This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31997L0080
Council Directive 97/80/EC of 15 December 1997 on the burden of proof in cases of discrimination based on sex
Id-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova f'każijiet ta' diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess
Id-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova f'każijiet ta' diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess
ĠU L 14, 20.1.1998, p. 6–8
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
No longer in force, Date of end of validity: 14/08/2009; Imħassar b' 32006L0054
Official Journal L 014 , 20/01/1998 P. 0006 - 0008
Id-direttiva tal-kunsill 97/80/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova f'każijiet ta' diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-politika soċjali anness mal-Protokoll (Nru 14) dwar il-politika soċjali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Waqt li jaġixxi, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat, f'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [3], (1) Billi, fuq il-bażi tal-Protokoll dwar il-politika soċjali anness mat-Trattat, l-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "l-Istati Membri"), waqt li jixtiequ jimplementaw il-Karta Soċjali ta' l-1989, ikkonkludew Ftehim dwar il-politika soċjali; (2) Billi l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema tirrikonoxxi l-importanza li tiġġieled kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess, kulur, razza, opinjonijiet u twemmin; (3) Billi l-paragrafu 16 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema dwar it-trattament ugwali għall-irgiel u n-nisa, tipprovdi, inter alia, li l-azzjoni għandha tiġi intensifikata biex tassigura l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza għalirġiel u nisa fir-rigward, b'mod partikolari, ta' aċċess għall-impjieg, remunerazzjoni, kondizzjonijiet tax-xogħol, protezzjoni soċjali, edukazzjoni, formazzjoni professjonali u żvilupp fil-karriera; (4) Billi, skond l-Artikolu 3(2) tal Ftehim dwar il-politika soċjali, il-Kummissjoni kkonsultat ma' l-amministrazzjoni u x-xogħol f'livell Komunitarju dwar id-direzzjoni possibli ta' azzjoni Komunitarja fuq il-piż tal-prova f' każijiet ta' diskriminazzjoni bbażata fuq sess; (5) Billi l-Kummissjoni, waqt li tirrakkomanda l-azzjoni Komunitarja wara din il-konsultazzjoni, għal darba oħra kkonsultat ma' l-amministrazzjoni u l-ħaddiema dwar il-kontenut tal-proposta kkontemplata skond l-Artikolu 3(3) ta' l-istess Ftehim; billi ta' l-aħħar bagħtu l-opinjonijiet taghħom lill-Kummissjoni; (6) Billi, wara t-tieni konsultazzjoni, la l-amministrazzjoni u lanqas ix-xogħol ma infurmaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew il-proċess — li possibilment iwassal għall-ftehim — previst fl-Artikolu 4 ta' l-istess Ftehim; (7) Billi, skond l-Artikolu 1 tal-Ftehim, il-Komunità u l-Istati Membri qiegħdu bħala l-objettiv tagħhom, interalia, it-titjib fil-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol; billi implementazzjoni effettiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal irġiel u nisa kienet tikkontribwixxi biex tintlaħaq dik il-mira; (8) Billi l-prinċipju ta' trattament ugwali ġie ddikjarat fl-Artikolu 119 tat-Trattat, fid-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE ta' l-10 ta' Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet ta' l-Istati Membri relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa [4] u fid-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa fir-rigward ta' aċċess għall-impjieg, formazzjoni professjonali u promozzjoni u kondizzjonijiet tax-xogħol [5]; (9) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE ta' 19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkuraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol għall-ħaddiema inċinti u ħaddiema li welldu riċentement jew qegħdin ireddgħu [6] ukoll tikkontribwixxi għall-implementazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa; billi dik id-Direttiva m'għandhiex tkun għad-detriment tad-Direttivi imsemmija qabel dwar it-trattament ugwali; billi, għallhekk, ħaddiema nisa koperti b'dik id-Direttiva għandhom bl-istess mod jibbenefikaw mill-adattament tar-regoli fuq il-piż tal-prova; (10) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas dwar leave tal-ġenituri konkluż mill-UKIIEE, ĊEIPP u l-KETU [7], huwa wkoll ibbażat fuq il-prinċipju tat-trattament ugwali għal irgiel u nisa; (11) Billi ir-referenzi għall-"proċess ġudizzjarju" u "qorti" jkopru mekkaniżmi li permezz tagħhom jistgħu jiġu sottomessi kwistjonijiet għall-kontroll u d-deċiżjoni lill-korpi indipendenti li jistgħu jgħaddu deċiżjonijiet li jorbtu fuq il-partijiet għal dawk id-disputazzjonijiet; (12) Billi l-espressjoni "proċeduri barra mill-qorti" tfisser b'mod partikolari proċeduri bħall-konċiljazzjoni u l-medjazzjoni; (13) Billi l-apprezzament tal-fatti li minnhom jista' jiġi presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa kwistjoni għal korpi nazzjonali kompetenti ġudizzjarja jew oħrajn, skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali; (14) Billi huma l-Istati Membri li għandhom jintroduċu, f'kull stadju approprjat tal-proċeduri, regoli ta' prova li huma aktar favorevoli għall-atturi; (15) Billi huwa neċessarju li tittieħed konsiderazzjoni tal-fatturi speċifiċi ta' ċerti sistemi legali ta' l-Istati Membri, interalia meta titfassal inferenza ta' diskriminazzjoni jekk il-konvenut jonqos milli jipproduċi prova li tissodisfa l-qorti jew l-awtorità kompetenti oħra li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali; (16) Billi l-Istati Membri m'għandhomx japplikaw il-piż tal-prova għall-proċeduri fejn hija l-qorti jew korp kompetenti ieħor li għandhom jinvestigaw il-fatti tal-każ; billi l-proċeduri hekk imsemmija huma dawk fejn l-attur mhuwiex meħtieġ jipprova l-fatti, li l-qorti jew il-korp kompetenti