This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012R1257
Regulation (EU) No 1257/2012 of the European Parliament and of the Council of 17 December 2012 implementing enhanced cooperation in the area of the creation of unitary patent protection
Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-parlament ewropew u tal-kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja
Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-parlament ewropew u tal-kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja
ĠU L 361, 31.12.2012, p. 1–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
31.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 361/1 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1257/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta’ Diċembru 2012
li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u partikolarment l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE tal-10 ta’ Marzu 2011 li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (1),
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet legali li jippermettu li l-intrapriżi jadattaw l-attivitajiet tagħhom fil-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ prodotti lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jipprovduhom b’għażla akbar u b’aktar opportunitajiet jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Il-protezzjoni tal-privattiva uniformi fis-suq intern, jew tal-anqas parti sinifikanti tiegħu, għandha tidher fost l-istrumenti legali li l-intrapriżi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. |
(2) |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), miżuri li għandhom jittieħdu fil-kuntest tal-istabiliment u l-funzjonament tas-suq intern jinkludu l-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva uniformi fl-Unjoni kollha u l-istabiliment ta’ arranġamenti ċentralizzati għal-Unjoni kollha ta’ awtorizzazjoni, koordinazzjoni u superviżjoni. |
(3) |
Fl-10 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill adotta id-Deċiżjoni 2011/167/UE li jawtorizza kooperazzjoni imtejba bejn il-Belġium, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugal, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Islovakkja, il-Filandja, l-Isvezzja u r-Renju Unit (minn issa 'il quddiem “l-Istati Membri parteċipanti”) fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja. |
(4) |
Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja ser ittrawwem l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi u l-funzjonament tas-suq intern billi tagħmel l-aċċess għas-sistema tal-privattivi aktar faċli, inqas għoli f’termini ta’ flus u legalment sikur. Ser ittejjeb ukoll il-livell ta’ protezzjoni tal-privattiva billi tagħmel possibbli l-kisba ta’ protezzjoni tal-privattiva uniformi fl-Istati Membri parteċipanti u telimina l-ispejjeż u l-kumplessità għall-intrapriżi f’kull parti tal-Unjoni. Għandha tkun disponibbli għall-propjetarji ta’ privattiva Ewropea kemm mill-Istati Membri parteċipanti kif ukoll minn Stati oħra, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-residenza jew il-post tal-istabbiliment tagħhom. |
(5) |
Il-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej tal-5 ta’ Ottubru 1973, kif reveduta fis-17 ta’ Diċembru 1991 u fid-29 ta’ Novembru 2000 (minn hawn 'il quddiem “KEP”), stabbilixxiet l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi u fdatha bil-kompitu li tagħti privattivi Ewropej. Dan il-kompitu jitwettaq mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (minn hawn 'il quddiem “EPO”). Privattiva Ewropea mogħtija mill-EPO għandha, fuq talba tal-proprjetarju tal-privattiva, jibbenefika minn effett unitarju permezz ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri parteċipanti. Privattiva bħal din minn hawn 'il quddiem tissejjaħ “privattiva Ewropea b’effett unitarju”. |
(6) |
Skont il-Parti IX tal-KEP grupp ta’ Stati Kontraenti għal-KEP jista’ jipprovdi li privattivi Ewropej mogħtija għal dawk l-Istati jkollhom karattru unitarju. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-KEP, trattat reġjonali dwar il-privattivi fis-sens tal-Artikolu 45(1) tat-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi tad-19 ta’ Ġunju 1970 kif emendat l-aħħar fit-3 ta’ Frar 2001 u ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmat f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883 u emendat l-aħħar fit-28 ta’ Settembru 1979. |
(7) |
