Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31979R2173

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2173/216 ta’ l4 ta’ Ottubru 1979 dwar regoli dettaljati ta’ l-applikazzjoni sabiex isir disponiment mill-laħam taċ-ċanga mixtri mill-aġenziji ta’ l-intervent u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 216/69

ĠU L 251, 5.10.1979, p. 12–16 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/12/2004; Imħassar b' 32004R2247

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1979/2173/oj

31979R2173



Official Journal L 251 , 05/10/1979 P. 0012 - 0016
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 11 P. 0126
Greek special edition: Chapter 03 Volume 26 P. 0142
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 11 P. 0126
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 16 P. 0269
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 16 P. 0269


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2173/216

ta’ l4 ta’ Ottubru 1979

dwar regoli dettaljati ta’ l-applikazzjoni sabiex isir disponiment mill-laħam taċ-ċanga mixtri mill-aġenziji ta’ l-intervent u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 216/69

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u l-laħam tal-vitella [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 425/77 [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 25 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 878/77 tas-26 ta’ April 1977 dwar ir-rati tal-kambju li għandhom ikunu applikati fil-biedja [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2139/79 [4],

Billi l-prodotti mixtrija mill-aġenziji ta’ l-intervent skond l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KEE) Nru 805/68 iridu jiġu disposti minnhom hekk illi jevitaw id-disturbanza fis-suq u biex jiżguraw l-aċċess egwali għall-prodotti u trattament egwali għax-xerrejja;

Billi l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 98/69 [5], jipprovdi illi l-prezzijiet tal-bejgħ jistgħu jiġu ffissati bil-quddiem jew stabbiliti permess ta’ sejħa għall-offerti;

Billi l-aċċess egwali għall-prodotti u t-trattament egwali tax-xerrejja jistgħu jiġu żgurati jekk, meta l-prezz tal-bejgħ ikun iffissat bil-quddiem, l-aġenziji ta’ l-intervent jaċċettaw l-applikazzjonijiet fl-ordni li jaslu, l-applikazzjonijiet kollha rċevuti f’kull jum wieħed jiġu ttrattati bħal li jkunu ġew irċevuti fl-istess ħin, sakemm jinħlew il-provvisti;

Billi, meta l-prezz tal-bejgħ jiġi stabbilit permezz ta’ sejħa għall-offerti, dawn il-prinċipji jistgħu jiġu rispettati billi s-sejħa tiġi ppubblikata fi żmien biżżejjed fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, flimkien mal-wirja possibbli fl-uffiċċji ta’ l-aġenzija ta’ intervent interessata u ma’ kull pubbliċità nazzjonali oħra;

Billi, ġaladarba l-oġġett tal-proċedura tat-tfigħ ta’ l-offerti huwa li jinkiseb l-aħjar prezz, l-għotja trid tmur għall-offerta l-iżjed għolja; billi għandu wkoll ikun hemm disposizzjoni għall-każ meta tintefa’ iktar minn offerta waħda bl-istess prezz għal istess kwantità; billi, madankollu, l-ogħla prezz jista’ jkun aċċettat biss jekk jikkorrispondi mas-sitwazzjoni attwali tas-suq; billi l-prezzijiet minimi tal-bejgħ għandhom għalhekk ikunu stabbiliti skond proċedura Komunitarja, bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-offerti rċevuti;

Billi, biex tkun żgurata l-effiċjenza tad-disponiment mill-prodotti maħżuna, għandhom jiġu stabbiliti l-kwantitajiet minimi tal-bejgħ, li jvarjaw skond il-kondizzjonijiet partikolari tal-marketing li japplikaw għal kull prodott;

Billi s-sejħiet għall-offerti u l-applikazzjonijiet iridu jinkludu tagħrif biżżejjed għalbiex jippermettu l-identifikazzjoni xierqa tal-prodotti, interessati;

Billi s-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni jew ta’ offerta tiġi ffaċilitata jekk ix-xerrejja prospettivi jitħallew jispezzjonaw il-prodotti; billi bħala konsegwenza għandu jkun ipprovdut illi l-partijiet interessati jirrinunzjaw bil-quddiem għad-dritt tagħhom li jagħmlu kull ilment dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott li jistgħu jiġu assenjati lilhom;

Billi t-twettiq ta’ l-obbligi kuntrattwali jrid jiġi ggarantit permezz tad-depożitu ta’ garanzija li tista’ tiġi ssekwestrata fl-intier tagħha jew f’parti minnha skond kemm ikunu gravi l-kontravvenzjonijiet involuti; billi l-ispiża addizzjonali involuta meta kuntratt ikun ġie mwettaq parzjalment biss tiġġustifika s-sekwestru kollu meta jittieħed kontroll ta’ inqas minn 60 % tal-kwantità kkuntrattata fil-bidu;

