EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R2791

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999 tas-16 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi ċerti miżuri ta' kontroll applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal

ĠU L 337, 30.12.1999, p. 1–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010; Imħassar b' 32010R1236

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/2791/oj

31999R2791



Official Journal L 337 , 30/12/1999 P. 0001 - 0009


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999

tas-16 ta' Diċembru 1999

li jippreskrivi ċerti miżuri ta' kontroll applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali Futura fuq dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, minn issa ’l quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni KSAG", kienet approvata bid-Deċiżjoni 81/608/KEE [2] u mdaħħla fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982;

(2) Il-Konvenzjoni KSAG tipprovdi qafas xieraq għall-koperazzjoni multilaterali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni razzjonali tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona definita mill-Konvenzjoni;

(3) Il-Kummissjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Grigal, fis-17-il laqgħa annwali tagħha fis-17, it-18, id-19 u l-20 ta' Novembru 1998, adottat żewġ rakkomandazzjonijiet li jistabbilixxu skema ta' kontroll u ta' infurzar li japplikaw għall-bastimenti tas-sajd li joperaw fin-naħat lil hemm mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti fiż-żona tal-Konvenzjoni (minn issa ’l quddiem imsejħa "l-Iskema"), u programm li jippromwovi aderenza mill-bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti mar-rakkomandazzjonijiet tagħha (il-Kummissjoni) sabiex jiżgura rispett sħiħ għall-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni adottati mill-KSAG (minn issa l quddiem imsejjaħ "il-Programm");

(4) L-Iskema tipprovdi miżuri ta' kontroll li japplikaw għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Partijiet Kontraenti u li jaħdmu fiż-żona tal-KSAG, u arranġamenti għal spezzjonijiet fuq il-baħar li jinkludu proċeduri ta' spezzjonar u sorveljanza u proċeduri kontra l-kontravvenzjonijiet illi jridu jiġu implimentati mill-Partijiet Kontraenti;

(5) Il-Programm jipprovdi għall-ispezzjonar mandatorju tal-bastimenti tal-Partijiet Mhux Kontraenti meta, wara li dawn jidħlu minn rajhom fil-portijiet tal-Partijiet Kontraenti u projbizzjoni dwar it-tniżżil l-art u t-trasbord tal-qabdiet tal-ħut jekk, matul spezzjonijiet bħal dawn, jiġi stabbilit illi stadu bi ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni adottati mill-KSAG;

(6) Skond l-Artikoli 12 u 15 tal-Konvenzjoni KSAG, dawn ir-rakkomandazzjonijiet jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999 u jorbtu lill-Partijiet Kontraenti; il-Komunità għandha tapplika dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

(7) Sabiex jagħmilha possibbli li l-attivitajiet Komunitarji tas-sajd fiż-Żona Regolatorja tal-KSAG jiġu onitorjati u sabiex jiġu supplimentati l-miżuri ta' kontroll ipprovduti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd [3], għandhom jiġu preskritti ċerti miżuri ta' kontroll, b'mod partikolari rigward il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tas-sajd, rigward il-marki u t-tagħmir tal-bastimenti u tad-dokumenti tagħhom, rigward ir-reġistrazzjoni u r-rappurtaġġ tal-qabdiet tal-ħut u rigward it-trasbord tiegħu;

(8) L-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura illi l-attivitajiet tal-bastimenti tiegħu barra miż-żona Komunitarja tas-sajd ikunu soġġetti għal monitoraġġ xieraq u, fejn jeżistu dawn l-obbligi Komunitarji, għal spezzjonijiet u sorveljanza, sabiex jiġi żgurat l-osservanza tar-regoli Komunitarji applikabbli f'dawn l-ibħra; għalhekk għandha ssir disposizzjoni sabiex dawk l-Istati Membri illi l-bastimenti tagħhom jistadu fiż-Żona Regolatorja tal-KSAG jassenjaw spetturi ma’ l-Iskema sabiex jindaħlu għall-monitoraġġ u s-sorveljanza, flimkien ma’ riżorsi adekwati għall-ispezzjonar;

(9) Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ ta' l-attivitajiet tas-sajd fiż-żona tal-KSAG, huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jikkoperaw bejn xulxin u mal-Kummissjoni sabiex tiġi applikata l-Iskema;

(10) Hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jiżguraw illi l-ispetturi tagħhom jikkonformaw mal-proċeduri ta' l-ispezzjonar preskritti mill-KSAG;

(11) Il-kaptani tal-bastimenti Komunitarji għandhom jikkoperaw fl-ispezzjonar tal-bastimenti tagħhom kif ipprovdut fil-proċeduri preskritti f'dan ir-Regolament;

(12) Għandhom jiġu preskritti l-proċeduri li jridu jiġu applikati f'sitwazzjonijiet fejn ikun suspettat illi tkun saret kontravvenzjoni u b’ mod partikolari kontravvenzjoni serja; għal dan l-iskop għandha tiġi abbozzata lista tat-tipi ta' azzjonijiet ikkunsidrati bħala li jikkostitwixxu kontravvenzjonijiet serji;

(13) Għandhom jiġu preskritti regoli għall-implimentazzjon tal-Programm fil-Komunità;

(14) Skond it-Trattat, l-awtorità fuq l-ibħra u l-portijiet nazzjonali hija eżerċitata mill-Istati Membri; madankollu, fil-każ ta' aċċess għall-faċilitjajiet ta' port tal-Komunità minn bastimenti ta' Partijiet Mhux Kontraenti illi jkunu ġew mikxufa joperaw fiż-Żona Regolatorja tal-KSAG, għandhom jiġu adottati miżuri uniformi addizzjonali fil-livell tal-Komunità sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri preskritti mill-KSAG;

