Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 32014L0052

    Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 124, 25.4.2014, p. 1/18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Estatuto jurídico del documento Vigente

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/52/oj

    25.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 124/1


    DIRETTIVA 2014/52/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta' April 2014

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) armonizzat il-prinċipji għall-valutazzjoni tal-impatt ta' proġetti fuq l-ambjent billi introduċiet rekwiżiti minimi (dwar it-tip ta' proġetti soġġetti għal valutazzjoni, l-obbligi ewlenin tal-iżviluppaturi, il-kontenut tal-valutazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-pubbliku), u tikkontribwixxi għal livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. L-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu miżuri ta' protezzjoni aktar stretti b'mod konformi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (2)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2007, intitolata “L-analiżi ta' nofs it-terminu tas-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità” u r-Rapport mill-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE (5), il-predeċessur tad-Direttiva 2011/92/UE, enfasizzaw il-ħtieġa li jitjiebu l-prinċipji tal-valutazzjoni tal-impatt ta' proġetti fuq l-ambjent u biex tadatta dik id-Direttiva 85/337/KEE għall-kuntest politiku, legali u tekniku li, min-naħa tiegħu, evolva b'mod konsiderevoli.

    (3)

    Jinħtieġ li tiġi emendata d-Direttiva 2011/92/UE biex tissaħħaħ il-kwalità tal-proċedura tal-istma tal-impatt fuq l-ambjent, il-proċedura tiġi allinjata mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni intelliġenti u jiżdiedu l-koerenza u s-sinerġiji ma' leġislazzjoni u politiki oħra tal-Unjoni, kif ukoll ma' strateġiji u politiki żviluppati mill-Istati Membri f'oqsma ta' kompetenza nazzjonali.

    (4)

    Sabiex jiġu koordinati u faċilitati l-proċeduri tal-valutazzjoni għal proġetti transkonfinali, u, b'mod partikolari, biex isiru konsultazzjonijiet skont il-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent f'Kuntest Transkonfinali tal-25 ta' Frar 1991 (il-Konvenzjoni ta' Espoo), l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jistabbilixxu, abbażi ta' rappreżentazzjoni ugwali, korp konġunt.

    (5)

    Il-mekkaniżmi stabbiliti fir-Regolamenti (UE) Nru 347/2013 (6), (UE) Nru 1315/2013 (7) u (UE) Nru 1316/2013 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li huma rilevanti għall-proġetti ta' infrastruttura kofinanzjati mill-Unjoni, jistgħu jiffaċilitaw it-twettiq tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/92/UE.

    (6)

    Id-Direttiva 2011/92/UE għandha wkoll tiġi riveduta b'tali mod li jiġi żgurat li l-protezzjoni tal-ambjent titjieb, li tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi u li jkun appoġġat it-tkabbir sostenibbli fl-Unjoni. Għal dan il-għan, il-proċeduri stabbiliti fiha għandhom jiġu simplifikati u armonizzati.

    (7)

    Matul l-aħħar għaxar snin, il-kwistjonijiet ambjentali, bħall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u s-sostenibbiltà, il-protezzjoni tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, u r-riskju ta' inċidenti u diżastri, saru aktar importanti fit-tfassil tal-politika. Dawn għalhekk għandhom jitqiesu wkoll bħala elementi importanti fil-proċessi ta' valutazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    (8)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Settembru 2011 intitolata “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi”, il-Kummissjoni impenjat ruħha favur l-inklużjoni ta' kunsiderazzjonijiet usa' dwar l-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva 2011/92/UE.

    (9)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Settembru 2006 intitolata “Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija” u l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi jisħqu fuq l-importanza tal-użu sostenibbli tal-ħamrija u l-ħtieġa li tiġi indirizata ż-żieda insostenibbli taż-żoni abitati maż-żmien (it-teħid tal-art). Barra minn hekk, id-dokument finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret f'Rio de Janeiro bejn l-20 u t-22 ta' Ġunju 2012 jirrikonoxxi s-sinifikat ekonomiku u soċjali ta' ġestjoni tajba tal-art, inkluża l-ħamrija, u l-ħtieġa għal azzjoni urġenti biex titraġġa' lura d-degradazzjoni tal-art. Għaldaqstant, proġetti pubbliċi u privati għandhom iqisu u jrażżnu l-impatt tagħhom fuq l-art, partikolarment it-teħid tal-art, u l-impatti fuq il-ħamrija, fosthom dawk li jolqtu l-materja organika, l-erożjoni, il-kompattazzjoni u l-impermeabilizzar tal-ħamrija; huma wkoll rilevanti f'dan ir-rigward pjanijiet u politiki xierqa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-użu tal-art.

    (10)

    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (“il-Konvenzjoni”), li l-Unjoni hija msieħba fiha taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE (9), tesiġi, sa fejn huwa possibbli u xieraq, valutazzjoni tal-effetti sinifikattivi ħżiena ta' proġetti fuq id-diversità bijoloġika, li hija ddefinita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni, bil-għan li jiġu evitati jew minimizzati effetti bħal dawn. Tali valutazzjoni minn qabel tal-impatti għandha tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-Unjoni, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 u s-26 ta' Marzu 2010, li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi sal-2020 u li tirrestawrahom fejn dan ikun vijabbli.

    (11)

    Il-miżuri meħuda sabiex jiġu evitati, impediti, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent, b'mod partikolari fuq l-ispeċi u l-ħabitat naturali protetti taħt d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (10) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), għandhom jikkontribwixxu sabiex ikun evitat kwalunkwe deterjorament fil-kwalità tal-ambjent u kwalunkwe telf nett tal-bijodiversità, skont l-impenji tal-Unjoni fil-kuntest tal-Konvenzjoni u l-objettivi u l-azzjonijiet tal-Istrateġija tal-Unjoni dwar il-Bijodiversità sal-2020 stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2011 intitolata “L-assigurazzjoni tal-ħajja tagħna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”.

    (12)

    Bil-ħsieb li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, b'mod speċjali l-ispeċi u l-ambjenti naturali, il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u l-proċeduri ta' “screening” għall-proġetti li jinsabu fl-ambjent tal-baħar għandhom iqisu l-karatteristiċi ta' dawk il-proġetti, b'attenzjoni partikolari lejn it-teknoloġiji użati (per eżempju stħarriġ sismiku permezz ta' sonars attivi). Għal dan l-għan, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jistgħu wkoll jiffaċilitaw it-twettiq tar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

    (13)

    It-tibdil fil-klima se jkompli jikkawża ħsara lill-ambjent u jxekkel l-iżvilupp ekonomiku. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi valutat l-impatt tal-proġetti fuq il-klima (pereżempju l-emissjonijiet ta' gassijiet serra) u l-vulnerabbiltà tagħhom għat-tibdil fil-klima.

