Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0560

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/560 tal-11 ta' April 2016 li japprova s-sustanza bażika xorrox, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/1996

    ĠU L 96, 12.4.2016, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/560/oj

    12.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 96/23


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/560

    tal-11 ta' April 2016

    li japprova s-sustanza bażika xorrox, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fl-20 ta' April 2015 il-Kummissjoni waslitilha applikazzjoni mill-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tax-xorrox ħelu bħala sustanza bażika. Ma' dik l-applikazzjoni ngħatat l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3). L-applikant tħalla jimla l-applikazzjoni, li ġiet finalizzata fil-verżjoni l-ġdida ta' Settembru 2015. F'din l-okkażjoni, l-applikant biddel il-kamp ta' applikazzjoni għax-xorrox.

    (2)

    Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għal għajnuna xjentifika. Fit-28 ta' Ottubru 2015, l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku lill-Kummissjoni (2). Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' rieżami (3) kif ukoll abbozz għal dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fil-11 ta' Diċembru 2015, u ffinalizzathom għal-laqgħa ta' dan il-Kumitat fit-8 ta' Marzu 2016.

    (3)

    Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-applikant turi li x-xorrox jissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, is-sustanza ma tintużax b'mod predominanti għall-protezzjoni tal-pjanti, iżda madankollu hija utli għall-protezzjoni tal-pjanti fi prodott li jikkonsisti mis-sustanza u mill-ilma. Konsegwentement, għandha titqies bħala sustanza bażika.

    (4)

    Mill-eżamijiet li saru jidher li b'mod ġenerali, ix-xorrox jista' jiġi mistenni li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b'mod partikolari fl-użi li ġew eżaminati u dettaljati fir-rapport ta' rieżami tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li x-xorrox jiġi approvat bħala sustanza bażika.

    (5)

    F'konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ madankollu li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, li huma spjegati fid-dettall fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

    (6)

    F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) għandu jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni ta' sustanza bażika

    Is-sustanza xorrox kif speċifikat fl-Anness I hija approvata bħala sustanza bażika soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2015; L-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni tas-sustanza bażika għax-xorrox ħelu biex tintuża għall-protezzjoni tal-pjanti bħala funġiċida fid-dwieli, fit-tadam, fil-ħjar u fil-qara' bagħli. Il-pubblikazzjoni ta' appoġġ tal-EFSA 2015:EN-879. 34 pp.

    (3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN.

    (4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    L-Isem IUPAC

    Purità (1)

    Id-data tal-approvazzjoni

    Id-dispożizzjonijiet speċifiċi

    Xorrox

    Nru tal-CAS: 92129-90-3

    Mhux disponibbli

    STANDARD TAL-CODEX 289-1995 (2)

    It-2 ta' Mejju 2016

    Ix-xorrox jista' jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar ix-xorrox (SANCO/12354/2015) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika jinsabu fir-rapport ta' rieżami.

    (2)  Disponibbli onlajn: http://www.fao.org/fao-who-codexalimentarius/standards/list-of-standards/en/


    ANNESS II

    Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

    “10

    xorrox

    Nru tal-CAS: 92129-90-3

    Mhux disponibbli

    STANDARD TAL-CODEX 289-1995 (*)

    It-2 ta' Mejju 2016

    Ix-xorrox jista' jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar ix-xorrox (SANCO/12354/2015) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


    (*)  Disponibbli onlajn fuq: http://www.fao.org/fao-who-codexalimentarius/standards/list-of-standards/en/.”


    Top