Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0430

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 430/2010 tal- 20 ta’ Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju

ĠU L 125, 21.5.2010, p. 10–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0481

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/430/oj

21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 430/2010

tal-20 ta’ Mejju 2010

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) introduċa fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 l-obbligu li jitressqu d-dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u l-ħruġ b’mezzi elettroniċi. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 273/2009 (3) li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (4) jipprovdi għal fażi ta’ tranżizzjoni li tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010 li fiha operaturi ekonomiċi jistgħu, iżda mhux bilfors, iressqu dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u ħruġ b’mezzi elettroniċi.

(2)

Huwa xieraq li jsiru xi tibdil għar-regoli dwar dikjarazzjonijiet sommarja tad-dħul u ħruġ li għandhom l-għan li jnaqqsu piż amministrattiv f’każijiet fejn, għar-raġunijiet ta’ sikurezza u sigurtà, dikjarazzjonijiet bħal dawn mhumiex meħieġa. Barra minn hekk, għar-raġunijiet ta’ analiżi aħjar tar-riskju, affarijiet tad-dar kif definiti fl-Artikolu 2(1) (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (5) m’għandhomx jiġu eżentati minn dikjarazzjonijiet bħal dawn jekk isiru taħt kuntratt tat-trasport.

(3)

F’ċerti każijiet id-dispożizzjoni ta’ dejta dwar sikurezza u sigurtà fid-dikjarazzjonijiet doganali u r-rekwiżit ta’ limitu ta’ żmien speċifiku sabiex wieħed jipprovdi dikjarazzjonijiet bħal dawn mhumiex meħtieġa għal raġunijiet ta’ sikurezza u sigurtà sabiex aktar derogi ikunu introdotti f’dan ir-rigward; derogi bħal dawn m’għandhomx, madanakollu, jaffettwaw ir-regoli ġenerali dwar dikjarazzjonijiet doganali, fi kwalunkwe forma li dawn jistgħu jiġu ppreżentati.

(4)

F’ċerti każijiet fejn il-limiti taż-żmien relatati mas-sikurezza u s-sigurtà għal dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni ma japplikawx, bħal pereżempju fornimenti għal bastiment u ajruplan, għandu jkun possibbli għall-awtoritajiet doganali biex jawtorizzaw operaturi ekonomiċi affidabbli sabiex idaħħlu l-merkanzija esportata fir-reġistri tagħhom u sabiex jirrapurtaw l-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni tagħhom fuq bażi perjodika wara li l-merkanzija tkun telqet it-territorju doganali tal-Komunità.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1192/2008 li jemenda Regolament (KEE) Nru 2454/93 (6) introduċa kriterji komuni u formula tal-applikazzjoni komuni għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għal dikjarazzjonijiet simplifikati u għall-proċedura ta’ domiċilju lokali. Għandu jiġi ċċarat li dawn ir-regoli japplikaw lill-proċeduri doganali kollha. L-istess Regolament introduċa fl-Artikolu 253a b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011 ir-rekwiżit li l-użu tad-dikjarazzjonijiet simplifikati jew il-proċedura ta’ domiċilju lokali se jkunu subordinati għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet u notifiki elettroniċi doganali. Xi Stati Membri informaw lill-Kummissjoni li sistemi bħal dawn jistgħu ma jkunux disponibbli f’kull każ sa dik id-data. Sakemm analiżi tar-riskju effettiva tkun saret, għandu jkun possibbli għal dawk l-Istati Membri, taħt il-kundizzjonijiet li jippreskrivu, biex jaċċettaw dikjarazzjonijiet u notifiki doganali f’forom oħra li mhumiex elettroniċi sakemm jibda japplika r-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (7).

(6)

Jekk il-merkanzija li tinsab f’kustodja temporanja jew f’żona libera li hi sottoposta għal kontroll ta’ tip I hi esportata mill-ġdid mit-territorju doganali tal-Komunità mingħajr dikjarazzjoni sommarja ta’ ħruġ, hemm bżonn li jiġi previst metodu alternattiv ta’ reġistrazzjoni jew notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid u tiġi indikata l-persuna responsabbli.

(7)

Għandu għalhekk jiġi ċċarat li l-formalitajiet tal-esportazzjoni m’għandhomx jintużaw biss għall-merkanzija Komunitarja li għandha tintbagħt f’destinazzjoni ’l barra mit-territorju doganali tal-Komunità, iżda ukoll fir-rigward ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa fuq forniment għall-ajruplani u l-bastimenti sabiex persuni li jikkonsenjaw fornimenti bħal dawn jistgħu jirċievu prova ta’ ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità meħtieġa minħabba eżenzjoni mit-taxxa. L-istess regoli għandhom japplikaw fejn merkanzija mhux Komunitarja għandha tiġi esportara mill-ġdid taħt il-kappa ta’ dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-ġdid.