Protezzjoni tal-privattiva unitarja għandu jinkiseb billi jingħata effett unitarju lill-privattivi Ewropej fil-fażi ta’ wara l-għotja permezz ta’ dan ir-Regolament u fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Il-karatteristika ewlenija tal-privattiva Ewropea b’effett unitarju għandha tkun il-karattru unitarju tagħha, jiġifieri li jipprovdu protezzjoni uniformi u li għandhom effett indaqs fl-Istati Membri parteċipanti kollha. Konsegwentement, privattiva Ewropea b’effett unitarju għandha tiġi limitata, trasferita jew revokata, jew skaduta biss, fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Għandu jkun possibbli li Privattiva Ewropea b’effett unitarju tkun liċenzjata fir-rigward ta’ wieħed jew aktar tal-Istati Membri parteċipanti. Sabiex jiġi żgurat l-ambitu sostantiv uniformi ta’ protezzjoni mogħtija minn protezzjoni tal-privattiva unitarja, privattivi Ewropej biss li jkunu ngħataw għall-Istati Membri parteċipanti kollha bl-istess sett ta’ talbiet għandhom jibbenefikaw minn effett unitarju. Fl-aħħar nett, l-effett unitarju attribbwit lil privattiva Ewropea għandu jkollu natura aċċessorja u m’għandux jitqies li nqala’ safejn il-privattiva Ewropea bażika tkun ġiet revokata jew limitata. |
(8) |
Skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi dwar il-privattiva u l-Artikolu 64(1) tal-KEP, il-protezzjoni tal-privattiva unitarja għandha sseħħ b’mod retroattiv fl-Istati Membri parteċipanti mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tal-għotja tal-privattiva Ewropea fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva. Fejn jidħol fis-seħħ il-protezzjoni tal-privattiva unitarju, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li l-privattiva Ewropea titqies li ma tkunx daħlet fis-seħħ fit-territorju tagħhom bħala privattiva nazzjonali, sabiex tiġi evitata kull duplikazzjoni tal-protezzjoni tal-privattiva. |
(9) |
Il-privattiva Ewropea b’effett unitarju għandha tagħti d-dritt lill-proprjetarju tagħha li jipprevjeni kwalunkwe parti terza milli twettaq atti li kontrihom tipprovdi protezzjoni l-privattiva. Dan għandu jkun żgurat permezz tal-istabbiliment ta’ Qorti Unifikata tal-Privattivi. Fi kwistjonijiet mhux koperti minn dan ir-Regolament jew mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012 tas-17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli (3), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-KEP, il-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi, inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak id-dritt u l-limitazzjonijiet tiegħu, u l-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli tal-liġi internazzjonali privata. |
(10) |
Liċenzji obbligatorji ta’ privattivi Ewropej b’effett unitarju għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri parteċipanti f’dak li jirrigwardja t-territorji rispettivi tagħhom. |
(11) |
Fir-rapport tagħha dwar l-operat ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament tal-limitazzjonijiet applikabbli u, fejn meħtieġ, għandha tagħmel il-proposti adatti, b’kont meħud tal-kontribut tas-sistema tal-privattivi għall-progress fl-innovazzjoni u dak teknoloġiku, l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi u l-interessi prevalenti tas-soċjetà. Il-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi ma jipprekludix lill-Unjoni Ewropea milli teżerċita s-setgħat tagħha f’dan il-qasam. |
(12) |
Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju tal-eżawriment tad-drittijiet għandu jiġi applikat ukoll għal privattivi Ewropej b’effett unitarju. Għalhekk, id-drittijiet mogħtija minn privattiva Ewropea b’effett unitarju m’għandhomx jiġu estiżi għal atti li jikkonċernaw il-prodott kopert minn dik il-privattiva, li jitwettqu fl-Istati Membri parteċipanti wara li dak il-prodott ikun tqiegħed fis-suq fl-Unjoni mill-proprjetarju tal-privattiva. |
(13) |
Is-sistema applikabbli għad-danni għandha tkun iggvernata mil-liġijiet tal-Istati Membri parteċipanti, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (4). |
(14) |
Bħala oġġett ta’ proprjetà, privattiva Ewropea b’effett unitarju għandha tiġi ttrattata fit-totalità tagħha, u fl-Istati Membri parteċipanti kollha, bħala privattiva nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti iddeterminata skont kriterji speċifiċi bħal, ir-residenza ral-applikant, il-post prinċipali tan-negozju jew il-post tan-negozju. |
(15) |
Sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-esplojtazzjoni ekonomika ta’ invenzjoni protetta minn privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jkun jista’ joffri li tiġi lliċenzjata abbażi ta’ kunsiderazzjoni xierqa. Għal dak il-għan, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jkun jista’ jippreżenta dikjarazzjoni lill-EPO li hu huwa ippreparat li jagħti liċenzja abbażi ta’ kunsiderazzjoni xierqa. F’dak il-każ, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jibbenefika minn tnaqqis tat-tariffi ta’ tiġdid minn meta dik id-dikjarazzjoni tasal għand l-EPO. |
(16) |
