Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0369

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/PESK tat- 30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGANISTAN)

    ĠU L 139, 31.5.2007, p. 33–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/05/2010: This act has been changed. Current consolidated version: 04/08/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/369/oj

    31.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 139/33


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/369/PESK

    tat-30 ta’ Mejju 2007

    dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan

    (EUPOL AFGANISTAN)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 14 u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta' Novembru 2005, il-Kunsill qabel dwar id-Dikjarazzjoni Konġunta “Nimpenjaw ruħna għal Sħubija ġdida UE-Afgana” li ddikjarat l-impenn ta' l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Gvern tar-Repubblika Islamika ta' l-Afganistan (il-Gvern ta' l-Afganistan) “għal Afganistan sigur, stabbli, ħieles, prosperu u demokratiku kif stabbilit fil-Kostituzzjoni Afgana adottata fl-4 ta' Jannar 2004 (14 Dalwa 1383). Iż-żewġ partijiet jixtiequ jaraw lill-Afganistan ikollu rwol sħiħ u attiv fil-komunità internazzjonali u jimpenjaw ruħhom sabiex jibnu futur prosperu liberu mit-theddid tat-terroriżmu, l-estremiżmu u l-kriminalità organizzata”.

    (2)

    Fil-31 ta' Jannar 2006, tnieda l-Patt dwar l-Afganistan (London). Dan il-ftehim afferma l-impenn tal-Gvern ta' l-Afganistan u tal-komunità internazzjonali u stabbilixxa mekkaniżmu effikaċi għall-koordinazzjoni ta' l-isforzi Afgani u dawk internazzjonali matul il-ħames snin li ġejjin fil-ħidma lejn kondizzjonijiet fejn il-poplu Afgan jista' jgħix fil-paċi u s-sigurtà taħt l-istat tad-dritt, b'governanza tajba u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, u jista' jgawdi żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli.

    (3)

    Il-Patt dwar l-Afganistan jappoġġa l-Istrateġija interim għall-Iżvilupp Nazzjonali (i-ANDS) tal-Gvern Afgan li tistabbilixxi l-viżjoni u l-prijoritajiet ta' l-investiment tagħhom. L-i-ANDS tirrifletti proċess ta' konsultazzjoni nazzjonali, filwaqt li ssaħħaħ il-livelli ta' referenza fil-Patt dwar l-Afganistan u l-miri stabbiliti fil-Miri ta' Żvilupp tal-Millenju ta' l-Afganistan.

    (4)

    Fit-13 ta' Ottubru 2006 ġie preżentat ir-rapport tal-Missjoni ta' Valutazzjoni Konġunta ta' l-UE lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS), li kien fih analiżi tas-sitwazzjoni ta' l-istat tad-dritt fl-Afganistan kif ukoll rakkomandazzjonijiet għat-triq li trid tittieħed sabiex jissaħħaħ il-kontribut ta' l-UE għas-settur fl-Afganistan u sabiex jagħmel impatt strateġiku. Ir-Rapport tal-Missjoni ta' Valutazzjoni Konġunta rrakkomanda, fost oħrajn, li l-UE tista' tikkunsidra kontribut akbar bħala appoġġ għas-settur tal-pulizija permezz ta' missjoni tal-pulizija, u li tista' tintbagħat lejn l-Afganistan missjoni esplorattiva sabiex tesplora aktar il-fattibbiltà ta' tali missjoni.

    (5)

    Kienet intbagħtet lejn l-Afganistan missjoni esplorattiva bejn is-27 ta' Novembru u l-14 ta' Diċembru 2006. Abbażi tal-konklużjonijiet tagħha tal-11 ta' Diċembru 2006, fit-12 ta' Frar 2007, il-Kunsill approva l-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżijiet (CMC) għal missjoni tal-pulizija ta' l-UE fl-Afganistan fil-qasam ta' l-ordni pubbliku b'rabtiet mal-qasam usa' ta' l-istat tad-dritt u qabel li l-missjoni tkun tipprovdi valur miżjud. Il-missjoni ser taħdem sabiex tiġi żviluppata forza tal-pulizija Afgana b'appartenenza lokali, li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u topera fil-qafas ta' l-istat tad-dritt. Il-missjoni għandha tibni fuq l-isforzi attwali, u ssegwi approċċ komprensiv u strateġiku, b'mod konformi mas-CMC. B'hekk, il-missjoni għandha tindirizza kwistjonijiet dwar ir-riforma tal-pulizija fil-livelli ċentrali, reġjonali u provinċjali.

