This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014L0060
Directive 2014/60/EU of the European Parliament and of the Council of 15 May 2014 on the return of cultural objects unlawfully removed from the territory of a Member State and amending Regulation (EU) No 1024/2012 (Recast)
Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (Riformulazzjoni)
Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (Riformulazzjoni)
ĠU L 159, 28.5.2014, p. 1–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/05/2014
28.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 159/1 |
DIRETTIVA 2014/60/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta' Mejju 2014
dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (Riformulazzjoni)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
F'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE (2) ġiet emendata b'mod sostanzjali bid-Direttivi 96/100/KE (3) u 2001/38/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Minħabba li għandhom isiru aktar emendi, għandha ssir riformulazzjoni tad-Direttiva msemmija għal raġunijiet ta' ċarezza. |
(2) |
Is-suq intern fih żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment ħieles tal-oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont l-Artikolu 36 TFUE, id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-moviment ħieles tal-oġġetti ma jxekklux il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew oġġetti fi transitu, iġġustifikati għal raġunijiet ta' protezzjoni tat-teżori nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku. |
(3) |
Skont it-termini u fil-limiti tal-Artikolu 36 TFUE, l-Istati Membri iżommu d-dritt li jiddefinixxu t-teżori nazzjonali tagħhom u li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġuhom. Madankollu, l-Unjoni għandha rwol importanti fit-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li tipproteġi l-wirt kulturali ta' sinifikat Ewropew, li għalih jappartjenu tali teżori nazzjonali. |
(4) |
Id-Direttiva 93/7/KEE introduċiet arranġamenti li jippermettu li l-Istati Membri jassiguraw ir-ritorn fit-territorju tagħhom ta' oġġetti kulturali li huma klassifikati bħala teżori nazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 36 TFUE, li jaqgħu taħt il-kategoriji komuni tal-oġġetti kulturali msemmija fl-Anness għal dik id-Direttiva, u li kienu mneħħija mit-territorju tagħhom bi ksur tal-miżuri nazzjonali jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 (5). Dik id-Direttiva tkopri wkoll oġġetti kulturali klassifikati bħala teżori nazzjonali li huma parti integrali mill-kollezzjonijiet pubbliċi jew mill-inventarji tal-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi li ma jidħlux f'dawk il-kategoriji komuni. |
(5) |
Id-Direttiva 93/7/KEE stabbiliet kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-teżori nazzjonali tagħhom, b'rabta mill-qrib mal-kooperazzjoni tagħhom mal-Interpol u korpi oħra kompetenti fil-kamp ta' xogħlijiet ta' arti misruqa u li jinvolvu b'mod partikolari ir-reġistrazzjoni, ta' oġġetti kulturali mitlufa, misruqa jew illegalment imneħħija li jagħmlu parti mit-teżori nazzjonali tagħhom u l-kollezzjonijiet pubbliċi tagħhom. |
(6) |
Il-proċedura prevista fid-Direttiva 93/7/KEE kienet l-ewwel pass fit-twaqqif ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam fil-kuntest tas-suq intern bil-għan ta' rikonoxximent reċiproku ulterjuri fil-liġijiet nazzjonali rilevanti. |
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 116/2009, flimkien mad-Direttiva 93/7/KEE, introduċa sistema tal-Unjoni għall-protezzjoni ta' oġġetti kulturali tal-Istati Membri. |
(8) |
L-objettiv tad-Direttiva 93/7/KEE kien li jiġi żgurat ir-ritorn fiżiku ta' dawk l-oġġetti kulturali lill-Istat Membru li tneħħew b'mod illegali mit-territorju tiegħu irrispettivament mid-drittijiet ta' proprjetà li japplikaw għal oġġetti bħal dawn. Madankollu, l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva wriet il-limitazzjonijiet tal-arranġamenti għall-iżgurar tar-ritorn ta' tali oġġetti kulturali. Ir-rapporti dwar l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva ġibdu l-attenzjoni lejn l-applikazzjoni mhux frekwenti tagħha minħabba, b'mod partikolari, il-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha, li rriżulta mill-kondizzjonijiet stabbiliti bl-Anness għal dik id-Direttiva, il-perijodu ta' żmien qasir mogħti biex jinbdew il-proċedimenti tar-ritorn u l-ispejjeż assoċjati mal-proċedimenti tar-ritorn. |
(9) |
Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jiġi estiż għal kwalunkwe oġġett kulturali klassifikat jew definit minn Stat Membru, taħt leġislazzjoni nazzjonali jew proċeduri amministrattivi bħala teżor nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 36 TFUE. Din id-Direttiva għandha tkun għalhekk qed tkopri oġġetti ta' interess storiku, paleontoloġiku, etnografiku, numismatiku jew ta' valur xjentifiku, irrilevanti minn jekk jagħmlux parti minn kollezzjoni pubblika jew kollezzjonijiet oħrajn jew humiex oġġetti singoli, u irrilevanti minn jekk hux ġejjin minn skavar regolari jew klandestin, dment li jkunu ġew klassifikati jew definiti bħala teżori nazzjonali. Barra minn hekk, oġġetti kulturali li ġew klassifikati jew definiti bħala teżori nazzjonali ma għandhomx jibqgħu jkollhom jappartjenu għal kategoriji jew jikkonformaw mal-limiti massimi relatati mal-età u/jew mal-valur finanzjarju biex jikkwalifikaw għar-ritorn taħt din id-Direttiva. |
(10) |
Id-diversità tal-arranġamenti nazzjonali għall-protezzjoni tat-teżori nazzjonali hija rikonoxxuta fl-Artikolu 36 TFUE. Sabiex titrawwem fiduċja reċiproka, rieda għall-kooperazzjoni u ftehim reċiproku bejn l-Istati Membri, il-kamp ta' applikazzjoni tat-terminu “teżor nazzjonali” għandu jiġi determinat, fil-qafas tal-Artikolu 36 TFUE. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ukoll ir-ritorn ta' oġġetti kulturali lill-Istat Membru li tneħħew illegalment mit-territorju tiegħu irrispettivament mid-data tal-adeżjoni ta' dak l-Istat Membru, u għandhom jiżguraw li r-ritorn ta' oġġetti bħal dawn ma jikkawżax spejjeż mhux raġonevoli. Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jirritornaw oġġetti kulturali minbarra dawk klassifikati jew definitibħala teżori nazzjonali dment li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TFUE, kif ukoll oġġetti kulturali li tneħħew illegalment qabel l-1 ta' Jannar 1993. |
(11) |
Jeħtieġ li tiżdied il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri sabiex din id-Direttiva tkun tista' tiġi applikata b'mod aktar effettiv u uniformi. Għalhekk, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jintalbu jikkooperaw b'mod effettiv ma' xulxin u jiskambjaw informazzjoni dwar it-tneħħija illegali ta' oġġetti kulturali permezz tal-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) prevista mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Sabiex itejbu l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, għandu jiġi stabbilit modulu tas-sistema IMI speċifikament maħsub għall-oġġetti kulturali. Hu tajjeb ukoll illi l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri, fejn xieraq, jużaw l-istess sistema. |
(12) |
Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu konformi mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u, safejn huwa użat l-IMI, fir-Regolament (UE) Nru 1024/2012. Id-definizzjonijiet użati fid-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) għandhom japplikaw ukoll għall-finijiet ta' din id-Direttiva. |
(13) |
Il-limitu ta' żmien biex jiġi vverifikat jekk l-oġġett kulturali misjub fi Stat Membru ieħor huwiex oġġett kulturali skont it-tifsira tad-Direttiva 93/7/KEE instab illi kien wisq qasir fil-prattika. Għalhekk, għandu jiġi estiż għal sitt xhur. Perijodu itwal għandu jippermetti lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippreservaw l-oġġett kulturali u, fejn xieraq, jipprevjeni kwalunkwe azzjoni bil-ħsieb li tiġi evitata l-proċeduri tar-ritorn. |
(14) |
Il-limitu ta' żmien għall-proċeduri tar-ritorn għandhom ukoll jiġu estiżi għal tliet snin wara li l-Istat Membru li mit-territorju tiegħu tneħħa b'mod illegali l-oġġett kulturali jkun sar jaf bil-post tal-oġġett kulturali u bl-identità ta' sidu jew ta' min qed iżommu. L-estensjoni ta' dan il-perijodu għandu jiffaċilita r-ritorn u jiskoraġġixxi t-tneħħija illegali tat-teżori nazzjonali. Għal raġunijiet ta' ċarezza, għandu jiġi stipulat li l-limitu ta' żmien għall-proċedimenti jibda mid-data meta l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tkun saret taf b'din l-informazzjoni dwar minn liema territorju l-oġġett kulturali jkun tneħħa illegalment. |
(15) |