(15) Għandha tiġi preskritta proċedura sabiex jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-Iskema;

(16) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [4];

(17) Sabiex tinkiseb esperjenza għat-taqsim definittiv tal-biċċiet tax-xogħol illi jridu jindaħlu għalihom, huwa xieraq illi jiġu applikati ċerti disposizzjonijiet dwar l-ispezzjonar u l-kontroll, li għandhom jitwettqu b'koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Komunità, għal perjodu limitat taż-żmien sakemm tittieħed deċiżjoni dwar reġim definittiv,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jippreskrivi regoli u kondizzjonijiet ġenerali sabiex jiġu applikati mill-Komunità:

(a) l-Iskema ta' kontroll u infurzar li tapplika għall-bastimenti tas-sajd li joperaw fiż-żoni lil hemm mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali fiż-żona tal-Konvenzjoni KSAG;

(b) il-Programm li jippromwovi l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-KSAG mill-bastimenti ta' Partijiet Mhux Kontraenti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

1. "Żona Regolatorja" tfisser l-ibħra taż-Żoni tal-Konvenzjoni kif definiti fl-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni KSAG, li jinsabu lil hemm mill-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-KSAG;

2. "riżorsi tas-sajd" huma dawk riferiti fl-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni KSAG;

3. "riżorsi regolati" huma dawk ir-riżorsi tas-sajd illi huma soġġetti għar-rakkomandazzjonijiet skond il-Konvenzjoni u huma mniżżla fil-lista fl-Anness ta' ma’ hawn; l-Anness jista’ jiġi emendat skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2);

4. "attivtajiet tas-sajd" ifisser sajd, operazzjonijiet ta' l-ipproċessar tal-ħut, it-trasbord tal-ħut u ta' prodotti tas-sajd u kull attività oħra bi tħejjija għas-sajd fiż-Żona Regolatorja jew li għandha x'taqsam magħha;

5. "spettur tal-KSAG" ifisser spettur assenjat minn Parti Kontraenti tal-KSAG ma’ l-Iskema;

6. "imbark" ifisser l-imbark/tlugħ fuq bastiment tas-sajd mill-ispetturi tal-KSAG sabiex iwettqu spezzjonari;

7. "kontravvenzjoni/ksur" ifissru kull attività jew tħollija barra minn bastiment tas-sajd illi jwasslu biċ-ċar għas-suspett illi sar ksur tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u ta' kull regolament ieħor li jittrasponi rakkomandazzjoni tal-KSAG u li kien innotat f'rapport ta' spezzjonar skond l-Iskema;

8. "kontravvenzjoni serja/ksur serju" ifissru:

(a) sajd mingħajr awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-Istat tal-bandiera (tal-bastiment);

(b) sajd mingħajr kwota jew wara li tkun ġiet eżawrita kwota;

(ċ) l-użu ta' tagħmir ipprojbit tas-sajd;

(d) nuqqasijiet serji fir-reġistrazzjoni tal-qabdiet tal-ħut;

(e) nuqqasijiet ripetuti ta' konformità ma’ l-obbligu li jiġu komunikati ċ-ċaqliq tal-bastiment u l-qabdiet tal-ħut;

(f) iż-żamma ta' spettur mit-twettiq tad-dmitijiet tiegħu;

(g) sajd dirett lejn stokk ta' ħut soġġett għal moratorju jew li s-sajd tiegħu huwa projbit;

(h) il-falsifikazzjoni jew il-ħabi tal-marki, l-identità jew ir-reġistrazzjoni ta' bastiment tas-sajd;

(i) il-ħabi, it-tbagħbis jew it-twarrib tax-xhieda li jkollha x’taqsam ma’ investigazzjoni;

(j) kontravvenzjonijiet multipliċi illi flimkien jikkostitwixxu nuqqas serju ta' kas lejn il-miżuri ta' konservazzjoni jew ta' ġestjoni

9. "spettur awtorizzat kif mistħoqq" ifisser spettur tal-KSAG awtorizzat kif mistħoqq mill-Istat Membri li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu u li dan il-bastiment ikun suspettat illi kkommetta ksur serju tal-liġijiet;

10. "bastiment ta' Parti Mhux Kontraenti" ifisser bastiment illi jkun ġie mikxuf u rapportat bħala li jkun stad fiż-Żona Regolatorja tal-KSAG u

(i) li jtajjar il-bandiera ta' Stat illi huwa Parti Mhux Kontraenti tal-Konvenzjoni KSAG; jew

(ii) li dwaru jkun hemm raġunijiet tajba sabiex jiġi suspettat li jkun mingħajr nazzjonalità.

TITOLU I

L-IMPLIMENTAZZJONI TA' L-ISKEMA TA' KONTROLL ADOTTATA MILL-KSAG

Artikolu 3

Għan

1. Dan it-Titolu għandu japplika għall-bastimenti Komunitarji kollha tas-sajd użati jew maħsuba illi jiġu użati f'attivitajiet ta' sajd kummerċjali magħmula fuq riżorsi tas-sajd fiż-Żona Regolatorja.

2. Il-bastimenti Komunitarji tas-sajd illi joperaw fiż-Żona Regolatorja u li jżommu fuqhom ħut minn din iż-żona għandhom jagħmlu dan skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Konvenzjoni KSAG.