    (6)

    Fit-23 ta' Marzu 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1746 (2007) dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA), li inter alia tilqa' d-deċiżjoni mill-UE li tistabbilixxi missjoni tal-pulizija fil-qasam ta' l-ordni pubbliku b'rabtiet mal-qasam usa' ta' l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra n-narkotiċi, sabiex tassisti u ssaħħaħ l-isforzi attwali fil-qasam tar-riforma tal-pulizija fil-livelli ċentrali u provinċjali, u jistenna bil-ħerqa t-tnedija bikrija tal-missjoni.

    (7)

    Fit-23 ta' April 2007, il-Kunsill approva l-Kunċett ta' Operazzjonijiet (CONOPS) għal missjoni tal-pulizija ta' l-UE fl-Afganistan (EUPOL AFGANISTAN) b'rabtiet mal-qasam usa' ta' l-istat tad-dritt.

    (8)

    F'ittra ta' stedina tas-16 ta' Mejju 2007 il-Gvern ta' l-Afganistan stieden lill-UE sabiex tniedi missjoni tal-pulizija ta' l-UE lejn l-Afganistan.

    (9)

    Il-missjoni tal-pulizija ta' l-UE ser tiġi stabbilita fil-kuntest aktar wiesa' ta' l-isforz tal-komunità internazzjonali sabiex tappoġġa l-Gvern ta' l-Afganistan jassumi r-responsabbiltà għat-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt, u partikolarment, it-titjib tal-kapaċità tagħha tal-pulizija ċivili u l-infurzar tal-liġi. Ser tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn il-missjoni tal-pulizija ta' l-UE u atturi internazzjonali oħrajn involuti fl-assistenza dwar is-sigurtà, inkluża l-Forza ta' Assistenza għas-Sigurtà Internazzjonali (ISAF), kif ukoll dawk li jagħtu appoġġ fir-rigward tar-riforma fil-pulizija u fl-istat tad-dritt fl-Afganistan.

    (10)

    Kif iddikjarat fil-CONOPS, u minħabba l-ħtieġa ta' impenn tanġibbli mill-UE għal riforma tal-pulizija, u r-rabta ma' l-għanijiet tal-Patt dwar l-Afganistan, it-tul ta' żmien minimu previst tal-missjoni għandu jkun ta' 3 snin. Minħabba l-imprevedibbiltà tas-sitwazzjoni u l-ħtieġa li jkun żgurat approċċ flessibbli, u skond il-kriterju ta' valutazzjoni stabbilit fil-CONOPS u fl-OPLAN, id-daqs u l-ambitu tal-Missjoni għandhom ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid ta' kull sitt xhur.

    (11)

    Il-mandat tal-Missjoni ser jiġi implimentat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tkun ta' ħsara għall-għanijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Missjoni

    1.   L-Unjoni Ewropea b'dan tistabbilixxi Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea għall-Afganistan (“EUPOL AFGANISTAN” jew il-“Missjoni”) għal perijodu ta' tliet snin, li tinkludi fażi ta' ppjanar li tibda fit-30 ta’ Mejju 2007, u fażi operattiva li tibda mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju 2007.

    2.   L-EUPOL AFGANISTAN għandha topera skond l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 4.

    Artikolu 2

    Fażi ta' Ppjanar

    1.   Waqt il-fażi ta' ppjanar tal-Missjoni, il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn grupp ta' ppjanar li jikkonsisti mill-persunal meħtieġ sabiex jirrispondi għall-ħtiġijiet preparattivi tal-Missjoni.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni, assistit mill-grupp ta' ppjanar għandu jfassal il-Pjan Operattiv (OPLAN) u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa sabiex tiġi esegwita l-EUPOL AFGANISTAN.

    3.   Għandha ssir stima komprensiva tar-riskju bħala prijorità fil-proċess ta' l-ippjanar u għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ, b'attenzjoni speċifika fuq ir-riskji ta' sigurtà assoċjati ma' l-attivitajiet tal-Missjoni. L-OPLAN għandu jieħu kont ta' stimi tar-riskju aġġornati u għandu jinkludi pjan ta' sigurtà.

    4.   Waqt il-fażi ta' ppjanar, il-Kap tal-Missjoni għandu jaħdem mill-qrib mar-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE (RSUE) għall-Afganistan, mal-Kummissjoni u l-Istati Membri attwalment involuti fir-riforma tal-pulizija fl-Afganistan.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jaħdem mill-qrib u jikkoordina mal-Gvern ta' l-Afganistan u ma' l-atturi internazzjonali rilevanti, skond il-każ, inklużi n-NATO/ISAF, il-Pajjiżi Mexxejja tal-Grupp ta' Rikostruzzjoni Provinċjali (PRT), in-NU (il-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA)), u l-Istati Terzi attwalment involuti fir-riforma tal-pulizija fl-Afganistan.

