Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1173

    Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1173/oj

    23.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 306/1


    REGOLAMENT (UE) Nru 1173/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Novembru 2011

    dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom interess u responsabilità partikolari biex ikollhom politika ekonomika li tippromwovi l-funzjonament korrett tal-unjoni ekonomika u monetarja u biex tiġi evitata politika li tipperikola dak il-funzjonament.

    (2)

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi fiż-żona tal-euro li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri kollha, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sew tal-unjoni ekonomika u monetarja.

    (3)

    L-esperjenza miksuba u l-iżbalji li saru matul l-ewwel deċennju tal-unjoni ekonomika u monetarja juru l-ħtieġa ta’ governanza ekonomika mtejba fl-Unjoni, li għandha tinbena fuq il-bażi ta’ sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha ta’ regoli u linji ta’ politika li jkun intlaħaq qbil dwarhom b’mod komuni u fuq il-bażi ta’ qafas aktar robust fil-livell tal-Unjoni għas-sorveljanza tal-linji ta’ politika ekonomika nazzjonali.

    (4)

    Il-qafas imtejjeb ta’ governanza ekonomika għandu jsejjes ruħu fuq diversi linji interkonnessi u koerenti ta’ politika għal tkabbir u impjiegi sostenibbli, b’mod partikolari strateġija tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi, b’attenzjoni partikolari fuq l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-suq intern, it-trawwim tal-kummerċ internazzjonali u l-kompetittività, Simestru Ewropew għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni ta’ linji ta’ politika ekonomika u baġitarja, qafas effikaċi biex jiġu evitati u korretti każijiet ta’ defiċit eċċessiv tal-gvernijiet (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP)), qafas b’saħħtu biex jiġu evitati u korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi, rekwiżiti minimi għall-oqfsa baġitarji nazzjonali, u regolamentazzjoni u superviżjoni msaħħa tas-suq finanzjarju, inkluża s-superviżjoni makroprudenzjali mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

    (5)

    L-SGP u l-qafas komplut tal-governanza ekonomika jikkompletaw u jkunu kompatibbli mal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. L-interkonnessjonijiet bejn il-linji differenti m’għandhomx jipprovdu eżenzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-SGP.

    (6)

    Il-ksib u ż-żamma ta’ suq intern dinamiku għandhom jitqiesu bħala element tal-funzjonament xieraq u mingħajr xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja.

    (7)

    Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu fil-proċedura msaħħa ta’ sorveljanza fir-rigward tal-evalwazzjonijieti huma speċifiċi għal kull Stat Membru, il-monitoraġġ, il-missjonijiet ta’ fuq il-post, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet. Meta jieħu deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet, ir-rwol tal-Kunsill għandu jkun limitat u għandha tintuża l-votazzjoni permezz tal-maġġoranza kwalifikata bil-maqlub.

    (8)

    Bil-għan li jiġi żgurat djalogu permanenti mal-Istati Membri li qed jimmiraw li jilħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha twettaq missjonijiet ta’ sorveljanza.

    (9)

    Il-Kummissjoni għandha, f’intervalli regolari, tagħmel evalwazzjoni wiesgħa tas-sistema tal-governanza ekonomika, b’mod partikolari tal-effikaċja u l-adegwatezza tas-sanzjonijiet tagħha. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu kkumplementati minn proposti rilevanti jekk ikun meħtieġ.

    (10)

    Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis is-sitwazzjoni ekonomika kurrenti tal-Istati Membri kkonċernati.

    (11)

    It-tisħiħ tal-governanza ekonomika għandu jinkludi involviment eqreb u aktar f’waqtu tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

    (12)

    Jista’ jiġi stabbilit djalogu ekonomiku mal-Parlament Ewropew, li għandu jagħmilha possibbli li l-Kummissjoni tagħmel l-analiżi tagħha pubbliċi u li l-President tal-Kunsill, l-Kummissjoni u, fejn xieraq, il-President tal-Kunsill Ewropew jew il-President tal-Grupp tal-Euro biex jiddiskutu. Dibattitu pubbliku bħal dan jista’ jagħmel possibbli d-diskussjoni ta’ effetti paralleli ta’ deċiżjonijiet nazzjonali u jagħmel possibbli il-pressjoni pubblika tal-pari fuq atturi rilevanti. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kontrapartijiet tal-Parlament Ewropew fil-qafas ta’ dak id-djalogu huma l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u r-rappreżentanti tagħhom, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri opportunità ta’ parteċipazzjoni fi skambju ta’ opinjonijiet lil Stat Membru li jkun indirizzat minn deċiżjoni tal-Kunsill meħuda skont l-Artikoli 4, 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament. Il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru f’tali skambju ta’ opinjonijiet hija volontarja.

    (13)

    Jinħtieġu sanzjonijiet addizzjonali sabiex l-infurzar tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro jsir iktar effettiv. Dawk is-sanzjonijiet għandhom isaħħu l-kredibbiltà tal-qafas ta’ sorveljanza fiskali tal-Unjoni.

    (14)

    Ir-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament għandhom jiżguraw mekkaniżmi ġusti, fil-ħin, gradwati u effettivi għall-konformità mal-partijiet preventivi u korrettivi tal-SGP, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (5), fejn il-konformità mad-dixxiplina baġitarja tkun eżaminata fuq il-bażi tad-defiċit tal-gvern u l-kriterji tad-dejn tal-gvern.

    (15)

    Is-sanzjonijiet taħt dan ir-Regolament u li huma bbażati fuq il-parti preventiva tal-SGP fir-rigward tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jipprovdu inċentivi għall-aġġustament u ż-żamma tal-objettiv baġitarju għall-perjodu medju.

    (16)

    Bħala deterrent kontra r-rappreżentanza ħażina, kemm intenzjonalment kif ukoll minħabba negliġenza serja, tad-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern, liema data hija element essenzjali għall-koordinament tal-politika ekonomika fl-Unjoni, għandhom jiġu imposti multi fuq l-Istati Membri responsabbli.

    (17)

    Sabiex jiġu ssupplimentati r-regoli dwar il-kalkolu tal-multi fir-rigward tal-manipulazzjoni tal-istatistiċi kif ukoll ir-regoli dwar il-proċedura li għandha ssegwi l-Kummissjoni għall-investigazzjoni ta’ tali azzjonijiet, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kriterji dettaljati għall-istabiliment tal-ammont tal-multa u għat-twettiq tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikulari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, waqt li tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (18)

    Fir-rigward tal-parti preventiva tal-SGP, l-aġġustament u l-aderenza mal-objettiv baġitarju għall-perjodu medju għandhom jiġu żgurati permezz ta’ obbligu, temporanjament impost fuq Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u li ma jkunx qed jagħmel biżżejjed progress fil-konsolidazzjoni baġitarja li jagħmel temporanjament depożitu li jħalli l-interessi. Dan għandu jkun il-każ meta Stat Membru, inkluż Stat Membru b’defiċit taħt it-3 % tal-valur referenzjali tal-Prodott Domestiku Gross (PDG), jiddevja b’mod sinifikanti mill-objettiv baġitarju għall-perjodu medju jew il-pjan tal-aġġustament adattat lejn dak l-objettiv u ma jirnexxilux jirranġa d-devjazzjoni.

    (19)

    Id-depożitu impost li jħalli l-interessi għandu jiġi rilaxxat lill-Istat Membru kkonċernat flimkien mal-interessi li jkunu nġemgħu minnu ladarba l-Kunsill ikun sodisfatt li s-sitwazzjoni li wasslet għall-obbligu biex isir id-depożitu tkun intemmet.

    (20)

    Fir-rigward tal-parti korrettiva tal-SGP, is-sanzjonijiet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-forma ta’ obbligu li jħallu depożitu li ma jħallix interessi marbut ma’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv jekk ikun diġà ġie impost id-depożitu li jħalli l-interessi fuq l-Istat Membru kkonċernat fil-parti preventiva tal-SGP jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità partikolarment serja mal-obbligi tal-politika baġitarja stabbiliti fil-SGP, jew l-obbligu li titħallas multa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jiġi rranġat id-defiċit eċċessiv tal-gvern.