    (14)

    Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2009 intitolata “Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem”, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta' Novembru 2009, stieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li t-twettiq, l-analiżi u l-iżvilupp ulerjuri tagħhom iqisu l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri kif ukoll il-Qafas ta' Hyogo tan-Nazzjonijiet Uniti għal Programm ta' Azzjoni (2005-2015) adottat fit-22 ta' Jannar 2005, li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti proċeduri għall-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tar-riskju ta' diżastri marbutin ma' proġetti ewlenin ta' infrastruttura.

    (15)

    Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent, għandhom jittieħdu miżuri ta' prekawzjoni għal ċerti proġetti li minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għal inċidenti kbar u/jew diżastri naturali (bħal għargħar, żieda fil-livell tal-baħar jew terremoti) aktarx li jkollhom effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent. Għal tali proġetti, huwa importanti li titqies il-vulnerabbiltà tagħhom (kemm huma esposti u kemm jistgħu jirkupraw) tagħhom għal inċidenti kbar u/jew diżastri, ir-riskju li dawk l-inċidenti u/jew diżastri jseħħu u l-implikazzjonijiet għall-probabbiltà ta' effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent. Sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, għandu jkun possibli li jintuża kwalunkwe tagħrif rilevanti li jkun disponibbli u miksub minn valutazzjonijiet ta' riskju li jsiru b'mod konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni bħad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom (14), jew permezz ta' valutazzjonijiet rilevanti li jsiru skont il-leġislazzjoni nazzjonali sakemm ikunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

    (16)

    Għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali inklużi s-siti storiċi urbani u l-pajsaġġi, li huma parti integrali mid-diversità kulturali li l-Unjoni hija impenjata li tirrispetta u tippromwovi skont l-Artikolu 167(4) tat-TFUE, id-definizzjonijiet u l-prinċipji żviluppati fil-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Arkitettoniku tal-Ewropa tas-6 ta' Mejju 1969, il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Arkeoloġiku tat-3 ta' Ottubru 1985, il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġi tal-20 ta' Ottubru 2000, l-Konvenzjoni Qafas dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà tas-27 ta' Ottubru 2005 jistgħu jkunu utli. Sabiex jiġu konservati aħjar il-wirt storiku u kulturali u l-pajsaġġ, huwa importanti li jiġu indirizzati l-impatti viżivi tal-proġetti, jiġifieri l-bidla fid-dehra jew il-veduta tal-pajsaġġ mibni jew naturali u taż-żoni urbani, fil-valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ambjent.

    (17)

    Fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE, jinħtieġ li jiġi żgurat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, skont l-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”.

    (18)

    Bil-ħsieb li jissaħħu l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u t-trasparenza, it-tagħrif ambjentali dwar it-twettiq ta' din id-Direttiva għandu jkun disponibbli f'waqtu anki f'format elettroniku. L-Istati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu tal-anqas portal ċentrali jew punti ta' aċċess, fil-livell amministrattiv xieraq, sabiex il-pubbliku jkollu aċċess għal dak it-tagħrif b'mod faċli u effikaċi.

    (19)

    L-esperjenza wriet li fil-każ ta' proġetti, jew partijiet ta' proġetti, intiżi għal skopijiet ta' difiża, inklużi proġetti relatati mal-attivitajiet tal-forzi alleati fit-territorju tal-Istati Membri f'konformità mal-obbligi internazzjonali, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE tista' tirriżulta fl-iżvelar ta' tagħrif kunfidenzjali importanti li jista' jikkomprometti l-iskopijiet ta' difiża. Għalhekk, għandu jsir provvediment sabiex, fejn ikun xieraq, l-Istati Membri jkunu awtorizzati li ma japplikawx din id-Direttiva f'każijiet bħal dawn.

    (20)

    L-esperjenza wriet li, fil-każ ta' proġetti li l-għan uniku tagħhom huwa r-rispons għall-emerġenzi ċivili, il-konformità mad-Direttiva 2011/92/UE jista' jkollha effetti ħżiena fost oħrajn fuq l-ambjent, u għalhekk għandu jsir provvediment sabiex l-Istati Membri jkunu awtorizzati li ma japplikawx dik id-Direttiva f' tali każijiet fejn xieraq.

    (21)

    L-Istati Membri għandhom diversi possibbiltajiet sabiex iwettqu d-Direttiva 2011/92/UE fir-rigward tal-integrazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ambjent fil-proċeduri nazzjonali. Għaldaqstant, l-elementi ta' dawk il-proċeduri nazzjonali jistgħu jvarjaw. Minħabba f'hekk, il-konklużjoni motivata li biha l-awtorità kompetenti tiffinalizza l-eżami tagħha dwar l-impatti tal-proġett fuq l-ambjent tista' tkun parti minn proċedura ta' kunsens għall-iżvilupp integrat jew tiġi inkorporata f'deċiżjoni vinkolanti oħra neċessarja sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet ta' din id-Direttiva.

    (22)

    Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, proċeduri ta' “screening” u l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ambjent għandhom iqisu l-impatt tal-proġett sħiħ in kwistjoni, inkluż, fejn rilevanti, is-sottosuperfiċje u l-parti ta' taħt l-art, matul il-fażijiet tal-kostruzzjoni, tal-operat u, fejn rilevanti, tat-twaqqigħ;

    (23)

    Sabiex tasal għal valutazzjoni kompluta tal-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq l-ambjent, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel analiżi billi teżamina l-kontenut tat-tagħrif provdut mill-iżviluppatur u dak miksub minn konsultazzjonijiet, kif ukoll billi tqis kwalunkwe tagħrif addizzjonali, fejn xieraq.

    (24)

    F'każijiet ta' proġetti adottati permezz ta' att leġislattiv nazzjonali speċifiku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-objettivi ta' din id-Direttiva relatati mal-konsultazzjoni pubblika jintlaħqu permezz tal-proċess leġislattiv.

    (25)

    L-imparzjalità tal-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi żgurata. Il-kunflitti ta' interess jistgħu jiġu evitati, fost oħrajn, permezz tas-separazzjoni funzjonali bejn l-awtorità kompetenti u l-iżviluppatur. F'każijiet fejn l-awtorità kompetenti hija wkoll l-iżviluppatur, l-Istati Membri għandhom tal-anqas iwettqu, fl-ambitu tal-organizzazzjoni tagħhom tal-kompetenzi amministrattivi, separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti ta' dawk l-awtoritajiet li jwettqu kompiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/92/UE.

    (26)

    Sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista' tiddetermina jekk il-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2011/92/UE, il-modifiki jew l-estensjonijiet tagħhom, għandhomx ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent (proċedura ta' “screening”), it-tagħrif li l-iżviluppatur huwa marbut li jipprovdi għandu jiġi speċifikat, b'mod li jiffoka fuq l-aspetti ewlenin li huma meħtieġa biex l-awtorità kompetenti tasal għad-determinazzjoni tagħha. Dak li jkun ġie determinat għandu jsir disponibbli għall-pubbliku.

    (27)

    Il-proċedura ta' “screening” għandha tiżgura li valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent tkun meħtieġa biss għall-proġetti li x'aktarx se jkollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent.

