This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32002R0178
Regulation (EC) No 178/2002 of the European Parliament and of the Council of 28 January 2002 laying down the general principles and requirements of food law, establishing the European Food Safety Authority and laying down procedures in matters of food safety
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel
ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1–24
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2024
Official Journal L 031 , 01/02/2002 P. 0001 - 0024
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 37, 95, 133 u l-Artikolu 152(4)(b) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3], Waqt li jaġixxu skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], Billi: (1) Il-moviment liberu ta' ikel sustanzjuż u sikur huwa aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għas-saħħa u l-ġid taċ-ċittadini, u għall-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom. (2) Livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat biex titwettaq il-politika tal-Komunità. (3) Il-moviment liberu ta' ikel u tmiegħ fil-Komunità jista’ jintlaħaq biss jekk il-ħtiġijiet ta' sigurtà ta' l-ikel u l-għalf ma jkunux ivarjaw b'mod sinifikattiv minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor. (4) Hemm differenzi importanti fir-relazzjonijiet tal-kunċetti, prinċipji u proċeduri bejn il-liġijiet dwar l-ikel ta' l-Istati Membri. Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri li jirregolaw l-ikel, dawn id-differenzi jistgħu jfixklu l-moviment liberu ta' l-ikel, joħolqu kondizzjonijiet mhux indaqs tal-kompetizzjoni, u jistgħu b'hekk jaffettwaw direttament it-tħaddim tas-suq intern. (5) Għalhekk, huwa meħtieġ li dawn il-kunċetti, prinċipji u proċeduri jitressqu lejn xulxin biex jiffurmaw bażi komuni għall-miżuri li jirregolaw l-ikel u l-għalf meħuda fl-Istati Membri u fil-livell tal-Komunità. Iżda hu meħtieġ li jiġi pprovdut żmien biżżejjed għall-adattament ta' xi dispożizzjonijiet kontradittorji fil-leġislazzjoni eżistenti, kemm fil-livell nazzjonali u dak tal-Komunità, u biex jiġi pprovdut li, sakemm isir dak l-adattament, il-leġislazzjoni relevanti tiġi applikata fid-dawl tal-prinċipji mniżżla fir-Regolament preżenti. (6) L-ilma jiġi inġestit direttament jew indirettament bħal ikel ieħor, u b'hekk jikkontirbwixxi għal esponiment totali tal-konsumatur għal sustanzi inġestiti, inklużi kontaminanti kimiċi u mikrobijoloġiċi. Iżda, billi l-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum uman hija ġià rregolata bid-Direttivi tal-Kunsill 80/778/KEE [5] u 98/83/KE [6], huwa biżżejjed li l-ilma jiġi kkonsidrat wara l-punt ta' konformità imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/83/KE. (7) Fil-kuntest tal-liġi dwar l-ikel huwa xieraq li jiġu inklużi ħtiġijiet għall-għalf, inkluża l-produzzjoni u l-użu tiegħu fejn dak l-għalf ikun maħsub għal annimali li jipproduċu l-ikel. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal ħtiġijiet simili li s'issa ġew applikati u li għandhom jiġu applikati fil-futur f'leġislazzjonijiet dwar l-għalf applikabbli għall-annimali inklużi annimali miżmuma għad-delizzju. (8) Il-Komunità għażlet livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa kif jixraq fl-iżvilupp tal-liġijiet dwar l-ikel, li tapplika b'mod mhux diskriminatorju sew għal ikel u għalf negozjat fis-suq intern u kemm internazzjonalment. (9) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li konsumaturi, nies interessati oħra u s-sieħba fil-kummerċ ikollhom fiduċja fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet relatati mal-liġi ta' l-ikel, il-bażi xjentifiku tagħhom u l-istrutturi u l-indipendenza ta' l-istituzzjonijiet li jipproteġu s-saħħa u interessi oħra. (10) L-esperjenza wriet li huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri mmirati biex jiggarantixxu li ikel perikoluż ma jitqiegħedx fis-suq u li jiġi żgurat li jeżistu sistemi biex jidentifikaw u jirrispondu għall-problemi tas-sigurtà ta' l-ikel biex jiġi żgurat it-tħaddim kif imiss tas-suq intern u l-protezzjoni tas-saħħa umana. Kwistjonijiet simili dwar is-sigurtà ta' l-għalf għandhom ukoll jiġu ndirizzati. (11) Biex jittieħed approċċ komprensiv biżżejjed u integrat għas-sigurtà ta' l-ikel, għandu jkun hemm definizzjoni wiesgħa tal-liġi ta' l-ikel li tkun tkopri firxa wiesgħa ta' dispożizzjonijiet b'effett dirett jew