Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0108

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 108/2010 tat- 8 ta’ Frar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1974/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

ĠU L 36, 9.2.2010, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0807

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/108/oj

9.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 108/2010

tat-8 ta’ Frar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1974/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [traduzzjoni mhux uffiċjali] (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 stabbilixxa qafas legali wieħed għall-appoġġ li jingħata mill-FAEŻR għall-izvilupp rurali madwar il-Komunità. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 (2) kkumplementa dak il-qafas billi introduċa regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni.

(2)

L-Artikolu 38(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jispeċifika li għal ħlasijiet li għandhom x’jaqsmu mad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (3), għandhom jiġu stipulati regoli dettaljati, inkluż l-ammont massimu ta’ appoġġ.

(3)

Skont l-Artikolu 11(7) tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu programm ta’ miżuri għal kull distrett tal-baċin tax-xmara sat-22 ta’ Diċembru 2009. Skont l-Artikolu 11(2) ta’ dik id-Direttiva, dawn il-miżuri għandhom jinkludu miżuri bażiċi, inkluż dawk diġà meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 11(3) ta’ dik id-Direttiva, u fejn hemm bżonn, miżuri supplimentari, kif imsemmi fl-Artikolu 11(4), li jistgħu jikkonsistu fi kwalunkwe tip ta’ miżura elenkata fil-Parti B tal-Anness VI għal dik id-Direttiva jew f’tipi oħra ta’ miżuri mhux elenkati f’dak l-Anness. Filwaqt li miżuri volontarji u ċerti miżuri mandatorji jistgħu jkunu diġà appoġġati skont l-Artikoli 31 u 39 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, hemm bżonn definizzjoni ta' regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 38(2) ta' dak ir-Regolament biex ikopru miżuri mandatorji oħrajn.

(4)

Biex jiġi evitat il-ħlas doppju ta' appoġġ bl-iskop li jintlaħqu l-istandards kif imsemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, li għandu l-għan li jagħti kumpens għal żvantaġġi temporanji ta’ benefiċjarji minħabba l-obbligu tal-adattament għall-istandards tal-Unjoni f’ċerti oqsma, fuq naħa, u ħlas skont l-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament li għandu x’jaqsam mad-Direttiva 2000/60/KE li għandu l-għan li jagħti kumpens għal żvantaġġi permanenti tal-benefiċjarji minħabba l-obbligu tar-rekwiżiti speċifiċi bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali ta’ dik id-Direttiva, fuq in-naħa l-oħra, hemm bżonn li ssir dispożizzjoni li tagħmel distinzjoni abbażi tat-tipi ta’ operazzjonijiet konċernati.

(5)

Id-Direttiva 2000/60/KE tistabbilixxi prinċipji komuni u qafas għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-ilma. Il-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni dwar l-ilma hija kkoordinata fil-qafas ta’ dik id-Direttiva li rrevokat u ssostitwiet bosta Direttivi dwar l-ilma, u li l-“programmi ta’ miżuri” tagħha jinkludu miżuri li hemm provvediment dwarhom fid-Direttivi li ħarġu qabel dwar l-ilma li għadhom fis-seħħ kif ukoll miżuri addizzjonali meħtieġa bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2000/60/KE nnifisha. F’dan il-kuntest, billi parti mir-rekwiżiti relatati formalment mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE sostanzjalment jirriżultaw minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ilma, u kienu jew diġà kellhom ikunu implimentati mill-Istati Membri, l-ispejjeż imġarrba u d-dħul mitluf li possibbilment seħħu preżentament bħala konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli għal kumpens. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(9) tad-Direttiva 2000/60/KE jipprovdi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda ta’ dik id-Direttiva għandhom jiggarantixxu tal-lanqas l-istess livell ta’ protezzjoni bħal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni. Għalhekk, jidher xieraq u proporzjonali li jiġi eskluż il-kumpens ta’ spejjeż imġarrba u dħul mitluf b’referenza għar-rekwiżiti relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ilma, kif ukoll li jingħata appoġġ biss għal rekwiżiti li jmorru ’l hemm mil-livell ta’ protezzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti meta ġiet adottata dik id-Direttiva.

(6)

Barra minn hekk, parti mil-leġiżlazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE diġà hija inkluża fil-kundizzjonalità. Il-benefiċjarji tal-ħlasijiet skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 diġà għandhom l-obbligu li jirrispettaw ir-rekwiżiti statutorji tat-tmexxija u l-kundizzjoni tajba agrikola u ambjentali li hemm provvediment dwarhom fl-Artikoli 5 u 6 rispettivament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (4) li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u fl-Annessi II u III għal dak ir-Regolament. Għalhekk, ma għandu jingħata ebda kumpens b’referenza għal rekwiżiti relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE li huma wkoll rekwiżiti tal-kundizzjonalità.

(7)

Bħala konsegwenza tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE jistgħu jiġu introdotti livelli differenti ta’ restrizzjonijiet għal bdiewa. Kumpens permanenti għandu jingħata biss fil-każ ta’ żvantaġġi serji.

