ta' antenni MCV ugwali għal 600 m

    Ir-rilaxx tat-timer tar-rilaxx tal-inattività tal-utent tal-Kontroll tar-Riżorsi tar-Radju għandu jkun ta' żewġ sekondi.

    Nuqqas ta' allinjament ma' netwerks fuq l-art

    It-trasportatur MCV tal-frekwenza ċentrali ma għandux jiġi allinjata ma' trasportaturi fuq netwerks tal-art.

    (3)   Kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti minn sistemi fil-medda 1 800 MHz u 2 600 MHz li jipprovdu servizzi MCV fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri, biex tiġi evitata l-interferenza dannuża għal netwerks mobbli bbażati fuq l-art

    Japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Is-sistema li tipprovdi servizzi MCV ma għandhiex tintuża f'distanza eqreb minn 4 mili nawtiċi mil-linja bażi, kif definit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar;

    (b)

    Jistgħu jintużaw biss antenni interni ta' BS ta' bastimenti bejn erba' u tnax-il mil nawtiku mil-linja bażi;

    (c)

    Faxxa tal-frekwenza biss sa 5 MHz (duplex) jistgħu jintużaw għal kull banda ta' frekwenzi (1 800 MHz u 2 600 MHz);

    (d)

    Limiti li għandhom jiġu stabbiliti għal terminals mobbli meta jintużaw abbord il-bastiment u għall-BS tal-bastiment:

    Parametru

    Deskrizzjoni

    Qawwa tat-trażmissjoni/Densità tal-qawwa

    Għat-terminals mobbli li jintużaw abbord il-bastimenti u li huma kkontrollati permezz ta' BS ta' bastimenti fil-medda ta' frekwenzi ta' 1 800 Mhz u 2 600 MHz, il-potenza massima tal-output irradjat:

    0 dBm

    Emissjonijiet fuq il-gverta

    L-emissjonijiet ta' BS ta' bastimenti ta' fuq il-gverta għandhom ikunu daqs jew inqas minn – 98 dBm/5 MHz (ekwivalenti għal – 120 dBm/15 kHz)

    Aċċess għall-kanal u regoli tal-okkupazzjoni

    Bejn erba' u tnax-il mil nawtiku mil-linja bażi, il-kriterji ta' kwalità (il-livell ta' sinjal irċevut minimu meħtieġ fiċ-ċellola) għandhom ikunu daqs jew ogħla minn – 83 dBm/5 MHz (ekwivalenti għal – 105 dBm/15 kHz)

    It-timer tal-għażla tan-Netwerk Mobbli Terrestri Pubbliku għandu jkun issettjat għal 10 minuti

    Il-parametru tal-avvanz tal-ħin għandu jiġi ssettjat skont il-firxa ta' ċelloli mqassma ta' sistemi distribwiti ta' antenni MCV ugwali għal 400 m

    It-timer tal-inattività tal-utent għar-rilaxx tal-Kontroll tar-Riżorsi tar-Radju għandu jiġi ssetjat għal żewġ sekondi.

    Nuqqas ta' allinjament ma' netwerks fuq l-art

    It-trasportatur MCV tal-frekwenza ċentrali ma għandux jiġi allinjata ma' trasportaturi fuq netwerks tal-art.”


    (1)  Mil nawtiku = 1 852 metru

    (2)  ACCMIN (RX_LEV_ACCESS_MIN); kif deskritt fl-istandard ETSI TS 144 018 tal-GSM

    (3)  RXLEV (RXLEV-FULL-SERVING-CELL); kif deskritt fl-istandard ETSI TS 148 008 tal-GSM

    (4)  Trażmissjoni mhux kontinwa, jew DTX; kif deskritt fl-istandard ETSI TS 148 008 tal-GSM

    (5)  Avvanz tal-ħin; kif deskritt fl-istandard ETSI TS 144 018 tal-GSM


    Top