indirett dwar is-sugurtà ta' l-ikel u l-għalf, inklużi dispożizzjonijiet dwar materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt ma' l-ikel, l-għalf jew prodotti agrikoli oħra fil-livell tal-produzzjoni primarja. (12) Biex tiġi żgurata s-sigurtà fl-ikel, huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-aspetti kollha tal-katina ta' produzzjoni ta' l-ikel bħala continuum minn u inkluża l-produzzjoni primarja u l-produzzjoni ta' l-għalf għall-annimali sa u inkluż il-bejgħ jew provvista ta' ikel lill-konsumatur minħabba li kull element jista’ jkollu impatt potenzjali fuq is-sigurtà ta' l-ikel. (13) L-esperjenza wriet li għal din ir-raġuni huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-produzzjoni, l-manifattura, t-trasport u t-tqassim ta' l-għalf mogħti lill-annimali li jipprovdu ikel, inkluż il-produzzjoni ta' annimali li jistgħu jintużaw bħala għalf għall-irziezet tal-ħut, minħabba li l-kontaminazzjoni bi żball jew apposta ta' l-għalf u adulterazzjoni jew prattiki ta' frodi jew prattiki ħżiena oħra b’relazzjoni magħha, jista’ jingħata lok għal impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà fl-ikel. (14) Għall-istess raġuni huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati prattiki oħra u inputs agrikoli fil-livell tal-produzzjoni primarja u l-effett potenzjali tagħhom kollox ma’ kollox fuq is-sigurtà ta' l-ikel. (15) It-tqabbid b’networks ta' laboratorji ta' eċċellenza, f'livell reġjonali u/jew interreġjonali, bil-għan li jiġi żgurat l-immonitorjar kontinwu tas-sigurtà fl-ikel, jista’ jkollu rwol importanti fil-prevenzjoni ta' riskji potenzjali għas-saħħa taċ-ċittadin. (16) Miżuri adottati mill-Istati Membri u l-Komunità li jirregoalw l-ikel u l-għalf għandhom ġeneralment ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskju ħlief fejn dan ma jkunx adattat għaċ-ċirkostanzi jew in-natura tal-miżura. Rikors għall-analiżi tar-riskju qabel l-adozzjoni ta' dawk il-miżuri għandu jiffaċilita biex jiġu evitati barrieri mhux ġustifikati għall-moviment liberu ta' oġġetti ta' l-ikel. (17) Fejn il-liġi dwar l-ikel hija mmirata lejn it-tnaqqis, l-eliminazzjoni jew l-iskartar tar-riskju għas-saħħa, it-tliet komponenti inter-konnessi ta' l-analiżi tar-riskju - stima tar-riskju, immaniġġjar tar-riskju, u komunikazzjoni tar-riskju - jipprovdu metodoloġija sistematika biex jiġu stabbiliti miżuri effettivi, proporzjonati u mmirati jew azzjonijiet oħra biex jipproteġu s-saħħa. (18) Biex ikun hemm fidi fil-bażi xjentifika għal-liġi dwar l-ikel, l-istimi tar-riskju għandhom jitwettqu b'mod indipendenti, oġġettiv u trasparenti fuq il-bażi tat-tagħrif xjentifiku disponibbli u tagħrif ieħor. (19) Huwa magħruf li stima xjentifika tar-riskju weħidha ma tistax, f'xi każi, tipprovdi t-tagħrif kollu li fuqu d-deċiżjoni ta' l-immaniġġjar tar-riskju għandha tkun ibbażata, u li fatturi oħra relevanti għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni għandu b'mod leġittimu jingħata kont tagħhom inklużi l-fatturi soċjali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali u l-possibbiltà tal-kontrolli. (20) Il-prinċipju ta' prekawzjoni ġie invokat biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa fil-Komunità, u b'hekk jingħata lok għal barrieri għall-moviment liberu ta' ikel u għalf. Għaldaqstant hu meħtieġ li tiġi adottata bażi uniformi mal-Komunità kollha għall-użu ta' dan il-prinċipju. (21) F'dawk iċ-ċirkostanzi speċifiċi fejn jeżisti riskju għall-ħajja jew għas-saħħa iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, il-prinċipju ta' prekawzjoni jipprovdi mekkaniżmu biex jiġu stabbiliti miżuri għall-immaniġġjar tar-riskju jew azzjonijiet oħra biex jiġi żgurat il-livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa magħżul fil-Komunità. (22) Is-sigurtà ta' l-ikel u l-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumatur hija preokkupazzjoni dejjem tikber għall-pubbliku in ġenerali, organizzazzjonijiet mhux governativi, assoċjazzjonijiet professjonali, imsieħba internazzjonali fil-kummerċ, u organizzazzjonijiet tal-kummerċ. Huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur u l-fiduċja ta' l-imsieħba fil-kummerċ tiġi żgurata permezz ta' żvilupp miftuħ u trasparenti fil-liġi dwar l-ikel u billi l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu l-passi meħtieġa biex javżaw lill-pubbliku fejn ikun hemm bażi raġonevoli ta' suspett li xi ikel jista’ jippreżenta riskju