    (21)

    Sabiex jiġi evitat li jiġu applikati b’mod retroattiv is-sanzjonijiet taħt il-parti preventiva tal-SGP previsti f’dan ir-Regolament, huma għandhom japplikaw biss fir-rigward tad-deċiżjonijiet rilevanti adottati mill-Kunsill taħt ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Bl-istess mod, biex jiġi evitat li jiġu applikati b’mod retroattiv is-sanzjonijiet taħt il-parti preventiva tal-SGP previsti f’dan ir-Regolament, huma għandhom japplikaw biss fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet rilevanti biex jiġi korrett defiċit eċċessiv tal-gvern adottati mill-Kunsill wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (22)

    L-ammont tad-depożiti li jħallu l-interessi, tad-depożiti li ma jħallix interessi u tal-multi previsti f’dan ir-Regolament għandu jkun stabbilit b’tali mod li tiġi żgurata l-gradwazzjoni ġusta ta’ sanzjonijiet fil-partijiet preventivi u korrettivi tal-SGP u biex jingħataw inċentivi biżżejjed lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro biex jikkonformaw mal-qafas fiskali tal-Unjoni. Il-multi taħt l-Artikolu 126(11) tat-TFUE u kif speċifikat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 huma magħmula minn komponent fiss li huwa ta’ 0,2 % tal-PDG u komponent varjabbli. Għalhekk, il-gradwazzjoni u t-trattament ugwali bejn l-Istati Membri jkunu żgurati jekk id-depożitu li jħalli l-interessi, id-depożitu li ma jħallix interessi u l-multa speċifikata f’dan ir-Regolament jkunu ta’ 0,2 % tal-PDG, bħala l-ammont tal-komponent fiss tal-multa marbut mal-Artikolu 126(11) tat-TFUE.

    (23)

    Għandu jkun hemm il-possibbiltà għall-Kunsill li jnaqqas jew iħassar is-sanzjonijiet imposti fuq l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-parti korrettiva tal-SGP, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista’ tirrakkomanda li jitnaqqas l-ammont ta’ sanzjoni jew li titħassar għal kollox fuq il-bażi ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali.

    (24)

    Id-depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi rilaxxat meta ssir il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv filwaqt li l-interessi fuq dawn id-depożiti u l-multi miġbura għandhom jiġu assenjati għal mekkaniżmi ta’ stabbiltà biex jipprovdu għajnuna finanzjarja, maħluqa minn Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha kemm hi.

    (25)

    Is-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet individwali għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kunsill. Bħala parti mill-koordinament tal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri li saru fi ħdan il-Kunsill kif previst mill-Artikolu 121(1) tat-TFUE, dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali għall-miżuri adottati mill-Kunsill skont l-Artikoli 121 u 126 tat-TFUE u r-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97.

    (26)

    Ladarba dan ir-Regolament fih regoli ġenerali għall-infurzar effettiv tar-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97, huwa għandu jiġi adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja msemmija fl-Artikolu 121(6) tat-TFUE.

    (27)

    Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tinħoloq sistema ta’ sanzjonijiet għat-tisħiħ tal-infurzar tal-partijiet preventivi u korrettivi tal-SGP fiż-żona tal-euro, ma jistax jinkiseb suffiċjentement fil-livell tal-Istati Membri, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta’ sanzjonijiet għat-tisħiħ tal-infurzar tal-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fiż-żona tal-euro.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir” tfisser is-sistema ta’ sorveljanza multilaterali kif organizzata skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97;

    (2)

    “il-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir” tfisser il-proċedura għall-evitar tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri kif regolata mill-Artikolu 126 tat-TFUE u r-Regolament (KE) Nru 1467/97;

    (3)

    “ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali” tfisser ċirkostanzi fejn eċċess ta’ defiċit tal-gvern ‘il fuq mill-valur ta’ referenza huwa meqjus eċċezzjonali fl-ambitu tat-tifsira tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-Artikolu 126(2) tat-TFUE u kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1467/97.