Billi l-Istati Membri għandhom jitħallew jadottaw l-pożizzjonijiet tagħhom stess dwar kemm ikun gravi l-ksur ta’ ċerti obbligi sussidjarji inklużi fil-kuntratti tal-bejgħ, billi jqisu d-diversità kbira tagħhom;

Billi, għalbiex dawn il-ħidmiet ikunu jistgħu jitwettqu bil-ħeffa, għandu jiġi stabbilit illi d-drittijiet u l-obbligi involuti f’kuntratt tal-bejgħ jew f’offerta jridu jiġu eserċitati jew imwettqa f’ċerti limiti taż- żmien;

Billi l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni f’intervalli regolari taż-żmien bil-kwantitajiet mibjugħa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina l-progress dwar id-disponiment minnhom;

Billi, sabiex jiġu ffaċilitati l-proċeduri tal-bejgħ imsemmija hawn fuq, iridu jiġu ffissati d-dati għalbiex tiġi stabbilita r-rata tal-kambju użata għalbiex taqleb il-prezzijiet iffissati bil-quddiem fil-munita lokali u biex jiġi stabbilit il-prezz minimu tal-bejgħ u jinqaleb fil-munita lokali;

Billi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1134/68 [1] ĠU L 188, ta’ l-1.8.1968, p. 1. is-somom definiti fih jitħallsu fuq bażi tar-rata tal-kambju li tkun teżisti fil-waqt li fih jitwettqu l-ħidma jew parti minnha; billi l-Artikolu 6 tar-Regolament imsemmi hawn fuq jiddefinixxi l-waqt meta titwettaq il-ħidma bħala d-data meta ssir din il-ħaġa definiti mir-regoli Komunitarji, jew, fl-assenza ta’ jew l-adozzjoni pendenti ta’ dawn ir-regoli, mir-regoli ta’ l-Istat Membru interessat, bir-riżultat li bih l-ammont involut fl-operazzjoni jsir dovut u pagabbli; billi, iżda, skond it-termini ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE) Nru 878/77 jistgħu jingħataw eċċezzjonijiet lid-disposizzjonijiet imsemmija hawn fuq;

Billi l-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-aġenziji ta’ l-intervent maħtura mill-Istati Membru għandhom joħorġu għall-bejgħ il-prodotti mixtrija skond l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KEE) Nru 805/68 skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, tar-Regolament (KEE) Nru 98/69 u ta’ dan ir-Regolament.

TITOLU I

Il-Bejgħ bi prezzijiet iffissati bil-quddiem

Artikolu 2

1. L-applikazzjoni għax-xiri għandha tiġi sottomessa lill-aġenziji ta’ l-intervent bil-miktub. Għandha titqies valida għall-konsiderazzjoni fil-jum li fih tiġi rċevuta l-garanzija speċifikata fil-paragrafa 2.

2. Sabiex titqies valida għall-konsiderazzjoni, l-applikazzjoni trid:

(a) tispeċifika l-isem u l-indirizz tax-xerrej;

(b) tagħti deskrizzjoni eżatta tal-prodott;

(ċ) tispeċifika l-kwantità li japplikaw għalija u l-prezz stabbilit;

(d) tinkludi dikjarazzjoni fejn l-applikant jirrinunzja għal kull jedd dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott li jista’ jiġi assenjat lilu.

L-applikazzjoni tista’ wkoll issemmi, fl-ordni tal-preferenza, il-maħżen jew l-imħażen tal-kesħa fejn il-prodotti li japplikaw għalihom ikunu maħżuna. L-applikazzjoni tista’ tkun appoġġjata minn garanzija favur l-aġenzija ta’ l-intervent.

3. L-applikazzjoni għax-xiri ma tiġix aċċettata jekk il-garanzija ma tkunx iddepożitata ma’ l-aġenzija ta’ l-intervent, jew ma tiġix ipprovduta għas-sodisfazzjon ta’ l-aġenzija ta’ l-intervent fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li tiġi ssottomessa skond il-paragrafu 1.

Artikolu 3

1. L-aġenzija ta’ l-intervent għandha tqis validi għall-konsiderazzjoni kull wieħed mill-jiem ta’ l-applikazzjonijiet kollha kkompletati ppreżentati skond l-Artikolu 4. L-applikazzjonijiet meqjusa validi għall-konsiderazzjoni f’kull jum partikolari għandhom jiġu kkunsidrati li jkunu ġew sottomessi f’daqqa.