    6.   Il-Kunsill għandu japprova l-OPLAN.

    Artikolu 3

    Għanijiet

    L-EUPOL AFGANISTAN għandha tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-istabbiliment, taħt appartenenza Afgana, ta' arranġamenti fil-qasam ta' l-ordni pubbliku ċivili li jkunu sostenibbli u effikaċi, li sejrin jiżguraw interazzjoni adegwata mas-sistema aktar wiesgħa tal-ġustizzja kriminali, skond il-pariri politiċi u l-ħidma fl-iżvilupp ta' istituzzjonijiet mill-Komunità, mill-Istati Membri u minn atturi internazzjonali oħrajn. Barra minn hekk il-Missjoni ser tappoġġa l-proċess ta' riforma għal servizz ta' pulizija ta' fiduċja u effiċjenti, li jaħdem b'mod konformi ma' standards internazzjonali, fl-ambitu ta' l-istat tad-dritt u li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.

    Artikolu 4

    Kompiti

    1.   Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, l-EUPOL AFGANISTAN għandha:

    (a)

    taħdem fuq l-iżvilupp strateġiku, filwaqt li tagħmel enfasi fuq il-ħidma lejn strateġija ġenerali konġunta tal-komunità internazzjonali għar-riforma tal-pulizija, b'kont meħud tal-Patt dwar l-Afganistan u l-i-ANDS;

    (b)

    tappoġġa lill-Gvern ta' l-Afganistan sabiex jimplimenta b'mod koerenti l-istrateġija tagħhom;

    (c)

    ittejjeb il-koeżjoni u l-koordinazzjoni fost l-atturi internazzjonali; u

    (d)

    tappoġġa r-rabtiet bejn il-pulizija u l-qasam usa' ta' l-istat tad-dritt.

    Dawn il-kompiti ser jiġu żviluppati ulterjorment fl-OPLAN.

    2.   L-EUPOL AFGANISTAN għandha tkun Missjoni mhux eżekuttiva. Hija għandha twettaq il-kompiti tagħha permezz ta', fost oħrajn, monitoraġġ, konsulenza, għoti ta' pariri u taħriġ.

    3.   L-EUPOL AFGANISTAN għandha, skond il-każ, tikkoordina, tiffaċilita u tagħti pariri dwar proġetti li jkunu implimentati mill-Istati Membri u minn Stati Terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati mal-Missjoni u b'appoġġ għall-għanijiet tagħha.

    Artikolu 5

    Struttura tal-Missjoni

    1.   Il-Missjoni ser ikollha l-Kwartieri Ġenerali (KĠ) tagħha f'Kabul u ser tikkonsisti minn:

    (i)

    il-Kap tal-Missjoni,

    (ii)

    Konsulenti tal-Persunal Ċentrali, inkluż Uffiċjal Anzjan għas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO),

    (iii)

    Sezzjoni għat-Taħriġ,

    (iv)

    Sezzjonijiet ta' Għoti ta' Pariri u Konsulenza,

    (v)

    Dipartiment ta' l-Amministrazzjoni.

    Il-Missjoni ser tinkludi, skond il-każ, element ta' appoġġ fi Brussell.

    2.   Il-persunal tal-Missjoni għandu jiġi skjerat fil-livelli ċentrali, reġjonali u provinċjali fid-dawl tal-valutazzjoni tas-sigurtà. Sejrin isiru arranġamenti tekniċi ma' l-ISAF u mal-Pajjiżi Mexxejja tal-Kmand Reġjonali/PRT għall-iskambju ta' informazzjoni, għall-appoġġ mediku, ta' sigurtà u loġistiku inkluża l-akkomodazzjoni mill-Kmandi Reġjonali u l-PRTs.

    3.   Barra minn hekk, għadd ta' membri tal-persunal tal-Missjoni sejrin ikunu skjerati sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni strateġika tar-riforma tal-pulizija fl-Afganistan, skond il-każ, u partikolarment mas-Segretarjat tal-Bord Internazzjonali għall-Koordinazzjoni tal-Pulizija f'Kabul.

    Artikolu 6

    Kap tal-Missjoni

    1.   Il-Brigadier Ġeneral Friedrich Eichele huwa b'dan maħtur Kap tal-Missjoni ta' l-EUOPOL AFGANISTAN.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kontroll operattiv fuq l-EUPOL AFGANISTAN u għandu jassumi l-amministrazzjoni tagħha ta' kuljum.

