Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0582

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/582 tal-15 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 333/2007 fir-rigward tal-analiżi tal-arseniku inorganiku, taċ-ċomb u tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi u ta' ċerti kriterji ta' prestazzjoni għall-analiżi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/2130

ĠU L 101, 16.4.2016, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/582/oj

16.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/582

tal-15 ta' April 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 333/2007 fir-rigward tal-analiżi tal-arseniku inorganiku, taċ-ċomb u tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi u ta' ċerti kriterji ta' prestazzjoni għall-analiżi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (2) jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta' kampjuni u ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel

(2)

Il-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (3). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1006 (4) emenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 biex jistabbilixxi l-livelli massimi ta' arseniku inorganiku, u għalhekk huwa xieraq li jiġu stipulati proċeduri speċifiċi relatati mal-analiżi għall-arseniku inorganiku.

(3)

L-istandard EN 13804 relatat mad-determinazzjoni tal-elementi u tal-ispeċi kimika tagħhom ġie aġġornat, u għaldaqstant huwa xieraq li r-referenza għal dak l-istandard tiġi aġġornata skont dan.

(4)

Il-livelli massimi ta' idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAH) fiż-żerriegħa tal-kawkaw u fil-prodotti dderivati jridu jkunu stabbiliti abbażi tax-xaħam. It-testijiet tal-profiċjenza mwettqa mil-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-PAH jindikaw diverġenzi fid-determinazzjoni tal-kontenut tax-xaħam. Għalhekk, huwa xieraq li l-approċċ għad-determinazzjoni tal-kontenut tax-xaħam jiġi armonizzat.

(5)

Fuq parir tal-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-metalli tqal fl-għalf u fl-ikel, huwa xieraq li jiġu emendati d-definizzjoni tal-limitu ta' kwantifikazzjoni u l-kriterji ta' prestazzjoni marbuta mal-limitu ta' identifikazzjoni għall-metodi ta' analiżi għaċ-ċomb, għall-kadmju, għall-merkurju u għal-landa inorganika.

(6)

Huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet marbuta mal-metodi tat-teħid ta' kampjuni u ta' analiżi japplikaw ukoll 'il barra mill-qafas tal-kontrolli uffiċjali.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 333/2007 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 333/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta' kampjuni u ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' mikroelementi u ta' kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel”;

(2)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   It-teħid ta' kampjuni u l-analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' ċomb, ta' merkurju, ta' landa inorganika, ta' arseniku inorganiku, ta' 3-MCPD u ta' idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (“PAH”) elenkati fit-Taqsimiet 3, 4 u 6 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandhom jitwettqu skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.”;

(3)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1006 tal-25 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' arseniku inorganiku fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 161, 26.6.2015, p. 14).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 333/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punt C.2.2.1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“C.2.2.1.   Proċeduri speċifiċi għaċ-ċomb, għall-kadmju, għall-merkurju, għal-landa inorganika u għall-arseniku inorganiku

L-analista għandu jiżgura li l-kampjuni ma jiġux ikkontaminati waqt it-tħejjija tal-kampjuni. Kull meta jkun possibbli, l-apparat u t-tagħmir li jiġi f'kuntatt mal-kampjun ma għandux ikun fihom dawk il-metalli li jridu jiġu ddeterminati u għandhom ikunu magħmula minn materjali inerti, pereżempju plastik bħal polipropilen, politetrafluworoetilen (PTFE), eċċ. Dawn għandhom jitnaddfu bl-aċidu sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' kontaminazzjoni. Għax-xfafar jista' jintuża azzar li ma jissaddadx ta' kwalità għolja.

Hemm bosta proċeduri speċifiċi sodisfaċenti ta' tħejjija tal-kampjuni li jistgħu jintużaw għall-prodotti kkonċernati. Għal dawk l-aspetti li mhumiex koperti speċifikament b'dan ir-Regolament, l-Istandard tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) “Oġġetti tal-ikel. Determinazzjoni tal-elementi u tal-ispeċi kimika tagħhom. Kunsiderazzjonijiet ġenerali u rekwiżiti speċifiċi” (*) jitqies li huwa sodisfaċenti iżda metodi oħra ta' tħejjija tal-kampjun jistgħu ikunu daqstant validi.

Fil-każ tal-landa inorganika, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-materjal kollu jittieħed f'soluzzjoni peress li huwa magħruf li faċilment isir telf, b'mod partikolari minħabba l-idroliżi, li bħala riżultat tagħha tinħoloq l-ispeċi ossida ta' Sn(IV) idratata u insolubbli.