KAPITOLU 1

MIŻURI TA' KONTROLL

Artikolu 4

Parteċipazzjoni Komunitarja

1. Il-bastimenti Komunitarji tas-sajd biss illi jkun inħarġilhom permess speċjali tas-sajd mill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom għandhom jiġu awtorizzati, fuq il-kondizzjonijiet iddikjarati fil-permess, illi jistadu, iżommu abbord, jittrasbordjaw jew iniżżlu l-art riżorsi tas-sajd miż-Żona Regolatorja.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, f'għamla li tinqara mill-kompjuter, lista tal-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tagħhom u reġistrati fil-Komunità illi huma awtorizzati li jistadu fiż-Żona Regolatorja, b'mod partikolari l-bastimenti awtorizzati li jistadu direttament għal waħda jew iktar mir-riżorsi regolati flimkien ma’ emendi għal-lista. Dan it-tagħrif għandu jintbagħat mhux iktar tard mill-15 ta' Diċembru ta' kull sena jew mill-inqas 5 granet qabel ma l-bastiment jidħol fiż-Żona Regolatorja. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dan it-tagħrif fil-pront lis-segretarjat tal-KSAG.

3. Il-format tat-trasmissjoni tal-lista rriferita fil-paragrafu 2 u l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiġu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 5

Ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet tal-ħut u ta' l-isforz tas-sajd

1. B'żieda mat-tagħrif speċifikat fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kaptani tal-bastimenti Komunitarji tas-sajd għandhom iniżżlu fir-reġistru tal-bastiment kull dħul fi, u ħruġ miż-Żona Regolatorja.

2. Il-kaptani tal-bastimenti Komunitarji tas-sajd għandhom iżommu dwar il-qabdiet tal-ħut proċessati jew iffriżati tar-riżorsi rregolati mniżżla fil-lista ma’ dan l-Anness:

(a) reġistru tal-produzzjoni illi jiddikjara, għal kull speċi ta' ħut u għal kull prodott proċessat, il-produzzjoni aggregata, jew

(b) pjanta tal-ħażna, għal kull speċje ta' ħut, tal-prodotti proċessati, li turi l-post tal-prodotti roċessati fl-istiva.

3. Għandhom jiġu adottati regoli sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 6

Ir-rappurtaġġ tal-qbid ta' riżorsi regolati ta' ħut

1. Il-kaptani tal-bastimenti Komunitarji tas-sajd għandhom jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tal-bandiera tagħhom "rapport dwar il-qabda" tal-ħut għall-perjodu taż-żmien speċifikat fit-tieni subparagrafu.

Ir-rapporti dwar il-qabda ta' riżorsi regolati ta' ħut għandhom jinkludu:

(a) il-kwantitajiet ta' ħut miżmuma abbord meta l-kaptani tal-bastimenti Komunitarji tas-sajd jidħlu fiż-Żona Regolatorja. Ir-rapporti għandhom jiġu trasmessi mhux iktar kmieni minn 12-il siegħa u mhux iktar tard minn 6 sigħat qabel kull dħul fiż-Żona Regolatorja;

(b) il-qabdiet ta' ħut ta' kull ġimgħa. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trasmessi għall-ewwel darba mhux iktar tard mit-tmiem tas-seba’ jum wara d-dħul tal-bastiment fiż-Żona Regolatorja jew meta l-vjaġġi tas-sajd jieħdu iktar minn sebat ijiem, l-iktar tard sa nhar tat-Tnejn għal dawk il-qabdiet tal-ħut li jkunu ttellgħu miż-Żona Regolatorja matul il-ġimgħa ta' qabel li tagħlaq f'nofs il-lejl tal-jum tal-Ħadd;

(ċ) il-kwantitajiet ta' ħut miżmuma abbord meta bastiment joħroġ miż-Żona Regolatorja. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trasmessi mhux iktar kmieni minn 8 sigħat u mhux iktar tard minn 6 sigħat qabel kull ħruġ miż-Żona Regolatorja. Għandhom jinkludu, fejn xieraq, in-numru ta' ġranet tas-sajd u l-qabdiet maqbuda miż-Żona Regolatorja;

(d) il-kwantitajiet ta' ħut mgħobbija u maħtuta għal kull tasbord tal-ħut matul id-dewmien tal- bastiment fiż-Żona Regolatorja. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trasmessi mhux iktar tard minn 24 siegħa wara t-tmiem tat-trasbord.

2. Kull Stat Membru għandu, malli jirċevihom, jibgħat ir-rapporti dwar il-qabdiet tal-ħut permezz ta' trasmissjoni bil-kompjuter lis-Segretarjat tal-KSAG.

3. Ir-rapporti dwar il-qabdiet tal-ħut għandhom jiġu trasmessi lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri sabiex jiġu trasmessi lis-Segretarjat tal-KSAG [5]

4. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw il-fatti magħrufa ("data") kkontenuti fir-rapporti dwar il-qabdiet tal-ħut fil-ħażna tal-fatti magħrufa ("database") rriferita fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

5. Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu u b'mod partikolari l-format u l-ispeċifikazzjonijiet għat-trasmissjonijiet irriferiti fil-paragrafu 3, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 7

Ir-rappurtaġġ globali tal-qabdiet tal-ħut u ta' l-isforz tas-sajd

1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, permezz ta' trasmissjoni bil-kompjuter qabel il-ħmistax-il jum ta' kull xahar bil-kwantitajiet tar-riżorsi tal-ħut riferiti fil-paragrafu 3 maqbuda fiż-Żona Regolatorja illi jkunu tniżżlu l-art jew ġew trasbordati fix-xahar ta' qabel.