Id-Direttiva 93/7/KEE tipprevedi li tali proċeduri ta' ritorn ma jistgħux jitressqu wara aktar minn 30 sena li l-oġġett tneħħa illegalment mit-territorju tal-Istat Membru. Madankollu, fil-każ ta' oġġetti li jagħmlu parti minn kollezzjonijiet pubbliċi u oġġetti li jappartjenu għall-inventorji ta' istituzzjonijiet ekkleżjastiċi fl-Istati Membri fejn huma soġġetti għal arranġamenti ta' protezzjoni speċjali skont il-liġi nazzjonali, il-proċeduri ta' ritorn huma soġġetti għal limitu ta' żmien itwal f'ċerti ċirkostanzi. Minħabba l-fatt li l-Istati Membri jista' jkollhom arranġamenti ta' protezzjoni speċjali skont il-liġi nazzjonali ma' istituzzjonijiet reliġjużi li m'humiex ekkleżjastiċi, din id-Direttiva għandha tiġi estiża wkoll għal dawk l-istituzzjonijiet reliġjużi l-oħra. |
(16) |
Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità fir-rigward ta' beni kulturali adottati fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill irrikonoxxa l-ħtieġa li jieħu miżuri sabiex il-prevenzjoni u l-ġlieda tal-kriminalità fir-rigward ta' beni kulturali tkun aktar effettiva. Huwa rrakkomanda lill-Kummissjoni biex toffri l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fil-protezzjoni b'mod effettiv tal-oġġetti kulturali bil-għan li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-traffikar tagħhom u jippromwovu miżuri kumplimentari, fejn xieraq. Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li ll-Istati Membri jikkunsidraw ir-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali ffirmata f'Pariġi fis-17 ta' Novembru 1970 u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar l-Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment iffirmata f'Ruma fl-24 ta' Ġunju 1995. |
(17) |
Ikun tajjeb illi jiġi żgurat li dawk kollha involuti fis-suq iwettqu t-tranżazzjonijiet li jinvolvu oġġetti kulturali b'diliġenza u attenzjoni. Il-konsegwenzi ta' akkwist ta' oġġett kulturali b'oriġini illegali jkunu ġenwinament dissważivi biss jekk il-ħlas ta' kumpens jitlaqqa' mal-obbligu, għall-possessur, li dan jagħti prova ta' diliġenza u attenzjoni. Għaldaqstant, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' oġġetti kulturali, din id-Direttiva għandha tistipula li l-pussessur għandu jipprovdi prova li kien diliġenti u attent biex jikseb l-oġġett, għall-fini tal-kumpens. |
(18) |
Ikun utli għal kwalunkwe persuna, u b'mod partikolari dawk involuti fis-suq, ikollha aċċess faċli għall-informazzjoni pubblika dwar l-oġġetti kulturali klassifikati jew definiti bħala teżori nazzjonali mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiffaċilitaw l-aċċess għal din l-informazzjoni pubblika. |
(19) |
Sabiex tiġi ffaċilitata interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta' diliġenza u attenzjoni, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi kriterji mhux eżawstivi li għandhom jitqiesu biex jiddeterminaw jekk il-pussessur eżerċitax diliġenza u attenzjoni meta akkwista l-oġġett kulturali. |
(20) |
Ġaladarba l-objettiv ta' din id-Direttiva, prinċipalment biex ikun permess ir-ritorn ta'oġġetti kulturali klassifikati jew definiti bħala teżori nazzjonali li ġew imneħħija illegalment mit-territorju ta' Stati Membri, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tikseb dan l-objettiv. |
(21) |
Minħabba li l-kompiti tal-kumitat, stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 116/2009, ma baqgħux jgħoddu minħabba li tħassar l-Anness għad-Direttiva 93/7/KEE, ir-referenzi għall-Kumitat imsemmi għandhom jitħassru skont dan. Madankollu, sabiex tinżamm il-pjattaforma għall-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twaqqaf grupp ta' esperti, magħmul minn esperti minn awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, li għandhom ikunu involuti, fost l-oħrajn, fil-proċess tal-ħolqien ta' modulu tas-sistema IMI maħsub apposta għall-oġġetti kulturali. |
(22) |
Minħabba li l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 fih lista ta' dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fl-atti tal-Unjoni li huma implimentati permezz tal-IMI, dak l-Anness għandu jiġi emendat sabiex jinkludi din id-Direttiva. |
(23) |
L-obbligu ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva f'liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostanzjali meta mqabbel mad-Direttivi preċedenti. L-obbligu ta' traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jirriżulta mid-Direttiva preċedenti. |
(24) |
Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi indikati fl-Anness I, il-Parti B, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Din id-Direttiva tapplika għar-ritorn tal-oġġetti kulturali klassifikati jew definiti minn Stat Membru bħala li jkunu fost it-teżori nazzjonali, kif imsemmi fil-punt (1) tal-Artikolu 2, li jkunu tneħħew b'mod illegali mit-territorju ta' dak l-Istat Membru.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“oġġett kulturali” tfisser oġġett li jkun klassifikat jew definit minn Stat Membru, qabel jew wara t-tneħħija illegali tiegħu mit-territorju ta' dak l-Istat Membru, bħala parti mit-“teżori nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku” fil-kuntest tal-leġislazzjoni nazzjonali jew tal-proċeduri amministrattivi skont it-tifsira tal-Artikolu 36 TFUE; |
(2) |
“imneħħija b'mod illegali mit-territorju ta' Stat Membru” tfisser:
|
(3) |
“Stat Membru tat-talba” tfisser l-Istat Membru li jkun tneħħa illegalment oġġett kulturali mit-territorju tiegħu; |
(4) |
“Stat Membru mitlub” tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-oġġett kulturali, li kien tneħħa illegalment mit-territorju ta' Stat Membru ieħor; |
(5) |
“ritorn” tfisser ir-ritorn fiżiku tal-oġġett kulturali għat-territorju tal-Istat Membru tat-talba; |
(6) |
“possessur” tfisser il-persuna li fiżikament tkun qed iżżomm l-oġġett ta' kultura f'isimha; |
(7) |
“detentur” tfisser il-persuna li fiżikament tkun qed iżżomm l-oġġett kulturali f'isem partijiet terzi; |
(8) |
“kollezzjonijiet pubbliċi” tfisser kollezzjonijiet, definiti bħala pubbliċi skont il-leġislazzjoni ta' Stat Membru, li huma proprjetà ta' dak l-Istat Membru, ta' awtorità lokali jew dik reġjonali fi ħdan dak l-Istat Membru jew istituzzjoni li tinsab fit-territorju ta' dak l-Istat Membru sakemm dik l-istituzzjoni tkun il-proprjetà ta' dak l-Istat Membru jew ta' awtorità lokali jew reġjonali, jew tkun iffinanzjata b'mod sinifikanti, minn dak l-Istat Membru jew minn awtorità lokali jew waħda reġjonali. |
Artikolu 3
Oġġetti kulturali li ġew imneħħija b'mod illegali mit-territorju ta' Stat Membru, għandhom ikunu rritornati b'mod konformi mal-proċedura u fiċ-ċirkostanzi li hemm ipprovduti f'din id-Direttiva.
Artikolu 4
Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità ċentrali waħda jew aktar biex tagħmel ix-xogħol li hemm ipprovdut f'din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet ċentrali li huma jaħtru skont dan l-Artikolu.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk l-awtoritajiet ċentrali u kull tibdil dwarhom fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jippromwovu l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri. Dawn tal-aħħar għandhom b'mod partikolari:
(1) |
wara applikazzjoni minn Stat Membru tat-talba, jitfittex l-oġġett kulturali speċifiku li kien tneħħa illegalment mit-territorju tiegħu, u jiġi identifikat il-possessur u/jew id-detentur. L-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex titħaffef it-tiftix, b'referenza partikolari għal-lokalizzazzjoni vera jew preżunta tal-oġġett; |
(2) |
tgħarraf lill-Istat Membru konċernat, fejn oġġett kulturali jinstab fit-territorju tagħhom proprju u jekk hemm raġunijiet biżżejjed biex jitwemmen li kien tneħħa illegalment mit-territorju ta' Stat Membru ieħor; |
(3) |
tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tat-talba li jivverifikaw li l-oġġett inkwistjoni huwa oġġett kulturali, kemm-il darba l-verifika ssir fi żmien sitt xhur min-notifika li hemm ipprovduta fil-punt (2). Jekk ma ssirx fil-perjodu ta' żmien stipulat, il-punti (4) u (5) m'għandhomx japplikaw iżjed; |
(4) |
tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa, b'kooperazzjoni mal-Istat Membru konċernat, għall-preservazzjoni fiżika tal-oġġett kulturali; |
(5) |
tipprevjeni, bil-miżuri interim meħtieġa, kull azzjoni biex tiġi evitata l-proċedura għar-ritorn; |
(6) |
taġixxi bħala intermedjarju bejn il-possessur u/jew id-detentur u l-Istat Membru tat-talba fir-rigward tar-ritorn. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, l-ewwel iħaffu t-tħaddim ta' proċedura ta' arbitraġġ, b'mod konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li lilu ssir t-talba u kemm-il darba l-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-pussessur jew id-detentur tal-oġġett jagħtu l-approvazzjoni formali tagħhom. |
Sabiex jikkooperaw u jikkonsultaw ma' xulxin, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jużaw modulu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 speċifikament maħsuba għall-oġġetti kulturali. Huma jistgħu jużaw ukoll l-IMI biex ixerrdu informazzjoni rilevanti marbuta ma' każ partikolari dwar oġġetti kulturali li kienu nsterqu jew mneħħija b'mod illegali mit-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-użu tal-IMI minn awtoritajiet kompetenti oħrajn għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva.
