This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014L0081
Commission Directive 2014/81/EU of 23 June 2014 amending Appendix C of Annex II to Directive 2009/48/EC of the European Parliament and of the Council on the safety of toys, as regards bisphenol A Text with EEA relevance
Direttiva tal-Kummissjoni 2014/81/UE tat- 23 ta' Ġunju 2014 li temenda l-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, fir-rigward tal-bisfenol A Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Direttiva tal-Kummissjoni 2014/81/UE tat- 23 ta' Ġunju 2014 li temenda l-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, fir-rigward tal-bisfenol A Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 183, 24.6.2014, p. 49–51
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
24.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 183/49 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/81/UE
tat-23 ta' Ġunju 2014
li temenda l-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, fir-rigward tal-bisfenol A
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 46(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għas-sustanzi li huma kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (2). Dawn is-sustanzi ma jistgħux jintużaw fil-ġugarelli, f'komponenti tal-ġugarelli jew f'partijiet distinti mikrostrutturalment tal-ġugarelli, ħlief jekk ma jkunux aċċessibbli għat-tfal, li huma permessi bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew li jinsabu f'konċentrazzjonijiet individwali ugwali għall-konċentrazzjonijiet rilevanti stabbiliti għall-klassifikazzjoni tat-taħlitiet li jkun fihom dawn is-sustanzi bħala CMRs jew iżgħar minnhom. Biex tkun protetta aħjar is-saħħa tat-tfal, jistgħu jiġu stabbiliti valuri ta' limitu speċifiċi għal dawn is-sustanzi, fejn xieraq, għall-ġugarelli maħsuba biex jintużaw mit-tfal ta' taħt it-tliet snin u għal ġugarelli oħra maħsuba biex jitqiegħdu fil-ħalq. |
(2) |
Is-sustanza bisfenol A hija kimika ta' volum għoli li tintuża ħafna fil-produzzjoni ta' varjetà kbira ta' prodotti għall-konsumatur. Il-bisfenol A jintuża bħala monomeru fil-manifattura tal-plastiks tal-polikarbonat. Il-plastiks tal-polikarbonat jintużaw, fost l-oħrajn, fil-manifattura tal-ġugarelli. Barra minn hekk, instab il-bisfenol A f'ċerti ġugarelli. |
(3) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE tat-3 ta' Mejju 1988 dwar l-approssimazjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-ġugarelli (3) rregolat ir-rekwiżiti essenzjali ta' sikurezza għall-proprjetajiet kimiċi tal-ġugarelli sad-19 ta' Lulju 2013. L-istandard Ewropew EN 71-9:2005+A1:2007 jistipula limitu ta' migrazzjoni ta' 0,1 mg/l għall-bisfenol A. L-istandards Ewropej EN 71-10:2005 u EN 71-11:2005 jistipulaw il-metodi rilevanti tal-ittestjar. Il-limiti u l-metodi għall-bisfenol A stabbiliti fl-EN 71-9:2005+A1:2007, EN 71-10:2005 u EN 71-11:2005 jintużaw mill-industrija tal-ġugarelli bħala referenza biex ikun assigurat li ma hemm l-ebda esponiment perikoluż mill-bisfenol A fil-ġugarelli. Madankollu, dawk l-istandards ma jikkostitwixxux standards armonizzati. |
(4) |
Il-bisfenol A huwa klassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 bħala tossiku għar-riproduzzjoni fil-kategorija 2. Fin-nuqqas ta' ebda rekwiżiti speċifiċi, il-ġugarelli jista' jkun fihom il-bisfenol Af'konċentrazzjonijiet ugwali jew iżgħar mill-konċentrazzjoni rilevanti stabbilita għall-klassifikazzjoni ta' taħlitiet li fihom minnha bħala CMRs, jiġifieri 5 % sa mill-20 ta' Lulju 2013 u 3 % sa mill-1 ta' Ġunju 2015 rispettivament. Ma jistax jiġi eskluż li dik il-konċentrazzjoni tista' twassal lit-tfal żgħar biex jiġu esposti aktar għall-bisfenol A, meta mqabbla mal-limitu tal-migrazzjoni ta' 0,1 mg/l għall-bisfenol A stabbilit mill-istandards Ewropej EN 71-9:2005+A1:2007, EN 71-10:2005 u EN 71-11:2005. |
(5) |
Il-bisphenol A kien ivvalutat b'mod komprensiv fl-2003 u fl-2008 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (4). Ir-rapport finali tal-valutazzjoni tar-riskju, intitolat “Updated European Union Risk Assessment Report 4,4'-isopropylidenediphenol (bisphenol-A)”, sab, fost affarijiet oħra, li l-bisfenol A għandha attività li timmodula l-endokrina f'għadd ta' analiżijiet ta' skrining in vitro u in vivo u kkonkluda li kien hemm bżonn ta' aktar riċerka biex jiġu riżolti l-inċertezzi madwar il-potenzjal għall-bisfenol A li tipproduċi effetti negattivi fuq l-iżvilupp f'dożi żgħar. Madankollu, fid-dawl tal-bżonnijiet partikolari tat-tfal li huma grupp vulnerabbli ta' konsumaturi, huwa ġġustifikat livell għoli ta' protezzjoni tat-tfal mir-riskji kkawżati minn sustanzi kimiċi fil-ġugarelli, li jinkorpora l-limitu tal-migrazzjoni ta' 0,1 mg/l għall-bisfenol A fid-Direttiva 2009/48/KE. |
(6) |
L-effetti tal-bisfenol A qed jiġu evalwati waqt fora xjentifiċi, li jinkludu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Il-limitu ta' migrazzjoni stabbilit minn din id-Direttiva għandu jiġi rivedut jekk issir disponibbli fil-ġejjieni informazzjoni xjentifika ġdida rilevanti. |
(7) |
Għalhekk, id-Direttiva 2009/48/KE għandha tiġi emendata skont dan. |
(8) |
Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ġugarelli, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Appendiċi C tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE jinbidel kif ġej:
“Appendiċi C
Valuri ta' limitu speċifiku għall-kimiċi użati f'ġugarelli intiżi għall-użu mit-tfal ta' taħt is-36 xahar jew f'ġugarelli oħra li jitqiegħdu fil-ħalq, adottati skont l-Artikolu 46(2)
Sustanza |
Nru tal-CAS |
Il-valur tal-limitu |
TCEP |
115-96-8 |
5 mg/kg (limitu tal-kontenut) |
TCPP |
13674-84-5 |
5 mg/kg (limitu tal-kontenut) |
TDCP |
13674-87-8 |
5 mg/kg (limitu tal-kontenut) |
Bisfenol A |
80-05-7 |
0,1 mg/l (limitu ta' migrazzjoni) skont il-metodi stabbiliti fl-EN 71-10:2005 u EN 71-11:2005” |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-21 ta' Diċembru 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-21 ta' Diċembru 2015.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttva lill-Kummissjoni.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ġunju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.
(2) ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
(3) ĠU L 187, 16.7.1988, p. 1.