    3.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-Kap tal-Missjoni ta' l-EUPOL AFGANISTAN.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.

    5.   Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

    6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jaħdem mill-qrib mar-RSUE.

    7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura li l-EUPOL AFGANISTAN jaħdem mill-qrib u jikkoordina mal-Gvern ta' l-Afganistan u ma' l-atturi internazzjonali rilevanti, kif adatt, inklużi n-NATO/ISAF, il-Pajjiżi Mexxejja tal-Grupp ta' Rikostruzzjoni Provinċjali (PRT), in-NU (il-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA)), u l-Istati Terzi attwalment involuti fir-riforma tal-pulizija fl-Afganistan.

    8.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.

    Artikolu 7

    Persunal

    1.   In-numri u l-kompetenzi tal-persunal ta' l-EUPOL AFGANISTAN għandhom ikunu konsistenti ma' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-istruttura tal-Missjoni stabbilita fl-Artikolu 5.

    2.   L-EUPOL AFGANISTAN għandha tikkonsisti primarjament minn persunal sekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta' l-UE.

    3.   Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta' l-UE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mill-post ta' skjerament, is-salarji, il-kopertura medika, u l-allowances, barra l-per diems applikabbli kif ukoll l-allowances għax-xogħol iebes u għar-riskji.

    4.   L-EUPOL AFGANISTAN tista' wkoll tirrekluta persunal internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali skond kif ikun meħtieġ.

    5.   Il-persunal kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità ta' l-Istat mittenti jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE xierqa u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill (1).

    Artikolu 8

    Status tal-persunal ta' l-EUPOL AFGANISTAN

    1.   L-istatus tal-persunal ta' l-EUPOL AFGANISTAN fl-Afganistan, inklużi fejn ikun il-każ il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel ta' l-EUPOL AFGANISTAN għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li għandu jiġi konkluż skond l-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli li jassisti lill-Presidenza jista' jinnegozja tali arrangamenti f'isimha.

    2.   L-istat jew l-istituzzjoni ta' l-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew li tikkonċerna l-membru tal-persunal. L-istat jew l-istituzzjoni ta' l-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli sabiex tiġi istitwita kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

    3.   Il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.

    Artikolu 9

    Linja ta' Kmand

    1.   L-EUPOL AFGANISTAN għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet.

    2.   Il-KPS għandu jeżerċita kontroll politiku u direzzjoni strateġika.

    3.   Is-SĠ/RGħ għandu jiggwida lill-Kap tal-Missjoni permezz tar-RSUE.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni ser ijmexxi l-Missjoni u jassumi l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni ser jirrapporta lis-SĠ/RGħ permezz tar-RSUE.

    6.   Ir-RSUE ser jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

    Artikolu 10

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti b'mod konformi ma' l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħa ta' l-emendament ta' l-OPLAN u l-linja ta' kmand. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li sussegwentement jieħu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Il-Kunsill, assistit mis-SĠ/RGħ, għandu jiddeċiedi dwar l-għanijiet u t-terminazzjoni tal-Missjoni.

    2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

    3.   Il-KPS għandu jirċievi rapporti mill-Kap tal-Missjoni f'intervalli regolari. Il-KPS jista' jistieden lill-Kap tal-Missjoni għal-laqgħat tiegħu, skond il-każ.

    Artikolu 11

    Sigurtà

    1.   Il-Kap tal-Missjoni huwa responsabbli mis-sigurtà ta' l-EUPOL AFGANISTAN u għandu jeżerċita din ir-responsabbiltà b'mod konformi mal-politika ta' l-UE dwar is-sigurtà tal-persunal ta' l-UE skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat u d-dokumenti tas-sostenn tiegħu.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan għas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li ser jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u li jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma' l-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni ser jaħtar Uffiċjali tas-Sigurtà Distrettwali fil-postijiet provinċjali u reġjonali tal-Missjoni, li, taħt l-awtorità ta' l-SMSO, sejrin ikunu responsabbli mill-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-aspetti kollha ta' sigurtà ta' l-elementi rispettivi tal-Missjoni.

    4.   Ser jiġi provdut taħriġ adegwat ta' sigurtà, skond l-OPLAN, għall-persunal kollu tal-Missjoni. Għandu jingħatalu taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post, organizzat mill-SMSO.

    Artikolu 12

    Parteċipazzjoni ta' Stati Terzi

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali ta' l-Unjoni Ewropea u għall-qafas istituzzjonali uniku tagħha, l-istati kandidati u Stati Terzi oħrajn jistgħu jiġu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għall-EUPOL AFGANISTAN fuq il-bażi li huma jsostnu l-ispejjeż sabiex jibagħtu lill-esperti tal-pulizija u/jew il-persunal ċivili sekondat minnhom, inkluż is-salarji, l-allowances, il-kopertura medika, l-assigurazzjoni għal riskju għoli u l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mill-Afganistan, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-tmexxija ta' l-EUPOL AFGANISTAN skond il-każ.

