Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995L0036

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 95/36/KE ta’ l-14 ta’ Lulju 1995 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjantiTest b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 172, 22.7.1995, p. 8–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1995/36/oj

    31995L0036



    Official Journal L 172 , 22/07/1995 P. 0008 - 0020


    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 95/36/KE

    ta’ l-14 ta’ Lulju 1995

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 95/35/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tagħha,

    Billi l-Annessi II u II mad-Direttiva 91/414/KEE jipprovdu l-ħtiġiet għad-dossier li jrid jiġi ssottomess mill-applikanti rispettivament sabiex tkun inkluża sustanza attiva fl-Anness I u sabiex jiġi awtorizzat prodott għall-protezzjoni tal-pjanti;

    Billi huwa meħtieġ illi, fl-Annessi II u III mad-Direttiva 91/414/KEE, l-applikanti jkollhom indikazzjoni preċiża kemm jista’ jkun ta’ kull dettal dwar it-tagħrif meħtieġ, bħalma huma ċ-ċirkostanzi, il-kondizzjonijiet u protokolli tekniċi li taħthom għandha tiġi ġġenerata ċerta informazzjoni; billi dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiġu introdotti malli jkunu disponibbli sabiex jippermettu lill-applikanti li jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom fit-tħejjija tal-files tagħhom;

    Billi huwa possibbli illi issa tiġi introdotta aktar preċiżjoni rigward il-ħtiġiet ta’ l-informazzjoni dwar id-destin l-imġiba fl-ambjent tas-sustanza attiva pprovduta fit-Taqsima 7 tal-Parti A fl-Anness II;

    Billi huwa possibbli wkoll illi issa tiġi introdotta aktar preċiżjoni rigward il-ħtiġiet ta’ l-informazzjoni dwar id-destin u l-imġiba fl-ambjent tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti pprovduta fit-Taqsima 9 tal-Parti A fl-Anness III;

    Billi li l-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 91/414/KEE hija emendata kif ġej:

    1. fil-Parti A ta’ l-Anness II, it-Taqsima intestata "7. Id-Destin u l-imġiba fl-ambjent" tiġi mibdula bl-Anness I ma’ hawn;

    2. fil-Parti A ta’ l-Anness III, it-Taqsima intestata "9. Id-destin u l-imġiba fl-ambjent" tiġi mibdula bl-Anness II ma’ hawn.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, mhux aktar tard mit-30 ta’ April 1996. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza filwaqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fl-14 ta’ Lulju 1995.

    Għall-Kummissjoni

    Ritt Bjerregaard

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 230, 29.2.1980, p. 1.

    [2] Ara l-paġna 6 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    --------------------------------------------------

    ANNESS I

    "7. ID-DESTIN U L-IMĠIBA FL-AMBJENT

    Daħla

    (i) It-tagħrif ipprovdut, meħud flimkien ma’ dak għal tħejjija jew aktar li jkun fihom is-sustanza attiva, iridu jkunu biżżejjed sabiex jippermettu stima tad-destin u l-imġiba tas-sustanza attiva fl-ambjent, u ta’ l-ispeċi mhux fil-mira li x’aktarx ikunu fir-riskju ta’ espożizzjoni għas-sustanza attiva, tal-prodotti tagħha tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni, fejn ikunu ta’ sinifikat tossikoloġiku jew ambjentali.

    (ii) B’mod partikolari, t-tagħrif ipprovdut għas-sustanza attiva, flimkien mat-tagħrif l-ieħor rilevanti, u dak ipprovdut għal tħejjija jew aktar li jkun fihom lilha, għandhom ikunu biżżejjed għalbiex:

    - jiġi deċiż jekk is-sustanza attiva għandhiex tkun inkluża fl-Anness I, jew le,

    - jiġu speċifikati l-kondizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li jridu jkunu assoċjati ma’ kull inklużjoni fl-Anness I,

    - jikklassifikaw is-sustanza attiva rigward il-periklu;

    - jiġu speċifikati s-simboli tal-periklu, l-indikazzjonijiet tal-periklu, u l-frażijiet rilevanti tar-risku tas-siġurtà għall-protezzjoni ta’ l-ambjent, li jridu jiġu inklużi fuq il-pakkeġġjar (il-kontenituri),

    - jiġu mbassra d-distribuzzjoni, id-destin, u l-imġiba fl-ambjent tas-sustanza attiva u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni kif ukoll il-korsi taż-żmien involuti,

    - jiġu identifikati l-ispeċi mhux fil-mira u l-popolazzjonijit li għalihom jinħolqu l-perikli minħabba l-espożizzjoni potenzjali u

    - jiġu identifikati l-miżuri meħtieġa sabiex jimminimizzaw il-kontaminazzjoni ta’ l-ambjent u l-impatt fuq l-ispeċi mhux fil-mira.

    (iii) Trid tiġi pprovduta deskrizzjoni (speċifikazzjoni) ddettaljata tal-materjal użat, kif ipprovdut fil-punt 11 tat-Taqsima 1. Fejn it-testijiet isiru bl-użu tas-sustanza attiva, il-materjal użat għandu jkun ta’ dik l-ispeċifikazzjoni li tkun trid tintuża fil-fabbrikazzjoni tat-tħejjijiet li jridu jiġu awtorizzati għajr fejn jiġi użat materjal ittikkettjat bir-radjo.

    Fejn jiġu kondotti studji li jużaw is-sustanza attiva prodotta fil-laboratorju jew f’sistema pilota tal-produzzjoni f’impjant, l-istudji jridu jiġu mtennija bl-użu tas-sustanza attiva kif iffabbrikata, għajr jekk jiġi ġġustifikat illi l-materjal tat-test użat huwa essenzjalment l-istess għall-użi tat-testijiet u l-istima ta’ l-ambjent.

    (iv) Fejn jintuża materjal tat-test ittikkettjat bir-radjo, it-tikketti bir-radjo għandhom ikunu mqiegħda f’postijiet ippożizzjonati (wieħed jew aktar skond il-ħtieġa), sabiex jiffaċilitaw l-eludiċidazzjoni tal-mogħdijiet metaboliċi u degradattivi u sabiex jiffaċilitaw l-investigazzjoni dwar id-distribuzzjoni tas-sustanza attiva u tal-prodotti tagħha tal-metaboliti, tar-reazzjoni u tad-degradazzjoni fl-ambjent.

    (v) Jista’ jkun meħtieġ illi jiġu kondotti studji sseparati għall-prodotti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni, fejn dawn il-prodotti jistgħu jikkostitwixxu riskju rilevanti għall-organiżmi mhux fil-mira jew għall-kwalità ta’ l-ilma, tal-ħamrija, u ta’ l-arja u fejn l-effetti tagħhom ma jistgħux jiġu evalwati bir-riżultati disponibbli dwar is-sustanza attiva. Qabel ma jitwettqu dawn l-istudji għandu jitqies it-tagħrif mit-Taqsimiet 5 u 6.

    (vi) Fejn rilevanti, għandhom jiġu mfassla t-testijiet u l-informazzjoni għandha tiġi analizzata bl-użu tal-metodi approprjati ta’ l-istatistika.