(8)

L-Artikoli 278, 279 u 280 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (8) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (9) jeħtieġu l-użu tal-formalitajiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fejn merkanzija Komunitarja titmexxa lejn u minn territorji ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità fejn dawk id-Direttivi ma japplikawx. Huwa xieraq li wieħed jirreferi għal dawk id-dispożizzjonijiet u li jiġu eżentati movimenti bħal dawn mir-rekwiżit sabiex jipprovdu sikurezza u sigurtà dwar dejta u li jirrispetta limiti ta’ żmien speċjali għall-kontrolli relatati mas-sikurezza u s-sigurtà peress li dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw biss għal merkanzija li ddaħħlet fil- jew inħarġet mit-territorju doganali tal-Komunità. Minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, il-limiti taż-żmien speċjali għall-kontrolli ta’ sigurtà u sikurezza u d-dispożizzjoni ta’ dejta relatata mas-sigurtà u sikurezza wkoll mhumiex meħtieġa fejn il-merkanzija tinġieb f’Helgoland, fir-Repubblika ta’ San Marino u fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

(9)

L-uffiċċju doganali fejn id-dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata u l-persuna responsabbli għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni bħal din għandhom jiġu speċifikati. Din il-kjarifika għandha tinkludi sitwazzjonijiet li fihom, minflok dikjarazzjoni sommarja ta’ ħruġ, tiġi preżentata dikjarazzjoni ta’ tranżitu li fiha dejta ta’ dikjarazzjoni sommarja ta’ ħruġ.

(10)

Sabiex wieħed jiffaċilita s-superviżjoni doganali fl-uffiċċju doganali ta’ ħruġ, hu meħtieġ li jiġu speċifikati l-obbligi ta’ persuni li qed jgħaddu l-merkanzija lil persuna oħra qabel ma l-merkanzija toħroġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Komunità u l-obbligi tal-persuni li jkollhom jipprovdu informazzjoni dwar il-ħruġ ta’ merkanzija lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ. L-istess obbligi għandhom japplikaw f’każijiet fejn il-merkanzija ddikjarata għall-esportazzjoni u ppreżentata fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ mhux se jinħarġu aktar mit-territorju doganali tal-Komunità u jitneħħew mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ.

(11)

Permezz tad-Direttiva 2008/118/KE l-użu tas-Sistema Kompjuterizzata dwar il-Moviment tas-Sisa (EMCS) hu mandatorju għal moviment tal-merkanzija doganali taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa mill-1 ta’ Jannar 2011. Skont dik id-Direttiva, il-moviment tal-merkanzija Komunitarja li hi taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa b’destinazzjoni ’il barra mit-territorju doganali tal-Komunità għandu jseħħ taħt il-proċedura ta’ esportazzjoni li għaliha sistema kompjuterizzata għandha tintuża. Ir-regoli speċjali dwar l-użu tad-dokument amministrattiv ta’ akkompanjament provdut mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2719/92 tal-11 ta’ Settembru 1992 dwar id-dokument amministrattiv ta’ akkumpanjament għall-moviment taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tat-taxxa fuq prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa (10) għandhom għalhekk jiġu mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011. Proċeduri ta’ esportazzjoni li bdew taħt il-kappa ta’ dokument amministrattiv ta’ akkumpanjament qabel dik id-data għandhom jiġu terminati skont l-Artikolu 793c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 kif kien applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2010.

(12)

Dawn l-emendi m’għandhomx jirrikjedu xi bidliet lil dawk is-sistemi elettroniċi li huma jew għandhom ikunu lesti meta dan ir-Regolament jibda japplika.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-punt 18 li ġej:

“18.

Id-dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ tfisser: Id-dikjarazzjoni sommarja imsemmija fl-Artikolu 182c tal-Kodiċi, li trid tiġi ppreżentata għall-merkanziji li tinħareġ mit-territorju doganali tal-Komunità, ħlief fejn ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament.”

(2)

L-Artikolu 181c huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

merkanzija li għaliha dikjarazzjoni doganali magħmula minn kwalunkwe att ieħor hi ammessa f’konformità mal-Artikoli 230, 232 u 233, ħlief għall-affarijiet tad-dar kif definiti fl-Artikolu 2, paragrafu 1, ittra (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1186/2009 (*), u tal-paletts, kontejners u mezzi ta’ trasport tat-triq, ferrovjarju, bl-ajru, marittimu u kanali interni, trasportati taħt kuntratt tat-trasport;

(*)  ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.”"