2. Għajr f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-applikazzjonijiet għandhom jiġu aċċettati fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu ġew sottomessi sakemm jispiċċaw il-ħażniet. Meta, meħuda flimkien, l-applikazzjonijiet irċevuti fl-istess ħin jaqbżu l-kwantità disponibbli, l-aġenzija ta’ l-intervent tista’ tqassam il-kwantità disponibbli, meta approprjat, bi ftehim max-xerrejja interessati, jew itellagħhom bil-polza.

3. L-aġenzija ta’ l-intervent, fil-limitu taż-żmien ipprovdut fil-paragrafu 2, għandha tinnotifika lil kull applikant bid-deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 4

1. Id-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni kkompletata għandha tkun il-jum meta tirċiviha l-aġenzija ta’ l-intervent, sakemm dan ma jiġrix iktar tard mis-2p.m. ħin lokali.

2. L-applikazzjonijiet ikkompletati li jaslu għand l-aġenzija ta’ l-intervent interessata f’jum li mhux jum tax-xogħol għal din l-aġenzija, jew f’jum tax-xogħol għal din l-aġenzija iżda aktar tard mis-siegħa riferita fil-paragrafu 1, għandhom jitqiesu li jkunu ġew sottomessi fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara l-jum meta jkunu waslu.

Artikolu 5

Ir-rata tal-kambju applikata għall-prezzijiet tal-bejgħ iffissati bil-quddiem f’ECU għandha tkun ir-rata rappreżentattiva fis-seħħ fil-jum li fih l-applikazzjoni titqies valida għall-konsiderazzjoni skond l-Artikolu 3(1).

TITOLU II

Il-Bejgħ bil-prezz stabbilit b’sejħa għall-offerti

Artikolu 6

1. Kull sejħa għall-offerti għandha jkollha x’taqsam ma’ kwantitajiet speċifiċi.

2. Is-sejħiet għall-offerti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

B’żieda ma’ dan, l-aġenziji ta’ l-intervent jistgħu jwaħħlu avviż ta’ dawn is-sejħiet fl-uffiċċju ewlieni tagħhom jew iħabbruhom b’mezzi oħra.

3. Is-sejħiet għall-offerti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mill-anqas 14-il jum qabel itemm il-perjodu taż-żmien tas-sottomissjoni ta’ l-offerti.

Artikolu 7

Kull sejħa għall-offerti għandha tinkludi t-tagħrif li ġej:

(a) deskrizzjoni tal-prodotti u d-data ta’ qabel ma nxtraw għall-ħażna;

(b) l-isem u l-indirizz tal-maħżen jew ta’ l-imħażen tal-kesħa fejn il-prodotti jinżammu;

(ċ) għal kull maħżen tal-kesħa, il-kwantitajiet ta’ kull prodott offrut bl-offerta;

(d) id-data ta’ l-għeluq u l-indirizz fejn jiġu sottomessi l-offerti;

(e) meta approprjat, dikjarazzjoni illi l-offerti jistgħu jiġu sottomessi bit-telex.

Artikolu 8

1. L-offerti jistgħu jiġu sottomessi bil-miktub lill-aġenzija ta’ l-intervent fuq irċevuta jew b’ittra indirizzata lill-aġenzija ta’ l-intervent. L-aġenzija ta’ l-intervent tista’ tippermetti li l-offerti jiġu sottomessi bit-telex.

2. Sabiex titqies valida għall-konsiderazzjoni, l-offerta trid tispeċifika:

(a) l-isem u l-indirizz ta’ min jitfa’ l-offerta;

(b) deskrizzjoni tal-prodotti u l-kwantità li għaliha ssir l-offerta, fejn tindika f’liema maħżen jew imħażen tal-kesħa jinżammu;

(ċ) il-prezz offrut għal kull tunnellata metrika, espress fil-munita ta’ l-Istat Membru li l-aġenzija ta’ l-intervent tiegħu tkun ħarġet is-sejħa għall-offerti;

(d) dikjarazzjoni mingħand min jitfa’ l-offerta li jirrinunzja għall-jeddijiet kollha dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott mogħti lilu;

(e) kull tagħrif addizzjonali meħtieġ mis-sejħa għall-offerti.

L-offerta trid tkun akkumpanjata minn garanzija ddepożitata ma’ l-aġenzija ta’ l-intervent, jew ipprovduta għas-sodisfazzjon ta’ l-aġenzija ta’ l-intervent.