Artikolu 6
L-Istat Membru tat- talba jista' jibda, quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru tat-talba, proċeduri kontra l-possessur jew, jekk mhux kontrih, kontra d-detentur, bl-iskop li jassigura r-ritorn ta' oġġett kulturali li kien imneħħi illegalment mit-territorju tiegħu.
Il-proċeduri jistgħu jitressqu biss fejn id-dokument li jibdihom ikollu miegħu:
(a) |
dokument li jiddeskrivi l-oġġett kopert mit-talba u li jiddikjara li huwa oġġett kulturali; |
(b) |
dikjarazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tat-talba li l-oġġett kulturali tneħħa illegalment mit-territorju tiegħu. |
Artikolu 7
L-awtorità ċentrali kompetenti tal-Istat Membru tat-talba għandha minnufih tinforma lill-awtorità ċentrali kompetenti tal-Istat Membru mitlub li nbdew proċeduri bil-għan li jkun assigurat ir-ritorn tal-oġġett inkwistjoni.
L-awtorità ċentrali kompetenti tal-Istat Membru mitlub għandu minnufih jgħarraf lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħra.
L-iskambju tal-informazzjoni jsir bl-użu tal-IMI f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli dwar il-protezzjoni ta' data personali u l-privatezza, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-awtoritajiet ċentrali kompetenti li jużaw mezzi oħra ta' komunikazzjoni flimkien mal-IMI.
Artikolu 8
1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġislazzjoni tagħhom li l-proċeduri għar-ritorn skont din id-Direttiva ma jistgħux jitressqu aktar minn tliet snin wara li l-awtorità ċentrali kompetenti tal-Istat Membru tat-talba ssir taf fejn jinsab l-oġġett kulturali u l-identità tal-possessur jew tad-detentur.
Madankollu, fi kwalunkwe każ, tali proċeduri, ma jistgħux jitressqu aktar minn 30 sena wara li l-oġġett ikun tneħħa illegalment mit-territorju tal-Istat Membru tat-talba.
Madankollu, fil-każ ta' oġġetti li jagħmlu parti minn kollezzjonijiet pubbliċi, definiti fil-punt (8) tal-Artikolu 2, u oġġetti li jappartjenu għal inventarji ta' istituzzjonijiet ekkleżjastiċi jew istituzzjonijiet reliġjużi oħra fl-Istati Membri fejn huma soġġetti għal arranġamenti ta' protezzjoni speċjali taħt il-liġi nazzjonali, il-proċeduri għar-ritorn għandhom ikunu soġġetti għal limitu ta' żmien ta' 75 sena, minbarra fi Stati Membri fejn il-proċedimenti mhumiex soġġetti għal limitu ta' żmien jew fil-każ ta' ftehim bilaterali bejn Stati Membri li jipprovdu għal perijodu li jeċċedi l-75 sena.
2. Il-proċeduri għar-ritorn ma jistgħux jitressqu jekk it-tneħħija tal-oġġett kulturali mit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru tat-talba ma tkunx aktar illegali fiż-żmien meta jinbdew.
Artikolu 9
Għajr jekk ipprovdut xort'oħra fl-Artikoli 8 u 14, il-qorti kompetenti għandha tordna r-ritorn tal-oġġett kulturali inkwistjoni fejn jinstab li huwa oġġett kulturali fil-kuntest tas-sinifikat tal-punt (1) tal-Artikolu 2 u li tneħħa illegalment minn territorju nazzjonali.
