Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0834

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 834/2009 tal- 11 ta’ Settembru 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 716/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq l-istruttura u l-attività tal-affiljati barranin, f’dak li għandu x’jaqsam mar-rapporti tal-kwalità (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 241, 12.9.2009, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020R1197

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/834/oj

    12.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 241/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 834/2009

    tal-11 ta’ Settembru 2009

    li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 716/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq l-istruttura u l-attività tal-affiljati barranin, f’dak li għandu x’jaqsam mar-rapporti tal-kwalità

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 716/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istatistiċi tal-Komunità fuq l-istruttura u l-attività tal-affiljati barranin (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 716/2007 stabbilixxa qafas komuni għall-produzzjoni sistematika tal-istatistiċi tal-Komunità dwar l-istruttura u l-attività tal-affiljati barranin.

    (2)

    Jeħtieġ li jiġu adottati l-miżuri ta’ implimentazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ standards komuni tal-kwalità u l-kontenuti u l-perjodiċità tar-rapporti tal-kwalità.

    (3)

    Jeħtieġ li jiġu definiti d-dimensjonijiet tal-kwalità applikabbli għar-rapporti tal-kwalità.

    (4)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-rapporti tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 716/2007 għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont ir-regoli stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-ewwel rapport tal-kwalità għandu jitfassal għad-dejta li għandha x’taqsam mas-sena ta’ referenza 2007 u għandu jitressaq sat-28 ta’ Frar 2010.

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapporti tal-kwalità għal kull sena ta’ referenza sussegwentament fi żmien 26 xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 17.


    ANNESS

    REKWIŻITI GĦAR-RAPPORTI TAL-KWALITÀ

    1.   ID-DAĦLA

    Ir-rapport tal-kwalità għandu jinkludi kemm indikaturi kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi tal-kwalità tad-dejta. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tipprovdi r-riżultati għal dawk l-indikaturi kwantitattivi li jistgħu jiġu kkalkulati abbażi tad-dejta mogħtija mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jinterpretawhom u janalizzawhom, fid-dawl tal-metodoloġija tagħhom ta’ ġabra u jipprovdu l-indikaturi kwantitattivi residwi kif ukoll l-informazzjoni kwalitattiva.

    2.   L-ISKEDA

    Kull sena, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tforni lill-Istati Membri fi żmien 24 xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza (qabel l-aħħar ta’ Diċembru) b’abbozzi ta’ dokumenti għar-rapporti tal-kwalità, li diġà jinkludu, parzjalment, il-biċċa l-kbira tal-indikaturi kwantitattivi u informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni (l-Eurostat).

    Kull sena, l-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) fi żmien 26 xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza (qabel l-aħħar ta’ Frar) bir-rapporti ta’ kwalità lesti kompletament.

    3.   IL-KRITERJI TA’ KWALITÀ

    Id-dejta trażmessa mill-Istati Membri għandha tiġi vverifikata billi titqabbel mal-kriterji ta’ kwalità li ġejjin:

    3.1.

    Rilevanza: tirreferi għall-grad ta’ kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti;

    3.2.

    Preċiżjoni: tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri reali mhux magħrufa;

    3.3.

    Koerenza: tirreferi għall-kapaċità tad-dejta li tiġi amalgamata b’mod affidabbli f’modi differenti u għal użi varji;

    3.4.

    Komparabilità: tirreferi għal kejl tal-impatt tad-differenzi fil-kunċetti applikati tal-istatistika, għodod u proċeduri tal-kejl, fejn l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;

    3.5.

    Fi żmien opportun: tirreferi għall-perjodu bejn id-disponibilità tat-tagħrif u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

    3.6.

    Puntwalità: tirreferi għad-dewmien ta’ żmien bejn id-data ta’ rilaxx tad-dejta u d-data mmirata (id-data meta suppost kellha tintbagħat id-dejta);

    3.7.

    Aċċessibilità u ċarezza: tirreferi għall-kondizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-dejta;


    Top