Il-grupp ta’ Stati Membri li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tal-Parti IX tal-KEP jistgħu jagħtu kompiti lill-EPO u jwaqqfu kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi (minn hawn 'il quddiem “Kumitat Magħżul”). |
(17) |
L-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu ċerti kompiti amministrattivi relatati ma’ privattivi Ewropej b’effett unitarju lill-EPO, b’mod partikolari fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ talbiet għal effett unitarju, ir-reġistrazzjoni tal-effett unitarju u ta’ kwalunkwe limitazzjoni, liċenzja, trasferiment, revoka jew skadenza ta’ privattivi Ewropej b’effett unitarju, il-ġbir u d-distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid, il-pubblikazzjoni ta’ traduzzjonijiet għall-finijiet ta’ informazzjoni matul perijodu transitorju u l-amministrazzjoni ta’ skema għal rimbors ta’ spejjeż ta’ traduzzjoni mġarrba minn applikanti li qed jippreżentaw applikazzjonijiet għal privattiva Ewropea f’lingwa oħra li mhijiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO. |
(18) |
Fil-qafas tal-Kumitat Magħżul, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li t-tmexxija u s-superviżjoni tal-attivitajiet relatati ma’ kompiti fdati lill-EPO mill-Istati Membri parteċipanti, jiżguraw li t-talbiet għal effett unitarju jiġu ppreżentati lill-EPO fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tal-għotja fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva u jiżguraw li talbiet bħal dawn jkunu ppreżentati fil-lingwa tal-proċeduri quddiem l-EPO flimkien mat-traduzzjoni prevista, matul perjodu tranżitorju, mir-Regolament (UE) Nru 1260/2012. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw ukoll l-istabbiliment, f’konformità mar-regoli għall-votazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tal-KEP, tal-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid u s-sehem tad-distribuzzjoni ta’ tariffi ta’ tiġdid f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
(19) |
Il-proprjetarji tal-privattiva għandhom iħallsu tariffa ta’ tiġdid waħda annwali għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju. It-tariffi ta’ tiġdid għandhom ikunu progressivi matul it-terminu ta’ protezzjoni tal-privattiva u, flimkien mat-tariffi li jridu jitħallsu lill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi matul l-istadju ta’ qabel l-għotja, għandhom ikopru l-ispejjeż kollha assoċjati mal-għotja tal-privattiva Ewropea u mal-amministrazzjoni ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja. Il-livell tat-tariffi ta’ tiġdid għandu jiġi stabbilit bil-għan li tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni u titrawwem il-kompetittività tan-negozji Ewropej, waqt li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ta’ entitajiet speċifiċi bħalma huma l-impriżi żgħar u medji, pereżempju fil-forma ta’ tariffi aktar baxxi. Għandu jirrifletti wkoll id-daqs tas-suq kopert mill-privattiva u jkun simili għal-livell tat-tariffi nazzjonali ta’ tiġdid għal privattiva Ewropea medja li tidħol fis-seħħ fl-Istati Membri parteċipanti fiż-żmien meta il-livell tat-tariffi tat-tiġdid jiġi stabbilit l-ewwel. |
(20) |
Il-livell xieraq u d-distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid għandu jiġi determinat sabiex jiġi żgurat li, f’dak li jirrigwardja l-portezzjoni tal-privattiva unitarja, l-ispejjeż kollha tal-kompiti fdata f’idejn l-EPO huma koperti għal kollox mir-riżorsi ġġenerati mill-privattivi Ewropej b’effett unitarju u li, flimkien mat-tariffi li jridu jitħallsu lill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi matul l-istadju ta’ qabel l-għotja, id-dħul mit-tariffi ta’ tiġdid jiżgura baġit ibbilanċjat tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi. |
(21) |
It-tariffi ta’ tiġdid għandhom jitħallsu lill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi. L-EPO għandu jżomm ammont biex ikopri l-ispejjeż li jiġu ġġenerati fl-EPO fit-twettiq ta’ kompiti fir-rigward tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja f’konformità mal-Artikolu 146 tal-KEP. L-ammont li jifdal għandu jiġi distribwit fost l-Istati Membri parteċipanti u għandu jintuża għal finijiet relatati mal-privattiva. Is-sehem tad-distribuzzjoni għandu jiġi stipulat abbażi ta’ kriterji ġusti, ekwitabbli u rilevanti, bħall-livell tal-attività tal-privattiva u id-daqs tas-suq, u għandu jiġġarantixxi ammont minimu li għandu jiġi distribwit lil kull Stat Membru parteċipanti sabiex jinżamm funzjonament bilanċjat u sostenibbli tas-sistema. Id-distribuzzjoni għandha tipprovdi kumpens talli jkun hemm lingwa uffiċjali oħra li mhijiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO, għal livell baxx b’mod sproporzjonat ta’ attività tal-privattivi stabbilit abbażi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea, u/jew għall-ksib ta’ sħubija pjuttost riċenti mal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi. |