2. Minkejja l-Artikolu 3(2), dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għar-riżorsi regolati tal-ħut illi jkunu nqabdu fiż-żona tal-Konvenzjoni taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

3. Il-lista tar-riżorsi tal-ħut irriferita fil-paragrafu 1 u l-format tat-trasmissjoni tal-fatti magħrufa (data) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 8 [6]

Is-Sistema tal-Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tagħrif miksub bis-sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) rigward il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' dawn l-Istati u li jistadu fiż-Żona Regolatorja jiġi trasmess elettronikament lis-Segretarjat tal-KSAG, fiż-żmien attwali, fil-format u b’konformita ma l-ispeċifikazzjonijiet adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 9

Trasbordi

Il-bastimenti Komunitarji tas-sajd għandhom jidħlu biss għal attivitajiet ta' trasbordar fiż-Żona Regolatorja jekk ikunu rċevew awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li dawn il-bastimenti jtajru l-bandiera tagħhom u fejn ikunu rreġistrati.

KAPITOLU 2

PROĊEDURA DWAR L-ISPEZZJONAR

L-Artikolu 10 [7]

Regoli ġenerali ta' l-ispezzjonar u s-sorveljanza

1. l-Istati Membri illi l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati li jistadu fiż-Żona Regolatorja għandhom jassenjaw spetturi ma’ l-Iskema sabiex iwettqu sorveljanza u spezzjonijiet.

2. Kull Stat Membru għandu jieħu passi sabiex jiżgura illi l-ispetturi tal-KSAG ikunu kapaċi jwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

3. Kull Stat Membru għandu jiżgura illi l-ispezzjonijiet imwettqa mill-ispetturi tiegħu jsiru b'mod mhux diskriminatorju u bi qbil ma’ l-Iskema. In-numru ta' spezzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq id-daqs tal-flotot tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti preżenti fiż-Żona Regolatorja, fil-waqt li jitqies iż-żmien imqatta’ fiż-żona.

4. Il-Kummissjoni tista’ tassenja spetturi Komunitarji ma’ l-Iskema.

L-Artikolu 11 [8]

Mezzi ta' l-ispezzjonar

1. L-Istati Membri jew, skond l-Artikolu 10(4), il-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli lill-ispetturi tagħhom il-mezzi adekwati sabiex jgħinuhom iwettqu l-biċċiet tax-xogħol tagħhom ta' sorveljanza u spezzjonar. Għal dan l-iskop, huma għandhom jassenjaw bastimenti u vetturi ta' l-ajru lill-Iskema.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkordina l-attivitajiet ta' sorveljanza u spezzjonar għall-Komunità. Tista’ tfassal, flimkien u bi qbil ma’ l-Istati Membri interessati, programmi konġunti ta' xogħol ta' sorveljanza u spezzjonar għal dan il-għan illi jgħinu lill-Komunità sabiex twettaq l-obbligi tagħha skond l-Iskema. L-Istati Membri illi l-bastimenti tagħhom ikunu fuq xogħol fuq il-postijiet tas-sajd tar-riżorsi rregolati għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi b'mod partikolari rigward ir-riżorsi umani u materjali meħtieġa u l-perijodi taż-żmien u ż-żoni dwar meta dawn iridu jintużaw.

3. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni sa l-1 ta' Jannar 2000 bl-ismijiet ta' l-ispetturi u tal-bastimenti ta' l-ispezzjonar u bit-dettalji ta' l-ajruplani li jkun beħsiebhom li jassenjaw lill-Iskema matul is-sena li tkun ġejja. Fil-waqt li tuża dan it-tagħrif, il-Kummissjoni għandha tfassal, b'kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri, pjan li jħares ’il quddiem għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Iskema fis-sena kalendarja involuta illi l-Kummissjoni għandha tibgħat lis-Segretarjat tal-KSAG u lill-Istati Membri.

4. Waqt li tkun tfassal il-programmi operattivi ta' sorveljanza u spezzjonarji l-Kummissjoni għandha tiżgura illi, fejn, f'kull ħin, ikun hemm iktar minn 10 bastimenti Komunitarji tas-sajd iwettqu attivitajiet tas-sajd immirati għar-riżorsi rregolati tal-ħut fiż-Żona Regolata, ikun preżenti bastiment ta' l-ispezzjonar ta' Stat Membru f'din iż-żona jew li jkun ġie konkluż ftehim ma’ Parti Kontraenti oħra li jiżgura l-preżenza ta' bastiment ta' l-ispezzjonar.

5. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli li jaraw illi kull bastiment assenjat ma’ l-Iskema u li jġorr l-ispetturi u kull bastiment ta' appoġġ itajru bandiera (kwadra) jew bandiera trijangolari speċjali li juru illi l-ispetturi qegħdin iwettqu spezzjoni skond l-Iskema. L-ajruplani assenjati ma’ l-Iskema għandu jkollhom is-sinjal internazzjonali tas-sejħa tagħhom bir-radju jidher ċar. L-għamla tal-bandiera (kwadra) jew tal-bandiera tirjangolari speċjali għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

6. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni elettronikament bid-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmien ta' l-attivitajiet tal-bastimenti jew ta' l-ajruplani ta' l-ispezzjonar, fil-għamla stabbilita skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 12

L-ispetturi tal-KSAG

1. L-Istati Membri jew, skond l-Artikolu 10(4), il-Kummissjoni għandhom joħorġu dokument speċjali ta' l-identità lil kull spettur. L-Ispetturi għandhom iġorru u juru dan id-dokument meta jimbarkaw fuq bastiment tas-sajd. L-għamla ta' dan id-dokument speċjali ta' identità għandha tkun stabbilita skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw illi l-ispetturi jwettqu d-dmirijiet tagħhom skond ir-regoli preskritti fl-Iskema. L-ispetturi għandhom jibqgħu taħt il-kontroll operattiv ta' l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u għandhom jirrispondu lejhom.