    (28)

    Il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92/UE, li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw liema proġetti għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent abbażi tal-effetti sinifikattivi tagħhom fuq l-ambjent, għandhom jiġu adattati u ċċarati. Pereżempju, l-esperjenza wriet li proġetti li jużaw jew li jaffettwaw riżorsi prezzjużi, proġetti proposti għal postijiet sensittivi mil-lat ambjentali, jew proġetti b'effetti potenzjalment perikolużi jew irriversibbli jistgħu ta' spiss ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent.

    (29)

    Meta jiġi determinat jekk hemmx probabbiltà li jiġu kkawżati effetti sinifikattivi fuq l-ambjent mill-proġett, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw l-aktar kriterji rilevanti li għandhom jitqiesu u jieħdu kont tat-tagħrif li jista' jkun disponibbli wara valutazzjonijiet oħrajn meħtieġa mil-leġislazzjoni tal-Unjoni sabiex tapplika proċedura ta' “screening” b'mod effikaċi u trasparenti. F'dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi speċifikat il-kontenut tad-determinazzjoni ta' “screening”, b'mod partikolari fejn ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kummenti mhux mitluba li jistgħu jaslu minn sorsi oħra, bħall-membri tal-pubbliku jew l-awtoritajiet pubbliċi, għalkemm mhijiex meħtieġa konsultazzjoni formali, jikkostitwixxi prassi amministrattiva tajba.

    (30)

    Sabiex tittejjeb il-kwalità ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, jiġu simplifikati l-proċeduri u jiġi razzjonalizzat il-proċess deċiżjonali, l-awtorità kompetenti għandha, fuq talba tal-iżviluppatur, toħroġ opinjoni dwar l-ambitu u l-livell ta' dettall tat-tagħrif ambjentali li għandha tiġi sottomessa fl-għamla ta' rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent (“definizzjoni tal-ambitu”)

    (31)

    Ir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent ta' proġett li għandu jiġi pprovdut mill-iżviluppatur ta' proġett għandu jinkludi deskrizzjoni tal-alternattivi raġonevoli eżaminati mill-iżviluppatur li huma rilevanti għal dak il-proġett, inkluż skont ma jkun xieraq, ħjiel ta' kif l-istat attwali tal-ambjent x'aktarx jevolvi jekk ma jseħħx il-proġett (xenarju bażi), bħala mezz biex tittejjeb il-kwalità tal-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u biex jippermetti l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet ambjentali fi stadju bikri tat-tfassil tal-proġett.

    (32)

    Id-data u t-tagħrif inklużi mill-iżviluppatur fir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, b'konformità mal-Anness IV tad-Direttiva 2011/92/UE, għandhom ikunu kompleti u ta' kwalità għolja biżżejjed. Bil-għan li tkun evitata duplikazzjoni ta' valutazzjonijiet, ir-riżultati ta' valutazzjoni oħra taħt leġislazzjoni tal-Unjoni bħad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u d-Direttiva 2009/71/Euratom, jew taħt leġislazzjoni nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn ikunu rilevanti jew disponibbli.

    (33)

    L-esperti involuti fil-preparazzjoni tar-rapporti ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandhom ikunu kwalifikati u kompetenti. Tinħtieġ kompetenza suffiċjenti fil-qasam rilevanti tal-proġett ikkonċernat għall-finijiet tal-eżami mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni provduta mill-iżviluppatur tkun kompleta u ta' livell għoli ta' kwalità.

    (34)

    Bl-għan li tiġi żgurata t-trasparenza u r-responsabbiltà, l-awtorità kompetenti għandha tkun mistennija li tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tagħti l-kunsens għall-iżvilupp fir-rigward ta' proġett, billi tindika li qieset ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet imwettqa u t-tagħrif rilevanti miġbur.

    (35)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittwettqu miżuri li jtaffu l-impatti u miżuri li jikkumpensaw għall-impatti, u li jiġu determinati proċeduri adegwati fir-rigward tal-monitoraġġ tal-effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent li ġejjin mill-kostruzzjoni u l-operat ta' proġett, fost oħrajn, sabiex jiġu identifikati l-effetti sinifikattivi ħżiena li ma kinux previsti ħalli tittieħed l-azzjoni korrettiva xierqa. Tali monitoraġġ ma għandux jidduplika jew iżid fuq il-monitoraġġ meħtieġ taħt leġislazzjoni oħra tal-Unjoni barra din id-Direttiva u mil-leġislazzjoni nazzjonali.

    (36)

    Sabiex jitrawwem teħid aktar effiċjenti ta' deċiżjonijiet u tiżdied iċ-ċertezza legali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diversi stadji tal-valutazzjoni tal-impatt tal-proġetti fuq l-ambjent jitwettqu fi żmien raġonevoli, skont in-natura, il-kumplessità, il-post u d-daqs tal-proġett. Tali termini ta' żmien ma għandhomx jikkompromettu, taħt l-ebda ċirkustanza, l-ilħuq ta' istandards għoljin għall-protezzjoni tal-ambjent, partikolarment dawk li jirriżultaw minn leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni barra din id-Direttiva, u parteċipazzjoni pubblika u aċċess għall-ġustizzja effikaċi.

    (37)

    Sabiex titjieb l-effikaċja tal-valutazzjoni, titnaqqas il-kumplessità amministrattiva u tiżdied l-effiċjenza ekonomika, meta l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet relatati ma' kwistjonijiet ambjentali joriġina simultanjament minn din id-Direttiva u u/jew d-Direttiva 92/43/KEE u/jew id-Direttiva 2009/147/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn xieraq u fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta' organizzazzjoni tagħhom, li jiġu previsti proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dawn id-Direttivi. Fejn l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet relatati ma' kwistjonijiet ambjentali joriġina simultanjament minn din id-Direttiva u minn leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), id-Direttiva 2001/42/KE, id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), u d-Direttiva 2012/18/UE, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu għal proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Fejn jiġu stabbiliti proċeduri koordinati jew konġunti, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità responsabbli għat-twettiq tad-dmirijiet korrispondenti. B'kont meħud tal-istrutturi istituzzjonali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħtru aktar minn awtorità waħda, meta jqisu li dan huwa meħtieġ.

    (38)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu t-tip u l-forma ta' dawk il-penali. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonali u dissważivi.

    (39)

    F'konformità mal-prinċipji ta' ċertezza legali u proporzjonalità, sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni mir-reġim eżistenti stabbilit mid-Direttiva 2011/92/UE għar-reġim il-ġdid li se jirriżulta mill-emendi f'din id-Direttiva tkun kemm jista' jkun bla problemi, huwa xieraq li jiġu stabbiliti miżuri tranżizzjonali. Dawk il-miżuri għandhom jiżguraw li l-kuntest regolatorju relattiv għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent ma jinbidilx, fir-rigward ta' żviluppatur partikolari, meta passi proċedurali jkunu diġà bdew taħt ir-reġim fis-seħħ u l-kunsens għall-iżvilupp jew deċiżjoni vinkolanti oħra neċessarja sabiex jiġu rispettati l-objettivi ta' din id-Direttiva tkun għadha ma ngħatatx għall-proġett. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva 2011/92/UE qabel l-emendar tagħha permezz ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għal proġetti li fir-rigward tagħhom inbdiet il-proċedura ta' “screening”, jew inbdiet il-proċedura ta' definizzjoni tal-ambitu (fejn id-definizzjoni tal-ambitu ntalbet mill-iżviluppatur jew inħtieġet mill-awtorità kompetenti), jew ġie preżentat ir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent qabel l-iskadenza għat-traspożizzjoni.

