Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0947

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/947 tal-14 ta' Ġunju 2016 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.) (EULEX KOSOVO)

    ĠU L 157, 15.6.2016, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/947/oj

    15.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 157/26


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/947

    tal-14 ta' Ġunju 2016

    li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (*) (EULEX KOSOVO)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-4 ta' Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK (1).

    (2)

    Fit-12 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/349/PESK (2) li emendat l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK u estendietha sal-14 ta' Ġunju 2016.

    (3)

    Fil-11 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/901 (3) li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK li tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mill-15 ta' Ġunju 2015 sal-14 ta' Ġunju 2016.

    (4)

    L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK għandha tiġi emendata biex testendi l-mandat ta' EULEX Kosovo sal-14 ta' Ġunju 2018 u biex tipprevedi ammont ġdid ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri l-perijodu mill-15 ta' Ġunju 2016 sal-14 ta' Ġunju 2017.

    (5)

    Xejn f'din id-Deċiżjoni ma għandu jiġi interpretat f'tali sens li jippreġudika l-indipendenza u l-awtonomija tal-imħallfin u l-prosekuturi.

    (6)

    Minħabba l-karattru speċjali tal-attivitajiet ta' EULEX KOSOVO b'appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru, huwa adatt li jiġi identifikat f'din id-Deċiżjoni l-ammont previst biex ikopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru u biex tiġi prevista l-implimentazzjoni ta' dik il-parti tal-baġit permezz ta' għotja.

    (7)

    EULEX Kosovo ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat.

    (8)

    L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ġunju 2016 sal-14 ta' Ġunju 2017 għandu jkun ta' EUR 63 600 000.

    Mill-ammont imsemmi fid-disa' subparagrafu, EUR 34 500 000 għandu jkopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO għall-implimentazzjoni tal-mandat tagħha fil-Kosovo mill-15 ta' Ġunju sal-14 ta' Diċembru 2016, u EUR 29 100 000 għandu jkopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru mill-15 ta' Ġunju 2016 sal-14 ta' Ġunju 2017. Dan l-aħħar ammont għandu wkoll retroattivament ikopri n-nefqa li tirriżulta mill-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati mill-1 ta' April 2016. Il-Kummissjoni għandha tiffirma ftehim ta' għotja ma' reġistratur li jaġixxi f'isem reġistru inkarigat mill-amministrazzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji rilokati għal dak l-ammont. Ir-regoli dwar l-għotjiet previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (**) għandhom japplikaw għal dan il-ftehim ta' għotja.

    L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu sussegwenti għal EULEX Kosovo għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

    (**)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).”;"

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   Għajr l-ammont imsemmi fl-għaxar subparagrafu tal-paragrafu 1 relatat mal-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru, EULEX KOSOVO għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni finanzjarja tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, EULEX KOSOVO għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.”.

    (2)

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Hija għandha tiskadi fl-14 ta' Ġunju 2018. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli, u filwaqt li jqis sorsi ta' finanzjament komplementari kif ukoll kontribuzzjonijiet minn sħab oħra, għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-mandat ta' EULEX KOSOVO b'appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati msemmijin fl-Artikolu 3a u l-mezzi finanzjarji meħtieġa relatati jibqa' fis-seħħ sakemm ikunu ġew konklużi dawn il-proċedimenti ġudizzjarji.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A.G. KOENDERS


    (*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

    (1)  L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX Kosovo (ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat-12 ta' Ġunju 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 174, 13.6.2014, p. 42).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/901 tal-11 ta' Ġunju 2015 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 147, 12.6.2015, p. 21).


    Top