għas-saħħa. (23) Is-sigurtà u l-fiduċja ta' konsumaturi fil-Komuntà, u f'pajjiżi terzi, hija ta' mportanza enormi. Il-Komunità hija negozjant prinċipali globali ta' ikel u għalf u, f'dan il-kuntest, daħlet f'diversi ftehim internazzjonali, tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' standards internazzjonali li huma ta' importanza għal-liġi dwar l-ikel, u tappoġġa l-prinċipji ta' kummerċ liberu f'għalf u ikel san u sustanzjuż b'mod mhux diskriminatorju, u ssegwi prattiki ġusti u etiċi ta' kummerċ. (24) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li ikel u għalf esportat jew ri-esportat mill-Komunità jkun jikkonforma mal-liġi tal-Komunità jew mal-ħtiġijiet stabbilita mill-pajjiż importatur. F'ċirkostanzi oħra, ikel u għalf jista’ jiġi esportat jew ri-esportat biss jekk il-pajjiż importatur ikun espressament qabel. Iżda, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li wkoll fejn ikun hemm il-qbil tal-pajjiż importatur, ikel li jkun ta'ħsara għas-saħħa jew ikel mhux tajjeb ma jiġix esportat jew ri-esportat. (25) Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-prinċipji ġenerali li fuqhom jista’ jsir negozju fl-ikel u l-għalf u l-għanijiet u l-prinċipji għall-kontribuzzjoni tal-Komunità lejn l-iżvilupp ta' standards internazzjonali u ftehim ta' kummerċ. (26) Xi Stati Membri adottaw leġislazzjoni orizzontali dwar is-sigurtà ta' l-ikel, li timponi b'mod partikolari, obbligazzjoni ġenerali fuq l-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu biss fis-suq ikel li jkun żgur. Madanakollu, dawn l-Istati Membri japplikaw kriterji bażiċi differenti biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb. Minħabba dawn l-approċċi differenti, u fin-nuqqas ta' leġislazzjoni orizzontali fi Stati Membri oħra, x'aktarx li jinħolqu barrieri fil-kummerċ ta' l-ikel. Bl-istess mod dawk il-barrieri jistgħu jinħolqu fil-kummerċ ta' l-għalf. (27) Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet ġenerali li ikel u għalf san biss jitqiegħed fis-suq, biex jiġi żgurat li s-suq intern f'dawk il-prodotti jaħdem b'mod effettiv. (28) L-esperjenza wriet li t-tħaddim tas-suq intern fl-ikel u l-għalf jista’ jitqiegħed f'perikolu jekk ikun impossibbli li jiġi rintraċċat l-ikel u l-għalf. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi stabbilita sistema komprensiva ta' rintraċċar fi ħdan in-negozji ta' l-ikel biex irtirar immirat u eżatt ikun jista’ jitwettaq jew tagħrif mogħti lill-konsumaturi jew kontrolli uffiċjali, biex b'hekk jiġi evitat potenzjal aktar wiesa' ta' tfixkil bla bżonn fil-każ ta' problemi dwar is-sigurtà ta' l-ikel. (29) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li n-negozju ta' l-ikel jew dak ta' l-għalf inkluż importatur ikun jista’ jiġi identifikat ta' l-anqas in-negozju li minnu l-ikel, l-għalf, l-annimal jew is-sustanza li tista’ tiġi nkorporata fl-ikel jew l-għalf tkun ġiet ipprovduta, biex jiġi żgurat li waqt xi investigazzjoni, ir-rintraċċabilità tkun tistà tiġi żgurata fl-istadji kollha. (30) Operatur ta' negozju ta' l-ikel qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex iħaddem sistema żgura għall-provvista ta' ikel li tiżgura li l-ikel li jipprovdi jkun tajjeb; b'hekk, għandu jkollu responsabbiltà primarja legali li tiżgura s-sigurtà ta' l-ikel. Għalkemm dan il-prinċipju jeżisti f'xi Stati Membri u żoni tal-liġi dwar l-ikel, f’ żoni oħra dan jew mhux espliċitu jew inkella r-responsabbiltà hija assunta mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru permezz ta' l-attivitajiet ta' kontroll li jwettaq. Dan l-iżbilanċ jista’ x'aktarx joħloq barrieri għall-kummerċ jew tgħawwiġ fil-kompetizzjoni bejn l-operaturi tan-negozji ta' l-ikel fi Stati Membri differenti. (31) Ħtiġijiet simili għandhom japplikaw għall-għalf u l-operaturi tan-negozju fl-għalf. (32) Il-bażi xjentifika u teknika tal-leġislazzjoni tal-Komunità li tirrelata mas-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf għandha tikkontribwixxi għall-ksib ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa fil-Komunità. Il-Komunità għandu jkollha aċċess għal appoġġ xjentifiku u tekniku ta' livell għoli, indipendenti u effiċjenti. (33) Il-kwistjonijiet xjentifiċi u tekniċi li jirrelataw mas-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf qed isiru dejjem aktar importanti u komplessi. L-istabbiliment ta' Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa "l-Awtorità", għandha ssaħħaħ is-sistema preżenti ta' appoġġ xjentifiku u tekniku li m'għadux aktar kapaċi li jlaħħaq mat-talbiet dejjem jiżdiedu li jsirulu. (34) Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi dwar l-ikel, l-Awtorità għandha tieħu r-rwol ta' punt ta' referenza indipendenti xjentifiku fl-istima tar-riskju u waqt li tagħmel dan għandha tgħin biex jiġi żgurat l-iffunzjonar bla ntoppi tas-suq intern. Tista’ tintalab biex tagħti opinjonijiet dwar kwistjonijiet xjentifiċi kkontestati, u b'hekk tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar immaniġġjar ta' riskju biex tiġi żgurata s-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf waqt li tgħin biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern minħabba l-adozzjoni ta' tfixkil mhux ġustifikat jew meħtieġ għall-moviment liberu ta' ikel u għalf. (35) L-awtorità għandha tkun sors xjentifiku indipendenti ta' konsulenza, tagħrif u komunikazzjoni ta' riskju biex tittejjeb il-fiduċja tal-konsumatur; madanakollu, biex tiġi promossa koerenza bejn il-funzjonijiet ta' l-istima ta' riskju, l-immaniġġjar ta' riskju u l-komunikazzjoni ta' riskju, r-rabta bejn l-assessuri tar-riskju u l-amministraturi tar-riskju għandha tissaħħaħ. (36) L-awtorità għandha tipprovdi opinjoni komprensiva, indipendenti, xjentifika tas-sigurtà u l-aspetti l-oħra tal-ħoloq kollha ta' provvista ta' ikel u għalf, li timplika responsabbiltajiet b'firxa wiesgħa għall-Awtorità. Dawn għandhom jinkludu kwistjonijiet li jkollhom impatt dirett jew indiritt dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvisti ta' ikel u għalf, is-saħħa u l-welfare ta' l-annimali, u s-saħħa tal-pjanti. Iżda, huwa meħtieġ li l-Awtorità tiffoka fuq is-sigurtà ta' l-ikel, biex il-missjoni tagħha f'relazzjoni mal-kwistjonijiet tas-saħħa ta' l-annimal, il-welfare ta' l-annimal u s-saħħa tal-pjanti li ma jkunux marbuta mas-sigurtà tal-katina tal-provvista ta' l-ikel għandhom ikunu limitati għall-provvista ta' opinjonijiet xjentifiċi. Il-missjoni ta' l-Awtorità għandha wkoll tkun tkopri Konsulenza xjentifika u appoġġ xjentifiku u tekniku dwar nutriment tal-bniedem b'relazzjoni mal-leġislazzjoni tal-Komunità u għajnuna lill-Kummissjoni fuq talba tagħha dwar komunikazzjoni marbuta mal-programmi ta' saħħa tal-Komunità. (37) Minħabba li xi prodotti awtorizzati taħt il-liġi dwar l-ikel bħal pestiċidi jew addittivi fl-għalf ta' l-annimali jistgħu jinvolvu riskji għall-ambjent jew għas-sigurtà tal-ħaddiema, xi aspetti ta' protezzjoni għall-ambjent u għall-ħaddiema għandhom ukoll jiġu stmati mill-Awtorità skond il-leġislazzjoni relevanti. (38) Biex jiġu evitati stimi xjentifiċi duplikati u opinjonijiet xjentifiċi relatati ma’ organiżmi ġenetikament modifikati (GMOs), l-Awtorità għandha wkoll tipprovdi opinjonijiet xjentifiċi fuq prodotti barra minn ikel u għalf li jirrelataw mal-GMOs kif definiti fid-Direttiva 2001/18/KE [7] u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri stabbiliti fiha. (39) L-Awtorità għandha tikkontribwixxi permezz tal-provvista ta' appoġġ fuq kwistjonijiet xjentifiċi, lejn ir-rwol tal-Komunità u l-Istati Membri fl-iżvilupp u l-istabbiliment ta' standards internazzjonali dwar is-sigurtà ta' l-ikel u ftehim dwar kummerċ. (40) Il-fiduċja ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità, il-pubbliku in ġenerali u partijiet interessati fl-Awtorità hija essenzjali. Għal din ir-raġuni, hija essenzjali li tiġi żgurata l-indipendenza tagħha, kwalità għolja xjentifika, trasparenza u effiċjenza. Il-kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri hija wkoll indispensabbli. (41) Għal dak il-għan, il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jinħatar b'dak il-mod li jiżgura l-ogħla standard ta' kompetenza, firxa wiesgħa ta' kompetenza relevanti, per eżempju fl-immaniġġjar u l-amministrazzjoni pubblika, u tqassim ġeografiku l-aktar wiesa’ possibbli fl-Unjoni. Dan għandu jiġi ffaċilitat bir-rotazzjoni tal-pajjiżi differenti ta' oriġini tal-membri tal-Bord Amministrattiv mingħajr ma xi post ikun riżervat għal xi ċittadini ta' xi Stat Membru speċifiku. (42) L-Awtorità għandha wkoll ikollha l-mezzi meħtieġa biex twettaq ix-xogħlijiet kollha meħtieġa biex jippermettulha li twettaq ir-rwol tagħha. (43) Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jkollu s-setgħat meħtieġa biex jistabbilixxi l-budget, jivverifika l-implimentazzjoni tiegħu, iħejji regoli interni, jadotta regolamenti finanzjarji, jaħtar