    Għandhom jiġu rraportati d-dettalji sħaħ ta’ l-analiżi statistika (p.e. kull stima tal-punti għandha tingħata b’intervalli taż-żmien ta’ kunfidenza, għandhom jingħataw il-valuri-p eżatti aktar milli jiġu ddikjarati sinifikanti/mhux sinifikanti).

    7.1. Id-destin u l-imġiba fil-ħamrija

    Kull tagħrif rilevanti dwar it-tip u l-proprjetajiet tal-ħamrija użata fl-istudji, inklużi l-pH, il-kontenut tal-karbonju organiku, il-kapaċità ta’ l-iskambju katjoniku, id-distribuzzjoni tad-daqs tal-partikola u l-kapaċità ta’ żamma ta’ l-ilma fi pF = 0 u pF = 2,5 iridu jiġu rraportati bi qbil ma’ l-ISO rilevanti u standards internazzjonali oħra.

    Il-bijomassa mikrobika tat-tipi tal-ħamrija użati għall-istudji tad-degradazzjoni fil-laboratorju għandha tiġi stabbilita eżattament qabel il-bidu u t-tmiem ta’ l-istudju.

    Huwa rrakomandat li jiġu użati kemm jista’ jkun possibbli l-istess tipi ta’ ħamrija matul l-istudji kollha tal-ħamrija fil-laboratorju.

    It-tipi tal-ħamrija użati għall-istudju tad-degradazzjoni jew tal-mobbiltà għandhom jiġu magħżula hekk illi jkunu rappreżentattivi tat-tipi differenti tal-ħamrija fir-reġjuni varji tal-Komunità fejn jeżistu jew jiġi antiċipat l-użu u jrid ikun hekk illi:

    - ikopru firxa tal-kontenut tal-karbonju organiku, id-distribuzzjoni tad-daqs tal-partikoli u l-valuri pH; u

    - fejn fuq il-bażi ta’ tagħrif ieħor, id-degradazzjoni jew il-mobbiltà jkunu mistennija li jkunu dipendenti fuq il-pH (p.e. ir-rata tas-solubbiltà u l-idrolisi – il-paragrafi 2.7 u 2.8), ikopru l-firxiet tal-pH li ġejjin:

    - 4,5 u 5,5

    - 6 u 7, u

    - 8 (bejn wieħed u ieħor).

    Kull fejn hu possibbli, il-kampjuni tal-ħamrija użati jridu jkunu meħuda friski. Jekk ma jkunx jista’ jiġi evitat l-użu ta’ ħamrija maħżuna, il-ħażna għandha tkun ġiet imwettqa kif xieraq għal żmien limitat skond kondizzjonijiet definiti u rraportati. Tipi ta’ ħamrija maħżuna għal perjodi twal taż-żmien jistgħu jintużaw biss għall-istudji ta’ l-assorbiment/desorbiment.

    Il-ħamrija magħżula sabiex jinbeda l-istudju ma għandux ikollha karatteristiċi estremi rigward il-parametri bħalma huma d-distribuzzjoni tad-daqs tal-partikoli, il-kontenut tal-karbonju organku u l-pH.

    It-tipi tal-ħamrija għandhom jiġu miġbura u mqandla bi qbil ma’ l-ISO 10381-6 (il-Kwalità tal-ħamrija – il-Ġbir tal-Kampjuni – il-Gwida dwar il-ġbir, it-tqandil u l-ħażna tal-ħamrija għall-istima tal-proċessi mikrobiċi fil-laboratorju). Kull devjazzjoni trid tiġi rrapurtata u ġġustifikata.

    L-istudji fuq il-post għandhom jitwettqu f’kondizzjonijiet qrib il-prattika agrikola normali kemm jista’ jkun fuq firxa ta’ tipi ta’ ħamrija u kondizzjonijiet klimatiċi rappreżentattivi ta’ l-erja/i ta’ l-użu. Għandhom jiġu rrappurtati l-kondizzjonijiet tat-temp fil-każijiet fejn jiġu kondotti l-istudji fuq il-post.

    7.1.1. Ir-rotta u r-rata tad-degradazzjoni

    7.1.1.1. Ir-rotta tad-degradazzjoni:

    L-għan tat-testijiet

    L-informazzzjoni u t-tagħrif ipprovduti, flimkien ma’ l-informazzjoni l-oħra u t-tagħrif l-ieħor rilevanti, għandhom ikunu biżżejjed sabiex:

    - jidentifikaw, fejn jista’ jsir, l-importanza relattiva tat-tipi tal-proċessi involuti (il-bilanċ bejn id-degradazzjoni kimika u dik bijoloġika),

    - jidentifikaw il-komponenti individwali preżenti li f’kull ħin jgħoddu għal aktar minn 10 % ta’ l-ammont tas-sustanza attiva miżjuda, inklużi, fejn jista’ jsir, il-fdalijiet li ma jistgħux jiġu estratti,

    - jidentifikaw fejn ikun possibbli l-komponenti individwali preżenti wkoll li jgħoddu għall-inqas għal 10 % ta’ l-ammont tas-sustanza attiva miżjuda,

    - jistabbilixxu l-proporzjonijiet relattivi tal-komponenti preżenti (il-bilanċ tal-massa), u

    - jippermettu li jiġu ddefiniti l-fdalijiet tal-ħamrija ta’ interess u li għalihom jiġu jew jistgħu jiġu esposti speċi mhux fil-mira.

    Fejn issir referenza għall-fdalijiet li ma jistgħux jiġu estratti, dawn jiġu ddefiniti bħala speċi kimiċi li joriġinaw minn pestiċidi użati skond prattika tajba tal-biedja li ma jistgħux jiġu maqlugħa b’metodi li ma jbiddlux b’mod sinifikanti n-natura kimika ta’ dawn il-fdalijiet. Dawn il-fdalijiet li ma jistgħux jiġu estratti ma jitqiesux li jinkludu frak permezz tal-mogħdijiet metaboliċi li jwasslu għal prodotti naturali.

    7.1.1.1.1. Id-degradazzjoni erobika

    Iċ-ċirkostanzi li fihom tkun meħtieġa

    Il-mogħdija jew il-mogħdijiet tad-degradazzjoni jridu jiġu rrappurtati dejjem għajr fejn in-natura u l-manjiera ta’ l-użu tat-tħejjijiet li jkun fihom is-sustanza attiva, jipprekludu l-kontaminazzjoni tal-ħamrija bħalma huma l-użi fuq prodotti maħżuna jew it-trattamenti tal-fejqan tal-ġrieħi għas-siġar.

    Il-kondizzjonijiet tat-testijiet

    Il-mogħdija jew il-mogħdijiet tad-degradazzjoni iridu jiġu rraportati għal tip wieħed ta’ ħamrija.

    Ir-riżultati miksuba jridu jiġu ppreżentati fil-għamla ta’ tpinġijiet skematiċi li juru l-mogħdijiet involuti, u fil-għamla ta’ karti tal-bilanċ li juru d-distribuzzjoni tat-tikkettjar bir-radjo bħala funzjoni taż-żmien, ta’ bejn:

    - is-sustanza attiva,

    - is-CO2,

    - il-komposti volatili għajr is-CO2,

    - il-prodotti tat-trasformazzjoni identifikati individwalment,

    - is-sustanzi li jistgħu jiġu estratti mhux identifikati, u

    - il-fdalijiet li ma jistgħux jiġu estratti fil-ħamrija.