(b)

Il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

merkanzija li għaliha dikjarazzjoni doganali magħmula minn kwalunkwe att ieħor hi ammessa f’konformità mal-Artikoli 225, 227 u 229(1), ħlief għall-affarijiet tad-dar kif definiti fl-Artikolu 2, paragrafu 1, ittra (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1186/2009*, u tal-paletts, kontejners u mezzi ta’ trasport tat-triq, ferrovjarju, bl-ajru, marittimu u kanali interni, trasportati koperti b’ kuntratt tat-trasport;”

(c)

Punt (m) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(m)

il-merkanzija li ġejja mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità direttament mill-pjattaformi tat-tħaffir jew produzzjoni jew turbini tar-riħ imħaddma minn persuna stabbilita fit-territorju doganali tal-Komunità:

(i)

il-merkanzija li kienet inkorporata f’dawn il-pjattaformi jew turbini tar-riħ, għall-għanijiet tal-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni jew il-konverżjoni tagħhom;

(ii)

merkanzija li ġiet użata biex jeħlu jew jekwipaġġaw l-imsemmijin pjattaformi jew turbini tar-riħ;

(iii)

dispożizzjonijiet oħra użati jew ikkunsmati fuq il-pjattaformi jew turbini tar-riħ imsemmija; u

(iv)

u prodotti ta’ skart mhux perikoluż mill-pjattaformi jew turbini tar-riħ imsemmija;”

(d)

Għandu jiġi miżjud il-punt (o) li ġej:

“(o)

merkanzija li nġiebet minnn territorji li jinsabu fit-territorju doganali tal-Komunità fejn id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (**) jew id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (***) ma japplikawx, u merkanzija miġjuba minn Helgoland, ir-Repubblika ta’ San Marino u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan lejn it-territorju doganali tal-Komunità.

(**)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1."

(***)  ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.”"

(3)

Fl-Artikolu 184d(3) il-frażi “Artikolu 181c (c) sa (i), (l) sa (n)” hi sostitwita bl- “Artikolu 181c (c) sa (i), (l) sa (o)”.

(4)

Fl-Artikolu 189 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Madanakollu, merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Komunità li huma mħottija u mgħobbija fuq l-istess mezz ta’ trasport waqt il-vjaġġ inkwistjoni sabiex ikun possibbli l-iskarikar jew karikar ta’ merkanzija oħra, m’għandhiex tkun preżentata lid-dwana.”

(5)

Fl-Artikolu 253a, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Madanakollu, f’każijiet fejn is-sistemi kompjuterizzati tal-awtoritajiet doganali jew tal-operaturi ekonomiċi mhumiex lesti għal preżentazzjoni jew sabiex jirċievu dikjarazzjoni doganali simplifikati jew avviżi ta’ domiċilju lokali bl-użu ta’ teknika tal-ipproċessar tad-dejta, l-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw forom oħra ta’ dikjarazzjonijiet u avviżi kif preskritti minnhom, sakemm isir analiżi ta’ riskju effettiv.”

(6)

Fl-Artikolu 261, il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’li ġej:

“1.   Awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ dikjarazzjoni simplifikata għandha tingħata lill-applikant jekk il-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikoli 253, 253a, 253b u 253c jintlaħqu.”

(7)

Fl-Artikolu 264, il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’li ġej:

“1.   Awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ domiċilju lokali għandha tingħata lill-applikant jekk il-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikoli 253, 253a, 253b u 253c jintlaħqu.”

(8)

Fl-Artikolu 269, il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’li ġej:

“1.   Awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ dikjarazzjoni simplifikata għandha tingħata lill-applikant jekk il-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikoli 253, 253a, 253b, 253c u 270 jintlaħqu.”

(9)

Fl-Artikolu 272, il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’li ġej:

“1.   Awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ domiċilju lokali għandha tingħata lill-applikant jekk il-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 u fl-Artikoli 253, 253a, 253b, 253c u 274 jintlaħqu.”

(10)

L-Artikolu 279 hu mibdul b’dan li ġej:

“L-Artikolu 279

Il-formalitajiet ta’ esportazzjoni provduti fl-Artikoli 786 sa 796e jistgħu jiġu ssimplifikati skont dan il-Kapitolu.”

(11)

Fl-Artikolu 282, il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’li ġej:

“1.   Awtorizzazzjoni sabiex tiġi użata l-proċedura ta’ dikjarazzjoni ssimplifikata għandha tingħata f’konformità mal-kundizzjonijiet u skont il-metodu stabbilit fl-Artikoli 253, 253a, 253b, 253c, 261(2) u, mutatis mutandis, l-Artikolu 262.”