(22) |
Sħubija msaħħa bejn l-EPO u l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri għandha tippermetti l-EPO l-użu regolari, fejn hu xieraq, tar-riżultat ta’ kull tfittxija li titwettaq mill-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali dwar applikazzjoni ta’ privattiva nazzjonali li l-prijorità tagħha tiġi dikjarata f’applikazzjoni sussegwenti għal privattiva Ewropea. L-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali, inklużi dawk li ma jwettqux tfittxijiet matul il-proċedura tal-għoti ta’ privattiva nazzjonali, jista’ jilgħab rwol essenzjali fis-sħubija msaħħa, fost oħrajn billi jagħtu parir u appoġġ lil applikanti potenzjali għall-privattiva, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, billi jirċievu l-applikazzjonijiet, imexxu 'l quddiem l-applikazzjonijiet lill-EPO u billi jxerrdu l-informazzjoni dwar il-privattivi. |
(23) |
Dan ir-Regolament huwa kkumplimentat mir-Regolament (UE) Nru 1260/2012, adottat mill-Kunsill skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 tat-TFUE. |
(24) |
Il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ privattivi Ewropej b’effett unitarju għandha tiġi stabbilita u rregolata minn strument li jistabbilixxi sistema unifikata għal-litigazzjoni dwar il-privattiva għall-privattivi Ewropej u għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju. |
(25) |
It-twaqqif ta’ Qorti Unitarja tal-Privattiva biex tisma’ każijiet li jikkonċernaw il-privattiva Ewropea b’effet unitarju hija essenzjali sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ dik il-privattiva, il-konsistenza ta’ ġurisprudenza u għaldaqstant ta’ ċertezza legali, u ta’ nfiq effettiv għall-propjetarji tal-privattiva. Għalhekk huwa tal-akbar importanza li l-Istati Membri parteċipanti jirratifikaw il-Ftehim dwar Qorti Unitarja tal-Privattiva skont il-proċeduri kostituzzjonali u parlamentari nazzjonali tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex dik il-Qorti issir operazzjonali mill-aktar fis possibbli. |
(26) |
Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri parteċipanti li jagħtu privattivi nazzjonali u m’għandux jissostitwixxi l-liġijiet tal-Istati Membri parteċipanti dwar il-privattivi. L-applikanti tal-privattiva għandhom jibqgħu liberi li jiksbu jew privattiva nazzjonali, privattiva Ewropea b’effett unitarju, privattiva Ewropea li tidħol fis-seħħ f’wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti għall-KEP jew privattiva Ewropea b’effett unitarju vvalidata flimkien ma’ Stat Kontraenti wieħed jew aktar għall-KEP li mhumiex fost l-Istati Membri parteċipanti. |
(27) |
Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, ma jistax jiġi milħuq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, fejn xieraq permezz tal-kooperazzjoni msaħħa, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-regolament jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja, kif awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni 2011/167/UE.
2. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej tal-5 ta’ Ottubru 1973, kif reveduta fis-17 ta’ Diċembru 1991 u fid-29 ta’ Novembru 2000 (minn hawn 'il quddiem il-“KEP”).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja permezz tad-Deċiżjoni Nru 2011/167/UE, jew permezz ta’ deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE, fiż-żmien meta it-talba għal effet unitarju tkun saret kif imsemmi fl-Artikolu 9; |
(b) |
“Privattiva Ewropea” tfisser privattiva mogħtija mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (minn hawn 'il quddiem EPO) skont ir-regoli u l-proċeduri stabbilti fil-KEP; |
(c) |
“Privattiva Ewropea b’effett unitarju” tfisser privattiva Ewropea li tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti permezz ta’ dan ir-Regolament; |
(d) |
“Reġistru Ewropew tal-Privattivi” tfisser ir-reġistru miżmum mill-EPO skont l-Artikolu 127 tal-KEP; |
(e) |
“Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja” ifisser ir-reġistru li jikkonstitwixxi parti mir-Reġistru Ewropew tal-Privattiva fejn jiġu reġistrati l-effett unitarju u kull limitazzjoni, liċenzja, tresferiment, revoka jew skadenza ta’ privattiva Ewropea b’effett unitarju; |
(f) |
“Bulettin Ewropew tal-Privattiva” tfisser il-pubblikazzjoni perjodika prevista fl-Artikolu 129 tal-KEP. |
Artikolu 3
Privattiva Ewropea b’effett unitarju
1. Privattiva Ewropea mogħtija bl-istess sett ta’ talbiet fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha għandha tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti sakemm l-effett unitarju tagħha jkun ġie reġistrata fir-Reġistru għall-protezzjoni ta’ privattiva unitarja.