(*)  L-istandard EN 13804:2013, “Oġġetti tal-ikel. Determinazzjoni tal-elementi u tal-ispeċi kimika tagħhom. Kunsiderazzjonijiet ġenerali u rekwiżiti speċifiċi”, CEN, Rue de Stassart 36, B-1050 Bruxelles/Brussell.”"

(2)

Fil-punt C.2.2.2 Proċeduri speċifiċi għall-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“Għall-analiżi tal-PAH fil-kawkaw u fil-prodotti dderivati mill-kawkaw, id-determinazzjoni tal-kontenut tax-xaħam titwettaq skont il-metodu uffiċjali Nru 963.15 tal-Metodi Uffiċjali ta' Analiżi (AOAC) għad-determinazzjoni tal-kontenut tax-xaħam fiż-żerriegħa tal-kawkaw u fil-prodotti dderivati. Jistgħu jiġu applikati proċeduri ekwivalenti ta' determinazzjoni tax-xaħam li fihom ikun jista' jintwera li l-proċedura ta' determinazzjoni tax-xaħam li tkun intużat tipprovdi valur indaqs (ekwivalenti) ta' kontenut tax-xaħam.”

(3)

Fil-punt C.3.1 Definizzjonijiet, id-definizzjoni ta' LOQ hija sostwita b'dan li ġej:

“‘LOQ’

=

Limitu ta' kwantifikazzjoni, l-iżjed kontenut baxx ta' analita li jista' jitkejjel b'ċertezza statistika raġonevoli. Jekk kemm l-eżattezza kif ukoll il-preċiżjoni jkunu kostanti f'firxa ta' konċentrazzjoni madwar il-limitu ta' identifikazzjoni, allura l-limitu ta' kwantifikazzjoni jkun numerikament daqs 10 darbiet id-devjazzjoni standard tal-medja tad-determinazzjonijiet b'matriċi vojta (n > 20).”

(4)

Fil-punt C.3.3.1 Kriterji ta' prestazzjoni, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

Kriterji ta' prestazzjoni għall-metodi ta' analiżi għaċ-ċomb, għall-kadmju, għall-merkurju, għal-landa inorganika u għall-arseniku inorganiku

Tabella 5

Parametru

Kriterju

Applikabbiltà

Ikel speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006

Speċifiċità

Mingħajr interferenzi matriċi jew spettrali

Ripetibbiltà (RSDr)

HORRATr inqas minn 2

Riproduċibbiltà (RSDR)

HORRATR inqas minn 2

Irkupru

Japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-punt D.1.2

LOD

= tliet għexieren ta' LOQ

LOQ

Landa inorganika

≤ 10 mg/kg

Ċomb

ML ≤ 0,01 mg/kg

0,01 < ML ≤ 0,02 mg/kg

0,02 < ML < 0,1 mg/kg

ML ≥ 0,1 mg/kg

≤ ML

≤ żewġ terzi tal-ML

≤ tnejn minn ħamsa tal-ML

≤ wieħed minn ħamsa tal-ML

Kadmju, merkurju, arseniku inorganiku

ML huwa < 0,100 mg/kg

ML huwa ≥ 0,100 mg/kg

≤ tnejn minn ħamsa tal-ML

≤ wieħed minn ħamsa tal-ML”

(5)

Il-punt C.3.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“C.3.2.   Rekwiżiti ġenerali

Il-metodi ta' analiżi li jintużaw għall-finijiet ta' kontroll tal-ikel għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Il-metodi ta' analiżi għal-landa totali huma xierqa għall-kontroll dwar il-livelli ta' landa inorganika.

Għall-analiżi taċ-ċomb fl-inbid, japplikaw il-metodi u r-regoli stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) (**), f'konformità mal-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (***).

Il-metodi ta' analiżi għal-landa totali huma xierqa għall-finijiet ta' skrinjar għall-kontroll dwar il-livelli ta' arseniku inorganiku. Jekk il-konċentrazzjoni totali ta' arseniku tkun taħt il-livell massimu ta' arseniku inorganiku, mhu meħtieġ ebda ttestjar iktar u l-kampjun jitqies li huwa konformi mal-livell massimu ta' arseniku inorganiku. Jekk il-konċentrazzjoni totali ta' arseniku tkun daqs il-livell massimu ta' arseniku inorganiku jew ogħla minnu, irid jitwettaq ittestjar ta' segwitu sabiex jiġi ddeterminat jekk il-konċentrazzjoni tal-arseniku inorganiku hijiex ogħla mil-livell massimu ta' arseniku inorganiku.

(**)  Organisation internationale de la vigne et du vin."

(***)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).”"



Top