(12)

L-Artikolu 283 hu mibdul b’dan li ġej:

“L-Artikolu 283

L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ proċedura lokali ta’ domiċilju għandha tingħata taħt il-kundizzjonijiet u bil-mod stabbilit fl-Artikoli 253, 253a, 253b u 253c lil kull persuna, minn hawn ‘il quddiem imsemmija bħala ‘esportatur approvat’ li tixtieq twettaq proċeduri ta’ esportazzjoni fl-istabbiliment tagħha jew f’ xi postijiet oħra indikati jew approvati mill-awtoritajiet doganali.”

(13)

L-Artikolu 284 jitħassar.

(14)

Fl-Artikolu 285a, għandu jiżdied il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   F’każijiet fejn japplika Artikolu 592a jew 592d, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw lil operatur ekonomiku sabiex immedjatament idaħħal fir-reġistru tiegħu kull biċċa xogħol ta’ esportazzjoni u sabiex jirrappurtahom kollha lill-uffiċċju doganali ta’ awtorizzazzjoni f’dikjarazzjoni supplimentari fuq bażi perjodika sa xahar wara li l-merkanzija tkun ħarġet mit-territorju doganali tal-Komunità. Awtorizzazzjoni bħal din tista’ tiġi mogħtija skont dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operatur ekonomiku juża l-awtorizzazzjoni biss għal merkanzija li mhix soġġettagħal projbizzjonijiet u restrizzjonijiet;

(b)

l-operatur ekonomiku jipprovdi l-informazzjoni kollha lill-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni li dan l-uffiċċju jikkunsidra neċessarja li jippermettilu li jwettaq kontrolli fuq l-oġġetti;

(c)

fil-każijiet fejn l-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni hu differenti mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ, l-awtoritajiet doganali għandhom ikunu jaqblu għall-użu ta’ ftehim bħal dan u l-informazzjoni msemmija taħt punt (b) tkun ukoll disponibbli lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ.

Fejn il-ftehim imsemmi fl-ewwel sub-paragrafu jiġi użat dħul tal-oġġetti fir-reġistri se tkun meqjusa li tkun rilaxx għall-esportazzjoni u ħruġ.”

(15)

L-Artikolu 592a hu emendat kif ġej:

(a)

Punt (e) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

merkanzija li għaliha dikjarazzjoni doganali magħmula minn att ieħor kwalunkwe hu permess f’konformità mal-Artikoli 231, 232(2) u 233 bl-eċċezzjoni, jekk trasportati taħt kuntratt tat-trasport, ta’ affarijiet tad-dar kif definiti fl-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009, u ta’ paletts, kontejners, u mezz ta’ trasport tat-triq, ferrovija, ajru, baħar u kanali interni;”

(b)

Punt (g) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

merkanzija li għaliha dikjarazzjoni doganali magħmula minn att ieħor kwalunkwe hu permess f’konformità mal-Artikoli 226, 227 u 229(2) bl-eċċezzjoni, jekk trasportati taħt kuntratt tat-trasport, ta’ affarijiet tad-dar kif definiti fl-Artikolu 2(1) (d) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009, u ta’ paletts, kontejners, u mezz ta’ trasport tat-triq, ferrovija, ajru, baħar u kanali interni;”

(c)

Punt (l) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(l)

il-merkanzija li nħarġet mit-territorju doganali tal-Komunità direttament lejn pjattaformi tat-tħaffir jew produzzjoni jew turbini tar-riħ operati minn persuna stabbilita fit-territorju doganali tal-Komunità:

(i)

merkanzija li għandha tintuża għall-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni jew il-konverżjoni ta’ dawn il-pjattaformi jew turbini tar-riħ;

(ii)

merkanzijai li għandha tiġi mwaħħla jew użata bħala ekwipaġġament mal-imsemmijin pjattaformi jew turbini tar-riħ;

(iii)

dispożizzjonijiet oħra użati jew ikkunsmati fuq il-pjattaformi jew turbini tar-riħ imsemmija;”

(d)

Il-punti (n) sa (p) li ġejjin huma miżjuda:

“(n)

merkanzija intitolata għall-eżenzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar relazzjonijiet diplomatiċi tat-18 ta’ April 1961, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna ta’ relazzjonijiet konsulari tal-24 ta’ April 1963 jew konvenzjonijiet konsulari oħra, jew il-Konvenzjoni ta’ New York tas-16 ta’ Diċembru 1969 dwar missjonijiet speċjali;

(o)

merkanzija li hi fornita għal inkorporazzjoni bħala parti minn jew aċċessorju f’bastimenti u ajruplani, fjuwils tal-mutur, lubrifikanti u gass meħtieġ għat-tħaddim ta’ bastimenti jew ajruplani, oġġetti tal-ikel, u affarijiet oħra li għandhom jiġu kkonsmati jew mibjugħa abbord;

(p)

merkanzija li se tintbagħat għal territorji li jinsabu fit-territorju doganali tal-Komunità fejn id-Direttiva 2006/112/KE jew id-Direttiva 2008/118/KE ma tapplikax u merkanzija maħruġa minn dawn it-territorji lejn destinazzjoni oħra fit-territorju doganali tal-Komunità, kif ukoll merkanzija maħruġa mit-territorju doganali tal-Komunità lejn Helgoland, ir-Repubblika ta’ San Marino u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan.”