Il-privattiva Ewropea mogħtija ma’ gruppi differenti ta’ talbiet għal Stati Membri parteċipanti differenti m’għandhiex tibbenefika minn effett unitarju.
2. Privattiva Ewropea b’effett unitarju għandha jkollha karattru unitarju. Għandha tipprovdi protezzjoni uniformi u għandha jkollha effett indaqs fl-Istati Membri parteċipanti kollha.
Tista’ tiġi limitata, trasferita jew revokata jew tiskadi biss fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha.
Tista’ tiġi lliċenzjata fir-rispett tat-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha jew parti minnhom.
3. L-effett unitarju ta’ privattiva Ewropea għandu jitqies li ma jkunx tqajjem sa dak il-punt li l-privattiva Ewropea tkun ġiet revokata jew limitata.
Artikolu 4
Data ta’ dħul fis-seħħ
1. Privattiva Ewropea b’effett unitarju għandha tidħol fis-seħħ fl-Istati Membri parteċipanti fid-data tal-pubblikazzjoni mill-EPO tar-referenza tal-għotja tal-privattiva Ewropea fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva.
2. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, fejn l-effett unitarju ta’ privattiva Ewropea ikun ġie rreġistrat u jestendi għat-territorju tagħhom, dik il-privattiva Ewropea titqies li ma tkunx daħlet fis-seħħ bħala privattiva nazzjonali fit-territorju tagħhom fid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tal-għotja fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva.
IL-KAPITOLU II
EFFETTI TA’ PRIVATTIVA EWROPEA B’EFFETT UNITARJU
Artikolu 5
Protezzjoni Uniformi
1. Il-privattiva Ewropea b’effett unitarju għandha tagħti d-dritt lill-proprjetarju tagħha li jipprevjeni kwalunkwe parti terza milli twettaq atti li kontrihom tipprovdi protezzjoni dik il-privattiva fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti li fihom hija għandha effett unitarju, soġġett għal limitazzjonijiet applikabbli.
2. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak id-dritt u l-limitazzjonijiet tiegħu għandhom ikunu uniformi fl-Istati Membri parteċipanti kollha li fihom il-privattiva għandha effett unitarju.
3. L-atti li kontrihom il-privattiva tipprovdi l-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-limitazzjonijiet applikabbli għandhom ikunu dawk definiti mil-liġi applikata għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti li l-liġi nazzjonali tagħhom hija applikabbli għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju bħala oġġett ta’ proprjetà f’konformità mal-Artikolu 7.
4. Fir-rapport tagħha msemmi fl-Artikolu 16(1), il-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament tal-limitazzjonijiet applikabbli u għandha, fejn meħtieġ, tagħmel il-proposti adatti.
Artikolu 6
Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn privattiva Ewropea b’effett unitarju
Id-drittijiet mogħtija minn privattiva Ewropea b’effett unitarju m’għandhomx jiġu estiżi għal atti li jikkonċernaw prodott kopert minn dik il-privattiva li jitwettqu fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti li fihom dik il-privattiva jkollha effett unitarju wara li dak il-prodott ikun tqiegħed fis-suq fl-Unjoni, mill-proprjetarju tal-privattiva jew bil-kunsens tiegħu, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi sabiex il-proprjetarju tal-privattiva jopponi aktar kummerċjalizzazjoni tal-prodott.
KAPITOLU III
PRIVATTIVA EWROPEA B’EFFETT UNITARJU BĦALA OĠĠETT TA’ PROPRJETÀ
Artikolu 7
Trattament ta’ privattiva Ewropea b’effett unitarju bħala privattiva nazzjonali
1. Privattiva Ewropea b’effett unitarju bħala oġġett ta’ proprjetà għandha tiġi ttrattata fit-totalità tagħha u fl-Istati Membri parteċipanti kollha bħala privattiva nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti li fih dik il-privattiva jkollha effett unitarju u li fiha, skont ir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi:
(a) |
l-applikant kellu r-residenza jew il-post prinċipali tan-negozju tiegħu fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-privattiva Ewropea; jew |
(b) |
fejn punt (a) ma japplikax, l-applikant kellu post tan-negozju fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-privattiva Ewropea. |
2. Fejn żewġ persuni jew aktar imdaħħla fir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi bħala applikanti konġunti, il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu japplika għall-applikant konġunt indikat l-ewwel. Fejn dan mhuwiex possibbli, il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu japplika għall-applikant konġunt indikat li jkun imiss fl-ordni tar-reġistrazzjoni. Fejn il-punt (a) tal-paragrafu 1 ma japplikax għal kwalunkwe wieħed mill-applikanti konġunti, punt (b) tal-paragrafu 1 għandu japplika kif meħtieġ.