    KAPITOLU II

    DJALOGU EKONOMIKU

    Artikolu 3

    Djalogu ekonomiku

    Sabiex jitjieb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u sabiex ikunu żgurati trasparenza u responsabilizzazzjoni akbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn xieraq, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Grupp tal-Euro biex jidhru quddiem il-kumitat sabiex jiddiskutu deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 4, 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament.

    Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat minn deċiżjonijiet bħal dawn li jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet.

    KAPITOLU III

    IS-SANZJONIJIET FIL-PARTI PREVENTIVA TAL-PATT TA’ STABBILTÀ U TKABBIR

    Artikolu 4

    Depożiti li jħallu l-interessi

    1.   Jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi li Stat Membru jkun naqas li jieħu azzjoni fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 20 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tirrakkomanda li l-Kunsill, b’deċiżjoni ulterjuri, jesiġi li l-Istat Membru kkonċernat jiddepożita mal-Kummissjoni depożitu li jħalli l-interessi li għandu jammonta għal 0,2 % tal- PDG tiegħu fis-sena preċedenti.

    2.   Id-deċiżjoni li tesiġi depożitu għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b’maġġoranza kwalifikata li jiċħad ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

    3.   Il-Kunsill, billi jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u jadotta t-test kif emendat bħala deċiżjoni tal-Kunsill.

    4.   Il-Kummissjoni tista’, wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi li Stat Membru jkun naqas li jieħu azzjoni msemmija fil-paragrafu 1, tirrakkomanda li l-Kunsill inaqqas l-ammont tad-depożitu li jħalli l-interessi jew li jħassru.

    5.   Id-depożitu li jħalli l-interessi għandu jkollu rata ta’ interessi li tirrifletti r-riskju ta’ kreditu tal-Kummissjoni u l-perjodu ta’ investiment rilevanti.

    6.   Jekk is-sitwazzjoni li twassal għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ma tibqax teżisti, il-Kunsill, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni oħra mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi li d-depożitu u l-interessi li nġemgħu minnu jingħataw lura lill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kunsill jista’, billi jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jemenda r-rakkomandazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni.

    KAPITOLU IV

    IS-SANZJONIJIET FIL-PARTI KORRETTIVA TAL-PATT TA’ STABBILTÀ U TKABBIR

    Artikolu 5

    Depożiti li ma jħallux interessi

    1.   Jekk il-Kunsill, billi jaġixxi taħt l-Artikolu 126(6) tat-TFUE, jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru li għamel depożitu li jħalli l-interessi mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, jew fejn il-Kummissjoni tkun identifikat nuqqas ta’ konformità partikolarment serju mal-obbligi tal-politika baġitarja stabbiliti fil-SGP ġie identifikat, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 20 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tirrakkomanda li l-Kunsill, b’deċiżjoni ulterjuri, jesiġi li l-Istat Membru kkonċernat jiddepożita mal-Kummissjoni depożitu li jħalli l-interessi li għandu jammonta għal 0,2 % tal- PDG tiegħu fis-sena preċedenti.

    2.   Id-deċiżjoni li tesiġi depożitu għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b’maġġoranza kwalifikata li jiċħad ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

    3.   Il-Kunsill, billi jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u jadotta t-test kif emendat bħala deċiżjoni tal-Kunsill.

    4.   Il-Kummissjoni tista’, fuq bażi ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(8) tat-TFUE imsemmija fil-paragrafu 1, tirrakkomanda li l-Kunsill inaqqas l-ammont tad-depożitu li ma jħallix interessi jew li jħassru.

    5.   Id-depożitu għandu jsir mal-Kummissjoni. Jekk l-Istat Membru jkun għamel depożitu li jħalli l-interessi mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 4, dak id-depożitu li jħalli l-interessi għandu jiġi kkonvertit f’depożitu li ma jħallix interessi.