Artikolu 13

Il-proċedura tas-sorveljanza

1. L-ispetturi tal-KSAG għandhom iwettqu sorveljar ibbażat fuq il-kixfa ta' bastimenti tas-sajd mill-bastiment jew mill-ajruplani assenjati ma’ l-Iskema. Għandhom jirreġistraw is-sejbiet tagħhom f'rapport ta' osservazzjoni fil-għamla adottata skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2) u għandhom jibagħtu dan ir-rapport lill-awtorità kompetenti tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu fil-pront ir-rapport ta' l-osservazzjoni, bi trasmissjoni elettronika, lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment mikxuf jew lill-awtoritajiet innominati minn dan l-Istat, kif innotifikati mis-Segretarjat tal-KSAG, lis-Segretarjat tal-KSAG u lill-Kummissjoni. Għandhom ukoll, fuq it-talba tiegħu, jibagħtu l-oriġinal ta' kull rapport ta' osservazzjoni u kull ritratt lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment involut.

Artikolu 14

Il-proċedura ta' l-ispezzjonar

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw illi l-ispetturi tagħhom mal-KSAG:

(a) ma jimbarkawx fuq bastiment mingħajr ma jingħata avviż minn qabel bir-radju lill-bastiment jew mingħajr ma l-bastiment jingħata s-sinjal xieraq bl-użu tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali, inklużi dettalji dwar il-grupp ta' l-ispezzjonar li jkunu qegħdin jaħdmu flimkien;

(b) ma jeħtiġux illi l-bastiment li jkun sejjer jiġi mbarkat jieqaf jew jimmanuvra waqt is-sajd, jew meta jkun jitfa’ jew jiġbed ix-xbiek. Madankollu, l-ispetturi jistgħu jeħtieġu l-interruzzjoni jew id-dewmien fit-tfiegħ tax-xbiek sakemm jimbarkaw fuq il-bastiment iżda f'kull każ mhux iktar minn 30 minuta minn meta jirċievu s-sinjal.

(ċ) jiżguraw illi l-ispezzjonar ma jaqbiżx l-erba’ sigħat jew il-perjodu taż-żmien meta jiddaħħlu u jiġu spezzjonati x-xbiek u l-qabda tal-ħut, liema waħda minnhom hija l-itwal. Fejn tiġi mikxufa kontravvenzjoni, l-ispetturi jistgħu jibqgħu abbord għall-perjodu taż-żmien meħtieġ sabiex itemmu d-dmirijiet tagħhom kif riferit fl-Artikolu 16(1)(b). Iżda, f'ċirkostanzi speċjali, fil-waqt li jitqies id-daqs tal-bastiment u l-kwantità tal-ħut miżmuma abbord, it-tul taż-żmien ta' l-ispezzjonar jista’ jaqbeż il-perjodi taż-żmien irriferiti hawn fuq. F'sitwazzjoni bħal din, l-ispetturi għandhom jibqgħu abbord mhux iktar milli meħtieġ li jtemmu l-ispezzjonar tagħhom. Ir-raġuni il-għaliex ikunu qabżu l-perjodu taż-żmien tas-soltu għandha titniżżel fir-rapport ta' l-ispezzjoni.

(d) ma jindaħlux fil-kapaċità tal-kaptani tal-bastimenti milli jikkomunikaw ma’ l-awtoritajiet ta' l-Istat tal-bandiera tagħhom matul l-imbark u l-ispezzjonar;

(e) jimmanuvraw f'distanza salvagwardata mill-bastiment tas-sajd bi qbil mar-regoli ta' tbaħħir bis-sens;

(f) jevitaw l-użu tal-forza għajr fejn u safejn u sakemm huwa meħtieġ illi tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom. Meta jkunu qegħdin iwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti tas-sajd, l-ispetturi ma għandhomx iġorru armi tan-nar;

(g) iwettqu l-ispezzjoni tagħhom b'mod illi jikkawża l-inqas xkiel jew inkonvenjenza lill-bastiment, lill-attivitajiet tiegħu u lill-qbid tal-ħut;

(h) ifasslu rapport ta' l-ispezzjonar kif ipprovdut fir-regoli adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2) u jibagħtuh lill-awtoritajiet tagħhom.

2. L-ispetturi għandhom ikunu awtorizzati illi jeżaminaw iż-żoni, il-gverti u l-kmamar kollha rilevanti tal-bastiment tas-sajd, il-qabdiet tal-ħut (sewwa jekk ipproċessati u sewwa jekk le), ix-xbieki u tagħmir ieħor u d-dokumenti kollha rilevanti meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-osservanza mal-miżuri ta' konservazzjoni adottati mill-KSAG u li jagħmlu mistoqsijiet lill-kaptan jew lill-persuna nominata minnu.

3. Huma u jwettqu l-ispezzjonar tagħhom, l-ispetturi jistgħu jitolbu lill-kaptan tal-bastiment għal kull għajnuna illi jistgħu jinħtieġu. Il-kaptan tal-bastiment jista’ jagħmel kummenti dwar ir-rapport ta' l-ispezzjoni, li jrid ikun iffirmat mill-ispetturi meta jtemmu l-ispezzjoni. Għandha tingħata kopja tar-rapport ta' l-ispezzjonar lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-gruppi ta' spetturi għandu jkun fihom mhux iktar minn żewġ spetturi tal-KSAG.