    L-investigazzjoni tal-mogħdijiet tad-degradazzjoni trid tinkludi l-passi kollha prattikabbli sabiex jikkaratterizzaw u jikkwantifikaw il-fdalijiet li ma jistgħux jiġu estratti ffurmati wara 100 jum meta jaqbżu s-70 % tad-doża applikata tas-sustanza attiva. Il-metodi tat-teknika u l-metodoloġiji applikati jintgħażlu l-aħjar fuq il-bażi ta’ każ b’każ. Trid tiġi pprovduta ġustifikazzjoni fejn il-komposti involuti mhumiex ikkaratterizzati.

    It-tul taż-żmien ta’ l-istudju huwa normalment ta’ 120 jum, għajr fejn wara perjodu iqsar taż-żmien il-livelli tal-fdalijiet li ma jistgħux jiġu estratti u s-CO2 huma hekk illi jistgħu jiġu estrapolati f’mod ta’ min joqgħod fuqu għal 100 jum.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri sabiex jiġu stmati d-destin ta’ l-ambjent u l-ekotossiċità tal-pestiċidi [1].

    7.1.1.1.2. L-istudji supplimentari

    - Id-degradazzjoni anerobika

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Irid jiġi rraportat studju tad-degradazzjoni anerobika għajr jekk jista’ jiġi ġġustifikat illi x’aktarx ma tiġrix l-espożizzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva f’kondizzjonijiet anerobiċi.

    Il-kondizzjonijiet tat-testijiet u l-linja gwida tat-test

    Japplikaw l-istess disposizzjonijiet kif ipprovdut fil-paragrafu korrispondenti tal-punt 7.1.1.1.1.

    - Il-fotoliżi tal-ħamrija

    Iċ-ċirkostanzi li fihom tkun meħtieġa

    Irid jiġi rraportat studju tal-fotoliżi tal-ħamrija għajr jekk jista’ jiġi ġġustifikat illi x’aktarx ma tiġrix id-deposizzjoni tas-sustanza attiva fil-wiċċ tal-ħamrija.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri għalbiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    7.1.1.2. Ir-rata tad-degradazzjoni

    7.1.1.2.1. L-istudji fil-laboratorju

    L-għan tat-test

    L-istudji tad-degradazzjoni tal-ħamrija għandhom jipprovdu l-aħjar stimi possibbli tal-ħin meħud għal degradazzjoni ta’ 50 % u 90 % (DT50lab u DT90lab), tas-sustanza attiva, u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni f’kondizzjonijiet tal-laboratorju.

    - Id-degradazzjoni erobika

    Iċ-ċirkostanzi li fihom tkun meħtieġa

    Trid dejjem tiġi rrappurtata r-rata tad-degradazzjoni fil-ħamrija, għajr fejn in-natura u l-manjiera ta’ l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jipprekludu l-kontaminazzjoni tal-ħamrija bħalma huma l-użi fuq prodotti maħżuna jew it-trattamenti tal-fejqan tal-ġrieħi għas-siġar.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Trid tiġi rrappurtata r-rata tad-degradazzjoni erobika tas-sustanza attiva fi tliet tipi ta’ ħamrija b’żieda ma’ dik riferita fil-paragrafu 7.1.1.1.1.

    Sabiex tiġi investigata l-influwenza tat-temperatura fuq id-degradazzjoni, irid jitwettaq studju addizzjonali f’temperatura ta’ 10 °C fuq wieħed mit-tipi tal-ħamrija użat għall-investigazzjoni tad-degradazzjoni f’temperatura ta’ 20 °C sakemm ikun disponibbli kalkolu Komunitarju vvalidat għall-estrapolazzjoni tar-rati tad-degradazzjoni f’temperaturi baxxi.

    It-tul taż-żmien ta’ l-istudju huwa normalment ta’ 120 jum għajr jekk aktar minn 90 % tas-sustanza attiva jkun iddegradat qabel ma jiskadi dan il-perjodu taż-żmien.

    Għandhom jiġu rrappurtati studji simili għal tliet tipi ta’ ħamrija għall-prodotti rilevanti kollha tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni li f’kull ħin ta’ l-istudju jgħoddu għal aktar minn 10 % ta’ l-ammont tas-sustanza attiva miżjuda, għajr fejn il-valuri tad-DT50 tagħhom kienu kapaċi jiġu stabbiliti mir-riżultati ta’ l-istudji tad-degradazzjoni bis-sustanza attiva.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri sabiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    - Id-degradazzjoni erobika

    Iċ-ċirkostanzi li fihom tkun meħtieġa

    Ir-rata tad-degradazzjoni anerobika tas-sustanza attiva trif tiġi rraportata fejn irid jitwettaq studju anerobiku skond il-punt 7.1.1.1.2.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Trid titwettaq ir-rata tad-degradazzjoni anerobika tas-sustanza attiva fil-ħamrija użata fl-istudju anerobiku imwettaq skond il-punt 7.1.1.1.2.

    It-tul taż-żmien ta’ l-istudju huwa normalment ta’ 120 jum għajr jekk aktar minn 90 % tas-sustanza attiva tiġi ddegradata qabel ma jiskadi dan il-perjodu taż-żmien.

    Iridu jiġu rrappurtati studji simili għal tip wieħed ta’ ħamrija għall-prodotti rilevanti kollha tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni u li f’kull ħin ta’ l-istudju jgħoddu għal aktar minn 10 % ta’ l-ammont ta’ sustanza attiva miżjuda, għajr fejn il-valuri tad-DT50 tagħhom kienu kapaċi jiġu stabbiliti mir-riżultati ta’ l-istudji tad-degradazzjoni bis-sustanza attiva..

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri sabiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    7.1.1.2.2. L-istudji fuq il-post

    - L-istudji dwar il-ħela tal-ħamrija

    L-għan tat-test

    L-istudji dwar il-ħela tal-ħamrija għandhom jipprovdu stimi tal-ħin meħud għall-ħela ta’ bejn 50 % u 90 % (DT50f u DT90f), tas-sustanza attiva f’kondizzjonijiet ta’ fuq il-post. Fejn rilevanti, irid jiġi rrapportat it-tagħrif dwar il-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikun meħtieġ

    Fejn il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jkunu maħsuba għalbiex jiġu użati f’kondizzjonijiet klimatiċi kiesħa,

    it-testijiet iridu jiġu kondotti fejn id-DT50lab, stabbilit f’temperatura ta’ 10 °C u f’kontenut ta’ l-umdità tal-ħamrija li għandu x’jaqsam mal-pF ta’ 2 sa 2,5 (pressa tal-ġbid ’il-ġewwa ta’ l-arja ’l ġewwa), huwa ta’ aktar minn 90 jum.

    Il-kondizzjonijiet tat-test.