Artikolu 9

Fid-dawl ta’ l-offerti rċevuti, għandhom jiġu stabbiliti l-prezzijiet minimi tal-bejgħ għall-prodotti fil-kwistjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) Nru 805/68.

Artikolu 10

1. L-offerti bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezz minimu tal-bejgħ għandhom jiġu rrifjutati.

2. Bla ħsara dwar kif ipprovdut fil-paragrafu 1, il-kuntratti għandhom jingħataw lil min jagħmel l-ogħla offerta. Meta tiġi rċevuta aktar minn offerta waħda bl-istess prezz għall-istess kwantità u meta l-kwantitajiet applikati għalihom jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli, l-aġenzija ta’ l-intervent tista’ tqassam il-kwantità disponibbli, meta approprjat, bi ftehim ma’ dawk li jkunu tefgħu l-offerti, jew itellagħhom bil-polza.

Artikolu 11

Kull min jitfa’ l-offerti għandu jiġi nnotifikat mill-aġenzija ta’ l-intervent interessata bir-riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħu fis-sejħa għall-offerti.

Dan it-tagħrif għandu jintbagħat fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-komunikazzjoni bit-telex lill-Istati Membri dwar id-deċiżjoni li tiffissa l-prezzijiet minimi.

Artikolu 12

Ir-rata tal-kambju użata biex taqleb

- l-offerti fl-ECU, u

- il-prezzijiet minimi tal-bejgħ fil-munita lokali,

għandha tkun ir-rata rappreżentattiva fis-seħħ fil-jum ta’ l-għeluq tas-sottomissjoni ta’ l-offerti.

TITOLU III

Disposizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 13

L-aġenziji ta’ l-intervent għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex jippermettu lil dawk li jkun beħsiebhom jitfgħu l-offerti li jispezzjonaw il-prodotti għall-bejgħ qabel jagħmlu l-applikazzjonijiet tagħhom jew jissottomettu l-offerti tagħhom.

Artikolu 14

L-applikazzjoni jew l-offerta għandhom ikunu f’waħda mill-ilsna uffiċjali tal-Komunità.

Madankollu, l-aġenziji ta’ l-intervent jistgħu jeħtieġu illi l-applikazzjonijiet jew l-offerti sottomessi f’ilsien li mhux l-ilsien ta’ l-Istat Membru interessat ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni.

Meta aġenzija ta’ l-intervent tagħmel użu minn din l-għażla, għandha tgħarraf lill-Kummissjoni u lill-aġenziji l-oħra ta’ l-intervent mill-anqas għaxart ijiem qabel. Il-kondizzjonijiet speċjali ta’ din il-ħtieġa għandhom ikunu kkomunikati lill-kummerċjanti permezz tal-mezzi normali.

Artikolu 15

1. Il-garanzija riferita fl-Artikolu 2(2) u 8 (2) għandha tkun ta’ 50 ECU għal kull tunnellata metrika.

Il-garanzija għandha tiġi ddepożitata, fuq l-għażla ta’ l-applikant jew ta’ min jitfa’ l-offerta, fi flus kontanti jew fl-għamla ta’ garanzija pprovduta minn stabbiliment li jissodisfa l-kriterji ffissati mill-Istat Membru li fih tkun lokata l-aġenzija ta’ l-intervent interessata. L-aġenzija ta’ l-intervent tista’ taċċetta ċekk tal-bank bħala garanzija.

2. Il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata minnufih:

(a) fil-każ tal-bejgħ bi prezz iffissat bil-quddiem:

- jekk l-applikazzjoni ma tkunx aċċettata,

- meta x-xerrej ikun wettaq l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u l-kondizzjonijiet tal-kuntratt tal-bejgħ;

(b) fil-każ tal-bejgħ bl-offerti:

- jekk l-offerta ma tkunx aċċettata,

- meta min jirbaħ l-offerta jkun wettaq l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u l-kondizzjonijiet tal-kuntratt tal-bejgħ.

3. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 16, il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata meta l-kwantità meħuda tammonta għal aktar minn 95 % tal-kwantità koperta bil-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 16

1. Jekk ix-xerrej ma jħallasx għall-prodott fil-limitu taż-żmien speċifikat fl-Artikolu 18(1), il-kuntratt għandu, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, jiġi kkanċellat mill-aġenzija ta’ l-intervent rigward il-kwantitajiet mhux imħallsa.

2. Għajr f’każijiet ta’ forza maġġuri, il-garanzija tintilef bi dritt:

(a) fil-proporzjon tal-kwantità mhux imħallsa fil-limitu taż-żmien speċifikat, jekk il-kwantità mħallsa tkun mhux anqas minn 60 % u mhux aktar minn 95 % tal-kwantità koperta bil-kuntratt;

(b) fit-total tagħha, jekk il-kwantità mħallsa tkun anqas minn 60 % tal-kwantità koperta bil-kuntratt.