    (40)

    F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar dokumenti ta' spjegazzjoni (19), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' dokumenti bħal dawn hija ġustifikata.

    (41)

    Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, permezz tal-istabbiliment ta' rekwiżiti minimi għall-valutazzjoni tal-impatt ta' proġetti fuq l-ambjent, ma jistax jinkiseb għalkollox mill-Istati Membri iżda jista', pjuttost, minħabba l-ambitu, is-serjetà u n-natura transkonfinali tal-kwistjonijiet ambjentali li għandhom jiġu indirizzati, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

    (42)

    Id-Direttiva 2011/92/UE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2011/92/UE hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2 tiżdied id-definizzjoni li ġejja:

    “(g)

    ‘valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent’ tfisser il-proċess li jikkonsisti minn:

    (i)

    it-tħejjija ta' rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent mill-iżviluppatur, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1) u (2);

    (ii)

    it-twettiq ta' konsultazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 7;

    (iii)

    l-eżami mill-awtorità kompetenti tat-tagħrif preżentat fir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u kwalunkwe tagħrif addizzjonali provdut, fejn neċessarju, mill-iżviluppatur skont l-Artikolu 5(3), u kwalunkwe tagħrif rilevanti riċevut mill-konsultazzjonijiet taħt l-Artikoli 6 u 7;

    (iv)

    il-konklużjoni motivata mill-awtorità kompetenti fuq l-effetti sinifikattivi tal-proġett fuq l-ambjent, fid-dawl tar-riżultati tal-eżami msemmi fil-punt (iii) u, fejn xieraq, l-eżami addizzjonali tagħha; u

    (v)

    l-integrazzjoni tal-konklużjoni motivata tal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 8a.”;

    (b)

    il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, fuq bażi ta' każ każ u jekk previst mil-liġi nazzjonali, li ma japplikawx din id-Direttiva għall-proġetti, jew partijiet minn proġetti, li jkollhom id-difiża bħala l-għan ewlieni tagħhom jew proġetti li l-uniku għan tagħhom ikun ir-rispons għal emerġenzi, jekk jidhrilhom li tali applikazzjoni jkollha effett ħażin fuq dawk l-għanijiet.”;

    (c)

    il-paragrafu 4 jitħassar;

    (2)

    l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 1 sa 3 jinbidlu b'dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens għall-iżvilupp, il- proġetti li x'aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikattiv fuq l-ambjent minħabba, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l- lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u valutazzjoni rigward l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

    2.   Il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent tista' tkun integrata fil- proċeduri eżistenti għal kunsens għall-iżvilupp għal proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta' dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformità mal- għanijiet ta' din id-Direttiva.

    3.   Fil-każ ta' proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (*) u/jew id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, ikunu provduti proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfawir-rekwiżiti ta' dik il-leġislazzjoni tal-Unjoni..

    Fil-każ ta' proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament kemm minn din id-Direttiva kif ukoll minn leġislazzjoni tal-Unjoni li mhijiex id-Direttivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprovvdu għal proċeduri koordinati u/jew konġunti.

    Taħt il-proċedura koordinata msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Istati Membri għandhom jipprovaw jikkoordinaw id-diversi valutazzjonijiet individwali tal-impatt ta' proġett partikolari fuq l-ambjent, li jkunu meħtieġa mil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, billi jaħtru awtorità għal dan l-iskop, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f'leġislazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

    Taħt il-proċedura konġunta msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Istati Membri għandhom jipprovaw jipprovdu valutazzjoni waħda tal-impatti fuq l-ambjent ta' proġett partikolari, meħtieġa mil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f'leġislazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida fil-qasam tat-twaqqif ta' proċeduri koordinati jew konġunti għall-proġetti li huma simultanjament suġġetti għal valutazzjonijiet kemm taħt din id-Direttiva kif ukoll taħt id-Direttivi 92/43/KEE, 2000/60/KE, 2009/147/KE u 2010/75/UE.

    (*)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7)."

    (**)  Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).”;"

    (b)

    fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    “4.   Bla ħsara għall-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu, f'każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku mid-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, meta l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet tinċidi b'mod ħażin fuq l-iskop tal-proġett, bil-kundizzjoni li l-objettivi ta' din id-Direttiva jiġu sodisfatti.”;

    (c)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “5.   Bla ħsara għall-Artikolu 7, f'każijiet fejn proġett huwa adottat b'att leġislattiv nazzjonali speċifiku, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw dak il-proġett mid-dispożizzjonijiet relatati mal-konsultazzjoni pubblika stabbiliti f'din id-Direttiva, bil-kundizzjoni li l-objettivi ta' din id-Direttiva jiġu sodisfatti.

    L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe każ ta' applikazzjoni tal-eżenjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu kull sentejn mis-16 ta' Mejju 2017”;

    (3)

    l-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   Il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b'mod xieraq, fid-dawl ta' kull każ individwali, l-effetti sinifikattivi, diretti u indiretti, ta' proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

    (a)

    il-popolazzjoni u s-saħħa tal-bniedem;

    (b)

    il-bijodiversità, b'attenzjoni partikolari għal speċijiet u ambjenti protetti skont id-Direttiva 92/43/KEE u d-Direttiva 2009/147/KE;

    (c)

    l-art, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-klima;

    (d)

    l-assi materjali, il-wirt kulturali u l-pajsaġġ;

    (e)

    l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a) sa (d).

    2.   L-effetti msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-fatturi msemmija fih għandhom jinkludu l-effetti previsti, li ġejjin mill-vulnerabbiltà tal-proġett għar-riskji ta' inċidenti kbar u/jew diżastri li huma rilevanti għall-proġett ikkonċernat.”;

    (4)

    l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 3 u 4 jinbidlu b'dan li ġej:

    “3.   Fejn issir analiżi każ b'każ jew jiġu stabbiliti parametri jew kriterji għall-fini tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti ddikjarati fl-Anness III. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta ma jkunx hemm bżonn li proġetti jgħaddu jew mid-determinazzjoni taħt il-paragrafi 4 u 5 jew minn valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, u/jew limiti massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta proġetti jkunu f'kull każ suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent mingħajr ma jgħaddu minn determinazzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 4 u 5.