    Iridu jissoktaw l-istudji individwali fuq firxa ta’ tipi ta’ ħamrija rappreżentattivi (normalment erba’ tipi differenti) sakemm jinħlew > 90 % ta’ l-ammont applikat. It-tul taż-żmien massimu ta’ l-istudji huwa ta’ 24 xahar.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri sabiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    - L-istudji tal-fdalijiet tal-ħamrija

    L-għan tat-test

    Il-fdalijiet tal-ħamrija għandhom jipprovdu stimi tal-livelli tal-fdalijiet tal-ħamrija waqt il-ħsad jew fiż-żmien taż-żriegħ jew tat-taħwil ta’ l-uċuħ tar-raba’ suċċessivi.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Iridu jiġu rrappurtati l-istudji dwar il-fdalijiet tal-ħamrija fejn id-DT50lab ikun akbar minn terz tal-perjodu taż-żmien bejn l-applikazzjoni u l-ħsad u fejn ikun possibbli l-assorbiment mill-wiċċ tar-raba’ suċċessiv, għajr fejn il-fdalijiet tal-ħamrija waqt iż-żriegħ jew it-taħwil tal-wiċċ suċċessiv jistgħu jiġu stmati b’mod ta’ min joqgħod fuqu mill-informazzjoni ta’ l-istudji tal-ħela tal-ħamrija u fejn jista’ jiġi ġġustifikat illi l-fdalijiet ma jistgħux ikunu fitotossiċi f’uċuħ tan-newba jew iħallu fdalijiet mhux aċċettabbli fihom.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    L-istudji individwali jridu jissoktaw sal-ħsad jew saż-żmien taż-żriegħ jew tat-taħwil ta’ l-uċuħ suċċessivi, għajr jekk jiġu moħlija > 90 % ta’ l-ammont applikat.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri sabiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    - L-istudju dwar l-akkumulazzjoni tal-ħamrija

    L-għan tat-testijiet

    It-testijiet għandhom jipprovdu informazzjoni biżżejjed sabiex tiġi evalwata l-possibbiltà ta’ l-akkumulazzjoni tal-fdalijiet tas-sustanza attiva u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad- degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Fejn fuq il-bażi ta’ l-istudji dwar il-ħela tal-ħamrija jiġi stabbilit illi d-DT90f > sena waħda u fejn tkun prevista applikazzjoni mtennija, sewwa jekk fl-istess staġun tat-tkabbir u sewwa fis-snin suċċessivi, trid tiġi investigata l-possibbilità ta’ l-akkumulazzjoni tal-fdalijiet fil-ħamrija u l-livell li fih tinkiseb konċentrazzjoni tal-plateau għajr fejn tista’ tiġi pprovduta informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha permezz ta’ kalkolu mudell jew stima oħra approprjata.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Iridu jsiru studji fuq il-post fuq skond fit-tul fuq żewġ tipi rilevanti ta’ ħamrija u jinvolvu applikazzjonijiet multipli.

    Qabel ma jitwettqu dawn l-istudji l-applikant għandu jfittex il-qbil ta’ l-awtoritajiet kompetenti dwar it-tip ta’ l-istudju li jrid jitwettaq.

    7.1.2. L-assorbiment u d-desorbiment

    L-għan tat-test

    L-informazzjoni u t-tagħrif ipprovduti, flimkien ma’ l-informazzjoni u t-tagħrif l-oħra rilevanti, għandhom ikunu biżżejjed għalbiex jistabbilixxu l-koeffiċjent ta’ l-assorbiment tas-sustanza attiva u l-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikun meħtieġ

    L-istudji jridu dejjem jiġu rraportati għajr fejn in-natura u l-manjiera ta’ l-użu tat-tħejjijiet li fihom is-sustanza attiva, jipprekludu l-kontaminazzjoni tal-ħamrija bħalma huma l-użi fuq prodotti maħżuna jew fuq siġar tal-fejqan tal-ġrieħi.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Iridu jiġu rrappurtati l-istudji fuq is-sustanza attiva fuq erba’ tipi ta’ ħamrija.

    Iridu jiġu rraportati studji simili, għal mill-inqas tliet tipi ta’ ħamrija, għall-prodotti kollha rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni li fl-istudji tad-degradazzjoni tal-ħamrija jgħoddu għal aktar minn 10 % ta’ l-ammont tas-sustanza attiva miżjuda.

    Il-linja gwida tat-test

    Il-metodu 106 ta’ l-OECD.

    7.1.3. Il-mobbiltà fil-ħamrija

    7.1.3.1. L-istudji tal-lissija tal-kolonna

    L-għan tat-test

    It-test għandu jipprovdi informazzjoni biżżejjed għall-evalwazzjoni tal-mobbiltà u l-lissija potenzjali tas-sustanza attiva u, jekk possibbli, tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikun meħtieġ

    Iridu jitwettqu studji fuq erba’ tipi ta’ ħamrija fejn fl-istudji ta’ l-assorbiment u d-desorbiment ipprovduti fil-punt 7.1.2 mhux possibbli li jinkisbu valuri tal-ko-effiċjenti ta’ l-assorbiment ta’ min joqgħod fuqhom.

    Il-linja gwidai tat-test

    SETAC – Il-proċeduri għalbiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    7.1.3.2. Il-lissija ta’ għomor twil tal-kolonna tal-fdal

    L-għan tat-test

    It-test għandu jipprovdi informazzjoni biżżejjed sabiex jiġu stmati l-mobbiltà u l-potenzjal tal-lissija tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom tkun meħtieġa

    Iridu jitwettqu l-istudji għajr:

    - fejn in-natura u l-manjiera ta’ l-użu tat-tħejjijiet li jkun fihom is-sustanza attiva, jipprekludu l-kontaminazzjoni tal-ħamrija bħalma huma l-użi fuq prodotti maħżuna jew it-trattament tal-fejqan tal-ġrieħi għas-siġar, jew

    - fejn ikun twettaq studju separat fuq il-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni skond il-punti 7.1.2 jew 7.1.3.1.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Il-perjodu/i taż-żmien tal-maturazzjoni għandu/hom jiġi/u stabbilit/i mill-ispezzjonijiet tal-modi tad-degradazzjoni tas-sustanza attiva u mill-metaboliti sabiex jiżguraw illi tkun preżenti firxa rilevanti tal-metaboliti fiż-żmien tal-lissija.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri għalbiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    7.1.3.3. L-istudji lisimetriċi u l-istudji tal-lissija fuq il-post

    L-għan tat-testijiet

    It-testijiet għandhom jipprovdu informazzjoni dwar:

    - il-mobbiltà tal-ħamrija,

    - il-potenzjal għal-lissija sa l-ilma ta’ taħt l-art,

    - id-distribuzzjoni potenzjali fil-ħamrija.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Ikun meħtieġ ġudizzju espert sabiex jiġi deċiż jekk iridux jitwettqu studji lisimetriċi jew studji tal-lissija fuq il-post, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tad-degradazzjoni u ta’ l-istudji l-oħra tal-mobbiltà u l-konċentrazzjonijiet ambjentali previsti fl-ilma ta’ taħt l-art (PECGW), ikkalkolati skond id-disposizzjonijiet tat-Taqsima 9 ta’ l-Anness III. It-tip u l-kondizzjonijiet ta’ l-istudju li jrid jitwettaq għandhom jiġu diskussi ma’ l-awtoritajiet kompetenti.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Hija meħieġa attenzjoni kbira fit-tifsil kemm ta’ l-istallazzjonijiet sperimentali u kemm ta’ l-istudji individwali, sabiex jiġi żgurat illi r-riżultati miksuba jistgħu jiġu użati għall-għanijiet ta’ l-istimi. L-istudji għandhom ikopru s-sitwazzjoni realistika ta’ l-agħar każ, filwaqt li jitqiesu t-tip tal-ħamrija, il-kondizzjonijiet klimatiċi, ir-rata ta’ l-applikazzjoni u l-frekwenza u l-perjodu taż-żmien ta’ l-applikazzjoni.