Artikolu 10
Fejn ir-ritorn ta' oġġett ikun ordnat, il-qorti kompetenti fl-Istat Membru tat-talba għandha tagħti lill-possessur kumpens ġust konformi maċ-ċirkostanzi tal-każ, dment li l-possessur juri li huwa kien diliġenti u attent fil-ksib tal-oġġett.
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-possessur użax id-diliġenza u l-attenzjoni meħtieġa, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-akkwist, b'mod partikolari d-dokumentazzjoni dwar l-oriġini tal-oġġett, l-awtorizzazzjonijiet għat-tneħħija mitluba skont il-liġi tal-Istat Membru tat-talba, il-karattru tal-partijiet, il-prezz imħallas, jekk il-possessur ikkonsultax kwalunkwe reġistru aċċessibbli ta' oġġetti kulturali misruqa u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li setgħat inkisbet b'mod raġonevoli, jew ħax kwalunkwe pass ieħor li persuna raġonevoli kienet tieħu fl-istess ċirkustanzi.
Fil-każ ta' donazzjoni jew suċċessjoni, il-possessur m'għandux ikun f'pożizzjoni aktar vantaġġuża mill-persuna li mingħandha akkwista l-oġġett b'dawk il-modi.
L-Istat Membru tat-talba għandu jħallas dak il-kumpens simili mar-ritorn tal-oġġett.
Artikolu 11
Spejjeż li jirriżultaw minħabba l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn ta' oġġett kulturali għandhom jitħallsu mill-Istat Membru tat-talba. L-istess jgħodd għall-ispejjeż tal-miżuri msemmija fil-punt (4) tal-Artikolu 5.
Artikolu 12
Il-ħlas ta' kumpens xieraq u tal-ispejjeż imsemmija fl-Artikoli 10 u 11 rispettivament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru tat-talba li jieħu azzjoni bl-iskop li jirkupra dawk l-ammonti mill-persuni responsabbli għat-tneħħija illegali tal-oġġett kulturali mit-territorju tiegħu.
Artikolu 13
Il-pussess tal-oġġett kulturali wara r-ritorn għandu jkun irregolat mil-liġi tal-Istat Membru tat-talba.
Artikolu 14
Din id-Direttiva għandha tapplika biss għal oġġetti kulturali illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru nhar jew wara l-1 ta' Jannar 1993.
Artikolu 15
1. Kull Stat Membru jista' japplika l-arranġamenti previsti f'din id-Direttiva biex jirritorna oġġetti kulturali oħra barra minn dawk definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 2.
2. Kull Stat Membru jista' japplika l-arranġamenti li hemm ipprovduti f'din id-Direttiva għal talbiet għar-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stati Membri oħra qabel l-1 ta' Jannar 1993.
Artikolu 16
Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kull proċeduri ċivili jew kriminali li jistgħu jitwettqu, taħt il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, mill-Istat Membru tat-talba u/jew is-sid ta' oġġett kulturali li jkun insteraq.
Artikolu 17
1. Sat-18 ta' Diċembru 2015 u kull ħames snin minn dakinhar, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
2. Kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li jeżamina mill-ġdid l-applikazzjoni u l-effettività ta' din id-Direttiva. Dan ir-rapport għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat minn proposti xierqa.
Artikolu 18
Mal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, jiżdied il-punt 6 li ġej:
“8. |
Id-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (*): Artikoli 5 u 7. |
Artikolu 19
1. Sat-18 ta' Diċembru 2015, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-punt (1) tal-Artikolu 2, il-punt (3) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1), l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 u l-Artikolu 17(1) ta' din id-Direttiva.
Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza tali fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll stqarrija li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet eżistenti għad-Direttiva mħassra b'din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif issir din ir-referenza u kif tiġi fformulata dik id-dikjarazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 20
Id-Direttiva 93/7/KEE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness I, il-Parti A, għandha titħassar mid-19 ta' Diċembru 2015, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, il-Parti B.
Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 21
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-punti (2) u (8) tal-Artikolu 2, l-Artikoli 3 u 4, il-punti (1), (2) u (4) sa (6) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 7, l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 9, it-tielet u r-raba' paragrafi tal-Artikolu 10, u l-Artikoli 11 sa 16 huma applikabbli mid-19 ta' Diċembru 2015.