(16)

L-Artikolu 592b huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-punt (e) għandu jitħassar.

(b)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn id-dikjarazzjoni doganali ma tiġix iddepożitata permezz ta’ metodu tal-ipproċessar tad-dejta, il-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-punti (a) (iii) u (iv), (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 għandu jkun mill-inqas ta’ erba’ sigħat.”

(17)

Fl-Artikolu 592 g il-frażi “Artikolu 592a(c) sa (m)” hi sostitwita bl-“Artikolu 592a(c) sa (p)”.

(18)

Fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV, jiddaħħal l-Artikolu 786 li ġej:

“Artikolu 786

1.   Il-proċedura ta’ esportazzjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 161(1) tal-Kodiċi, għandha tiġi użata fejn il-merkanzija Komunitarja għandha tintbagħat lejn destinazzjoni li hi ’il barra mit-territorju doganali tal-Komunità.

2.   Il-formalitajiet li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mniżżlin f’dan il-Kapitolu għandhom ukoll jintużaw f’każijiet

(a)

fejn merkanzija Komunitarja għandha tiċċaqlaq lejn u minn territorji li jinsabu fit-territorju doganali tal-Komunità fejn id-Direttiva 2006/112/KE jew id-Direttiva 2008/118/KE ma japplikawx;

(b)

fejn merkanzija Komunitarja tiġi kkunsenjata eżentata mit-taxxa bħal fornimenti għall-ajruplani u bastimenti indipendentement mid-destinazzjoni tal-ajruplan jew bastiment.

Madanakollu, fil-każijiet imsemmija taħt punti (a) u (b), m’għandhux ikun neċessarju li jiġu inklużi fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni d-dettalji għal dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ imsemmija fl-Anness 30 A.”

(19)

Fl-Artikolu 792a(2) il-frażi “Artikolu 793a(6)” hi sostitwita bil-“punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 793(2)”.

(20)

Fl-Artikolu 793 jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Fil-każijiet imsemmija f’punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, fejn merkanzija meħuda taħt kuntratt tat-trasport singolu tasal fl-uffiċċju doganali fil-punt eżatt tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità, it-trasportatur għandu, meta mitlub, jagħti lil dak l-uffiċċju wieħed mill-affarijiet li ġejjin:

(a)

in-Numru ta’ Referenza tal-Moviment tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni fejn disponibbli; jew

(b)

kopja tal-kuntratt tat-trasport singolu jew id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni għall-merkanzija kkonċernata; jew

(c)

in-numru ta’ referenza ta’ kunsinnja uniku jew in-numru ta’ referenza tad-dokument tat-trasport u n-numru ta’ pakketti u, jekk f’kontejner, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-tagħmir; jew

(d)

informazzjoni dwar il-kuntratt singolu tat-trasport jew it-trasport ta’ merkanzija barra mit-territorju doganali tal-Komunità li tinsab fis-sistema tal-ipproċessar tad-dejta tal-persuna li qed tieħu l-merkanzija jew sistema tal-ipproċessar tad-dejta kummerċjali oħra.”

(21)

Fl-Artikolu 793a, jitħassar il-paragrafu 6.

(22)

L-Artikolu 793c hu mħassar.

(23)

Fl-Artikolu 796c, it-tieni paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Notifika bħal din għandu jkun fiha n-Numru ta’ Referenza tal-Moviment tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni.”

(24)

L-Artikolu 796d huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr ħsara għall-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 793(2), l-uffiċċju doganali tal-ħruġ għandu jkun sodisfatt li l-merkanzija ppreżentata tikkorrispondi għal dik dikjarata u għandu jissorvelja l-ħruġ fiżiku tal-merkanzija mit-territorju doganali tal-Komunità. Kwalunkwe eżami tal-merkanzija għandu jitwettaq mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ permezz tal-messaġġ ta’ ‘Rekord Anitiċipat ta’ Esportazzjoni’ riċevut mill-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni bħala bażi għal eżami bħal dan.

