Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2452

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2452 tat-8 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali għad-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 (Secret UE/EU SECRET non classifiée en l’absence de la partie II de l’annexe/meta tinqala’ mill-Parti II tal-Anness – mhux ikklassifikata.) (notifikata bid-dokument C(2022) 8938)

C/2022/8938

ĠU L 320, 14.12.2022, pp. 47–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 04/11/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2452/oj

14.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/47


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2452

tat-8 ta’ Diċembru 2022

li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali għad-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 (1)

(notifikata bid-dokument C(2022) 8938)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 tat-18 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/PESK (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2019/997 tistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet u l-proċedura għal ċittadini mhux rappreżentati f’pajjiżi terzi biex jiksbu Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE (“ETD tal-UE”) u tistabbilixxi format uniformi għad-dokument, li jikkonsisti f’formola uniformi tal-ETD tal-UE u stiker uniformi tal-ETD tal-UE.

(2)

L-Annessi tad-Direttiva (UE) 2019/997 jistabbilixxu speċifikazzjonijiet li għandhom jikkonformaw magħhom il-formola u l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE. Issa huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali dwar id-disinn, il-format u l-kuluri tal-formola u l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE, ir-rekwiżiti għall-materjal u t-tekniki tal-istampar tal-formola uniformi tal-ETD tal-UE, u l-karatteristiċi u r-rekwiżiti ta’ sigurtà inklużi standards imtejba kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni.

(3)

Biex jipprevjenu l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni, u minħabba n-natura partikolari tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali stipulati fil-Parti II tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, dawn għandhom jinżammu sigrieti u m’għandhomx jiġu ppubblikati.

(4)

Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-dokumenti ta’ referenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni eżemplari tal-ETD tal-UE tagħhom u jżommu eżemplari tat-tiraturi sussegwenti.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilita bl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (3),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali rigward il-prerekwiżiti, l-istruzzjonijiet u l-istandards għall-produzzjoni ta’ Dokumenti Provviżorji tal-Ivvjaġġar tal-UE (“ETD tal-UE”) għandhom ikunu kif stabbilit fil-Parti I tal-Anness.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali rigward id-disinn, il-format u l-kuluri tal-formola u l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE, ir-rekwiżiti għall-materjal u t-tekniki tal-istampar tal-formola uniformi tal-ETD tal-UE, u l-karatteristiċi u r-rekwiżiti ta’ sigurtà inklużi standards imtejba kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni għandhom ikunu kif stabbilit fil-Parti II tal-Anness. Parti II tal-Anness għandha tkun klassifikata SECRET UE/EU SECRET

Artikolu 2

Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra eżemplari ta’ referenza tal-ETD tal-UE tiegħu. Kull Stat Membru għandu wkoll iżomm eżemplari tat-tiraturi sussegwenti u għandu jżommhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Didier REYNDERS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Secret UE/EU SECRET non classifiée en l’absence de la partie II de l’annexe/meta tinqala’ mill-Parti II tal-Anness – mhux ikklassifikata.

(2)   ĠU L 163, 20.6.2019, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).


ANNESS

Speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali għad-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE

Parti I

Prerekwiżiti, istruzzjonijiet u standards għall-produzzjoni (1)

1.

WERREJ 50

2.

STRUZZJONIJIET RIGWARD IL-PRODUTTURI 50

3.

SIGURTÀ FIŻIKA 50

3.1

BINI TA’ PRODUZZJONI 50

3.2

PERSUNAL TAS-SIGURTÀ 50

3.3

KAMRA GĦALL-KONTROLL TA’ SIGURTÀ 51

3.4

AĊĊESS GĦAL VIŻITATURI JEW GĦAL PARTIJIET TERZI 51

3.5

AĊĊESS GĦALL-PERSUNAL 51

3.6

KONTROLL TAŻ-ŻONA TA’ PRODUZZJONI 51

3.7

IMMANIĠĠJAR TA’ MATERJAL LI JIDĦOL U LI JOĦROĠ 51

3.8

ASPETTI TAL-KONSENJA 51

4.