Artikolu 15

L-obbligi tal-kaptani tal-bastimenti tas-sajd matul il-proċedura ta' spezzjonar

Il-kaptan ta' bastiment Komunitarju tas-sajd li jkun qiegħed jiġi mbarkat u spezzjonat għandu::

(a) jiffaċilita l-imbarkar mingħajr perikolu u effettiv;

(b) jikkopera ma’ u jgħin fl-ispezzjonar tal-bastiment tas-sajd magħmul skond il-proċedura preskritta f'dan ir-Regolament, u ma għandux ifixkel, jintimida jew jindaħal fix-xogħol ta' l-ispetturi fit-twettiq ta' dmirijiethom u għandu jiżgura l-protezzjoni tagħhom;

(ċ) jippermetti lill-ispetturi jikkomunikaw ma’ l-awtoritajiet ta' l-Istat tal-bandiera u l-Istat ta' l-ispezzjonar;

(d) jipprovdi aċċess għaż-żoni, gverti, u kmamar rilevanti tal-bastiment, għall-qabdiet tal-ħut (sewwa jekk ipproċessati u sewwa jekk le), għax-xbieki u t-tagħmir l-ieħor u d-dokumenti kollha rilevanti;

(e) jipprovdi lill-ispeturi b’faċilitajiet raġjonevoli, inklużi, fejn xieraq, ikel u akkommodazzjoni meta jibqgħu abbord il-bastiment bi qbil ma’ l-Artikolu 18(3);

(f) jiffaċilitaw l-iżbarkar mingħajr periklu ta' l-ispetturi.

Artikolu 16

Proċedura ta' ksur tal-liġi

1. Fejn l-ispetturi tal-KSAG isibu illi hemm bażijiet ċari sabiex jemmnu illi bastiment tas-sajd inqabad f'attività kuntrarja għall-miżuri ta' konservazzjoni adottati mill-KSAG, għandhom:

(a) jirreġistraw il-kontravvenzjoni fir-rapport tagħhom ta' l-ispezzjoni;

(b) jieħdu l-miżuri kolha meħtieġa sabiex jiżguraw is-sigurtà u l-kontinwità tax-xhieda. Għandha tiġi mwaħħla fis-sod marka ta' identifikazzjoni ma’ kull parti tat-tagħmir tal-bastiment, illi tidher waqt l-ispezzjonar li kienet ġiet użata bi ksur tal-miżuri;

(ċ) jippruvaw immedjatament jikkomunikaw ma’ spettur jew ma’ l-awtoritajiet innominati ta' l-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat;

(d) jittrasmettu r-rapport ta' l-ispezzjonar fil-pront lill-awtoritajiet tagħhom.

2. L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjonar jew, kif xieraq, il-Kummissjoni għandhom jgħarrfu bid-dettalji tal-kontravvenzjoni kommessa mill-bastiment spezzjonat, fejn possibbli matul il-ġurnata tax-xogħol wara l-bidu ta' l-ispezzjonar, lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-Kummissjoni.

3. L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni għandu jibgħat il-kopja oriġinali tar-rapport ta' l-ispezzjonar flimkien mad-dokumenti ta' appoġġ lill-Kummissjoni, illi għandha tibgħathom lill-awtoritajiet xierqa fl-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat b'kopja lis-Segretarjat tal-KSAG.

Artikolu 17

Segwiment tal-każi f'każ ta' kontravvenzjonijiet

1. Fejn Stat Membru jiġi mgħarraf minn Parti Kontraenti oħra jew minn Stat Membru ieħor dwar kontravvenzjoni kommessa minn bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu (l-Istat ta' l-ewwel), dan l-Istat għandu jieħu azzjoni fil-pront skond il-liġijiet nazzjonali tiegħu illi jirċievi u jeżamina x-xhieda u jissokta bl-investigazzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa għalbiex tittieħed azzjoni bħala riżultat tal-kontravvenzjoni u, fejn possibbli, jispezzjona l-bastiment.

2. L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet xierqa maħtura għalbiex jirċievu l-evidenza dwar il-kontravvenzjoni u jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-indirizz tagħhom.

Artikolu 18

Proċedura speċjali fil-każ ta' kontravvenzjonijiet serji

1. Fejn l-ispetturi tal-KSAG jikkunsidraw illi hemm raġunijiet ċari sabiex jemmnu li bastiment tas-sajd ikun ikkommetta kontravvenzjoni serja, għandhom jgħarrfu b'dan lill-Istat tal-bandiera ta' dan il-bastiment, lill awtoritajiet tagħhom infushom, lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-KSAG mingħajr dewmien.

2. Sabiex ma titħassarx ix-xhieda, l-ispetturi għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha sabiex jiżguraw is-sigurtà u l-kontinwità tagħha (ix-xhieda) fil-waqt li jimminimizzaw l-indħil u l-inkonvenzjenza fix-xogħol tal-bastiment.

3. L-ispetturi jistgħu jibqgħu abbord bastiment tas-sajd għall-perjodu taż-żmien meħtieġ sabiex jipprovdu lill-ispettur awtorizzat kif mistħoqq bit-tagħrif rigward il-kontravvenzjoni jew sakemm jirċievu tweġiba mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment fejn jitlobhom li jitilqu minn fuq il-bastiment.