    2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.

    3.   L-Istati Terzi li jagħmlu kontributi lill-EUPOL AFGANISTAN għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' l-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħal Stati Membri li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

    4.   Il-KPS għandhu jieħu azzjoni xierqa fir-rigward ta' arranġamenti ta' parteċipazzjoni u għandu, jekk meħtieġ, jissottometti proposta lill-Kunsill, inkluż dwar il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni finanzjarja jew kontributi mhux finanzjarji minn Stati Terzi.

    5.   L-arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta' Stati Terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim skond l-Artikolu 24 tat-Trattat u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Is-SĠ/RGħ li jassisti lill-Presidenza jista' jinnegozja tali arranġamenti f'isimha. Fejn l-UE u Stat Terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan l-Istat Terz fl-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet ta' l-UE, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' din l-operazzjoni.

    Artikolu 13

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza intiż sabiex ikopri l-infiq marbut ma' l-EUPOL AFGANISTAN sad-29 ta' Marzu 2008 għandu jkun ta' EUR 43 600 000.

    2.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għas-snin 2008, 2009 u 2010 għall-EUPOL AFGANISTAN għandu jkun deċiż mill-Kunsill.

    3.   L-infiq kollu għandu jkun amministrat skond ir-regoli u l-proċeduri Komunitarji applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-UE, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m'għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jkun sorveljat minnha, dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

    5.   Iċ-ċittadini ta' stati terzi għandhom jitħallew iressqu offerti għal kuntratti. Suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista' jikkonkludi arranġamenti tekniċi mal-pajjiżi mexxejja tal-Kmand Reġjonali/PRT u ma' l-atturi internazzjonali skjerati fl-Afganistan rigward il-forniment ta' tagħmir, servizzi u uffiċċji lill-Missjoni, speċjalment fejn ikun meħtieġ minħabba kondizzjonijiet ta' sigurtà.

    6.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operattivi ta' l-EUPOL AFGANISTAN inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tagħha, u għandhom jieħdu kont ta' l-iskjerament tal-persunal fil-Kmandi Reġjonali u l-PRTs.

    7.   L-infiq għandu jkun eliġibbli mid-data ta' l-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta.

    Artikolu 14

    Koordinazzjoni ma' l-azzjonijiet Komunitarji

    1.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond is-setgħat rispettivi tiegħu, konsistenza bejn l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità skond l-Artikolu 3 tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

    2.   Għandhom jiġu stabbiliti l-arranġamenti meħtieġa ta' koordinazzjoni fiż-żona tal-Missjoni, skond il-każ, kif ukoll fi Brussell.

    Artikolu 15

    Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

    1.   Is-SĠ/RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-NATO/ISAF informazzjoni u dokumenti ta' l-UE klassifikati ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b'mod konformi mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti tekniċi lokali sabiex dan jiġi faċilitat.

    2.   Is-SĠ/RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati Terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, skond il-każ u skond il-ħtiġijiet tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b'mod konformi mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill.

    3.   Is-SĠ/RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti/UNAMA, skond il-każ u skond il-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b'mod konformi mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dan il-għan.

    4.   Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, is-SĠ/RGħ għandu wkoll ikun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b'mod konformi mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, tali informazzjoni u dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-Istat ospitanti b'mod konformi mal-proċeduri adatti għal-livell ta' koperazzjoni ta' l-Istat ospitanti ma' l-UE.

    5.   Is-SĠ/RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil Stati Terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti mhux klassifikati ta' l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-Missjoni koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (2).

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ u t-tul ta' żmien

    1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

    2.   Għandha tiskadi fit-30 ta’ Mejju 2010.

    Artikolu 17

    Reviżjoni

    1.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta kull sitt xhur sabiex jiġu aġġustati kif meħtieġ id-daqs u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Missjoni.

    2.   Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta, mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tagħha, sabiex jiġi determinat jekk il-Missjoni għandhiex titkompla.

    Artikolu 18

    Pubblikazzjoni

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 30 ta’ Mejju 2007.

    Ghall-Kunsill

    Il-President

    U. VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/683/KE, Euratom tal-15 ta' Settembru 2006 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47). Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2007/4/KE, Euratom (ĠU L 1, 4.1.2007, p. 9).


    Top