SIGURTÀ TA’ METODI U MATERJALI TA’ PRODUZZJONI 52

4.1

PJANĊI 52

4.2

KARTA 52

4.3

ELEMENT TA’ IDENTIFIKAZZJONI DIFFRATTIV OTTIKAMENT VARJABBLI 52

4.4

LINEK TAS-SIGURTÀ 53

4.5

ĦAŻNA 53

5.

KONTROLL TAL-KWALITÀ 53

6.

REFERENZI 53

1.   WERREJ

Din il-parti tad-dokument tal-Anness tistabbilixxi r-regoli għall-produzzjoni ta’ Dokumenti Provviżorji tal-Ivvjaġġar tal-UE (ETD tal-UE).

Din il-parti tal-Anness tista’ tingħata lil stampaturi tas-sigurtà potenzjali, pereżempju bħala parti minn proċess ta’ sejħa għall-offerti.

2.   STRUZZJONIJIET RIGWARD IL-PRODUTTURI

Il-produzzjoni tal-ETDs tal-UE għandha ssir biss minn stamperiji jew istituzzjonijiet tas-sigurtà pubbliċi jew privati, ikkummissjonati mill-Istati Membri u kapaċi jipproduċu dokumenti ta’ sigurtà għolja.

Kumpaniji jew istituzzjonijiet bħal dawn iridu jkunu kapaċi juru li huma kompetenti li jwettqu produzzjoni bħal din. Il-produttur irid ikollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Unjoni u l-produzzjoni tal-ETD tal-UE trid isseħħ ukoll fl-Unjoni.

Il-produzzjoni tal-ETDs tal-UE ma tridx tiġi esternalizzata lil parti terza (dan ma japplikax għall-materja prima u l-komponenti, bħall-fibri u l-karta tas-sigurtà) sakemm dan ma jkunx awtorizzat mill-Istat Membru li joħroġ il-kuntratt għall-produzzjoni tal-ETD tal-UE u nnotifikat lill-Kummissjoni. Il-kumpaniji ta’ partijiet terzi li jwettqu parti mill-produzzjoni tal-ETDs tal-UE jridu jaderixxu wkoll mal-istandards u mal-prattiki tas-sigurtà elenkati f’dan id-dokument.

Il-produttur irid ikun ċertifikat skont l-istandard “ISO 9001, Sistema tal-Immaniġġjar tal-Kwalità” u ISO/IEC 27001, “Sistemi tal-Immaniġġjar tas-Sigurtà tal-Informazzjoni”.

Barra minn hekk il-produttur irid ikollu l-ISO 14298 attwali, iċ-Ċertifikat għall-Immaniġġjar tal-Proċeduri tal-Istampar tas-Sigurtà (li qabel kien is-CWA 14641), li mill-anqas ikun ta’ livell “Governattiv” jew ekwivalenti skont ir-regolament nazzjonali.

Il-produtturi jridu jipprovdu dettalji dwar iċ-ċertifikati tal-awditjar tas-sigurtà fuq talba tal-Istat Membru.

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-produtturi jaderixxu ma’ dawn ir-regoli u jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kumpanija li ntgħażlet biex twettaq il-produzzjoni.

Il-produttur irid jirrapporta kull ksur tas-sigurtà marbut mal-ETDs tal-UE, il-materjali bażiċi jew is-sigurtà fiżika tal-faċilitajiet waqt il-produzzjoni lill-Istat Membru, li jrid jinforma lill-Kummissjoni mingħajr ebda dewmien.

3.   SIGURTÀ FIŻIKA

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din it-taqsima huma addizzjonali għall-ISO 14298 u obbligatorji meta tkun qed issir il-produzzjoni tal-ETDs tal-UE. Huma applikabbli wkoll għall-materjali, il-prodotti semimanifatturati u l-ħżin tal-ETDs tal-UE.

Is-sigurtà fiżika tal-post u l-bini tal-produzzjoni trid tinżamm skont l-ISO 14298 u r-Rekwiżiti ta’ Ċertifikazzjoni Intergraf (speċjalment il-Kategorija ta’ Riskju E, “L-Intrużjoni fiżika u r-riskju relatat mal-aċċess”) jew ir-regolamenti nazzjonali ekwivalenti.