    4.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jeħtieġu determinazzjoni għal proġetti elenkati fl-Anness II, l-iżviluppatur għandu jipprovdi tagħrif dwar il-karatteristiċi tal-proġett u l-effetti sinifikattivi li dan x'aktarx ikollu fuq l-ambjent. Il-lista dettaljata tat-tagħrif li għandu jiġi pprovdut hija speċifikata fl-Anness II.A. L-iżviluppatur għandu jieħu kont, fejn rilevanti, tar-riżultati disponibbli ta' valutazzjonijiet rilevanti oħra tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b'mod konformi ma' leġislazzjoni tal-Unjoni barra minn din id-Direttiva. L-iżviluppatur jista' wkoll jipprovdi deskrizzjoni ta' kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.”;

    (b)

    jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “5.   L-awtorità kompetenti għandha tagħmel id-determinazzjoni tagħha, abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-iżviluppatur f'konformità mal-paragrafu 4 filwaqt li tqis, meta jkun rilevanti, ir-riżultati ta' verifiki preliminari jew valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b'mod konformi ma' leġislazzjoni tal-Unjoni barra minn din id-Direttiva. Id-determinazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku u:

    (a)

    fejn jiġi deċiż li hija meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex kienet meħtieġa tali valutazzjoni b'riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III; jew

    (b)

    fejn jiġi deċiż li mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex ma kinitx meħtieġa tali valutazzjoni b'riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III, u fejn proposta mill-iżviluppatur, tiddikarja kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżura previsti sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tagħmel id-determinazzjoni tagħha kemm jista' jkun malajr u f'perjodu li ma jaqbiżx 90 ġurnata mid-data meta l-iżviluppatur ssottometta t-tagħrif kollu meħtieġ b'mod konformi mal-paragrafu 4. F'każijiet eċċezzjonali, pereżempju dawk relatati man-natura, il-kumplessità, il-post u d-daqs tal-proġett, l-awtorità kompetenti tista' testendi dik l-iskadenza biex tasal għad-determinazzjoni tagħha; f'dak il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tinforma bil-miktub l-iżviluppatur bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-estensjoni u d-data sa meta hija mistennija d-determinazzjoni tagħha.”;

    (5)

    fl-Artikolu 5, il-paragrafi 1 sa 3 jinbidlu b'dan li ġej:

    “1.   Fejn tkun meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, l-iżviluppatur għandu jħejji u jippreżenta rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. It-tagħrif li għandu jiġi provdut mill-iżviluppatur għandu tal-anqas jinkludi:

    (a)

    deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi tagħrif dwar is-sit, id-disinn u d-daqs u elementi rilevanti oħra tal-proġett;

    (b)

    deskrizzjoni tal-effetti sinifikattivi li l-proġett x'aktarx ikollu fuq l-ambjent;

    (c)

    deskrizzjoni tal-elementi tal-proġett u/jew miżuri oħra previsti sabiex jiġu evitati, impediti, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti sinifikattivi ħżiena li x'aktarx ikun hemm fuq l-ambjent;

    (d)

    deskrizzjoni tal-alternattivi raġonevoli meqjusa mill-iżviluppatur, li huma rilevanti għall-proġett u għall-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali tal-għażla magħmula, fid-dawl tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent;

    (e)

    sommarju mhux tekniku tat-tagħrif imsemmi fil-punti (a) sa (d);u

    (f)

    kwalunkwe tagħrif addizzjonali speċifikat fl-Anness IV rilevanti għall-karatteristiċi speċifiċi ta' proġett partikolari jew ta' tip ta' proġett u tal-karatteristiċi ambjentali li x'aktarx jiġu affettwati.

    Fejn tkun inħarġet opinjoni skont il-paragrafu 2, ir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandu jkun ibbażat fuq dik l-opinjoni u jinkludi tagħrif li jista' jkun raġonevolment meħtieġ biex tintlaħaq konklużjoni motivata dwar l-effetti sinifikattivi tal-proġett fuq l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-għarfien u l-metodi attwali tal-valutazzjoni. L-iżviluppatur għandu, bil-ħsieb li jevita ripetizzjoni tal-valutazzjonijiet, jieħu kont tar-riżultati disponibbli ta' valutazzjonijiet rilevanti oħra taħt il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali, fit-tħejjija tar-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

    2.   Fuq talba tal-iżviluppatur, l-awtorità kompetenti, filwaqt li tqis it-tagħrif provdut mill-iżviluppatur b'mod partikolari dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-proġett, inklużi l-post u l-kapaċità teknika tiegħu) u l-impatt li x'aktarx ikollu fuq l-ambjent, għandha tagħti opinjoni dwar l-ambitu u l-livell ta' dettall tat-tagħrif li għandu jkun inkluż mill-iżviluppatur fir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. L-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) qabel ma tagħti l-opinjoni tagħha.

    L-Istati Membri jistgħu jesiġu wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jagħtuhom opinjoni kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu, irrispettivament minn jekk l-iżviluppatur jitlobx dan.

    3.   Sabiex jiġu żgurati l-kompletezza u kwalità tar-rapporti ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent:

    (a)

    l-iżviluppatur għandu jiżgura li r-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent huwa mħejji minn esperti kompetenti;

    (b)

    l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jkollha, jew li jkollha aċċess kif meħtieġ għal, għarfien espert suffiċjenti sabiex teżamina r-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent; u

    (c)

    fejn meħtieġ, l-awtorità kompetenti għandha titlob mill-iżviluppatur tagħrif addizzjonali, b'mod konformi mal-Anness IV, li jkun direttament rilevanti sabiex tintlaħaq konklużjoni motivata dwar l-effetti sinifikattivi tal-proġett fuq l-ambjent;”;

    (6)

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet li x'aktarx ikunu kkonċernati mill-proġett minħabba r-responsabilitajiet ambjentali speċifiċi tagħhom jew fl-ambitu tal-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar it-tagħrif fornut mill-iżviluppatur u dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp, filwaqt li jittieħed kont, fejn ikun xieraq, tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8a(3). Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li għandhom jiġu kkonsultati, jew f'termini ġenerali jew fuq il-bażi ta' każ b'każ. It-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5 għandu jintbagħat lil dawk l-awtoritajiet. Għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri arranġamenti dettaljati għall-konsultazzjoni.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, il-parti introduttiva tinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Bil-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effikaċi tal-pubbliku kkonċernat fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-pubbliku għandu jiġi infurmat dwar il-materji li ġejjin b'mod elettroniku u b'avviżi pubbliċi jew b'mezzi oħra xierqa kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista' raġonevolment jiġi pprovdut:”;

    (c)

    il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    “5.   L-arranġamenti dettaljati sabiex il-pubbliku jiġi informat, pereżempju bit-twaħħil ta' kartelluni f'ċertu raġġ jew pubblikazzjoni fil-gazzetti lokali, u sabiex il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat, pereżempju permezz ta' sottomissjonijiet bil-miktub jew permezz ta' inkjesta pubblika, għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li t-tagħrif rilevanti jkun aċċessibbli b'mod elettroniku għall-pubbliku, permezz ta' tal-anqas portal ċentrali jew punti ta' aċċess faċilment aċċessibbli, fil-livell amministrattiv xieraq.”;

    (d)

    il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:

    “6.   Għandhom jiġu pprovduti termini ta' żmien raġonevoli għall-fażijiet differenti, li jippermettu żmien biżżejjed biex:

    (a)

    jiġu infurmati l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u l-pubbliku u

    (b)

    l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u l-pubbliku kkonċernat iħejju u jipparteċipaw b'mod effikaċi fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.”;

    (e)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “7.   It-termini ta' żmien sabiex il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat dwar ir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent imsemmi fl-Artikolu 5(1) ma għandhomx ikunu iqsar minn 30 jum.”;

    (7)

    l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 4 huwa mibdul b'li ġej:

    “4.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet rigward, inter alia, l-effetti transkonfinali potenzjali tal-proġett u l-miżuri previsti li jnaqqsu jew jeliminaw dawn l-effetti u għandhom jiftiehmu fil-qafas ta' żmien raġonevoli għat-tul tal-perjodu ta' konsultazzjoni.