    Ilma li jgħaddi mill-kolonni tal-ħamrija jrid jiġi analizzat f’intervalli addattati taż-żmien, filwaqt li jridu jiġu stabbiliti l-fdalijiet fil-materjal tal-pjanti fi żmien il-ħsad. Iridu jiġu stabbiliti l-fdalijiet fil-profil tal-ħamrija f’mill-inqas ħames saffi meta jintemm ix-xogħol sperimentali. Irid jiġi evitat it-teħid intermedjarju tal-kampjuni, ġaladarba t-tneħħija tal-pjanti (għajr għall-ħsad skond il-prattika normali tal-biedja) u l-ħamrija jaffettwaw minn naħa għall-oħra l-proċess tal-lissija.

    Iridu jiġu rreġistrati l-preċipitazzjoni, it-temperatura tal-ħamrija u ta’ l-arja f’intervalli regolari taż-żmien (mill-inqas fuq il-bażi ta’ ġimgħa b’ġimgħa).

    - L-istudji lisimetriċi

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Il-fond minimu tal-lisimetri għandu jkun ta’ 100ċm; il-fond massimu tagħhom irid ikun ta’ 130ċm. Il-wiċċ tal-ħamrija ma jridx jiġi mċaqlaq minn naħa għall-oħra. It-temperaturi tal-ħamrija jridu jkunu simili għal dawk ta’ fuq il-post. Fejn meħtieġ, trid tiġi pprovduta t-tisqija supplimentari għalbiex tiżgura l-aħjar tkabbir tal-pjanti u għalbiex tiżgura illi l-kwalità ta’ ilma ta’ l-infiltrazzjoni tkun simili għal dik fir-reġjuni li għalihom tkun intalbet l-awtorizzazzjoni. Fejn matul l-istudju l-ħamrija jkollha tiġi mċaqalqa għal raġunijiet agrikoli ma tridx tiġi mċaqalqa għal iktar minn 25 ċm fond.

    - L-istudji tal-lissija fuq il-post

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Irid jiġi ssottomess it-tagħrif dwar l-ilma ta’ taħt l-art fl-għelieqi li fihom isiru l-esperimenti. Jekk ikun osservat xi qsim tal-ħamrija matul l-istudju, dan irid jiġi deskritt fis-sħiħ.

    Għandha tingħata attenzjoni kbira tan-numru u l-lokazzjoni tal-mezzi tal-ġbir ta’ l-ilma. Il-post fejn jitqiegħdu dawn il-mezzi fil-ħamrija ma għandux jirriżulta f’mogħdijiet preferenzjali tal-mixi ta’ l-ilma.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri għalbiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    7.2. Id-destin u l-imġiba fl-ilma u fl-arja

    L-għan tat-test

    L-informazzjoni u t-tagħrif ipprovduti, meħuda flimkien ma’ dak ipprovdut għal tħejjija jew aktar li jkun fihom is-sustanza attiva, u t-tagħrif l-ieħor relevanti, għandhom ikunu biżżejjed għalbiex jistabbilixxu, jew jippermettu l-istima ta’:

    - il-persistenza fis-sistemi ta’ l-ilma (is-sediment u l-ilma fil-qiegħ, inklużi l-partikoli sospiżi),

    - il-kobor li għalih l-ilma, l-organiżmi tas-sediment u l-arja jkunu fir-riskju,

    - il-potenzjal għall-kontaminazzjoni ta’ l-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta’ taħt l-art.

    7.2.1. Ir-rotta u r-rata tad-degradazzjoni fis-sistemi akwatiċi (safejn u sakemm ma jkunux koperti bil-punt 2.9)

    L-għan tat-test

    L-informazzjoni u t-tagħrif ipprovduti, flimkien ma’ l-informazzjoni u t-tagħrif l-oħra rilevanti, għandhom ikunu biżżejjed sabiex:

    - jidentifikaw l-importanza relattiva tat-tipi tal-proċessi involuti (il-bilanċ bejn id-degradazzjoni kimika u dik bijoloġika),

    - fejn possibbli, jidentifikaw il-komponenti individwali preżenti,

    - jistabbilixxu l-proporzjonijiet relattivi tal-komponenti preżenti u d-distribuzzjoni tagħhom bħala bejn l-ilma, inklużi l-partikoli sospiżi, u s-sediment, u

    - jippermettu li jiġi ddefinit il-fdal ta’ interess u li għalih jiġu esposti jew jistgħu jkunu esposti l-ispeċi mhux fil-mira.

    7.2.1.1. Id-degradazzjoni idrolitika

    Iċ-ċirkostanzi li fihom tkun meħtieġa

    It-test għandu dejjem jitwettaq għall-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni li f’kull ħin jikkostitwixxu aktar minn 10 % ta’ l-ammont tas-sustanza attiva miżjuda għajr jekk tkun disponibbli l-informazzjoni biżżejjed dwar id-degradazzjoni tagħhom mit-test imwettaq skond il-punt 2.9.1.

    Il-kondizzjonijiet tat-test u l-linja gwida tat-test

    Japplikaw l-istess disposizzjonijiet ipprovduti fil-paragrafi korrispondenti tal-punt 2.9.1.

    7.2.1.2. Id-degradazzjoni fotokimika

    Iċ-ċirkostanzi li fihom tkun meħtieġa

    It-test irid dejjem jitwettaq għall-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni li li f’kull ħin jikkostitwixxu aktar minn 10 % ta’ l-ammont tas-sustanza attiva miżjuda għajr jekk ikun disponibbli tagħrif biżżejjed dwar id-degradazzjoni tagħhom mit-test imwettaq skond il-punti 2.9.2. u 2.9.3..

    Il-kondizzjonijiet tat-test u l-linja gwida tat-test

    Japplikaw l-istess disposizzjonijiet ipprovduti fil-paragrafi korrispondenti tal-punti 2.9.2. u 2.9.3.

    7.2.1.3. Id-degradazzjoni bijoloġika

    7.2.1.3.1. Il-bijodegradabbiltà mlestija

    "

    Iċ-ċirkostanzi fejn tkun meħtieġa

    It-test irid dejjem jitwettaq għajr jekk mhux meħtieġ skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness VI mad-Direttiva 67/548/KEE dwar il-klassifika tas-sustanza attiva.

    Il-linja gwida

    Tal-Metodu Ċ4 tal-KEE.