membri għall-Kumitat Xjentifiku u Bordijiet Xjentifiċi u jaħtar Direttur Eżekuttiv. (44) L-Awtorità għandha tikkoopera mill-qrib mal-korpi kompetenti fl-Istati Membri jekk trid taħdem b'mod effettiv. Għandu jinħoloq Forum ta' Konsulenza biex jagħti Konsulenza lid-Direttur Eżekuttiv, jitistabilixxi mekkaniżmu ta' bdil ta' tagħrif, u tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema tan-networks. Il-kooperazzjoni u l-bdil kif jixraq ta' tagħrif għandu wkoll iċekken il-potenzjal ta' opinjonijiet xjentifiċi diverġenti. (45) L-Awtorità għandha tieħu f'idejha ir-rwol tal-Kumitati xjentifiċi responsabbli mill-Kummissjoni fil-ħruġ ta' opinjonijiet xjentifiċi fil-qasam tagħha ta' kompetenza. Huwa meħtieġ li dawn il-Kumitati jiġu riorganizzati biex tiġi żgurata konsistenza xjentifka akbar f'dak li għandu x'jaqsam mal-katina tal-provvista ta' l-ikel u biex jippermettilhom li jaħdmu b'mod aktar effettiv. Kumitat Xjentifiku u Bordijiet Permanenti Xjentifiċi għandhom għalhekk jiġu stabbiliti fi ħdan l-Awtorità biex jipprovdu dawn l-opinjonijiet. (46) Biex tiġi ggarantita l-indipendenza, il-membri tal-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet għandhom ikunu xjenzjati indipendenti reklutati fuq il-bażi ta' proċedura miftuħa ta' applikazzjoni. (47) Ir-rwol ta' l-Awtorità bħala punt indipendenti xjentifiku ifisser li opinjoni xjentifika tista’ tintalab mhux biss mill-Kummissjoni, iżda wkoll mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri. Biex tiġi żgurata l-maniġġabilità u l-konsistenza tal-proċess ta' Konsulenza xjentifika, għandha tkun tista’ tirrifjuta jew temenda talba li titlob ġustifikazzjoni għal dan u fuq il-bażi ta' kriterji stabbiliti minn qabel. Għandhom jittieħdu passi li jgħinu biex jiġu evitati opinjonijiet xjentifiċi diverġenti u, fil-każ ta' opinjonijiet xjentifiċi diverġenti bejn korpi xjentifiċi, għandu jkun hemm proċeduri biex jirriżolvu d-diverġenzi jew li jipprovdu lill-maniġers tar-riskju b'bażi trasparenti ta' tagħrif xjentifiku. (48) L-awtorità għandha tkun tista’ tikkommissjona wkoll l-istudji xjentifiċi meħtieġa biex tkun tista’ twettaq id-dmirijiet tagħha, waqt li tiżgura li r-rabtiet stabbiliti bejnha u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprevjenu duplikazzjoni tax-xogħol. Dan għandu jsir b'mod miftuħ u trasparenti u l-Awtorità għandha tagħti kont tal-ħila u ta' l-istrutturi eżistenti fil-Komunità. (49) In-nuqqas ta' sistema effettiva ta' ġbir u analiżi ta' tagħrif fil-livell tal-Komunità dwar il-katina tal-provvista ta' l-ikel huwa rikonoxxut bħala nuqqas prinċipali. Sistema tal-ġbir u l-analiżi tat-tagħrif relevanti fl-oqsma koperti mill-Awtorità għandha għalhekk tiġi stabbilita, fil-forma ta' network koordinat mill-Awtorità. Hija meħtieġa reviżjoni tan-networks tal-Komunità tal-ġbir ta' tagħrif fl-oqsma koperti mill-Awtorità. (50) Identifikazzjoni aħjar ta' riskji li joħorġu tista’ fit-tul tkun strument prinċipali ta' prevenzjoni disponibbli għall-Istati Membri u l-Komunità fl-eżerċizzju tal-politika tagħha. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi assenjat lill-Komunità x-xogħol bil-quddiem ta' ġbir ta' tagħrif u l-eżerċizzju ta' viġilanza u li tiġi pprovduta l-valutazzjoni ta' u t-tagħrif minn riskji li joħorġu bil-ħsieb tal-prevenzjoni tagħhom. (51) L-istabbiliment ta' l-Awtorità għandu jippermetti lill-Istati Membri li jinvolvu ruħhom aktar mill-qrib fi proċeduri xjentifiċi. Għandu għalhekk ikun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Awtorità u l-Istati Membri għal dan il-għan. B’mod partikolari, l-Awtorità għandha tkun tista’ tassenja ċertu xogħol lill-organizzazzjonijiet fl-Istati Membri. (52) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtieġa li jintużaw organizzazzjonijiet nazzjonali biex iwettqu xogħlijiet għall-Awtorità u l-ħtieġa li jiġi żgurat għall-għanijiet ta' konsistenza ġenerali li dawk ix-xogħlijiet jitwettqu skond il-kriterji stabbiliti għal tali xogħlijiet. Proċeduri eżistenti għall-allokazzjoni ta' xogħlijiet xjentifiċi lill-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni ta' dossiers ippreżentati mill-industrija għall-awtorizzazzjoni ta' ċerti sustanzi, prodotti jew proċeduri, għandhom jiġu eżaminati fi żmien sena bil-għan li jittieħed kont ta' l-istabbiliment ta' l-Awtorità u l-faċilitajiet il-ġodda li toffri, bil-proċeduri tal-valutazzjoni jibqgħu iebsa ta' l-anqas daqs qabel. (53) Il-Kummissjoni tibqa’ għal kollox responsabbli għall-komunikazzjoni tal-miżuri ta' l-immaniġġjar tar-riskju. It-tagħrif xieraq għandu għalhek jinbidel bejn l-Awtorità u l-Kummissjoni. Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Awtorità, il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija wkoll meħtieġa biex tiġi żguratat l-koerenza tal-proċess globali ta' komunikazzjoni. (54) L-indipendenza ta' l-Awtorità u r-rwol tagħha li tavża lill-pubbliku jfisser li għandha tkun tista’ tikkomunika b'mod awtonomu fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetennza tagħha, l-għan tagħha jkun li tipprovdi tagħrif oġġettiv, ta' min jorbot fuqu u li jiftiehem malajr. (55) Kooperazzjoni kif jixraq ma’ l-Istati Membri u partijiet oħra nteressati hija meħtieġa fil-qasam speċifiku ta' kampanji ta' tagħrif pubbliku li jkun jagħti kont ta' xi parametri reġjonali u xi korrelazzjoni mal-politika dwar is-saħħa. (56) B'żieda mal-prinċipji tagħha ta' tħaddim ibbażat fuq l-indipendenza u t-trasparenza, l-Awtorità għandha tkun organizzazzjoni miftuħa għall-kuntatti mal-konsumaturi u gruppi oħra interessati. (57) L-Awtorità għandha tkun iffinanzjata mill-budget ġenerali ta' l-l-Unjoni Ewropea. Madanakollu, fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' dossiers ta' awtorizzazzjoni ppreżentati mill-industrija, il-possibbiltà ta' xi tariffi għandha tiġt eżaminata fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-proċedura tal-budget tal-Komunità tibqa’ applikabbli sal-limitu li xi sussidji li għandhom jitħallsu mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea huma kkonċernati. U aktar, il-verifika tal-kontijiet għandha titwettaq mill-Qorti ta' l-Awdituri. (58) Huwa meħtieġ li tiġi permessa l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi Ewropej u m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea u li għandhom xi ftehim li jobbligahom li jġorru u jimplimentaw il-korp tal-liġi tal-Komunità fil-qasam kopert b'dan ir-Regolament. (59) Sistema ta' allarm mgħaġġel diġà teżisti fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 ta' Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [8]. L-iskop tas-sistema eżistenti jinkludi ikel u prodotti industrijali iżda mhux għalf. Il-kriżi riċenti ta' l-ikel uriet il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema imtejba u aktar wiesgħa ta' allarm malajr li jkun ikopri l-ikel u l-għalf. Din is-sistema riveduta għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni u tinkludi bħala membri tan-network lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità. Din is-sistema m'għandhiex tkopri l-arranġamenti tal-Komunità għall-bdil kmieni ta' tagħrif fil-każ ta' emerġenza radjoloġika kif imfissra fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom [9]. (60) Inċidenti reċenti dwar is-sigurtà ta' l-ikel urew il-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri adattati f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jiżguraw li l-ikel kollu, ikun xi jkun it-tip u l-oriġini tiegħu u l-għalf kollu għandhom ikunu suġġetti għal miżuri komuni fil-każ ta' xi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew l-ambjent. Approċċ komprensiv bħal dak għal miżuri ta' emerġenza dwar is-sigurtà ta' l-ikel għandhom jippermettu li tittieħed azzjoni effettiva u li jiġu evitati inugwaljanzi artifiċjali fit-trattament ta' riskju serju in relazzjoni ma’ l-ikel jew l-għalf. (61) Il-kriżi reċenti ta' l-ikel uriet ukoll il-benefiċċji għall-Kummissjoni li jkollha proċeduri adattati kif imiss u aktar mgħaġġla għall-immaniġġjar tal-kriżi. Dawn il-proċeduri ta' organizzazzjoni għandhom jagħmluha possibbli li jitjieb il-koordinament ta' l-isforz u biex jiġu stabbiliti l-miżuri l-aktar effettivi fuq il-bażi ta' l-aqwa tagħrif xjentifiku. Għalhekk, il-proċeduri riveduti għandhom ikunu jagħtu kont tar-responsabbiltajiet ta' l-Awtorità u għandhom jipprovdu għall-għajnuna xjentifika u teknika tagħha fil-forma ta' Konsulenza fil-każ ta' xi kriżi ta' l-ikel. (62) Biex jiġi żgurat approċċ aktar effettiv u komprensiv għall-katina ta' l-ikel, Kumitat dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali għandu jiġi stabbilit biex jibdel il-Kumitat Permanenti Veterinarju, il-Kumitat Permanenti għall-Oġġetti ta' l-Ikel u l-Kumitat Permanenti għall-Għalf. Għalhekk, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 68/361/KEE [10], 69/414/KEE [11], u 70/372/KEE [12], għandhom