    Jekk l-ammont tad-depożitu li jħalli l-interessi depożitat skont l-Artikolu 4 u tal-interessi akkumulati fuqu jeċċedi l-ammont tad-depożitu li ma jħallix interessi li għandu jiġi depożitat taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-eċċess għandu jingħata lura lill-Istat Membru.

    Jekk l-ammont tad-depożitu li ma jħallix interessi jeċċedi l-ammont tad-depożitu li jħalli l-interessi depożitat skont l-Artikolu 4 u tal-interessi akkumulati fuqu, l-Istat Membru għandu jħallas l-ammont li jifdal meta jagħmel id-depożitu li ma jħallix interessi.

    Artikolu 6

    Multi

    1.   Jekk il-Kunsill, billi jaġixxi skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE, jiddeċiedi li l-Istat Membru ma ħax azzjoni effettiva sabiex jikkorreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 20 jum minn dik id-deċiżjoni, tirrakkomanda li l-Kunsill, b’deċiżjoni oħra, jimponi multa li tammonta għal 0,2 % tal- PDG tal-Istat Membru fis-sena preċedenti.

    2.   Id-deċiżjoni li timponi multa għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b’maġġoranza kwalifikata li jiċħad ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

    3.   Il-Kunsill, billi jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u jadotta t-test kif emendat bħala deċiżjoni tal-Kunsill.

    4.   Il-Kummissjoni tista’, fuq bażi ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(8) tat-TFUE imsemmija fil-paragrafu 1, tirrakkomanda li l-Kunsill inaqqas l-ammont tal-multa jew li jħassarha.

    5.   Jekk l-Istat Membru għamel depożitu li ma jħallix interessi mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 5, id-depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi kkonvertit fil-multa.

    Jekk l-ammont ta’ depożitu li ma jħallix interessi depożitat skont l-Artikolu 5 jeċċedi l-ammont tal-multa, l-eċċess għandu jingħata lura lill-Istat Membru.

    Jekk l-ammont tal-multa jeċċedi l-ammont ta’ depożitu li ma jħallix interessi depożitat skont l-Artikolu 5, jew jekk ma sar ebda depożitu li ma jħallix interessi, l-Istat Membru għandu jħallas l-ammont li jifdal meta jħallas il-multa.

    Artikolu 7

    Ħlas lura ta’ depożiti li ma jħallux interessi

    Jekk il-Kunsill, billi jaġixxi taħt l-Artikolu 126(12) tat-TFUE, jiddeċiedi li jħassar xi deċiżjoni jew id-deċiżjonijiet kollha tiegħu, kwalunkwe depożitu li ma jħallix interessi li jkun sar mal-Kummissjoni għandu jitħallas lura lill-Istat Membru kkonċernat.

    KAPITOLU V

    SANZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IL-MANIPULAZZJONI TAL-ISTATISTIKA

    Artikolu 8

    Sanzjonijiet li jikkonċernaw il-manipulazzjoni tal-istatistika

    1.   Il-Kunsill, billi jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jimponi multa fuq Stat Membru li intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, jirrappreżenta ħażin id-data dwar id-defiċit u d-dejn rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 121 jew 126 tat-TFUE, jew għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv anness mat-TUE u mat-TFUE.

    2.   Il-multi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effikaċi, dissważivi u proporzjonati għan-natura, is-serjetà u t-tul tar-rappreżentanza ħażina. L-ammont tal-multa m’għandux jaqbeż iz-0,2 % tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji kollha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tar-rappreżentanza ħażina msemmija fil-paragrafu 1. Hija tista’ tiddeċiedi li tibda investigazzjoni meta tikkonstata li hemm indikazzjonijiet serji dwar l-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu tali rappreżentanza ħażina. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga r-rappreżentanza ħażina putattiva filwaqt li tqis kwalunkwe kumment sottomess mill-Istat Membru kkonċernat. Sabiex twettaq il-kompiti tagħha, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi li l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni, u tista’ tagħmel ispezzjonijiet fil-post u taċċedi l-kontijiet tal-entitajiet governattivi kollha fil-livell ċentrali, statali, lokali u dak tas-sigurtà soċjali. Jekk l-Istat Membru kkonċernat jeħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja minn għall-ispezzjonijiet fil-post, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-applikazzjonijiet meħtieġa.