Sabiex isseħħ is-sorveljanza doganali meta l-merkanzija tiġi mħottija minn mezz tat-trasport u mogħtija lil persuna oħra li għandu l-pussess tal-merkanzija, u mgħobbija għal mezz tat-trasport ieħor li se jġorr il-merkanzija barra mit-territorju doganali tal-Komunità wara l-preżentazzjoni fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

Mhux aktar tard minn meta l-merkanzija tkun se tgħaddi għand pussessur ieħor, il-pussessur preċedenti għandu javża lill-pussessur tal-merkanzija li jmiss dwar in-numru ta’ referenza tal-kunsinnja uniku jew dwar in-numru ta’ referenza tad-dokument tat-trasport, in-numru tal-pakketti jew, jekk jinsabu ġo kontejners, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-tagħmir, u jekk inkun inħareġ wieħed, in-Numru ta’ Referenza tal-Moviment tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni. Dan il-parir jista’ jingħata elettronikament u/jew b’sistemi u proċessi ta’ informazzjoni kummerċjali, marittima jew tat-trasport jew, fejn mhumiex disponibbli, b’kwalunkwe forma oħra. Mhux aktar tard minn meta tgħaddi l-merkanzija għand xi ħadd ieħor, din il-persuna għandha tirreġistra l-parir mogħti mill-pussessur preċedenti eżatti qablu tal-merkanzija.

(b)

Trasportatur ma jistax jgħabbi merkanzija għall-ġarr barra mit-territorju doganali tal-Komunità sakemm l-informazzjoni msemmija taħt punt (a) ingħatat lit-trasportatur.

(c)

It-trasportatur għandu jinnotifika l-ħruġ tal-merkanzija lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ billi jipprovdi l-informazzjoni msemmija taħt punt (a) sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx disponibbli lill-awtoritajiet doganali permezz ta’ sistemi jew proċessi kummerċjali, marittimi jew tat-trasport eżistenti. Kull fejn hu possibbli din in-notifika għandha tifforma parti mill-manifest jew mir-rekwiżiti oħrajn tan-notifika dwar it-trasport.

Minħabba t-tieni subparagrafu ‘trasportatur’ tfisser persuna li ġġib il-merkanzija, jew tieħu r-responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija, barra mit-territorju doganali tal-Komunità. Iżda,

Fil-każ ta’ trasportazzjoni mħallta, fejn il-mezz ta’ trasportazzjoni li qed iħalli t-territorju doganali tal-Komunità qed iġorr biss mezz ta’ trasport ieħor li, wara l-wasla tal-mezz tat-trasport attiv fid-destinazzjoni tiegħu, se jimxi waħdu bħala mezz ta’ trasport attiv, trasportatur tfisser il-persuna li se tħaddem il-mezz tat-trasport li se jimxi waħdu ladarba l-mezz tat-trasport li se jħalli t-territorju doganali tal-Komunità jkun wasal fid-destinazzjoni tiegħu,

fil-każ ta’ traffiku bil-baħar jew bl-ajru fejn hemm arranġament għal sehem fl-użu jew kuntrattar tal-bastiment, trasportatur tfisser il-persuna li kkonkludiet kuntratt u ħarġet polza ta’ karigu jew karigu bl-ajru, għall-ġarr effettiv ta’ merkanzija barra mit-territorju doganali tal-Komunità.”

(b)

Għandu jiddaħħal il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 792a, fejn merkanzija dikjarata għall-esportazzjoni m’għadhiex intiża li tinħareġ barra mit-territorju doganali tal-Komunità, il-persuna li tneħħi l-merkanzija mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ għal ġarr lejn post ġewwa t-territorju għandha tipprovdi lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ informazzjoni msemmija f’punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1. Dan it-tagħrif jista’ jiġi pprovvdut f’kwalunkwe forma.”

(25)

L-Artikolu 796da(4) punt (e) hu sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

ir-reġistri tal-oġġetti tal-operaturi ekonomiċi forniti li dawk li jħaffru għaż-żejt u gass u pjattaformi ta’ produzzjoni jew turbini tar-riħ.”

(26)

Fl-Artikolu 841(1) il-frażi “Artikoli 787 sa 796e” hi sostitwita bl- “Artikoli 786(1), (2)(b) u 787 sa 796e”.

(27)

L-Artikolu 841a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 841a

1.   F’każijiet oħra differenti minn dawk definiti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 182(3) tal-Kodiċi, esportazzjoni mill-ġdid għandha tiġi notifikata permezz ta’ dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ skont l-Artikoli 842a sa 842e, ħlief fejn dan ir-rekwiżit jiġi dispensat skont l-Artikolu 842a(3) jew (4).