Il-persuni kollha (l-impjegati, il-persunal tas-sigurtà, il-viżitaturi, il-partijiet terzi, eċċ.) li jkunu fuq il-post jew fil-binjiet tal-produzzjoni tal-produttur iridu jkunu kkontrollati skont l-ISO 14298 u r-Rekwiżiti ta’ Ċertifikazzjoni Intergraf jew ir-regolamenti nazzjonali ekwivalenti.

3.1   BINI TA’ PRODUZZJONI

Il-binjiet kollha li fihom jinħażnu u jiġu pproċessati l-materja prima u l-prodotti semimanifatturati kif ukoll lesti, iridu jkunu ċertifikati mill-anqas fil-livell “Governattiv” skont l-ISO 14298 jew ir-regolamenti ekwivalenti nazzjonali.

3.2   PERSUNAL TAS-SIGURTÀ

Il-produttur irid juża dipartiment speċjali u separat, jew kumpanija tas-sigurtà ċertifikata u ta’ reputazzjoni tajba kif ukoll persunal tas-sigurtà mħarreġ sew sabiex ikun responsabbli għas-sigurtà tal-post u taż-żoni ta’ produzzjoni. Huwa rakkomandat li kull kumpanija tas-sigurtà esterna tkun ċertifikata dwar l-aspetti ta’ kwalità (eż. ISO 9001, DIN 77200).

3.3   KAMRA GĦALL-KONTROLL TA’ SIGURTÀ

Il-produttur irid ikollu kamra għall-kontroll tas-sigurtà fuq il-post tal-produzzjoni. Il-miżuri ta’ sigurtà fiżika jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ EN 50518 (iċ-ċertifikazzjoni mhix meħtieġa) jew ir-regolamenti/l-istandards nazzjonali. B’deroga mis-sentenza preċedenti, id-devjazzjonijiet mill-EN 50518 huma possibbli sakemm ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju. Il-bieb tal-aċċess għall-kamra tal-kontroll ta’ sigurtà jrid ikun mgħammar fid-daħla b’qarrej tal-kards jew b’sistema ta’ kontroll bijometriku għall-aċċess li tirreġistra kull dħul u ħruġ, u għandu jkun mgħammar b’funzjoni li ma tippermettix l-użu immedjat tal-istess kard.

Huwa rrakkomandat li l-ħin kollu jkunu preżenti mill-anqas żewġ operaturi (gwardjani). Huwa rrakkomandat li dawn l-operaturi (gwardjani) ikunu impjegati tal-produttur.

3.4   AĊĊESS GĦAL VIŻITATURI JEW GĦAL PARTIJIET TERZI

Kull aċċess mill-viżitaturi jew minn partijiet terzi taż-żoni ta’ produzzjoni jrid ikun ikkontrollat b’mod strett skont l-ISO 14298. Dawn il-persuni jridu jkunu akkumpanjati l-ħin kollu u dejjem iridu jilbsu l-badge tal-identità tagħhom b’mod li tidher.

3.5   AĊĊESS GĦALL-PERSUNAL

L-aċċess għaż-żoni ta’ produzzjoni jrid ikun ristrett għall-impjegati awtorizzati permezz ta’ sistema ta’ kontroll tal-aċċess li b’mod strett taħdem abbażi tal-persuna. Irid ikun hemm fis-seħħ proċedura ta’ kontroll tal-aċċess. Huwa rrakkomandat li l-aċċess jingħata biss fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif.

3.6   KONTROLL TAŻ-ŻONA TA’ PRODUZZJONI

Iż-żoni ta’ produzzjoni jridu jkunu kkontrollati l-ħin kollu. Meta ż-żoni ta’ produzzjoni ma jkunux qed jintużaw, dawn iridu jissakkru fiżikament u jiġu mmonitorjati.

Jekk tinqala’ l-ħtieġa ta’ tali aċċess għaż-żoni ta’ produzzjoni waqt il-ħinijiet mhux ta’ produzzjoni, id-dipartiment tas-sigurtà irid ikun infurmat u jrid ikun preżenti waqt dan l-aċċess. F’każijiet bħal dawn, id-dħul fiż-żoni ta’ produzzjoni ma jistax ikun possibbli mingħajr mad-dipartiment tas-sigurtà jkun fiżikament preżenti (b’ċavetta separata/bi ċwievet separati tad-detentur(i)).