4. L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjonar għandu jieħu deċiżjoni, bil-kunsens ta' l-Istat tal-bandiera tal-bastiment, dwar jekk l-ispettur jibqax abbord matul il-bidla tal-korsa għal fuq triq oħra tal-bastiment. L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjonar għandu jiddeċidi wkoll jekk spettur tal-KSAG għandux ikun preżenti matul-l-ispezzjonar bl-ikbar reqqa tal-bastiment fil-port. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni fil-pront dwar id-deċiżjonijiet li jkun ħa bi qbil ma’ dan il-paragrafu.

Artikolu 19

Segwiment tal-każi fil-każ ta' kontravvenzjonijiet serji

1. Fejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru tal-bandiera ta' bastiment jirċievi tagħrif minn spettur tal-KSAG illi ġie suspettat li sar ksur serju (tal-liġi) minn bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu (l-Istat) jew fejn il-Kummissjoni tirċievi tagħrif minn dan, l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lil xulxin b'dan mingħajr dewmien.

2. Wara li jirċievi t-tagħrif kif ipprovdut fil-paragrafu l, l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment għandu jiżgura illi l-bastiment jiġi spezzjonat fi żmien 72 siegħa min spettur awtorizzat kif mistħoqq.

3. L-ispettur awtorizzat kif mistħoqq għandu jimbarka l-bastiment involut u jeżamina x-xhieda tal-kontravvenzjoni suspettata, stabbilita minn spettur tal-KSAG, u jibgħat fis kemm jista’ jkun lill awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment u lill-Kummissjoni ir-riżultati ta' dan l-eżami.

4. Wara n-notifika tar-riżultati u fejn il-kontravvenzjoni suspettata hija wada serja, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat għandu huwa nnifsu, jekk is-sitwazzjoni hekk tirrikjedi, fi żmien 24 siegħa, jeħtieġ jew jawtorizza lill-ispettur awtorizzat kif mistħoqq sabiex jordna lill-bastiment jipproċedi lejn port nominat.

Fejn bastiment jiġi ordat jibdel il-korsa, l-ispettur awtorizzat kif mistħoqq għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiżgura s-sigurtà u l-kontinwità tax-xhieda.

5. Mal-wasla fil-port innominat, il-bastiment suspettat li kkommetta kontravvenzjoni għandu jgħaddi minn spezzjoni bl-ikbar reqqa taħt l-awtorità ta' l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment u fil-preżenza ta' spettur tal-KSAG minn xi Parti Kontraenti oħra illi tixtieq li tipparteċipa.

L-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment għandu jgħarraf lill-Kummissjoni fil-pront bir-riżultat ta' l-ispezzjonar bl-ikbar reqqa u l-miżuri li jkun ħa bħala riżutltat tal-kontravvenzjoni.

6. Fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tal-bandiera ta' bastiment ma teħtieġx illi l-bastimnt idawwar ir-rotta tiegħu lejn port, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-Segretarjat tal-KSAG fil-waqt opportun b'din id-deċiżjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha.

7. Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 20

Trattament tar-rapporti ta' spezzjonar

1. L-Istati Membri għandhom jittrattaw ir-rapporti mfassla mill-ispetturi tal-KSAG ta' Partijiet oħra Kontraenti u ta' Stati Membri oħra fuq l-istess bażi bħar-rapporti mill-ispetturi tagħhom stess.

2. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Partijiet Kontraenti rilevanti sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri ġudizzjarji jew oħrajn skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, li joħorġu minn rapport sottomess minn spettur taħt l-Iskema.

Artikolu 21

Rapporti dwar ksur tal-liġijiet

1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sal-15 ta' Settembru ta' kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel rapport li jkun fih tagħrif dwar il-progress tal-proċeduri (legali) li jkollhom x’jaqsmu ma’ kontravvenzjonijiet innotifikati tal-miżuri tal-konservazzjoni tal-KSAG. Kull sena għandha tiġi tinżamm lista tal-ksur tal-liġijiet sakemm tittieħed deċiżjoni finali bi qbil mad-disposizzjonijiet rilevanti tal-liġijiet nazzjonali.

2. Ir-rapport għandu jkun fih id-dettalji tal-progress tal-proċeduri legali (p.e. il-każ pendenti, fuq appell, fuq investigazzjoni, eċċ.), deskrizzjoni speċifikata tal-multi jew il-penalitajiet (jiġifieri, l-ammont tal-multi, il-valur tal-ħut u/jew tagħmir li s-sidien ikunu tilfu d-dritt fuqhom, it-twissijiet bil-miktub, eċċ.) u jinkludi spjega jekk ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni.

Artikolu 22

Ir-rappurtaġġ dwar l-attivitajiet ta' l-ispezzjonijiet

Kull Stat Membru għandu jirrapporta lill-Kummissjoni sal-15 ta' Settembru ta' kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel dwar:

(a) in-numru ta' spezzjonijiet imwettqa minnu (l-Istat) skond l-Iskema fejn jiġi speċifikat in-numru ta' spezzjonijiet fuq il-bastimenti ta' kull Parti Kontraenti u, fejn tkun saret kontravvenzjoni, id-data u l-post ta' l-ispezzjonar tal-bastiment involut u n-natura tal-ksur suspettat tal-liġi;

(b) in-numru ta' sigħat fl-ajru mtajra fuq sorveljanza tal-KSAG, in-numru ta' dehriet/kixfiet ta' bastimenti u n-numru tar-rapporti ta' sorveljanza mfassla flimkien ma’ l-azzjoni tas-segwiment li tkun ittieħdet fuq ir-rapporti.