2.   Fejn merkanzija taħt kustodja temporanja jew f’żona libera sottoposta għal kontroll tat-tip I hi esportata mill-ġdid u mhix meħtieġa dikjarazzjoni doganali jew sommarja ta’ ħruġ, l-esportazzjoni mill-ġdid għandha tiġi notifikata lill-uffiċċju doganali kompetenti għall-post minn fejn l-oġġetti se jħallu t-territorju doganali tal-Komunità qabel il-ħruġ tal-merkanzija fil-forma preskritta mill-awtoritajiet doganali.

Il-persuna msemmija fil-paragrafu 3 għandha, fuq talba tagħha, tiġi awtorizzata sabiex temenda xi wieħed jew aktar mid-dettalji tan-notifika. Emenda bħal din mhix aktar possibbli wara li l-merkanzija msemmija fin-notifika tkun telqet mit-territorju doganali tal-Komunità.

3.   In-notifika msemmija taħt l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandha ssir mit-trasportatur. Madanakollu, dikjarazzjoni bħal din għandha tiġi ppreżentata mill-pussessur tal-faċilità ta’ ħażna temporanja jew mill-pussessur ta’ faċilità ta’ ħażna fiż-żona libera ta’ kontroll tat-tip I, jew kwalunkwe persuna oħra li hi kapaċi li tippreżenta l-merkanzija, fejn it-trasportatur kien ġie informat, u kien ta l-kunsens tiegħu taħt ftehim kuntrattwali, li l-persuna msemmija fit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu jippreżenta n-notifika. L-uffiċċju doganali ta’ ħruġ jista’ jassumi, ħlief fejn hemm evidenza għall-kuntrarju, li t-trasportatur kien ta l-kunsens tiegħu taħt arraġamenti kuntrattwali u li n-notifika kienet ġiet ippreżentata bl-għarfien tiegħu.

Is-subparagrafu tal-aħħar tal-Artikolu 796d(1) għandu japplika fir-rigward tad-definizzjoni ta’ trasportatur.

4.   Fil-każijiet fejn, wara n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-merkanzija mhix aktar intiża li tinħareġ mit-territorju doganali tal-Komunità, l-Artikolu 796d(4) għandu japplika mutatis mutandis.”

(28)

L-Artikolu 842a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 842a

1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafi 3 u 4, meta l-ħruġ tal-merkanzija barra mit-territorju doganali tal-Komunità ma jirrikjedix dikjarazzjoni doganali, id-dikjarazzjoni sommarja ta’ ħruġ għandha tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali ta’ ħruġ.

2.   Għall-għan ta’ dan il-Kapitolu, l-‘uffiċċju doganali ta’ ħruġ’ għandu jkun

(a)

l-uffiċċju doganali kompetenti għall-post minn fejn il-merkanzija se tħalli t-territorju doganali tal-Komunità; jew

(b)

Fejn il-merkanzija għandha tħalli t-territorju doganali tal-Komunità bl-ajru jew bil-baħar, l-uffiċċju doganali kompetenti għall-port fejn il-merkanzija għandha titgħabba fuq il-bastiment jew ajruplan li fuqhom se jitwasslu għal destinazzjoni barra mit-territorju doganali tal-Komunità.

3.   L-ebda dikarazzjoni sommarja ta’ ħruġ mhi meħtieġa meta dikjarazzjoni tat-tranżitu elettronika fiha d-dejta tad-dikjarazzjoni sommarja ta’ ħruġ sakemm l-uffiċċju tad-destinazzjoni hu wkoll l-uffiċċju doganali ta’ ħruġ jew l-uffiċċju ta’ destinazzjoni hu barra mit-territorju doganali tal-Komunità.

4.   Ma għandhiex tkun meħtieġa dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ fil-każijiet li ġejjin:

(a)

l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 592a;

(b)

fejn il-merkanzija hi mgħobbija f’port jew ajruport fit-territorju doganali tal-Komunità sabiex tinħatt f’port jew ajruport Komunitarju ieħor, b’ kundizzjoni li, meta mitluba, evidenza fil-forma ta’ manifestazzjoni kummerċjali, marittima jew tat-trasport jew lista għat-tgħabija ssir disponibbli lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ dwar il-port intiż sabiex iħottu. L-istess japplika meta l-bastiment jew l-ajruplan li qed jittrasportaw il-merkanizja għandu jieqaf f’port jew ajruport li hu barra mit-territorju doganali tal-Komunità u dik il-merkanzija għandha tibqa’ abbord tal-bastiment jew tal-ajruplan waqt il-waqfa fil-port jew ajruport li hu barra mit-territorju doganali tal-Komunità;

(c)

fejn, f’port jew ajruport, il-merkanzija mhix sbarkata mill-mezz tat-trasport li kien ġarrha fit-territorju doganali tal-Komunità u li se jġorrha barra minn dak it-territorju;

