Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0037

    Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/37/UE tas- 27 ta’ Frar 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sikurezza u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi

    ĠU L 59, 28.2.2014, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2014/37/oj

    28.2.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 59/32


    DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/37/UE

    tas-27 ta’ Frar 2014

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sikurezza u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE b'rabta mal-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sikurezza u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7a tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE (2), fl-24 ta' Frar 1998, il-Komunità Ewropea qablet mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (United Nations Economic Commission for Europe - UNECE) dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu ma’ vetturi bir-roti u/jew jintużaw fuqhom, u l-kundizzjonijet għall-approvazzjoni reċiproka mogħtija abbażi ta’ dawn il-preskrizzjonijet (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Rivedut tal-1958”).

    (2)

    Skont il-paragrafu 1 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 97/836/KE, ir-rekwiżiti tekniċi tar-Regolamenti tal-UNECE skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 isiru alternattivi għall-annessi tekniċi tad-Direttivi tal-Unjoni separati rilevanti fejn dawn tal-aħħar għandhom l-istess kamp ta' applikazzjoni u fejn fil-każ tar-Regolamenti tal-UNECE jeżistu direttivi tal-Unjoni separati. Madankollu, id-disposizzjonijiet addizzjonali tad-Direttivi, bħal dawk li jikkonċernaw ir-rekwiżiti tal-immuntar jew il-proċedura għall-approvazzjoni, jibqgħu fis-seħħ.

    (3)

    Ġie stabbilit u adottat Regolament tal-UNECE ġdid dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ Sistemi Mtejba tat-Trażżin għat-Tfal użati abbord vetturi bil-mutur (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament 129”), taħt l-awspiċi tal-UNECE.

    (4)

    Ir-Regolament 129 daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Lulju 2013 bħala anness tal-Ftehim Rivedut tal-1958.

    (5)

    Ir-rekwiżiti standardizzati tar-Regolament 129 jikkostitwixxu rekwiżiti alternattivi mtejba b'rabta ma' dawk stabbiliti skont ir-Regolament 44 dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' tagħmir tat-trażżin għat-tfal li jirkbu bħala passiġġieri f’vetturi bil-magna (“Sistemi tat-Trażżin għat-Tfal”) (3) u jirriflettu l-progress tekniku f’diversi aspetti tas-sistemi tat-trażżin għat-tfal bħal testijiet għal meta jkun hemm impatti fuq il-ġenb, il-pożizzjoni li tħares lura għal tfal li għandhom anqas minn 15-il xahar, il-kompatibbiltà ma’ vetturi differenti, il-manikini tat-testijiet u l-bankijiet tat-testijiet u l-adattabbiltà għad-daqsijiet varji ta' tfal;

    (6)

    Billi d-Direttiva 91/671/KEE tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni u l-użu obbligatorju ta’ sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi bil-mutur fi ħdan l-Unjoni, din għandha tiġi emendata sabiex tinkludi l-użu ta’ sistemi tat-trażżin għat-tfal approvati skont ir-rekwiżiti tekniċi tar-Regolament 129.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 7b tad-Direttiva 91/671/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/671/KEE huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-punt 1(a)(i) għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “(i)

    għal vetturi M1, N1, N2 u N3, l-Istati Membri għandhom jitolbu li l-passiġġieri kollha tal-vetturi waqt l-użu għandhom jużaw is-sistemi tas-sikurezza pprovvduti.

    Tfal li mhumiex twal aktar minn 150 cm f'vetturi M1, N1, N2 u N3 mgħammra b'sistemi tat-trażżin, għandhom jiġu mrażżna b'sistema integrali jew mhux integrali tat-trażżin għat-tfal, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4)(a) u (b), li tkun adattata għall-karatteristiċi fiżiċi tat-tifel/tifla skont:

    il-klassifikazzjoni stipulata fl-Artikolu 1(3), għal sistemi tat-trażżin għat-tfal approvata skont il-punt (c)(i) ta’ dan il-paragrafu;

    il-firxa tad-daqsijiet u l-massa massima tal-okkupant li s-sistema tat-trażżin għat-tfal tkun maħsuba għalihom, kif indikat mill-manifattur, għas-sistemi tat-trażżin għat-tfal approvati, skont il-punt (c)(ii) ta’ dan il-paragrafu.

    F'vetturi M1, N1, N2 u N3 li ma jkunux mgħammra b'sistemi tas-sikurezza:

    tfal taħt it-tliet snin ma jistgħux jiġu ttrasportati,

    mingħajr ħsara għall-punt (ii), it-tfal ta' tliet snin jew iktar li mhumiex twal aktar minn 150 cm għandhom ipoġġu f'sit li mhuwiex is-sit ta' quddiem;”

    (2)

    il-punt 1(c), għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “(c)

    fejn tintuża sistema tat-trażżin għat-tfal, din għandha tkun approvata skont l-istandards ta’:

    i)

    ir-Regolament tal-UNECE 44/03 jew id-Direttiva 77/541/KEE jew

    ii)

    ir-Regolament Nru 129 tal-UNECE;

    jew kwalunkwe adattament sussegwenti tiegħu.

    Is-sistema tat-trażżin għat-tfal għandha tiġi installata skont l-informazzjoni tat-immuntar (eż. il-manwal tal-istruzzjoni, il-fuljett jew il-pubblikazzjoni elettronika) ipprovduta mill-manifattur tas-sistema tat-trażżin għat-tfal u li tkun tiddikjara b’liema mod u f’liema tipi ta’ vetturi s-sistema tista’ tintuża mingħajr periklu.”

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2014.

    Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

    Siim KALLAS

    Viċi President


    (1)  ĠU L 373, 31.12.1991, p. 26

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta’ Novembru 1997 bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li tikkonċerna l-addozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu jkunu iffittjati ma' u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kundizzjonijet reċiproċi tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijet (ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78).

    (3)  ĠU L 306, 23.11.2007, p. 1.


    Top