Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1089

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2013 tal- 4 ta’ Novembru 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva kieselgur (trab tad-diatomi) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 293, 5.11.2013, p. 31–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1089/oj

    5.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 293/31


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1089/2013

    tal-4 ta’ Novembru 2013

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva kieselgur (trab tad-diatomi)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-sustanza attiva kieselgur (trab tad-diatomi) kienet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (3) skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 (4). Billi d-Direttiva Nru 91/414/KEE nbidlet bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, din is-sustanza qed titqies li ġiet approvata skont dak ir-Regolament u hija elenkata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5).

    (2)

    Fit-22 ta’ Ġunju 2012, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Awtorità”, ippreżentat lill-Kummissjoni l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni għall-kieselgur (trab tad-diatomi) skont l-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. L-Awtorità kkomunikat l-opinjoni tagħha dwar il-kieselgur (trab tad-diatomi) lin-notifikatur. Il-Kummissjoni stednitha tressaq il-kummenti tagħha dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-kieselgur (trab tad-diatomi). L-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni flimkien mal-opinjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni ġie ffinalizzat fit-3 ta’ Ottubru 2013 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-kieselgur (trab tad-diatomi).

    (3)

    Huwa kkonfermat li s-sustanza attiva kieselgur (trab tad-diatomi) għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (4)

    Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, kif ukoll fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, huwa meħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni jiġu emendati. B’mod partikolari, jixraq li tintalab iktar informazzjoni ta’ konferma.

    (5)

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-kieselgur (trab tad-diatomi).

    (7)

    Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-kieselgur (trab tad-diatomi), fejn l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta’ grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn tmintax-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Miżuri ta’ tranżizzjoni

    L-Istati Membri għandhom, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u fejn hu meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-kieselgur (trab tad-diatomi) bħala sustanza attiva sal-25 ta’ Mejju 2014.

    Artikolu 3

    Perjodu ta’ grazzja

    Kull perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi f’data li ma tkunx aktar tard mill-25 ta’ Mejju 2015.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 tat-3 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi aktar regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    ANNESS

    Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 236 dwar is-sustanza attiva kieselgur (trab tad-diatomi) tinbidel b’dan li ġej:

    Numru

    Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “236

    Kieselgur (trab tad-diatomi)

    Nru CAS 61790-53-2

    Nru CIPAC 647

    Kieselgur (m’għandux isem tal-IUPAC)

    Trab tad-diatomi

    Diossidu tas-siliċju amorfu

    Silika

    Diatomite

    Il-prodott huwa magħul 100 % mit-trab tad-diatomi.

    Massimu ta’ 0,1 % ta’ partiċelli tas-silika kristallina b’dijametru ta’ anqas minn 50 μm

    L-1 ta’ Settembru 2009

    Il-31 ta’ Awwissu 2019

    IL-PARTI A

    Jista’ jiġi awtorizzat biss l-użu fuq ġewwa bħala insettiċida u akariċida minn utenti professjonali.

    IL-PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-kieselgur (trab tad-diatomi) (SANCO/2617/2008) u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-3 ta’ Ottubru 2013.

    F’din il-verifika ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lis-sikurezza tal-operaturi u tal-ħaddiema. Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu l-applikazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali u respiratorju xieraq. Fejn meħtieġ, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jipprojbixxu l-preżenza tal-ħaddiema wara l-applikazzjoni tal-prodott ikkonċernat għal perjodu xieraq fid-dawl tar-riskji kkawżati minn dak il-prodott.

    L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikaturi jissottomettu, sal-25 ta’ Novembru 2015, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità l-informazzjoni dwar it-tossiċità mill-inalazzjoni biex jikkonfermaw il-limiti tax-xogħol tal-kieselgur (trab tad-diatomi).”


    Top