    Tali konsultazzjonijiet jistgħu jkunu mmexxija minn korp konġunt xieraq.”;

    (b)

    il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    “5.   L-arranġamenti dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu, inkluż l-iffissar ta' termini ta' żmien għall-konsultazzjonijiet, għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri kkonċernati, abbażi tal-arranġamenti u t-termini ta' żmien imsemmija fl-Artikolu 6(5) sa (7) u għandhom ikunu tali li jippermettu lill-pubbliku kkonċernat fit-territorju tal-Istat Membru affettwat li jipparteċipa b'mod effikaċi fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 2(2) għall-proġett.”;

    (8)

    l-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tat-tagħrif miġbura skont l-Artikoli 5 sa 7 għandhom jitqiesu debitament fil-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp.”;

    (9)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 8a

    1.   Id-deċiżjoni li jingħata l-kunsens għall-iżvilupp għandha tinkorpora tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    il-konklużjoni motivata msemmija fl-Artikolu 1(2)(g)(iv);

    (b)

    kwalunkwe kundizzjoni ambjentali marbuta mad-deċiżjoni deskrizzjoni ta' kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżura previsti sabiex jiġu evitati, impediti jew imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent kif ukoll, fejn ikun xieraq, miżuri ta' monitoraġġ.

    2.   Id-deċiżjoni ta' rifjut ta' kunsens għall-iżvilupp għandha tiddikjara r-raġunijiet ewlenin għar-rifjut.

    3.   Fil-każ ta' Stati Membri li jirrikorru għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 2(2) li mhumiex il-proċeduri għall-kunsens għall-iżvilupp, ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, skont ma jkunu xierqa, għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti meta kwalunkwe deċiżjoni adottata fil-kuntest ta' dawk il-proċeduri fiha l-informazzjoni msemmija f'dawk il-paragrafi u jkun hemm mekkaniżmi fis-seħħ biex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti tal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.

    4.   B'mod konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1(b), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-elementi tal-proġett u/jew miżuri oħra previsti sabiex jiġu evitati, impediti, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent jitwettqu mill-iżviluppatur u għandhom jiddeterminaw il-proċeduri għall-monitoraġġ ta' effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.

    It-tip ta' parametri li għandhom jiġu mmonitorjati u t-tul ta' żmien tal-monitoraġġ għandhom ikunu proporzjonati man-natura, il-post u d-daqs tal-proġett u l-importanza tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

    L-arranġamenti eżistenti għall-monitoraġġ li jirriżultaw minn leġislazzjoni tal-Unjoni barra din id-Direttiva ul minn leġislazzjoni nazzjonali jistgħu jintużaw fejn dan ikun xieraq bil-ħsieb li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-monitoraġġ.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tieħu kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu f'perjodu ta' żmien raġonevoli.

    6.   L-awtorità kompetenti għandha tkun sodisfatta li l-konklużjoni motivata msemmija fl-Artikolu 1(2)(g)(iv), jew kull deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, tkun għadha aġġornata meta tieħu deċiżjoni li tagħti l-kunsens għall-iżvilupp. Għal tali fini, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini ta' żmien għall-validità tal-konklużjoni motivata msemmija fl-Artikolu 1(2)(g)(iv) jew kwalunkwe deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.”;

    (10)

    fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 jinbidel b' li ġej:

    “1.   Meta tkun ittieħdet deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta kunsens għall-iżvilupp, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw fil-pront lill-pubbliku u l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) biha, skont il-proċeduri nazzjonali, u għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli għall-pubbliku u l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), filwaqt li jittieħed kont, fejn xieraq, tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8a(3):

    (a)

    il-kontenut tad-deċiżjoni u kull kundizzjoni li takkumpanjaha, kif imsemmi fl-Artikolu 8a(1) u (2);

    (b)

    ir-raġunijiet u l-konsiderazzjonijiet ewlenin li fuqhom hija msejsa d-deċiżjoni, inkluża informazzjoni dwar il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku; Dan jinkludi wkoll is-sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet u t-tagħrif miġbur skont l-Artikoli 5 sa 7 u kif dawk ir-riżultati jkunu ġew inkorporati jew inkella indirizzati, b'mod partikolari l-kummenti li waslu għand l-Istat Membru affettwat imsemmija fl-Artikolu 7.”;

    (11)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 9a

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kompiti li jirriżultaw minn din id-Direttiva b'mod oġġettiv u ma jsibux ruħhom f'sitwazzjoni li tagħti lok għal kunflitt ta' interess.

    Fejn l-awtorità kompetenti hija wkoll l-iżviluppatur, l-Istati Membri għandhom tal-anqas jimplimentaw, fl-ambitu tal-organizzazzjoni tagħhom tal-kompetenzi amministrattivi, separazzjoni xierqa bejn il-funzjonijiet kunfliġġenti meta jkunu qed iwettqu l-kompiti li jirriżultaw minn din id-Direttiva.”;

    (12)

    fl-Artikolu 10, l-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

    “Bla ħsara għad-Direttiva 2003/4/KE, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma għandhomx jaffettwaw l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jirrispettaw il-limitazzjonijiet imposti bil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali u bil-prassi legali aċċettati rigward il-kunfidenzjalità kummerċjali u industrijali, inkluża l-proprjetà intellettwali, u s-salvagwardja tal-interess pubbliku.”;

    (13)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 10a

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-Direttiva. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.”;

    (14)

    fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   B'mod partikolari, kull sitt snin mis-16 ta' Mejju 2017 l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, jekk tali data tkun disponibbli, dwar:

    (a)

    l-għadd ta' proġetti msemmija fl-Annessi I u II soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikoli 5 sa 10;

    (b)

    it-tqassim tal-valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ambjent skont il-kategoriji tal-proġetti stipulati fl-Annessi I u II;

    (c)

    l-għadd ta' proġetti msemmija fl-Anness II soġġetti għal determinazzjoni skont l-Artikolu 4(2);

    (d)

    it-tul ta' żmien medju għal proċess ta' valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent;

    (e)

    stimi ġenerali dwar l-ispiża diretta medja tal-valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ambjent, inklużi l-impatti tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-SMEs.”;

    (15)

    l-Annessi tad-Direttiva 2011/92/UE huma emendati kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-16 ta' Mejju 2017.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    1.   Il-proġetti li fir-rigward tagħhom id-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92/UE nbdiet qabel is-16 ta' Mejju 2017 għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92/UE qabel l-emendar tagħha permezz ta' din id-Direttiva

    2.   Il-proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi msemmija fl-Artikolu 3 u l-Artikoli 5 sa 11 tad-Direttiva 2011/92/UE qabel is-16 ta' Mejju 2017:

    (a)

    tnediet il-proċedura rigward l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/92/UE, jew

    (b)

    ġie provdut it-tagħrif msemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/92/UE.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. KOURKOULAS


    (1)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 33.