(d)

fejn il-merkanzija ġiet mgħobbija f’port jew ajruport preċedenti fit-territorju doganali tal-Komunità u jibqgħu fuq il-mezz ta’ trasport li se jġorrhom barra mit-territorju doganali tal-Komunità;

(e)

fejn il-merkanzija f’kustodja temporanja jew f’żona libera sottoposta għal kontroll tat-tip I tiġi trażbordata mill-mezz ta’ trasport li wasslithom għal dik il-faċilità temporanja ta’ ħażna jew żona libera taħt is-superviżjoni tal-istess uffiċċju doganali fuq bastiment, ajruplan jew ferrovija li se toħodhom minn dik il-faċilità’ temporanja ta’ ħażna jew żona libera barra mit-territorju doganali tal-Komunità, b’ kundizzjoni li:

(i)

it-trażbord iseħħ fi żmien erbatax-il jum kalendarju minn meta l-merkanzija ġiet ippreżentata għal kustodja temporanja jew f’żona libera sottoposta għal kontroll tat-tip I; f’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jtawlu dan il-perjodu taż-żmien sabiex wieħed jaffronta dawk iċ-ċirkostanzi;

(ii)

informazzjoni dwar il-merkanzija disponibbli lill-awtoritajiet doganali;

(iii)

id-destinazzjoni tal-oġġetti u d-destinatarju ma jinbidlux, sa fejn jaf it-trasportatur.

(f)

fejn evidenza li l-merkanzija li għandha tinħareġ mit-territorju doganali tal-Komunità kienet diġà’ koperta minn dikjarazzjoni doganali flimkien mad-dejta tad-dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ tingħata lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ jew permezz tas-sistema tal-ipproċessar tad-dejta tal-amministratur tal-maħżen temporanju, it-trasportatur jew l-operatur tal-port/ajruport, jew permezz ta’ sistema tal-ipproċessar tad-dejta kummerċjali oħra, sakemm ġiet approvata mill-awtoritajiet doganali.

Mingħajr preġudizzju tal-Artikolu 842d(2), f’każijiet imsemmija f’punti (a) sa (f), tal-kontrolli doganali għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni n-natura speċjali tas-sitwazzjoni.

5.   Id-dikjarazzjoni sommarja ta’ ħruġ, fejn meħtieġ, għandha tiġi ppreżentata mit-trasportatur. Madanakollu, dikjarazzjoni bħal din għandha tiġi ppreżentata mill-pussessur tal-faċilità ta’ ħażna temporanja jew il-pussessur ta’ faċilità ta’ ħażna fiż-żona libera ta’ kontroll tat-tip I, jew kwalunkwe persuna oħra li hi kapaċi li tippreżenta l-merkanzija, fejn it-trasportatur kien ġie informat, u kien ta l-kunsens tiegħu taħt arranġament kuntrattwali, li l-persuna msemmija fit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu jippreżenta d-dikjarazzjoni. L-uffiċċju doganali ta’ ħruġ jista’ jassumi, ħlief fejn hemm evidenza għall-kuntrarju, li t-trasportatur kien ta l-kunsens tiegħu taħt arranġament kuntrattwali u li d-dikjarazzjoni kienet ġiet ippreżentata bl-għarfien tiegħu.

Is-subparagrafu tal-Artikolu 796d(1) għandu japplika fir-rigward tad-definizzjoni ta’ trasportatur.

6.   F’każijiet fejn, wara s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni sommarja ta’ ħruġ, l-oġġetti mhux se jkunu aktar destinati li joħorġu mit-territorju doganali tal-Komunità, l-Artikolu 796 d(4) għandu japplika mutatis mutandis.”

(29)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 842d(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Meta merkanzija koperta minn waħda mill-eżenzjonijiet mir-rekwiżit għal dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ, stipulati fl-Artikolu 842a(4), tinħareġ mit-territorju doganali tal-Komunità, l-analiżi tar-riskju għandha ssir mal-preżentazzjoni tal-merkanzija fejn meħtieġ u abbażi tad-dokumentazzjoni jew informazzjoni oħra li tkopri l-merkanzija”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Punti (1) sa (13) u (15) sa (29) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2011. Madanakollu, fejn attività ta’ esportazzjoni bdiet qabel l-1 ta’ Jannar 2011 taħt kopertura ta’ dokument amministrattiv ta’ akkumpanjament skont l-Artikolu 793c(1), l-uffiċċju doganali ta’ ħruġ għandu japplika l-miżuri msemmija fl-Artikolu 793c fl- u wara dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)  ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13.

(3)  ĠU L 91, 3.4.2009, p. 14.

(4)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

(5)  ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.

(6)  ĠU L 329, 6.12.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(8)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(9)  ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.

(10)  ĠU L 276, 19.9.1992, p. 1.


Top