għandhom jinvestigaw; (17) Billi l-atturi jistgħu jiġu mċaħħda minn kull mezz effettiv biex jidħol fis-seħħ il-prinċipju tat-trattament ugwali quddiem il-qrati nazzjonali jekk l-effetti ta' l-introduzzjoni ta' prova ta' diskriminazzjoni apparenti kienu li ma jiġix impost fuq il-konvenut il-piż tal-prova li l-prattika tiegħu mhijiex infatti diskriminatorja; (18) Billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għalhekk sostniet li r-regoli dwar il-piż tal-prova għandhom jiġu addattati meta jkun hemm każ primafacie ta' diskriminazzjoni u li, biex il-prinċipju tat-trattament ugwali jiġi applikat effettivament, il-piż tal-prova għandu jmur lura għall-konvenut meta tinġieb evidenza ta' din id-diskriminazzjoni; (19) Billi huwa iktar diffiċli li wieħed jipprova d-diskriminazzjoni meta tkun indiretta; billi huwa għalhekk importanti li tiġi definita diskriminazzjoni indiretta; (20) Billi il-mira li r-regoli fuq il-piż tal-prova jiġu adegwatament addattati ma ntlaħqitx b'mod sodisfaċenti fl-Istati Membri kollha u, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà dikjarat fl-Artikolu 3b tat-Trattat u skond dak tal-proporzjonalità, dik il-mira għanda tintlaħaq fil-livell Komunitarju; billi din id-Direttiva tillimita ruħha għall-azzjoni minima meħtieġa u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju għal dak l-iskop, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 L-Iskop L-iskop ta' din id-Direttiva għandu jkun biex jiġi assigurat li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jsiru aktar effettivi, sabiex il-persuni kollha li jikkunsidraw lilhom infushom trattati ħażin minħabba li l-prinċipju tat-trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom ikun jista' jkollhom id-drittijiet tagħhom iddikjarati mill-proċess ġudizzjarju wara rikors possibbli għal korpi kompetenti oħrajn. L-Artikolu 2 Definizzjonijiet 1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttivà, il-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jfisser li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni affattu bbażata fuq sess, kemm direttament jew indirettament. 2. Għall-iskopijiet tal-prinċipju tat-trattament ugwali imsemmi fil-paragrafu 1, diskriminazzjoni indiretta għandha teżisti meta disposizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali jiżvantaġġaw proporzjon sostanzjalment ogħla tal-membri ta' sess wieħed ħlief jekk dik id-disposizzjoni, kriterju jew prattika hija approprjata u neċessarja u tista tiġi ġustifikata minn fatturi oġġettivi li mhumiex relatati mas-sess. L-Artikolu 3 L-Iskop 1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal: (a) sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 119 tat-Trattat u mid-Direttivi 75/117/KEE, 76/207/KEE u, safejn hija kkonċernata d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, 92/85/KEE u 96/34/KE; (b) kull proċedura ċivili jew amministrattiva li tikkonċerna s-settur pubbliku jew privati li jipprovdi għal mezz ta' korrezzjoni taħt il-liġi nazzjonali skond il-miżuri msemmija f'(a) bl-eċċezzjoni ta' proċeduri barra mill qorti ta' natura volontarja jew li jkun hemm ipprovdut għalihom fil-liġi nazzjonali. 2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal proċeduri kriminali, ħlief jekk provdut xort'oħra mill-Istati Membri. L-Artikolu 4 Il-piż tal-prova 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw ruħhom ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju tat-trattament ugwali ma ġiex applikat lilhom jistabilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti, fatti li minnhom jista' jiġi presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali. 2. Id-Direttiva m'għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta' prova li huma aktar favorevoli għall-atturi. 3. L-Istati Membri m'għandhomx japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri meta hija il-qorti jew il-korp kompetenti li għandhom jinvestigaw il-fatti tal-każ. L-Artikolu 5 Informazzjoni L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-mizuri meħuda skond din id-Direttiva, flimkien mad-disposizzjonijiet digà fis-seħħ, jinġiebu għall-attenzjoni tal-persuni kollha kkonċernati permezz tal-proċeduri approprjati kollha. L-Artikolu 6 Non-rigressjoni L-implementazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandha taħt l-ebda ċirkustanza tkun ta' bażi suffiċjenti għal tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma li tapplika għalihom, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jwieġbu għal bidliet fis-sitwazzjoni billi jintroduċu liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jvarjaw minn dawk fis-seħħ man-notifika ta' din id-Direttiva, sakemm il-ħtiġiet minimi ta' din id-Direttiva jiġu rispettati. L-Artikolu 7 L-Implimentazzjoni L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex huma jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Jannar 2001. Huma għandhom immedjatament jinformaw lill-Kummissjoni bihom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi biex isiru dawn ir-referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, l-informazzjoni kollha neċessarja biex il-Kummissjoni tfassal rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. L-Artikolu 8 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' Diċembru 1997. Għall-Kunsill Il-President J.-C. Juncker [1] ĠU C 332, tas-7.11.1996, p. 11 u ĠU C 185, tat-18.6.1997, p. 21. [2] ĠU C 133, tat-28.4.1997, p. 34. [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta'April 1997 (ĠU C 132, tat-28.4.1997, p. 215), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' 24 ta' Lulju 1997 (ĠU C 307, tat-8.10.1997, p. 6) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Novembru 1997 (ĠU C 358, ta' l-24.11.1997). [4] ĠU L 45, tad-19.2.1975, p. 19. [5] ĠU L 39, ta' l-14.2.1976, p. 40. [6] ĠU L 348, tat-28.11.1992, p. 1. [7] ĠU L 145, tad-19.6.1996, p. 4. --------------------------------------------------