    7.2.1.3.2. L-istudju ta’ l-ilma/is-sediment

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikun meħtieġ

    It-test irid jiġi rrappurtat għajr jekk jista’ jiġi ġġustifikat illi ma tiġrix il-kontaminazzjoni ta’ l-ilma tal-wiċċ.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri għalbiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    7.2.1.4. Id-degradazzjoni fiż-żona saturata

    Iċ-ċirkostanzi li fihom tkun meħtieġa

    Ir-rati tat-trasformazzjoni fiż-żona saturata tas-sustanzi attivi u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni jistgħu jipprovdu tagħrif utli dwar id-destin ta’ dawn is-sustanzi fl-ilma ta’ taħt l-art.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Jenħtieġ ġudizzju espert sabiex jiġi deċiż jekk dan it-tagħrif huwiex meħtieġ. Qabel ma jitwettqu dawn l-istudji l-applikant għandu jfittex il-qbil ta’ l-awtoritajiet kompetenti dwar it-tip ta’ l-istudji li jrid jitwettaq.

    7.2.2. Ir-rotta u r-rata tad-degradazzjoni fl-arja (safejn u sakem ma jkunux koperti bil-punt 2.10)

    Il-Gwida taħt l-iżvilupp.

    7.3. Id-definizzjoni tal-fdal

    Fid-dawl tal-kompożizzjoni kimika tal-fdalijiet li jiġru fil-ħamrija, fl-ilma jew fl-arja, li jirriżultaw mill-użu, jew mill-użu propost, ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih is-sustanza attiva, trid tiġi ssottomessa proposta għad-definizzjoni tal-fdal, filwaqt li jitqiesu kemm il-livelli misjuba u kemm is-sinifikat tossikoloġiku u ambjentali tagħhom.

    7.4. L-informazzjoni dwar il-monitorjar

    Trid tiġi rrapputata l-informazzjoni disponibbli dwar il-monitorjar li tirrigwarda d-destin u l-imġiba tas-sustanza attiva u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni."

    [1] Is-Soċjetà tat-Tossikoloġija u l-Kimika Ambjentali (SETAC) 1995. Il-Proċeduri sabiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi ISBN 90-5607-002-9

    --------------------------------------------------

    ANNESS II

    "9. ID-DESTIN U L-IMĠIBA FL-AMBJENT

    Daħla

    (i) It-tagħrif ipprovdut, meħud flimkien ma’ dak dwar is-sustanza attiva kif ipprovdut fl-Anness II, irid ikun biżżejjed għalbiex jippermetti stima tad-destin u l-imġiba tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fl-ambjent, u ta’ l-ispeċi mhux fil-mira li x’aktarx ikunu fir-riskju ta’ l-espożizzjoni għalih.

    (ii) B’mod partikolari, it-tagħrif ipprovdut għall-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, flimkien mat-tagħrif l-ieħor rilevanti, u dak ipprovdut għas-sustanza attiva, għandhom ikunu biżżejjed għalbiex:

    - jispeċifikaw is-simboli tal-periklu, l-indikazzjonijiet tal-periklu, u l-frażijiet rilevanti tar-riskju u tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ l-ambjent, li jridu jiġu inklużi fuq il-pakkeġġjar (il-kontenituri),

    - iħassru d-distribuzzjoni, id-destin, u l-imġiba fl-ambjent kif ukoll il-korsi taż-żmien involuti,

    - jidentifikaw l-ispeċi mhux fil-mira u l-popolazzjonijiet li għalihom jinħolqu l-perikli minħabba l-espożizzjoni potenzjali, u

    - jidentifikaw il-miżuri meħtieġa sabiex jimminimizzaw il-kontaminazzjoni ta’ l-ambjent u l-impatt fuq l-ispeċi mhux fil-mira..

    (iii) Fejn jintuża materjal tat-test ittikkettjat bir-radjo, japplikaw id-disposizzjonijiet tal-punt (iv) tad-Daħla għall-Kapitolu 7 ta’ l-Anness II.

    (iv) Fejn rilevanti, għandhom jiġu mfassla testijiet u għandha tiġi analizzata l-informazzjoni bl-użu tal-metodi approprjati ta’ l-istatistika.

    Għandhom jiġu rrapurtati d-dettalji sħaħ ta’ l-analiżi statistika (p.e. għandhom jingħataw il-punti kollha ta’ l-istimi bl-intervalli taż-żmien ta’ fiduċja, għandhom jingħataw il-valuri-p eżatti iktar milli jiġu ddikjarati sinifikanti/mhux sinifikanti).

    (v) Il-konċentrazzjonijiet ambjentali mbassra fl-art (PECs), fl-ilma (PECSW u PECGW) u fl-arja (PECA).

    Iridu jsiru stimi ġġustifikati tal-konċentrazzjonijiet mistennija tas-sustanza attiva u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni, fil-ħamrija, fl-ilma ta’ taħt l-art, fl-ilma tal-wiċċ u fl-arja, wara l-użu kif propost jew li jkun diġà qiegħed jiġri. B’żieda ma’ dan, trid issir stima realistika ta’ l-agħar każ.

    Għall-għanijiet ta’ l-istima ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    - Il-konċentrazzjoni ambjentali mbassra fil-ħamrija (PECs)

    Il-livell tal-fdalijiet fis-saff tal-wiċċ tal-ħamrija u li għalih jistgħu jiġu esposti l-organiżmi tal-ħamrija mhux fil-mira (l-espożizzjoni akuta u kronika).

    - Il-konċentrazzjoni ambjentali mbassra fl-ilma tal-wiċċ (PECSW)

    Il-livell tal-fdalijiet, fl-ilma tal-wiċċ u li għalih jistgħu jiġu esposti l-organiżmi akwatiċi li mhumiex fil-mira (l-espożizzjoni akuta u kronika).

    - Il-konċentrazzjoni ambjentali mbassra fl-ilma ta’ taħt l-art (PECGW)

    Il-livell tal-fdalijiet fl-ilma ta’ taħt l-art.

    - Il-konċentrazzjoni ambjentali mbassra fl-arja (PECA)

    Il-livell tal-fdalijiet fl-arja, li għalih jistgħu jiġu esposti l-bniedem, l-annimali u l-organiżmi l-oħra li mhumiex fil-mira (l-espożizzjoni akuta u kronika).

    Sabiex ikunu stmati dawn il-konċentrazzjonijiet irid jitqies it-tagħrif kollu rilevanti dwar il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u dwar is-sustanza attiva. Avviċinament utli għal dawn l-istimi huwa pprovdut fl-iskemi ta’ l-EPPO għall-istima tar-riskju ambjentali [1]. Fejn rilevanti, għandhom jintużaw il-parametri pprovduti f’din it-taqsima.

    Meta jintużaw il-mudelli għall-istima tal-konċentrazzjonijiet ambjentali mbassra dawn iridu:

    - jagħmlu l-aħjar stima possibbli tal-proċessi rilevanti kollha involuti filwaqt li jitqiesu parametri u ipotesijiet realistiċi,

    - fejn possibbli jiġu vvalidati b’mod ta’ min jista’ joqgħod fuqhom mal-qisien imwettqa f’ċirkostanzi rilevanti għall-użu tal-mudell,

    - ikunu relevanti għall-kondizzjonijiet fl-erja ta’ l-użu.

    It-tagħrif ipprovdut irid, fejn rilevanti, jinkludi dak riferit fil-punti 7 tal-Part A ta’ l-Anness II.