jitħassru. Għall-istess raġuni l-Kumitat dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali għandu wkoll jibdel il-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti in relazzjoni mal-kompetenzi tiegħu (għad-Direttivi 76/895/KEE [13], 86/362/KEE [14], 86/363/KEE [15], 90/642/KEE [16] u 91/414/KEE [17] dwar il-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti u l-istabbiliment ta' livelli massimi ta' residwi. (63) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni [18]. (64) Huwa meħtieġ li l-operaturi jkollhom żmiem biżżejjed biex jadattaw għal xi wħud mill-ħtiġijiet stabbiliti bir-Regolament preżenti u dak ta' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel għandhom jibdew jitħaddmu mill-1 ta' Jannar 2002. (65) Huwa importanti li tiġi evitata l-konfużjoni bejn il-missjonijiet ta' l-Awtorità u l-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta' Prodotti Mediċinali (EMEA) stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93 [19]. Konsegwentement, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza kkonferita fuq l-EMEA bil-leġislazzjoni tal-Komunità, inklużi s-setgħat ikkonferiti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 tas-26 ta' Ġunju 1990 li jippreskrivi l-proċedura Komunitarja għall-istabbiliment tal-limiti massimi ta' fdal ta' prodotti mediċinali veterinarji fl-oġġetti ta' l-ikel li joriġinaw mill-annimali [20]. (66) Huwa meħtieġ u xieraq li jintlaħqu l-għanijiet bażiċi ta' dan ir-Regolament biex jipprovdu għall-approssimazzjoni tal-kunċetti, prinċipji u proċeduri li jiffurmaw il-bażi komuni għall-liġi dwar l-ikel fil-Komunità u li tiġi stabbilita Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament m'għandhomx imorru 'l hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawn l-oġġettivi għal dan il-għan. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: IL-KAPITOLU I SKOP U DEFINIZZJONIJIET Artikolu 1 Għan u kamp ta' applikazzjoni 1. Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x'jaqsmu ma’ l-ikel, waqt li jingħata kont b'mod partikolari tad-diversità fil-provvista ta' l-ikel inklużi prodotti tradizzjonali, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern. Jistabbilixxi prinċipji komuni u responsabbiltajiet, il-mezzi ta' provvista ta' bażi xjentifika soda, arranġamenti effiċjenti ta' organizzazzjoni u proċeduri biex isostni it-teħid ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel u l-għalf. 2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, dan ir-Regolament jipprovdi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw b'mod ġenerali l-ikel u l-għalf, u b'mod partikolari s-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf, fil-livell tal-Komunità u dak nazzjonali. Dan jistabbilixxi l-Awtorita Ewropea għas-Sigurta ta' l-Ikel. Jipprovdi l-proċeduri għal kwistjonijiet b'impatt dirett jew indirett dwar is-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf. 3. Dan ir-Regolament għandu jgħodd għall-istadji kollha ta' produzzjoni, ipproċessar u tqassim ta' ikel u għalf. M'għandux ikun jgħodd għall-produzzjoni primarja għall-użu domestiku jew għall-preparazzjoni domestika, immaniġġjar jew ħażna ta' ikel għall-konsum domestiku privat. Artikolu 2 Definizzjoni ta' "ikel" Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, "ikel" (jew "oġġetti ta' l-ikel") tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem. "Ikel" tinkludi xorb, chewing gum u kull sustanza oħra, inkluż ilma, intenzjonalment inkorporati fl-ikel matul il-manifattura tiegħu, tħejjija jew trattament. Tinkludi ilma wara l-punt ta' konformità kif definit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/83/KE u mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet tad-Direttivi 80/778/KEE u 98/83/KE. "Ikel" m'għandux jinkludi: (a) għalf; (b) annimali ħajjin sakemm ma jkunux ippreparati għat-tqegħid fis-suq għall-konsum uman; (ċ) pjanti qabel il-ħsad; (d) prodotti mediċinali skond it-tifsira tad-Direttivi tal-Kunsill 65/65/KEE [21] u 92/73/KEE [22]; (e) kosmetiċi skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE [23]; (e) tabakk u prodotti tat-tabakk skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 89/622/KEE [24]; (g) sustanzi narkotiċi jew psikotropiċi skond it-Tifsira tal-Konvenzjoni Unika tal-Ġnus Magħquda dwar Droga Narkotika, 1961, u l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar Sustanzi Psikotropiċi, 1971; (h) fdalijiet u