3.7   IMMANIĠĠJAR TA’ MATERJAL LI JIDĦOL U LI JOĦROĠ

Il-produttur irid ikollu għad-dispożizzjoni żoni apposta għat-trasportazzjoni u għall-konsenja sabiex jieħu ħsieb il-materjali u l-prodotti li jkunu deħlin u ħerġin. Kull bieb għat-trasportazzjoni u għall-konsenja, inklużi l-bieb taċ-ċint tal-perimetru, il-bieb intermedjarju u l-bieb intern għat-trasportazzjoni u għall-konsenja jridu jaħdmu fuq bażi elettronika u ta’ llokkjar interkonness, li jimplika li, meta wieħed mill-bibien ikun miftuħ, l-ieħor/l-oħrajn ikun(u) protett/protetti b’mod sigur b’mod elettroniku.

Irid ikun hemm proċeduri fis-seħħ għall-iskrinjar ta’ viżitaturi u ta’ sewwieqa tal-vetturi ta’ trasport għal din ix-xorta ta’ materjal. Irid jinżamm reġistru ta’ kull konsenja ta’ materjal.

3.8   ASPETTI TAL-KONSENJA

Il-konsenja tal-ETDs tal-UE trid tkun regolata mill-Istat Membru li joħroġ il-kuntratt flimkien mal-produttur. Peress li ETDs tal-UE li jkunu lesti iżda għadhom mhux personalizzati jitqiesu bħala oġġetti ta’ sigurtà ta’ riskju għoli, it-trasport għandu jkun tal-ogħla livell possibbli.

Trid issir valutazzjoni ġenerika tar-riskju, li tkun dokumentata għal kull tip ta’ trasport u kwalunkwe miżura ta’ sigurtà addizzjonali li tkun neċessarja (eż. vettura blindata, vettura ta’ akkumpanjament). Dawn il-valutazzjonijiet iridu jkunu rieżaminati kull meta jkun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi rilevanti.

L-attivitajiet kollha ta’ tagħbija u ħatt – inkluża l-konsenja lill-parti riċeventi – iridu jiġu mmonitorjati taħt kontroll doppju, jiġifieri, bl-involviment ta’ żewġ persuni jew aktar.

In-numri tas-serje tal-ETDs tal-UE li jkunu qed jiġu ttrasportati jridu jkunu indikati fuq id-dokumenti tat-trasport.

Huwa rrakkomandat li l-istatus u l-pożizzjoni tal-vetturi li jġorru prodotti tal-istampar ta’ sigurtà jkunu ċċekkjati f’intervalli regolari matul it-trasport. Irid ikun hemm mill-anqas żewġ sistemi indipendenti li jiżguraw komunikazzjoni effettiva ma’ sħab esterni f’każ ta’ xi tfixkil matul it-trasport.

Kull irregolarità (eż. in-nuqqas ta’ xi parti involuta li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti minimi tat-trasport, attakk fuq it-trasport jew it-telf għal xi raġuni matul it-trasport) iridu jkunu rrappurtati mill-ewwel lill-kumpanija produttriċi.

Ma jista’ jkun hemm ebda aċċess għall-prodotti ta’ sigurtà minn ġewwa l-kabina tas-sewwieq, u l-kompartiment li fih il-prodotti jiġu trasportati jrid ikun magħmul mill-metall u magħluq għal kollox (ebda vettura bil-ġnub jingħalqu b’għata) b’aċċess għat-tagħbija u għall-ħatt minn bieb li jissakkar. Iċ-ċwievet tas-serraturi ma jridux jinġarru fil-vettura.

4.   SIGURTÀ TA’ METODI U MATERJALI TA’ PRODUZZJONI

Din it-taqsima tistabbilixxi l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sigurtà rigward l-oġġetti użati għall-produzzjoni tal-ETD tal-UE. Il-produttur irid iżomm rekord tal-awditjar sħiħ u komplut li jkopri l-proċess kollu mill-wasla tal-materjal ta’ sigurtà sal-konsenja tal-ETDs tal-UE, inkluża l-qerda ta’ materjal mhux mixtieq, ħażin jew materjal semimanifatturat.