    Meta tlesti l-investigazzjoni tagħha u qabel ma tippreżenta kwalunkwe proposta lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jinstema’ dwar il-kwistjonijiet taħt investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibbaża kull proposta tagħha lill-Kunsill fuq il-fatti biss li l-Istat Membru kkonċernat kellu l-opportunità li jikkummenta dwarhom.

    Il-Kummissjoni għandha tirrispetta kompletament id-drittijiet għad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat matul l-investigazzjonijiet.

    4.   Il-Kummissjoni b’dan għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 11 dwar:

    (a)

    kriterji dettaljati li jistabbilixxu l-ammont tal-multa;

    (b)

    regoli dettaljati dwar il-proċedura tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, miżuri assoċjati u r-rappurtar dwar l-investigazzjonijiet;

    (c)

    regoli dettaljati dwar il-proċedura mmirati biex jiggarantixxu d-drittijiet għad-difiża, l-aċċess għall-fajl, ir-rappreżentanza legali, il-kunfidenzjalità u dispożizzjonijiet dwar l-iskeda u l-ġbir ta’ multi msemmi fil-paragrafu 1.

    5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill jimponi multa taħt il-paragrafu 1. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa hekk imposta.

    KAPITOLU VI

    IN-NATURA AMMINISTRATTIVA TAS-SANZJONIJIET U T-TQASSIM TA’ INTERESSI U MULTI

    Artikolu 9

    In-natura amministrattiva tas-sanzjonijiet

    Is-sanzjonijiet imposti skont l-Artikoli 4 sa 8 għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

    Artikolu 10

    Tqassim ta’ interessi u multi

    L-interessi li taqla’ l-Kummissjoni fuq id-depożiti li jkunu tħallsu skont l-Artikolu 5 u l-multi miġbura skont l-Artikoli 6 u 8 għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 311 tat-TFUE, u għandhom jiġu assenjati lill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. Meta l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro joħolqu mekkaniżmu ta’ stabbiltà ieħor għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha kemm hi, l-interessi u l-multi għandhom jiġu assenjati lil dak il-mekkaniżmu.

    KAPITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 11

    L-eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tliet snin mit-13 ta' Diċembru 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu ta’ tliet snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 12

    Votazzjoni fil-Kunsill

    1.   Għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 4, 5, 6 u 8, il-membri tal-Kunsill biss li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jivvutaw, u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta lill-Istat Membru kkonċernat.

    2.   Maġġoranza kkwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi definita skont il-punt (b) tal-Artikolu 238(3) tat-TFUE.

    Artikolu 13

    Reviżjoni

    1.   Sal-14 ta' Diċembru 2014 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Dak ir-rapport għandu jevalwa, inter alia:

    (a)

    l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-possibbiltà li l-Kunsill u l-Kummissjoni jkollhom l-opportunità li jaġixxu sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet li jirriskjaw li jagħmlu ħsara lill-funzjonament xieraq tal-unjoni monetarja;

    (b)

    il-progress fl-iżgurar ta’ koordinament eqreb tal-linji ta’ politika ekonomika u tal-konverġenza kontinwa tar-rendiment ekonomiku tal-Istati Membri skont it-TFUE.

    2.   Fejn xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal emendi għal dan ir-Regolament.

    3.   Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    4.   Qabel it-tmiem tal-2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ titoli Ewropej.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    W. SZCZUKA


    (1)  ĠU C 150, 20.5.2011, p. 1.

    (2)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 46.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 Settembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2011.

    (4)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (5)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.


    Top