    (2)  ĠU C 218, 30.7.2013, p. 42.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

    (4)  Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

    (5)  Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40).

    (6)  Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

    (7)  Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

    (8)  Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

    (9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta' Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bioloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1).

    (10)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

    (11)  Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

    (12)  Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66).

    (13)  Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1).

    (14)  Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta' Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18).

    (15)  Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

    (16)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (17)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    (18)  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

    (19)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    ANNESS

    (1)

    Jiddaħħal l-Anness li ġej:

    “ANNESS II.A

    IT-TAGĦRIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 4(4)

    (IT-TAGĦRIF LI GĦANDU JIĠI PPROVDUT MILL-IŻVILUPPATUR DWAR IL-PROĠETTI ELENKATI FL-ANNESS II)

    1.

    Deskrizzjoni tal-proġett, inklużi b'mod partikolari:

    (a)

    deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu u, fejn rilevanti, tax-xogħlijiet ta' twaqqigħ;

    (b)

    deskrizzjoni tal-lok tal-proġett, partikolarment fir-rigward tas-sensisittività taż-żoni ġeografiċi li x'aktarx ikunu affettwati.

    2.

    Deskrizzjoni tal-aspetti ambjentali li x'aktarx jiġu affettwati b'mod sinifikattiv mill-proġett.

    3.

    Deskrizzjoni ta' kwalunkwe effett sinifikattiv, sa fejn possibbli mill-informazzjoni dwar dawn l-effetti, li l-proġett x'aktarx ikollu fuq l-ambjent li jirriżultaw minn dawn li ġejjin:

    (a)

    ir-residwi u l-emissjonijiet mistennija u mill-produzzjoni tal-iskart, fejn rilevanti;

    (b)

    l-użu ta' riżorsi naturali, partikolarment il-ħamrija, l-art, l-ilma u l-bijodiversità.

    4.

    Il-kriterji tal-Anness III għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn rilevanti, meta tkun qed tinġabar l-informazzjoni b'mod konformi mal-punti 1 sa 3.”;

    (2)

    L-Annessi III u IV jinbidlu b'dan li ġej:

    “ANNESS III

    IL-KRITERJI TAL-GĦAŻLA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(3)

    (KRITERJI LI JIDDETERMINAW JEKK IL-PROĠETTI ELENKATI FL-ANNESS II GĦANDHOMX IKUNU SOĠĠETTI GĦAL VALUTAZZJONI TAL-IMPATT FUQ L-AMBJENT)

    1.   Karatteristiċi tal-proġetti

    Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jitqiesu, b'mod partikolari fir-rigward ta':

    (a)

    id-daqs u d-disinn tal-proġett kollu;

    (b)

    il-kumulazzjoni ma' proġetti eżistenti u/jew approvati oħra;

    (c)

    l-użu ta' riżorsi naturali, partikolarment l-art, il-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità;

    (d)

    il-produzzjoni tal-iskart;

    (e)

    it-tniġġis u l-elementi ta' fastidju;

    (f)

    ir-riskju ta' inċidenti kbar u/jew diżastri li huma rilevanti għall-proġett ikkonċernat, inklużi dawk ikkawżati mit-tibdil fil-klima, abbażi tal-għarfien xjentifiku;

    (g)

    ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem (pereżempju dawk minn kontaminazzjoni tal-ilma jew tniġġis tal-arja).

    2.   Il-post fejn jinsabu l-proġetti

    Għandha titqies is-sensittività ambjentali ta' żoni ġeografiċi li x'aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, b'mod partikolari fir-rigward ta':

    (a)

    l-użu eżistenti u approvat tal-art;

    (b)

    l-abbundanza relattiva, id-disponibbiltà, il-kwalità u l-kapaċità ta' riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali (inkluża l-ħamrija, l-art, l-ilma u l-bijodiversità) fiż-żona u taħt l-art tagħha;

    (c)

    il-kapaċità ta' assorbiment tal-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni li ġejjin:

    (i)

    artijiet mistagħdra, żoni max-xatt tal-ixmajjar, bokok ta' xmajjar;

    (ii)

    żoni kostali u l-ambjent tal-baħar;

    (iii)

    żoni muntanjużi u dawk bil-foresti;

    (iv)

    riservi u parkijiet naturali;

    (v)

    żoni kklassifikati jew protetti skont il-leġislazzjoni nazzjonali; żoni ta' Natura 2000 deżinjati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 92/43/KEE u d-Direttiva 2009/147/KE;

    (vi)

    żoni fejn diġà kienu ma ntlaħqux il-livelli ta' kwalità ambjentali, stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni u rilevanti għall-proġett, jew fejn huwa meqjus li dawn il-livelli ma ntlaħqux;

    (vii)

    żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni;

    (viii)

    pajsaġġi u siti ta' sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku.

    3.   It-tip u l-karatteristiċi tal-impatt potenzjali

    L-effetti sinifikattivi li l-proġetti x'aktarx ikollhom fuq l-ambjent għandhom jitqiesu f'rabta mal-kriterji stabbiliti fil-punti 1 u 2 ta' dan l-Anness, fir-rigward tal-impatt tal-pproġett fuq il-fatturi speċifikati fl-Artikolu 3(1), filwaqt li jitqiesu:

    (a)

    id-daqs u l-ambitu spazjali tal-impatt (pereżempju, iż-żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni li x'aktarx tkun affettwata);

    (b)

    in-natura tal-impatt;

    (c)

    in-natura transkonfinali tal-impatt;

    (d)

    l-intensità u kumplessità tal-impatt;

    (e)

    il-probabbiltà tal-impatt;

    (f)

    meta se jitfaċċa l-impatt, kemm se jdum fis-seħħ l-impatt, il-frekwenza u r-riversibbiltà tal-impatt;

    (g)

    il-kumulazzjoni tal-impatt mal-impatt ta' proġetti oħra eżistenti u/jew approvati;

    (h)

    il-possibbiltà li jitnaqqsu l-impatt b'mod effikaċi.

    ANNESS IV

    IT-TAGĦRIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 5(1)

    (IT-TAGĦRIF GĦAR-RAPPORT TA' VALUTAZZJONI TAL-IMPATT FUQ L-AMBJENT)

    1.