Barra minn hekk, l-għażla u r-responsabbiltà għal fornituri għall-materja prima jaqgħu fuq il-produttur, u fejn meħtieġ iridu jkunu approvati wkoll mill-Istat Membru rilevanti. Huwa rrakkomandat li l-fornituri tal-materja prima ta’ sigurtà jkunu ċertifikati sal-istess livell bħall-produtturi – speċjalment fir-rigward ta’ ISO 14298. Jekk il-produttur iqis li l-fornitur għandu reputazzjoni tajba u affidabbli (u l-produttur jivverifika skont kif meħtieġ) iżda ma jkunx ċertifikat, f’dan il-każ trid tinkiseb l-approvazzjoni mill-Istat Membru rilevanti li jagħti l-kuntratt, u l-Kummissjoni trid tkun notifikata mill-Istat Membru kif meħtieġ.

4.1   PJANĊI

Huwa rrakkomandat li l-pjanċi tal-istampar kollha tal-ETD tal-UE jinħadmu fil-post tal-produttur awtorizzat fejn isseħħ il-produzzjoni tal-ETD tal-UE. Jekk il-pjanċi tal-istampar ma jkunux aktar meħtieġa (eż. għax ikunu mkagħbrin bl-użu, difettużi, eċċ.), dawn iridu jsiru inutilizzabbli u jinqerdu b’mod sigur bil-mod adattat.

Kull pjanċa li jista’ jkun għad hemm bżonnha għal aktar tiraturi ta’ produzzjoni trid tinħażen f’żona ta’ sigurtà fil-bini tal-kumpanija.

Jekk il-produttur ma jkunx jista’ jipproduċi l-pjanċi fil-bini tiegħu stess, allura l-pjanċi tal-istampar meħtieġa jistgħu jkunu ordnati biss minn produttur ta’ pjanċi b’reputazzjoni tajba, li, pereżempju, preċedentement kien ipproduċa pjanċi għall-Istiker tal-Viża tal-UE. Madankollu, dan il-produttur tal-pjanċi jrid ikun iċċertifikat skont l-ISO 14298. Dawn it-tipi ta’ pjanċi jistgħu jiġu konsenjati biss lil produtturi awtorizzati wara li jirċievu l-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru. In-notifika dwar dan trid ukoll tintbagħat lill-Kummissjoni.

4.2   KARTA

Il-karta prodotta għall-ETD tal-UE trid tkun ikkontrollata b’mod strett. Dan japplika kemm għall-manifattur tal-karta kif ukoll għall-passi ulterjuri meħtieġa (iż-żieda ta’ qoxra adeżiva). Ir-rombli u l-folji kollha jridu jgħaddu minn awditjar ta’ sigurtà sabiex tkun żgurata l-akkontabbiltà fil-katina tal-provvista.

Il-karti kollha li għandhom jiġu kkonsenjati lill-produttur tal-ETD tal-UE iridu jingħaddu qabel ma jkunu kkonsenjati. Il-folji kkonsenjati lill-produttur u użati matul il-produzzjoni jridu jiġu ċċekkjati u jittieħed kont tagħhom.

Irid jintuża trasport sigur għall-konsenja tal-karti lill-produtturi. Trid issir valutazzjoni ġenerika tar-riskju għat-trasport li tkun iddokumentata, filwaqt li trid tiġi implimentata kull miżura ta’ sigurtà addizzjonali li jkun maħsub li tkun meħtieġa (eż. vettura blindata, vettura ta’ akkumpanjament). Dawn il-valutazzjonijiet iridu jkunu rieżaminati kull meta jkun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi rilevanti.

4.3   ELEMENT TA’ IDENTIFIKAZZJONI DIFFRATTIV OTTIKAMENT VARJABBLI

Il-produzzjoni u l-użu ta’ Element ta’ Identifikazzjoni Diffrattiv Ottikament Varjabbli (DOVID) għall-ETD tal-UE jridu jkunu soġġetti għal proċedura ta’ kontroll u jittieħed kont tagħhom. Dan jinkludi mhux biss il-patches kollha tad-DOVID, iżda wkoll il-prodotti semimanifatturati u ħżiena jew il-prodotti għar-rimi.