    9.1. Id-destin u l-imġiba fil-ħamrija

    Fejn approprjat, japplikaw l-istess disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tagħrif li jrid jiġi pprovdut dwar il-ħamrija użata u dwar il-għażla tagħha, kif ipprovdut fil-punt 7.1 ta’ l-Anness II

    9.1.1. Ir-rata tad-degradazzjoni fil-ħamrija

    9.1.1.1. L-istudji fil-laboratorju

    L-għan tat-test

    L-istudji tad-degradazzjoni tal-ħamrija għandhom jipprovdu l-aħjar stimi possibbli tal-ħin meħud għad-degradazzjoni ta’ 50 % u 90 % (DT50lab u DT90lab), tas-sustanza attiva taħt il-kondizzjonijiet tal-laboratorju.

    Iċ-ċirkustanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Il-persistenza u l-imġiba tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-ħamrija għandhom jiġu investigati għajr jekk ikun possibbli li jiġu estrapolati mill-informazzjoni miksuba mis-sustanza attiva u l-prodotti relattivi tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni skond il-ħtiġiet ta’ l-Anness II, punt 7.1.1.2. Din l-estrapolazzjoni mhix, per eżempju, possibbli għall-formulazzjonijiet tar-rilaxx bil-mod.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Trid tiġi rrappurtata r-rata tad-degradazzjoni erobika u/jew anerobika fil-ħamrija.

    It-tul taż-żmien ta’ l-istudju huwa normalment ta’ 120 ġurnata għajr jekk iktar minn 90 % tas-sustanza attiva tiġi ddegradata qabel ma jiskadi dan il-perjodu taż-żmien.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri għalbiex jiġu stmati d-destin ta’ l-ambjent u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    9.1.1.2. L-istudji fuq il-post

    - L-istudji dwar il-ħela tal-ħamrija

    L-għan tat-test

    L-istudji dwar il-ħela tal-ħamrija għandhom jipprovdu l-aħjar stima possibbli tal-ħin meħud sabiex jinħlew 50 % u 90 % (DT50f u DT90f), tas-sustanza attiva fil-kondizzjonijiet ta’ fuq il-post. Fejn rilevanti, irid jinġabar it-tagħrif dwar il-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Iridu jiġu investigati l-ħela u l-imġiba tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-ħamrija għajr jekk ikun possibbli li jiġu estrapolati mill-informazzjoni miksuba mis-sustanza attiva u l-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni skond il-ħtiġiet tal-punt 7.1.1.2 ta’ l-Anness II. Din l-estrapolazzjoni mhix, per eżempju, possibbli għall-formalazzjonijiet tar-rilaxx bil-mod.

    Il-kondizzjonijiet tat-test u l-linja gwida tat-test

    Japplikaw l-istess disposizzjonijiet ipprovduti fil-paragrafu korrispondenti tal-punt 7.1.1.2.2 ta’ l-Anness II.

    - L-istudji tal-fdalijiet tal-ħamrija

    L-għan tat-test

    L-istudji tal-fdalijiet tal-ħamrija għandhom jipprovdu l-istimi tal-livelli tal-fdalijiet tal-ħamrija waqt il-ħsad jew fiż-żmien taż-żriegħ jew tat-taħwil ta’ l-uċuħ sussegwenti.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Iridu jiġu rrappurtati l-istudji dwar il-fdal fil-ħamrija għajr jekk ikun possibbli illi jiġu estrapolati mill-informazzjoni miksuba mis-sustanza attiva u l-prodotti rilvanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni skond il-ħtiġiet tal-punt 7.1.1.2.2 ta’ l-Anness II. Din l-estrapolazzjoni mhix, per eżempju, possibbli għall-formulazzjonijiet tar-rilaxx bil-mod.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Japplikaw l-istess disposizzjonijiet ipprovduti fil-paragrafu korrispondenti tal-punt 7.1.1.2.2 ta’ l-Anness II.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri għalbiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    - L-istudji dwar l-akkumulazzjoni tal-ħamrija

    L-għan tat-testijiet

    It-testijiet għandhom jipprovdu informazzjoni biżżejjed għall-akkumulazzjoni tal-fdalijiet tas-sustanza attiva u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Iridu jiġu rrappurtati l-istudji dwar l-akkumulazzjoni tal-ħamrija għajr jekk ikun possibbli li jiġu estrapolati mill-informazzjoni miksuba mis-sustanza attiva u l-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni skond il-ħtiġiet tal-punt 7.1.1.2.2 ta’ l-Anness II. Din l-estrapolazzjoni mhix possibbli, per eżempju, għall-formolazzjonijiet tar-rilaxx bil-mod.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Japplikaw l-istess disposizzjonijiet ipprovduti fil-paragrafu korrispondenti tal-punt 7.1.1.2.2 ta’ l-Anness II.

    Dilinja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri għalbiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    9.1.2. Il-mobbiltà fil-ħamrija

    L-għan tat-test

    It-test għandu jipprovdi informazzjoni biżżejjed għall-evalwazzjoni tal-mobbiltà u l-potenzjal tal-lissija tas-sustanza attiva u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    9.1.2.1. L-istudji fil-laboratorju

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Trid tiġi investigata l-mobbiltà tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-ħamrija għajr jekk ikun possibbli li tiġi estrapolata mill-informazzjoni miksuba skond il-ħtiġiet tal-punt 7.1.2 u 7.1.3.1. ta’ l-Anness II. Din l-estrapolazzjoni mhix possibbli, per eżempju, għall-formolazzjonijiet tar-rilaxx bil-mod.

    Il-linja gwida tat-test

    SETAC – Il-proċeduri għalbiex jiġu stmati d-destin ambjentali u l-ekotossiċità tal-pestiċidi.

    9.1.2.2. L-istudji lisimetriċi jew l-istudji tal-lissija fuq il-post

    L-għan tat-testijiet

    It-testijiet għandhom jipprovdu informazzjoni dwar:

    - il-mobbiltà tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanta fil-ħamrija,

    - il-potenzjal għal-lissija għall-ilma ta’ taħt l-art,

    - id-distribuzzjoni potenzjali fil-ħamrija.

    Iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu meħtieġa

    Irid ikun meħtieġ ġudizzju espert sabiex jiġi deċiż jekk jitwettqux l-istudji bil-lisimetru fuq il-post jew l-istudji tal-lissija, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tad-degradazzjoni u ta’ l-istudji dwar il-mobbiltà u l-PECS l-ikkalkolati. Irid jiġi diskuss it-tip ta’ studju li jrid jitwettaq ma’ l-awtoritajiet kompetenti.

    Dawn l-istudji iridu jitwettqu għajr jekk ikun possibbli illi jiġu estrapolati mill-informazzjoni miksuba mis-sustanza attiva u l-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni skond il-ħtiġiet tal-punt 7.1.3. ta’ l-Anness II. Din l-estrapolazzjoni mhix possibbli, per eżempju, għall-formolazzjonijiet tar-rilaxx bil-mod.

    Il-kondizzjonijiet tat-test

    Japplikaw l-istess disposizzjonijiet ipprovduti fil-paragrafu korrispondenti tal-punt 7.1.3.3 ta’ l-Anness II.