    Id-deskrizzjoni tal-proġett, inklużi b'mod partikolari:

    (a)

    deskrizzjoni tal-post tal-proġett;

    (b)

    deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu inkluż, fejn rilevanti, ix-xogħlijiet ta' twaqqigħ meħtieġa, u r-rekwiżiti tal-użu tal-art matul il-fażijiet tal-kostruzzjoni u operattivi;

    (c)

    deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-fażi operattiva tal-proġett (b'mod partikolari kull proċess ta' produzzjoni), pereżempju, id-domanda għall-enerġija u l-enerġija użata, in-natura u l-kwantità tal-materjali, l-enerġija u r-riżorsi naturali (inkluż l-ilma, l-art, il-ħamrija u l-bijodiversità) użati;

    (d)

    stima, skont it-tip u l-kwantità, tar-residwi u emissjonijiet mistennija (it-tniġġis tal-ilma, tal-arja, tal-ħamrija u tas-sottoswol, l-istorbju, il-vibrazzjoni, id-dawl, is-sħana, ir-radjazzjoni, eċċ.) u l-kwantitajiet u t-tipi ta' skart prodott matul il-fażi ta' kostruzzjoni u dik operattiva.

    2.

    Deskrizzjoni tal-alternattivi raġonevoli (eż. f'termini ta' disinn tal-proġett, teknoloġija, lok, daqs u skala) eżaminati mill-iżviluppatur, li huma rilevanti għall-proġett propost u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla li tkun saret, inkluż tqabbil tal-effetti fuq l-ambjent.

    3.

    Deskrizzjoni tal-aspetti rilevanti tal-istat attwali tal-ambjent (xenarju bażi) u deskrizzjoni fil-qosor ta' kif dawn mistennija jevolvu jekk ma jsirx il-proġett, sa fejn il-bidliet naturali mix-xenarju bażi jistgħu jiġu valutati bi sforz raġonevoli abbażi tad-disponibbiltà tal-informazzjoni ambjentali u tal-għarfien xjentifiku.

    4.

    Deskrizzjoni tal-fatturi speċifikati fl-Artikolu 3(1) li x'aktarx jiġu affettwati b'mod sinifikattiv mill-proġett: il-popolazzjoni, is-saħħa tal-bniedem, il-bijodiversità (pereżempju l-fawna u l-flora), l-art (pereżempju t-teħid tal-art), il-ħamrija (pereżempju l-materja organika, l-erożjoni, il-kompattazzjoni, l-impermeabilizzazjoni), l-ilma (pereżempju l-bidliet idromorfoloġiċi, il-kwantità u l-kwalità), il-klima (pereżempju l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, impatti rilevanti għall-adattament), l-assi materjali, il-wirt kulturali, inklużi l-aspetti arkitettoniċi u arkeoloġiċi u l-pajsaġġ.

    5.

    Deskrizzjoni tal-effetti sinifikattivi li l-proġett x'aktarx ikollu fuq l-ambjent li jirriżultaw minn, inter alia:

    (a)

    il-kostruzzjoni u l-eżistenza tal-proġett, inklużi, fejn rilevanti, ix-xogħlijiet ta' twaqqigħ;

    (b)

    l-użu tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari l-art, il-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità, b'mod li kemm jista' jkun titqies id-disponibbiltà sostenibbli ta' dawn ir-riżorsi;

    (c)

    l-emissjoni ta' sustanzi li jniġġsu, l-istorbju, il-vibrazzjoni, id-dawl, is-sħana, ir-radjazzjoni, il-ħolqien ta' elementi ta' fastidju u r-rimi u l-irkupru tal-iskart;

    (d)

    ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem, il-wirt kulturali jew l-ambjent (pereżempju minħabba inċidenti jew diżastri);

    (e)

    il-kumulazzjoni tal-effetti ma' proġetti oħra eżisteni u/jew approvati, tenut kont ta' kwalunkwe problema ambjentali eżistenti relatata ma' żoni ta' importanza ambjentali partikolari li x'aktarx jiġu affettwati jew mal-użu tar-riżorsi naturali;

    (f)

    l-impatt tal-proġett fuq il-klima (pereżempju n-natura u l-volum tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra) u l-vulnerabbiltà tal-proġett għat-tibdil fil-klima;

    (g)

    it-teknoloġiji u s-sustanzi użati.

    Id-deskrizzjoni tal-effetti sinifikattivi li x'aktarx ikun hemm fuq il-fatturi msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tkopri l-effetti diretti u kwalunkwe effett indirett, sekondarju, kumulattiv, transkonfinali, għal żmien qasir, medju jew twil, permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett. Din id-deskrizzjoni għandha tqis l-objettivi tal-protezzjoni tal-ambjent stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri li huma rilevanti għall-proġett.

    6.

    Deskrizzjoni tal-metodi tat-tbassir jew evidenza użati biex jiġu identifikati u valutati l-effetti sinifikattivi fuq l-ambjent, inklużi d-dettalji tad-diffikultajiet (pereżempju nuqqasijiet tekniċi jew nuqqas ta' għarfien) li jqumu meta jkun qed jinġabar it-tagħrif meħtieġ u l-inċertezzi ewlenin involuti.

    7.

    Deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, jipprevjenu, inaqqsu jew, jekk possibbli, jikkontrobilanċjaw kull effett ħażin sinifikattiv li jiġi identifikat fuq l-ambjent, u fejn ikun xieraq, ta' kwalunkwe arranġament propost għall-monitoraġġ (pereżempju t-tħejjija ta' analiżi wara li jkun sar il-proġett). Dik id-deskrizzjoni għandha tispjega sa fejn l-effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent ikunu qed jiġu evitati, prevenuti, imnaqqsa jew kontrobilanċjati, u għandha tkopri kemm il-fażi tal-kostruzzjoni kif ukoll dik operattiva.

    8.

    Deskrizzjoni tal-effetti sinifikattivi ħżiena tal-proġett li huma previsti fuq l-ambjent u li ġejjin mill-vulnerabbiltà tal-proġett għar-riskji ta' inċidenti kbar u/jew diżastri li huma rilevanti għall-proġett. Għal dan l-iskop jista' jintuża tagħrif rilevanti u disponibbli li jkun miksub mill-valutazzjonijiet tar-riskju b'mod konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni bħad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) jew id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom (**) jew valutazzjonijiet rilevanti mwettqa b'mod konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva jiġu soddisfatti. Fejn ikun xieraq, din id-deskrizzjoni għandha tinkludi miżuri li huma mistennija li jipprevjenu jew itaffu l-effetti sinifikattivi ħżiena ta' tali avvenimenti fuq l-ambjent u d-dettalji tal-livell ta' tħejjija u tar-reazzjoni proposta għal tali emerġenzi.

    9.

    Sommarju mhux tekniku tal-informazzjoni provvduta taħt il-punti 1 sa 8.

    10.

    Lista ta' referenzi li tipprovdi s-sorsi użati għad-deskrizzjonijiet u għall-valutazzjonijiet li huma inklużi fir-rapport.

    (*)  Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1)."

    (**)  Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta' Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18).”."



    Arriba