Il-konsenja tal-patches tad-DOVID lill-produtturi awtorizzati trid isseħħ bl-użu ta’ trasport sigur. In-numru ta’ DOVIDs li għandhom jiġu konsenjati jrid ikun reġistrat.

Il-patches tad-DOVID li għandhom jintużaw fil-post tal-produtturi jridu jiġu wkoll ikkontrollati u jittieħed kont tagħhom. Kull materjal ieħor għar-rimi jrid jinħażen b’mod sigur u jista’ jinqered b’mod sigur f’data aktar tard skont il-ħtieġa. Il-patches irid jittieħed kont tagħhom, sabiex ikun disponibbli rekord tal-awditjar sħiħ jekk dan jintalab.

Il-Kummissjoni jew Stat Membru jista’ jordna d-DOVID fuq bażi annwali fil-forma ta’ ordni raggruppata sabiex jitnaqqas il-prezz għall-Istati Membri individwali. L-Istati Membri huma responsabbli għall-arranġamenti kuntrattwali u finanzjarji skont l-ordni tal-grupp. Il-produtturi notifikati biss jistgħu jipparteċipaw fl-ordni raggruppata għad-DOVID.

4.4   LINEK TAS-SIGURTÀ

Sabiex tiġi prodotta l-istiker tal-ETD tal-UE jintużaw linek tas-sigurtà u l-użu ta’ dawn il-linka huwa ristrett. Il-linek jistgħu jkunu ordnati minn fornituri ta’ reputazzjoni tajba, ikunu ordnati minn produtturi oħrajn tal-ETD, jew ikunu prodotti fuq il-post tal-produtturi. Produttur jista’ jikkonsenja biss linek bħal dawn lil produttur awtorizzat ieħor wara li jkun irċieva prova tal-awtorizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar biex jipproduċi ETDs tal-UE.

Il-linek tas-sigurtà jridu jinħażnu f’żona sigura. Il-proċess ta’ awditjar huwa meħtieġ sabiex tinżamm traċċa tal-linek ta’ sigurtà użati fil-proċedura tal-produzzjoni.

4.5   ĦAŻNA

Il-materjali użati fil-produzzjoni tal-ETDs tal-UE jistgħu jiġu kkategorizzati kif ġej:

Materjali bażiċi (eż. il-linka, il-karta tas-sigurtà)

Mezzi bażiċi (eż. il-pjanċi tal-istampar)

Prodotti Semimanifatturati (Formoli u/jew stikers li ma jkunux għadhom lesti li ma ġewx soġġetti għall-istadji kollha tal-produzzjoni)

ETD tal-UE – Formola u Sticker

Il-ħżin u l-immaniġġjar tal-prodott jeħtieġ is-sigurtà, l-akkontabbiltà u l-kontroll xieraq f’kull stadju. Huwa rrakkomandat li ż-żoni ta’ ħżin jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kmamar tas-sigurtà (ara ISO 14298).

5.   KONTROLL TAL-KWALITÀ

Kull produttur tal-ETD tal-UE jista’ jispeċifika, f’konsultazzjoni mal-Istat Membru li jawtorizza l-produzzjoni, liema kontrolli tal-kwalità huma rakkomandati li jseħħu f’kull stadju tal-produzzjoni. Dawk il-kontrolli tal-kwalità jridu jiżguraw li l-ETDs tal-UE prodotti jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħha – sabiex il-kwalità tal-ETDs tal-UE tvarja mill-anqas possibbli bejn il-lottijiet tal-produzzjoni.

F’każ li jkun hemm ETDs tal-UE prodotti u mqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-Istat Membru kkonċernat irid jinnotifika minnufih lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni.

6.   REFERENZI

ISO 14298

L-immaniġġjar ta’ proċeduri għall-istampar ta’ sigurtà (dak li kien CWA 14641)

EN 50518

Iċ-ċentru ta’ monitoraġġ u fejn jaslu t-twissijiet

ISO 9001

Is-sistemi għall-immaniġġjar tal-kwalità

ISO/IEC 27001

Is-sistemi għall-Immaniġġjar tas-Sigurtà tal-Informazzjoni


(1)  Secret UE/EU SECRET non classifiée en l’absence de la partie II de l’annexe/meta tinqala’ mill-Parti II tal-Anness – mhux ikklassifikata.


Top