Artikolu 22
Id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2014.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE tal-15 ta' Marzu 1993 fuq ir-ritorn ta' oġġetti ta' kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru (ĠU L 74, 27.3.1993, p. 74).
(3) Direttiva 96/100/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 1997 li temenda l-Anness tad-Direttiva 93/7/KEE fuq ir-ritorn ta' oġġetti ta' kultura imneħħija b'mod illegali mit-territorju ta' Stat Membru (ĠU L 60, 1.3.1997, p. 59).
(4) Id-Direttiva 2001/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE dwar ir-ritorn ta' oġġetti ta' kultura mneħħija b'mod illegali mit-territorju ta' Stat Membru (ĠU L 187, 10.7.2001, p. 43).
(5) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali (ĠU L 39, 10.2.2009, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).
(7) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 74).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
ANNESS I
PARTI A
Id-Direttiva mħassra bil-lista tal-emendi suċċessivi tagħha
(imsemmija fl-Artikolu 20)
Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE |
|
Direttiva 96/100/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
|
Direttiva 2001/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
PARTI B
Lista tal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali
(imsemmija fl-Artikolu 20)
Direttiva |
Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni |
93/7/KEE |
15.12.1993 (15.3.1994 għall-Belġju, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi) |
96/100/KE |
1.9.1997 |
2001/38/KE |
31.12.2001 |
ANNESS II
Tabella ta' korrelazzjoni
Direttiva 93/7/KEE |
Din id-Direttiva |
— |
Artikolu 1 |
Artikolu 1, punt (1), l-ewwel inċiż |
Artikolu 2, punt (1) |
Artikolu 1, punt (1), it-tieni inċiż, parti introduttorja, |
— |
Artikolu 1, punt (1), it-tieni inċiż, l-ewwel sub-inċiż, l-ewwel frażi |
— |
Artikolu 1, punt (1), it-tieni inċiż, l-ewwel sub-inċiż, it-tieni frażi |
Artikolu 2, punt (8) |
Artikolu 1, punt (1), it-tieni inċiż, it-tieni sub-inċiż |
— |
Artikolu 1, punt (2), l-ewwel inċiż |
Artikolu 2, punt (2)(a) |
Artikolu 1, punt (2), it-tieni inċiż |
Artikolu 2, punt (2)(b) |
Artikolu 1, punti (3) sa (7) |
Artikolu 2, punti (3) sa (7) |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
Artikolu 4 |
Artikolu 4, parti introduttorja |
Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, parti introduttorja |
Artikolu 4, punti (1) u (2) |
Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, punti (1) u (2) |
Artikolu 4, punt (3) |
Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, punt (3) |
Artikolu 4, punti (4) sa (6) |
Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, punti (4) sa (6) |
— |
Artikolu 5, it-tieni paragrafu |
Artikolu 5, l-ewwel paragrafu |
Artikolu 6, l-ewwel paragrafu |
Artikolu 5, it-tieni paragrafu, l-ewwel inċiż |
Artikolu 6, it-tieni paragrafu, punt (a) |
Artikolu 5, it-tieni paragrafu, it-tieni inċiż |
Artikolu 6, it-tieni paragrafu, punt (b) |
Artikolu 6, l-ewwel paragrafu |
Artikolu 7, l-ewwel paragrafu |
Artikolu 6, it-tieni paragrafu |
Artikolu 7, it-tieni paragrafu |
— |
Artikolu 7, it-tielet paragrafu |
Artikolu 7(1) u (2) |
Artikolu 8 |
Artikolu 8 |
Artikolu 9 |
Artikolu 9, l-ewwel paragrafu |
Artikolu 10, l-ewwel paragrafu |
Artikolu 9, it-tieni paragrafu |
— |
— |
Artikolu 10, it-tieni paragrafu |
Artikolu 9, it-tielet u r-raba' paragrafi |
Artikolu 10, it-tielet u r-raba'paragrafi |
Artikoli 10 to 15 |
Artikoli 11 to 16 |
Artikolu 16(1) u (2) |
Artikolu 17, (1) u (2) |
Artikolu 16(3) |
— |
Artikolu 16(4) |
— |
Artikolu 17 |
— |
— |
Artikolu 18 |
Artikolu 18 |
Artikolu 19 |
— |
Artikolu 20 |
— |
Artikolu 21 |
Artikolu 19 |
Artikolu 22 |
Anness |
— |
— |
Anness I |
— |
Anness II |