3. Fil-każijiet ta’ nuqqas li jitħarsu l-obbligi l-oħra stabbiliti fil-kuntratt, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat tista’ tiddikjara l-garanzija mitlufa bi dritt fl-intier tagħha jew f’parti minnha, skond kemm tkun serja l-kontravvenzjoni interessata.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-każijiet meta jiġi applikat is-subparagrafu preċedenti, u jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi involuti u l-azzjoni meħuda.

Artikolu 17

1. Il-prezz tal-bejgħ għandu japplika għall-piż gross fil-każ tal-laħam bl-għadam u għall-piż nett fil-każ tal-laħam bla għadam u ppriservat, eskluż mit-taxxa domestika, ħieles fil-post tat-tagħbija fil-maħżen tal-kesħa fejn il-prodotti jkunu maħżuna. Għal-laħam mingħajr għadam, il-piż nett jitqies bħala d-differenza bejn il-piż gross aċċertat fil-post tat-tagħbija fil-maħżen tal-kesħa u l-piż medju tal-pakkeġġ stabbilit qabel l-użu tiegħu.

2. Fil-każ tal-bejgħ li ma jipprovdix destinazzjoni jew użu speċjali, il-kwantità minima tal-prodott għal kull applikazzjoni jew offerta għandha tkun ta’:

- ħames tunnellati metriċi, fil-każ tal-laħam bl-għadam,

- żewġ tunnellati metriċi, fil-każ tal-laħam mingħajr għadam jew ippriservat.

Jekk il-kwantità disponibbli fil-post tal-kunsinna jew fil-maħżen tal-kesħa tkun inqas minn ħames tunnellati metriċi jew żewġ tunnellati metriċi rispettivament, il-kwantità disponibbli għandha tikkostitwixxi l-kwantità minima.

Artikolu 18

1. Ix-xerrej għandu jieħu l-kunsinna tal-prodotti fi żmien xahar mid-data ta’ l-aċċettazzjoni riferita fl-Artikolu 3(2) jew fin-notifika riferita fl-Artikolu 11. L-ispejjeż u r-riskji rigward il-ħażna addizzjonali tal-kwantitajiet kollha mhux meħuda għall-ħażna matul dan il-perjodu taż-żmien għandhom jinġarru mix-xerrej.

2. Il-kunsinna għandha tittieħed rigward l-oġġetti skond ir-regoli ta’ l-aġenzija ta’ l-intervent għar-rilaxx mill-ħażna u ma għandha tiġi permessa l-ebda pretensjoni dwar lottijiet partikolari. Fil-każ ta’ sejħa għall-offerti jew meta l-applikazzjoni għax-xiri riferita fl-Artikolu 2(2) jissemmew imħażen tal-kesħa ppreferiti, l-oġġetti għandhom ikunu disponibbli fil-limiti tal-kwantitajiet disponibbli.

Artikolu 19

Il-prezz għandu jitħallas, hekk kif u meta l-oġġetti jittieħdu għall-ħażna u fil-proporzjon tal-kwantitajiet li jridu jittieħdu, l-aktar tard fil-jum ta’ qabel kull tneħħija. Kull aġġustament meħtieġ għandu jsir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data ta’ l-irċevuta tal-fattura finali.

Artikolu 20

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull ħmistax-il jum bil-kwantitajiet mibjugħa matul il-ħmistax-il jum ta’ qabel.

Artikolu 21

1. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 216/69 [1] ĠU L 28, tal-5.2.1969, p. 10. huwa hawnhekk imħassar.

2. Kull referenza f’Att Komunitarju għar-Regolament imħassar bil-paragrafu 1 jew għal kull Artikolu ta’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament jew għall-Artikolu relevanti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1979.

Madankollu, id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 16(3) għandhom japplikaw ukoll dwar il-kuntratti li jkunu saru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament meta tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali dwar ir-rilaxx tal-garanzija.

Magħmul fi Brussel, fl-4 ta’ Ottubru 1979.

Għall-Kummissjoni

Finn Gundelach

Viċi-President

[1] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 24.

[2] ĠU L 61, tal-5.3.1977, p. 1.

[3] ĠU L 106, tad-29.4.1977, p. 27.

[4] ĠU L 246, tad-29.9.1979, p. 76.

[5] ĠU L 14, tal-21.1.1969, p. 2.

--------------------------------------------------

Top