Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019D1186

Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat FSE stabbilit mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika interim bejn il-Kosta tal-Avorju, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra tal-11 ta' April 2019 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea [2019/1186]

ĠU L 185, 11.7.2019, p. 83–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1186/oj

11.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/83


DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUMITAT FSE STABBILIT MILL-FTEHIM TA' SĦUBIJA EKONOMIKA INTERIM BEJN IL-KOSTA TAL-AVORJU, FUQ NAĦA, U L-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, FUQ IN-NAĦA L-OĦRA

tal-11 ta' April 2019

dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea [2019/1186]

IL-KUMITAT TAL-FSE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika interim bejn il-Kosta tal-Avorju, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), iffirmat f'Abidjan fis-26 ta' Novembru 2008, u applikat fuq bażi proviżorja mit-3 ta' Settembru 2016, u b'mod partikolari l-Artikoli 76, 77 u 81 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) u l-att ta' adeżjoni mal-Ftehim iddepożitat mir-Repubblika tal-Kroazja fit-8 ta' Novembru 2017,

Billi:

(1)

Il-Ftehim japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Kosta tal-Avorju.

(2)

Skont l-Artikolu 77(3) tal-Ftehim, il-Kumitat FSE jista' jiddeċiedi dwar kwalunkwe miżura emendatorja li tista' tkun meħtieġa wara l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda mal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika tal-Kroazja, bħala Parti għall-Ftehim, għandha, bl-istess mod bħall-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni, rispettivament tadotta u tieħu nota tat-test tal-Ftehim, kif ukoll tal-Annessi, il-Protokolli u d-Dikjarazzjonijiet mehmuża miegħu.

Artikolu 2

L-Artikolu 81 tal-Ftehim huwa sostitwit bis-segwenti:

“Artikolu 81

Testi awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa mfassal f'żewġ eżemplari bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.”.

Artikolu 3

L-Unjoni għandha tikkomunika l-verżjoni tal-Ftehim bil-lingwa Kroata lill-Kosta tal-Avorju.

Artikolu 4

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għandhom japplikaw għal merkanzija esportata mill-Kosta tal-Avorju lejn ir-Repubblika tal-Kroazja jew mir-Repubblika tal-Kroazja lejn il-Kosta tal-Avorju li tikkonforma mar-regoli tal-oriġini fis-seħħ fit-territorju tal-Partijiet għall-Ftehim u li, fit-3 ta' Settembru 2016, kienet fi tranżitu jew f'ħażna temporanja, f'depost doganali jew f'żona ħielsa fil-Kosta tal-Avorju jew fir-Repubblika tal-Kroazja.

2.   Għandu jingħata trattament preferenzjali fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, sakemm tiġi ppreżentata prova tal-oriġini maħruġa retrospettivament mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur fi żmien erba' xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Il-Kosta tal-Avorju timpenja ruħha li ma tagħmel ebda pretensjoni, talba jew rikors u lanqas ma timmodifika jew tirtira xi konċessjoni skont l-Artikolu XXIV.6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (“GATT” — General Agreement on Tariffs and Trade) 1994 jew l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (“GATS” — General Agreement on Trade in Services) fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tagħha.

Madankollu, l-Artikoli 3 u 4 għandhom japplikaw mit-3 ta' Settembru 2016.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2019.

Għall-Kosta tal-Avorju

Ally COULIBALY

Għall-Unjoni Ewropea

Cecilia MALMSTRÖM


Top