    9.1.3. L-istima tal-konċentrazzjonijiet mistennija fil-ħamrija

    L-istimi PEC irid ikollhom x’jaqsmu kemm ma’ applikazzjoni waħda fl-ogħla rata ta’ l-applikazzjoni li għaliha tiġi mitluba awtorizzazzjoni, u kemm għall-ogħla numru u l-ogħla rati ta’ l-applikazzjoni li għalihom tiġi mitluba l-awtorizzazzjoni, għal kull tip rilevanti ta’ ħamrija ttestjata, u jiġu espressi f’termini ta’ mg tas-sustanza attiva u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni għal kull kg ta’ ħamrija.

    Il-fatturi li jridu jitiqiesu meta jsiru l-istimi PEC iridu jkollhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni diretta u indiretta għall-ħamrija, għan-naħa lejn fejn timxi, it-telf u l-lissija u jinkludu proċessi bħalma huma l-volatilità, l-assorbiment, l-idrolisi, il-fotolisi, id-degradazzjoni erobika u anerobika. Għall-għanijiet tal-kalkolu tal-PECS, id-densità tal-massa tal-ħamrija tista’ tiġi preżunta li tkun 1,5 g/ċm3 ta’ piż niexef, filwaqt illi l-fond tas-saff tal-ħamrija jiġi preżunt li jkun ta’ 5ċm għall-applikazzjonijiet fil-wiċċ tal-ħamrija u ta’ 20ċm meta tkun inkorporata fil-ħamrija involuta. Fejn tkun preżenti l-kopertura ta’ l-art fiż-żmien ta’ l-applikazzjoni, irid jiġi preżunt illi 50 % (minimi) tad-doża applikata tilħaq il-wiċċ tal-ħamrija għajr jekk l-informazzjoni sperimentali attwali tagħti tagħrif aktar speċifiku.

    Iridu jiġu pprovduti l-kalkoli tal-PECS tal-bidu, fuq skond qasir u fuq skond fit-tul:

    - fil-bidu: immedjatament wara l-applikazzjoni,

    - fuq skond qasir: 24 siegħa, jumejn u erbat ijiem wara l-aħħar applikazzjoni,

    - fuq skond fit-tul: 7, 28, 50 u 100 jum wara l-aħħar applikazzjoni, fejn rilevanti.

    9.2. Id-destin u l-imġiba fl-ilma

    9.2.1. L-istima tal-konċentrazzjonijiet fl-ilma ta’ taħt l-art.

    Iridu jiġu ddefiniti r-rotot tal-kontaminazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet rilevanti agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti, u ambjentali (inklużi dawk klimatiċi).

    Iridu jiġu ssottomessi l-estimi xierqa (kalkoli) tal-konċentrazzjoni ambjentali mbassra fl-ilma ta’ taħt l-art (PECGW), tas-sustanza attiva u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    L-istimi tal-PEC iridu jkollhom x’jaqsmu man-numru massimu u l-ogħla rati ta’ l-applikazzjoni, li għalihom tiġi mitluba l-awtorizzazzjoni.

    Jinħtieġ ġudizzju espert sabiex jiġi deċiż jekk aktar testijiet fuq il-post jistgħux jipprovdu tagħrif utli. Qabel ma jitwettqu dawn l-istudji l-applikant għandu jfittex il-qbil ta’ l-awtoritajiet kompetenti dwar it-tip ta’ l-istudju li jrid jitwettaq.

    9.2.2. Il-proċeduri dwar l-impatt fuq it-trattament ta’ l-ilma

    Fil-każijiet fejn dan it-tagħrif huwa meħtieġa fil-qafas ta’ awtorizzazzjoni kondizzjonali kif mifhuma fil-punt 2.5.1.2 (b) tal-Parti Ċ ta’ l-Anness, it-tagħrif ipprovdut għandu jippermetti illi tiġi stabbilita jew stmata l-effettività tal-proċeduri tat-trattament ta’ l-ilma (l-ilma tax-xorb u t-trattament tad-drenaġġ), u l-impatt fuq dawn il-proċeduri. Qabel ma jitwettaq kull studju, l-applikant għandu jfittex il-qbil ta’ l-awtoritajiet kompetenti dwar it-tip tat-tagħrif li jrid jiġi pprovdut.

    9.2.3. L-istima tal-konċentrazzjonijiet fl-ilma tal-wiċċ

    Iridu jiġu ddefiniti r-rotot tal-kontaminazzjoni fl-ilma tal-wiċċ filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti, u ambjentali (inklużi dawk klimatiċi).

    Iridu jiġu ssottomessi stimi xierqa (kalkoli) tal-konċentrazzjoni ambjentali mbassra fl-ilma tal-wiċċ (PECSW), tas-sustanza attiva u tal-prodotti rilevanti tal-metaboliti, tad-degradazzjoni u tar-reazzjoni.

    L-istimi tal-PEC iridu jkollhom x’jaqsmu man-numru massimu u l-ogħla rati ta’ l-applikazzjoni, li għalihom tiġi mitluba l-awtorizzazzjoni, u jridu jkunu rilevanti għall-għadajjar kbar, l-għadajjar żgħar, ix-xmajjar, il-kanali, in-nixxigħat, il-kanali tat-tisqija/drenaġġ u l-katusi ta’ l-ilma maħmuġ.

    Il-fatturi li jridu jitqiesu sabiex l-istimi tal-PEC ikollhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni diretta ta’ l-ilma, in-naħa lejn fejn jimxi, il-ħela, l-iskarigu permezz tal-katusi u d-depożizzjoni atmosferika u jinkludu l-proċessi bħall-volatilizzazzjoni, l-assorbiment, l-avvezzjoni, l-idrolisi, il-fotolisi, il-bijo-degradazzjoni, is-sedimentazzjoni u s-sospensjoni mill-ġdid.

    Iridu jiġu pprovduti l-kalkoli tal-PECSW tal-bidu, fuq skond qasir u fuq skond fit-tul rilevanti għal korpi ta’ l-ilma qiegħed jew miexi bil-mod (medji ppeżati skond iż-żmien):

    - fil-bidu: immedjatament wara l-applikazzjoni,

    - fuq skond qasir: 24 siegħa, jumejn u erbat ijiem wara l-aħħar applikazzjoni,

    - fuq skond fit-tul: 7, 14, 21 28, u 42 jum wara l-aħħar applikazzjoni, fejn rilevanti.

    Jeħtieġ ġudizzju espert sabiex jiġi deċiż jekk aktar testijiet fuq il-post jistgħux jipprovdu tagħrif utli. Qabel ma jitwettqu dawn l-istudji l-applikant għandu jfittex il-qbil ta’ l-awtoritajiet kompetenti dwar it-tip ta’ studji li jridu jitwettqu.

    9.3. Id-destin u l-imġiba fl-arja

    Il-gwida taħt l-iżvilupp."

    [1] OEPP/EPPO (1993) Skemi tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-istima tar-riskju ambjentali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-Bullettin ta’ l-OEPP/EPPO il-Bulettin 23, 1-154 u l-Bulletin 24, 1-87

    --------------------------------------------------

    Top