3. Fejn l-ebda applikant ma jkollu r-residenza, il-post prinċipali tan-negozju jew il-post tan-negozju tiegħu fi Stat Membru parteċipanti li fih dik il-privattiva jkollha effett unitarju għall-finijiet tal-paragrafi 1 jew 2, il-privattiva Ewropea b’effett unitarju bħala oġġett ta’ proprjetà għandha tiġi ttrattata fit-totalità tagħha u fl-Istati Membri parteċipanti kollha bħala privattiva nazzjonali tal-Istat fejn l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi għandha l-kwartieri ġenerali tagħha skont l-Artikolu 6(1) tal-KEP.
4. Il-kisba ta’ dritt jista’ ma jkunx jiddependi fuq kwalunkwe reġistrazzjoni f’reġistru nazzjonali tal-privattiva.
Artikolu 8
Il-liċenzjar ta’ dritt
1. Il-proprjetarju ta’ privattiva Ewropea b’effett unitarju jista’ jippreżenta dikjarazzjoni lill-EPO li tgħid li l-propjetarju huwa ppreparat li jħalli lil kwalunkwe persuna tuża l-invenzjoni bħala persuna li għandha l-liċenzja, abbażi ta’ kunsiderazzjoni xieraqa.
2. Liċenzja miksuba taħt dan ir-Regolament għandha tiġi ttrattata bħala liċenzja kuntrattwali.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI
Artikolu 9
Kompiti amministrattivi fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi
1. L-Istati Membri parteċipanti għandhom, fis-sens tal-Artikolu 143 tal-KEP, jagħtu lill-EPO l-kompiti li ġejjin, li jridu jitwettqu skont ir-regoli interni tal-EPO:
(a) |
jamminstra t-talbiet għal effett unitarju minn proprjetarji ta’ privattivi Ewropej; |
(b) |
jinkludi r-Reġistru għal protezzjoni tal-privattiva unitarja fi ħdan ir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi u biex jamministra r-Reġistru għal protezzjoni tal-privattiva unitarja; |
(c) |
jirċievi u jirreġistra d-dikjarazzjonijiet dwar il-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 8, l-impenji tagħhom tal-iritirar u tal-liċenzjar meħuda mill-propjetarju tal-privattiva Ewropea b’effett unitarju f’korpi internazzjonali ta’ standardizzazzjoni; |
(d) |
tippubblika it-traduzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1260/2012 matul il-perijodu tranżitorju msemmi f’dak l-Artikolu; |
(e) |
il-ġbir u l-amminstrazzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid għal privattivi Ewropej b’effett unitarju, fir-rigward tas-snin ta’ wara s-sena li fiha ir-referenza tal-għotja hija ippubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva; il-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ tariffi addizzjonali għal ħlas tard tat-tariffi ta’ tiġdid fejn dan il-ħlas tard isir fi żmien sitt xhur mid-data meta suppost sar il-ħlas, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ parti mit-tariffi ta’ tiġdid miġbura lill-Istati Membri parteċipanti; |
(f) |
jamministra skema ta’ kumpens għar-rimbors ta’ spejjeż ta’ traduzzjoni imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1260/2012; |
(g) |
jiżgura li talba għal effett unitarju mill-proprjetarju tal-privattiva Ewropea tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċeduri kif definit fl-Artikolu 14(3) tal-KEP mhux aktar tard minn xahar wara li r-referenza tal-għotja tiġi ppubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva; u |
(h) |
jiżgura li l-effett unitarju jiġi indikat fir-Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja, fejn talba għal effett unitarju tkun ġiet ippreżentata u, matul il-perijodu transitorju previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1260/2012, tkun ġiet sottomessa flimkien mat-traduzzjonijiet msemmija f’dak l-Artikolu u li l-EPO jiġi infurmat bi kwalunkwe limitazzjoni, liċenzji, trasferimenti jew revoki ta’ privattivi Ewropej b’effett unitarju; |
2. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament huma u jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom skont il-KEP u għandhom jikkooperaw għal dak il-għan. Fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati kontraenti għall-KEP, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-governanza u s-sorveljanza tal-attivitajiet relatati mal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandhom jiżguraw l-istabbiliment tal-livell tat-tariffi ta’ tiġdid skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament u s-sehem tad-distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.