TITOLU II

L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM SABIEX TIPPROMOVI L-OSSERVANZA MILL-PARTIJIET MHUX KONTRAENTI

Artikolu 23

It-trasmissjoni tar-rapporti tad-dehriet/kixfiet ta' bastimenti

1. Meta jirċievi rapport ta' dehra/kixfa ta' bastiment ta' Parti Mhux Kontraenti minn wieħed mill-ispetturi tiegħu mal-KSAG, l-Istat Membru interessat għandu jibgħat dan it-tagħrif mingħajr dewmien lis-Segretarjat tal-KSAG u lill-Kummissjoni, u fejn possibbli, lill-bastiment, fejn jinfurmah illi t-tagħrif ikun sejjer jintbagħat lill-Istat tal-bandiera tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kollha fil-pront b'kull rapport ta' dehra/kixfa illi tirċievi billi tinnotifika dwarhom lis-Segretarjat tal-KSAG jew lil Parti Kontraenti oħra.

Artikolu 24

Trasbord

Il-bastimenti Komunitarji tas-sajd għandhom ikunu pprojbiti milli jirċievu trasbordijiet ta' ħut minn fuq bastimenti ta' Partijiet Mhux Kontraenti.

Artikolu 25

Il-monitoraġġ/l-ispezzjonar ta' l-attivitajiet tas-sajd ta' bastimenti ta' Partijiet Mhux Kontraenti

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull wieħed mill-bastimenti ta' Parti Mhux Kontraenti, illi jidħol ġewwa port nominat skond it-tifsira ta' l-Artikolu 28(e)(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, jiġi spezzjonat mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu. Sakemm itemm dan l-ispezzjonar, għandu jkun ipprojbit it-tniżżil l-art u/jew it-trasbord tal-qabdiet tal-ħut fuq dan il-bastiment.

2. Jekk, mat-tmiem ta' l-ispezzjonar, l-awtoritajiet kompetenti jsibu illi l-bastiment tal-Parti Mhux Kontraenti qiegħed iġorr abbord riżorsi illi huma soġġetti għal rakkommandazzjoni tal-KSAG li jkunu ġew mibdulu f'liġi tal-Komunità, l-Istat Membru interessat għandu jipprojbixxi t-tniżżil l-art u/jew it-trasbord ta' dawn ir-riżorsi.

3. Madankollu, ma għandha tapplika l-ebda projbizzjoni jekk il-kaptan tal-bastiment spezzjonat jew ir-rappreżentant tiegħu jistabbilixxu għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru interessat illi:

(a) il-qabda tal-ħut miżmuma abbord kienet inqabdet ’l barra miż-Żona Regolatorja, jew

(b) il-qabda tal-ħut miżmuma abbord saret b'mod konformi mal-miżuri Komunitarji ta' konservazzjoni.

Artikolu 26

Segwiment ta' l-ispezzjonijiet

1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni immedjatament bir-riżultati ta' kull spezzjonar u, fejn xieraq, b'kull projbizzjoni ta' tniżżil l-art u/jew trasbord ta' ħut imposti bħala riżultat ta' l-ispezzjonar.

2. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti dan t-tagħrif fil-pront lis-Segretarjat tal-KSAG u malajr kemm jista’ jkun lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat.

TITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27

Kunfidenzjalità

B'żieda ma’ l-obbligi preskritti fl-Artikolu 37 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkonformaw mar-regoli ta' kunfidenzalità adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 28

Ir-regoli meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament rigward l-Artikoli 2(3), 4(3), 5(3), 6(5), 7(3), 8, 11 (5) u (6), 12(1), 13 (1), 14(1)(h), 19(7) u 27 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura tal-ġestjoni preskritta fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 29

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat ta' Ġestjoni tas-Sajd u l-Akkwakultura (minn issa ’l quddiem irriferit bħala "il-Kumitat").

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-perjodu taż-żmien irriferit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Id-disposizzjonijiet irriferiti fl-Artikoli 6(2) u (3), 8, 10 u 11 għandhom jibqgħu fis-seħħ buq bażi ad hoc sal-31 ta' Diċembru 2000. Mhux iktar tard mit-30 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni għandha tissottometti l-proposti kollha xierqa sabiex jiġi pprovdut reġim definittiv. Il-Kunsill, huwa u jaġixxi skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 37 tat-Trattat, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

K. Hemilä

[1] Opinjoni mogħtija fil-15 ta' Diċembru 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 227, tat-12.8.1981, pġ. 21.

[3] ĠU L 261, ta' l-20.10.1993, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2846/98 ĠU L 358, tal-31.12.1998, pġ. 5.

[4] ĠU L 184, tal-17.7.1999, pġ. 23.

[5] Bħala arranġament ad hoc għas-sena 2000 biss.

[6] Bħala arranġament ad hoc għas-sena 2000 biss.

[7] Bħala arranġament ad hoc għas-sena 2000 biss.

[8] Bħala arranġament ad hoc għas-sena 2000 biss.

--------------------------------------------------

ANNESS

RIŻORSI REGOLATI

STOKK | Żona ġeografika/żona ICES |

(Isem komuni) | (Isem xjentifiku) |

Redfish | Sebastes mentella | V, XII, XIV |

Aringa Norveġiza li tbid fir Rebbiegħa (Atlanto-Skandinava) | Clupea harengus | I, II |

Merluzz | Micromessistius poutassou | IIa, IVa, Vb, VII, XII, XIV |

Kavall | Scomber scombrus | IIa, IVa, Vb, VI, VII, XII, XIV |

--------------------------------------------------

Top