(8)

Għandu jiġi ffissat l-ammont massimu ta’ appoġġ. Flimkien ma’ dan, għandu jiġi stipulat ammont minimu ta’ appoġġ permanenti li jikkunsidra li l-kumpens għandu jingħata biss f'każijiet ta’ żvantaġġ serju, u għandha ssir dispożizzjoni għal meta jinqabeż l-ammont massimu li jqis iċ-ċirkustanzi speċifiċi li jridu jiġu ġġustifikati fil-programmi tal-iżvilupp rurali.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1974/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1974/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Wara l-Artikolu 26, għandu jiddaħħal l-Artikolu 26a li ġej:

“Artikolu 26a

1.   Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), tipi ta' operat eliġibbli għal appoġġ skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ skont l-Artikolu 31 ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-appoġġ skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 li għandu x'jaqsam mad-Direttiva 2000/60/KE għandu jingħata biss fir-rigward tal-ispiża mġarrba u d-dħul mitluf li jirriżultaw minn żvantaġġi relatati ma' rekwiżiti speċifiċi li:

(a)

ġew introdotti fid-Direttiva 2000/60/KE, skont il-programmi ta’ miżuri għal pjanijiet ta’ tmexxija tal-baċin tax-xmajjar bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali ta’ dik id-Direttiva u li jmorru ’l hemm mill-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-ilma;

(b)

jaqbżu r-rekwiżiti statutorji ta’ tmexxija u l-kundizzjoni tajba agrikola u ambjentali li hemm provvediment dwarhom fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (**) u fl-Annessi II u III għal dak ir-Regolament;

(c)

jaqbżu l-livell ta’ protezzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni meta ġiet adottata d-Direttiva 2000/60/KE kif stipulat fl-Artikolu 4(9) tad-Direttiva 2000/60/KE; kif ukoll

(d)

jimponu bidliet maġġuri fit-tip tal-użu tal-art, u/jew restrizzjonijiet maġġuri fil-prattika tal-biedja li jirriżultaw f’telf sinifikanti ta’ dħul.

3.   Fir-rigward tal-ammont ta’ appoġġ li jingħata kull sena, il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

L-ammont ta’ appoġġ għandu jkun iktar mil-livell minimu ffissat ta’ EUR 50 għal kull ettaru ta’ erja agrikola maħduma (minn hawn 'il quddiem UAA).

(b)

L-ammont massimu ta’ appoġġ ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ EUR 200 għal kull ettaru ta’ UAA.

B’deroga mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu:

(a)

L-ammont massimu inizjali ta’ appoġġ għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ EUR 500 għal kull ettaru ta’ UAA;

(b)

L-ammonti massimi jistgħu jiżdiedu meta jitqiesu ċirkustanzi speċifiċi li jridu jiġu ġġustifikati fil-programmi tal-iżvilupp rurali.

(*)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1."

(**)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.”"

(2)

L-Anness II huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 368, 23.12.2006, p. 15.

(3)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(4)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.


ANNESS

Il-punt 5.3.2.1.3 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 jinbidel b'dan li ġej:

“5.3.2.1.3.   Ħlasijiet Natura 2000 u ħlasijiet marbuta mad-Direttiva 2000/60/KE

iż-żoni maħsubin għall-implimentazzjoni tad-Direttivi 79/409/KEE, 92/43/KEE u 2000/60/KE u l-obbligi tal-bdiewa li jirriżultaw minn dispożiżżjonijiet nazzjonali/reġjonali ta’ tmexxija korrispondenti; għal kull obbligu li għandu x’jaqsam mad-Direttiva 2000/60/KE, spjegazzjoni tal-għan ambjentali tiegħu (eż. il-protezzjoni ta’ mogħdijiet ta’ ilma minn tnixxijiet ta’ pestiċidi) u kif inhu relatat mal-obbligi skont id-Direttiva 2000/60/KE (referenza għas-subparagrafu rilevanti tal-Artikolu 11.3 jew għall-Artikolu 11.4);

għal kumpens li għandu x’jaqsam mad-Direttiva 2000/60/KE,

(i)

indikazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti speċifiċi introdotti mid-Direttiva 2000/60/KE, skont il-programmi ta’ miżuri tal-pjanijiet tat-tmexxija tal-baċin tax-xmajjar bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali tad-Direttiva 2000/60/KE; kif ukoll

(ii)

prova xierqa li l-kumpens previst ma jkoprix spejjeż imġarrba u dħul mitluf ikkawżati minn żvantaġġi relatati ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ilma u ma’ rekwiżiti statutorji ta’ tmexxija u mal-kundizzjonijiet tajba agrikoli u ambjentali li hemm provvediment dwarhom fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009;

deskrizzjoni tal-metodoloġija u tas-suppożizzjonijiet agronomiċi użati bħala punt ta’ referenza għall-kalkoli li jiġġustifikaw l-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf ikkawżati minn żvantaġġi f’żona konċernata relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttivi 79/409/KEE, 92/43/KEE u 2000/60/KE;

l-ammonti ta’ appoġġ.”


Top