Għal dak il-għan, għandhom iwaqqfu kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi (minn issa 'il quddiem “il-Kumitat Magħżul”) fis-sens tal-Artikolu 145 tal-KEP.
Il-Kumitat Magħżul għandu jkun kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti u rappreżentant tal-Kummissjoni bħala osservatur, kif ukoll sostituti li jirrappreżentaw lil dawn fl-assenza tagħhom. Il-membri tal-Kumitat Magħżul jistgħu jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti.
Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Magħżul għandhom jittieħdu bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni skont it-regoli stipulati fl-Artikolu 35(2) tal-KEP.
3. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali effettiva quddiem qorti kompetenti ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri parteċipanti kontra d-deċiżjonijiet tal-EPO fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI
Artikolu 10
Il-prinċipju fuq l-ispejjeż
L-ispejjeż imġarrba mill-EPO fit-twettiq tal-kompiti addizzjonali mogħtija lilu, fis-sens tal-Artikolu 143 tal-KEP, mill-Istati Membri parteċipanti għandhom jiġu koperti mit-tariffi ġġenerati mill-privattivi Ewropej b’effett unitarju.
Artikolu 11
It-tariffi ta’ tiġdid
1. It-tariffi ta’ tiġdid għal privattivi Ewropej b’effett unitarju u t-tariffi addizzjonali għall-ħlas tard tagħhom għandhom jitħallsu lill-Organizzazzjoni Ewropew tal-Privattivi mill-proprjetarju tal-privattiva. Dawk it-tariffi għandhom ikunu dovuti fir-rigward tas-snin wara dik is-sena li fiha r-referenza għall-għotja ta’ privattiva Ewropea li tibbenefika minn effett unitarju hija ippubblikata fil-Bullettin Ewropew tal-Privattivi.
2. Privattiva Ewropea b’effett unitarju għandha tiskadi jekk it-tariffa ta’ tiġdid u, fejn applikabbli, kwalunkwe tariffa addizzjonali ma tkunx tħallset fiż-żmien dovut.
3. Tariffi ta’ tiġdid li jkunu dovuti wara l-wasla tad-dikjarazzjoni imsemmija fl-Artikolu 8(1) għandhom jitnaqqsu.
Artikolu 12
Il-livell tat-tariffi ta’ tiġdid
1. It-tariffi ta’ tiġdid għal privattivi Ewropej b’effett unitarju għandhom ikunu:
(a) |
progressivi matul it-terminu ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, u |
(b) |
biżżejjed mhux biss sabiex ikopru l-ispejjeż kollha assoċjati mal-għotja tal-privattiva Ewropea u l-amministrazzjoni tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja, u |
(c) |
biżżejjed, flimkien mat-tariffi li jridu jitħallsu lill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi matul l-istadju ta’ qabel l-għotja, sabiex jiġi żgurat baġit ibbilanċjat tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi. |
2. Il-livell tat-tariffi ta’ tiġdid għandu jiġi stabbilit, b’kunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, tas-sitwazzjoni ta’ entitajiet speċifiċi bħalma huma l-impriżi żgħar u medji, bl-għan li
(a) |
jiġu ffaċilitati l-innovazzjoni u t-trawwim tal-kompetittività fin-negozji Ewropej, |
(b) |
jirrifletti d-daqs tas-suq kopert mil-privattiva, u |
(c) |
jkun simili għal-livell tat-tariffi ta’ tiġdid nazzjonali għal privattiva Ewropea medja li tidħol fis-seħħ fl-Istati Membri parteċipanti fiż-żmien meta l-livell tat-tariffi ta’ tiġdid huwa stabbilit għall-ewwel darba. |
3. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet kif stipulati f’dan il-Kapitolu, il-livell tat-tariffi ta’ tiġdid għandu jiġi stabbilit f’livell li:
(a) |
huwa ekwivalenti għal-livell tat-tariffa ta’ tiġdid li trid titħallas għall-kopertura ġeografika medja ta’ privattivi Ewropej attwali, |
(b) |
jirrifletti r-rata ta’ tiġdid ta’ privattivi Ewropej attwali, u |
(c) |
jirrifletti l-għadd ta’ rikjesti għal effett unitarju. |
Artikolu 13
Id-distribuzzjoni
1. L-EPO għandu jżomm 50 fil-mija tat-tariffi ta’ tiġdid imsemmija fl-Artikolu 11 imħallsa għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju. L-ammont li jifdal għandu jiġi distribwit fost l-Istati Membri parteċipanti f’konformità mas-sehem ta’ distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid bi qbil mal-Artikolu 9(2).
2. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet kif stipulati f’dan il-Kapitolu, is-sehem ta’ distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid fost l-Istati Membri parteċipanti għandu jiġi stabbilit fuq il-kriterji ġusti, ekwitabbli u rilevanti li ġejjin:
(a) |
l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi, |
(b) |
id-daqs tas-suq, waqt li jiġi żgurat ammont minimu li għandu jiġi distribwit lil kull Stat Membru parteċipanti, |
(c) |
il-kumpens għall-Istati Membri parteċipanti, li għandhom:
|
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 14
Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-EPO
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib permezz ta’ ftehim ta’ ħidma mal-EPO fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi skambji regolari ta’ opinjonijiet dwar il-funzjonament tal-ftehim ta’ ħidma u, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni tat-tariffi ta’ tiġdid u l-impatt tagħhom fuq il-baġit tal-Oganizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi.
Artikolu 15
L-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi relatata mal-kompetizzjoni inġusta
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi relatata mal-kompetizzjoni inġusta.
Artikolu 16
Ir-rapport dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament
1. Mhux aktar tard minn tliet snin mid-data li fiha tidħol fis-seħħ l-ewwel privattiva Ewropea b’effett unitarju, u kull 5 snin minn dak inhar, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, tagħmel proposti xierqa għall-emendar tiegħu.
2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta b’mod regolari rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tat-tariffi ta’ tiġdid imsemmija fl-Artikolu 11, b’enfasi partikolari fuq il-konformità kontinwa mal-Artikolu 12.
Artikolu 17
In-notifika mill-Istati Membri parteċipanti
1. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati skont l-Artikolu 9 sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Kull Stat Membru parteċipanti għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati skont l-Artikolu 4(2) sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ Stat Membru parteċipanti li fih il-Qorti Unitarja tal-Privattiva ma jkollhiex ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward tal-privattivi Ewropej b’effett unitarju fid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sad-data li minnha l-Qorti Unitarja tal-Privattiva jkollha tali ġurisdizzjoni esklussiva f’dak l-Istat Membru parteċipanti.
Artikolu 18
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 jew mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim dwar Qorti Unitarja tal-Privattiva (il-“Ftehim”), skont liema data tkun l-aħħar.
B’deroga mill-Artikoli 3(1), 3(2) u 4(1), privattiva Ewropea li għaliha effett unitarju jkun irreġistrat fir-Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja għandu jkollha effett unitarju biss f’dawk l-Istati Membri parteċipanti li fihom il-Qorti Unitarja tal-Privattiva jkollha ġurisdizzjoni esklussiva rigward il-privattivi Ewropej b’effett unitarju fid-data tar-reġistrazzjoni.
3. Kull Stat Membru parteċipanti għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-ratifikazzjoni tiegħu tal-Ftehim fil-waqt tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u lista tal-Istati Membri li jkunu rratifikaw il-ftehim fid-data tad-dħul fis-seħħ. Il-Kummissjoni, għandha b’mod regolari wara dan taġġorna l-lista tal-Istati Membri parteċipanti li jkunu rratifikaw il-Ftehim u għandha tippubblika lista aġġornata bħal din f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
4. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9 ikunu fis-seħħ sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
5. Kull Stat Membru parteċipanti għandu jiżgura li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(2) ikunu fis-seħħ sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ Stat Membru parteċipanti li fih il-Qorti Unitarja tal-Privattiva ma jkollhiex ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward tal-privattivi Ewropej b’effett unitarju fid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sad-data li minnha l-Qorti Unitarja tal-Privattiva jkollha tali ġurisdizzjoni esklussiva f’dak l-Istat Membru parteċipanti.
6. Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja tista’ tintalab għal kwalunkwe privattiva Ewropea mogħtija fid-data jew wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2012.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
A. D. MAVROYIANNIS
(1) ĠU L 76, 22.3.2011, p. 53.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2012 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2012.
(3) Ara paġna 89 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(4) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.