kontaminanti. Artikolu 3 Tifsiriet oħra Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament: 1. "liġi dwar l-ikel" tfisser il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirregolaw l-ikel b'mod ġenerali, u s-sigurtà ta'l-ikel b'mod partikolari, sew f'livell tal-Komunità kemm f'dak nazzjonali; tkopri wkoll l-istadju tal-produzzjoni, ipproċessar u t-tqassim ta' l-ikel, kif ukoll l-għalf prodott għal, jew mitmugħ lill-annimali li jipproduċu l-ikel; 2. "negozju ta' l-ikel" tfisser kull intrapriża, sew għall-profitt sew jekk le u sew pubblika kemm privata, li twettaq xi waħda mill-attivitajiet relatati ma’ xi stadju ta' produzzjoni, ipproċessar jew tqassim ta' l-ikel; 3. "operatur ta' negozju ta' l-ikel" tfisser persuni naturali jew legali responsabbli li jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa fin-negozju ta' l-ikel taħt il-kontroll tagħhom; 4. "għalf" (jew "għalf għall-ikel") tfisser kull sustanza jew prodott, inklużi addittivi, sew jekk ipproċessati, parzjalment ipproċessati jew mhux ipproċessati maħsuba biex jintużaw għat-tmiegħ mill-ħalq lill-annimali; 5. "negozju ta' l-għalf" tfisser kull intrapriża sew bi profitt sew jekk le u kemm pubblika jew privata, li twettaq xi operazzjoni ta' produzzjoni, manifattura, ipproċessar, ħażna, trasport jew tqassim ta' l-għalf inkluż kull produttur li jipproduċi, jipproċessa jew jaħżen għalf għat-tmiegħ lill-annimali fir-razzett tiegħu; 6. "operatur ta' negozju ta' l-ikel" tfisser persuni naturali jew legali responsabbli li jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa fin-negozju ta' l-ikel taħt il-kontroll tagħhom; 7. "bejjiegħ bl-imnut" tfisser l-immaniġġjar u/jew l-ipproċessar ta' ikel u l-ħażna tiegħu fil-punt tal-bejgħ jew twassil lill-konsumatur finali, u tinkludi stazzjonijiet ta' distribuzzjoni, operazzjonijiet ta' catering, canteens ta' fabbriki, catering istituzzjonali, u operazzjonijiet simili ta' servizzi ta' l-ikel, ħwienet, ċentri ta' tqassim ta' supermarkets u ħwienet li jbiegħu bl-ingrossa; 8. "tqegħid fis-suq" tfisser iż-żamma ta' ikel jew għalf għall-għanijiet ta' bejgħ, inkluża l-offerta għall-bejgħ jew xi forma oħra ta' trasferiment, sew jekk bi ħlas sew jekk le, u l-bejgħ, tqassim u xi forma oħra tat-trasferiment innifsu; 9. "riskju" tfisser funzjoni tal-probabilità ta' effetti kuntrarji fuq is-saħħa u s-severità ta' dawk l-effetti, b'konsegwenza ta' dak il-perikolu; 10. "analiżi tar-riskju" tfisser il-proċess li jikkonsisti fi tliet komponenti interkonnessi: l-istima tar-riskju, l-amministrazzjoni tar-riskju u l-komunikazzjoni tar-riskju; 11. "stima tar-riskju" tfisser proċess ibbażat xjentifikament li jkun jikkonsisti f'erba’ stadji: l-identifikazzjoni tal-perikolu, il-karatterizzazzjoni tal-perikolu, l-istima ta' l-esponiment u l-karatterizzazzjoni tar-riskju; 12. "amministrazzjoni tar-riskju" tfisser il-proċess, distint mill-istima tar-riskju, tal-konsiderazzjoni ta' alternattivi b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati, bil-konsiderazzjoni ta' l-istima tar-riskju u fatturi oħra leġittimi, u, fejn meħtieġ, bl-għażla adattata ta' prevenzjoni u għażla ta' kontrolli; 13. "komunikazzjoni tar-riskju" tfisser il-bdil interattiv ta' tagħrif u opinjonijiet matul il-proċess ta' l-analiżi tar-riskju fir-rigward ta' perikoli u riskji, fatturi relatati mar-riskju u perċezzjoni tar-riskju, fost l-assessuri tar-riskju, l-amministraturi tar-riskju, il-konsumaturi, negozji ta' l-għalf u l-ikel, il-komunità akkademika u partijiet oħra interessati, inkluża l-ispjegazzjoni tas-sejba ta' l-istima tar-riskju u l-bażi tad-deċiżjonijiet ta' l-amministrazzjoni tar-riskju; 14. "perikolu" tfisser aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku fi, jew kondizzjoni ta', ikel jew għalf bil-potenzjal li joħloq effetti kuntrarji fuq is-saħħa; 15. "traċċabilità" tfisser il-kapaċità li jiġi ntraċċat u segwit ikel, għalf, annimal li jipproduċi ikel jew sustanza maħsuba biex tkun, jew mistennija li tkun inkorporata fl-ikel jew fl-għalf, matul l-istadji kollha ta' produzzjoni, ipproċessar u tqassim; 16. "stadji ta' produzzjoni, ipproċessar u tqassim" tfisser kull stadju, inkluża l-importazzjoni, minn u inkluża l-produzzjoni primarja ta' ikel, sa u inkluż il-ħażna tiegħu, trasport, bejgħ jew provvista lill-konsumatur finali u, fejn relevanti, l-importazzjoni, produzzjoni, manifattura, ħażna, trasport, tqassim, bejgħ u provvista ta' għalf; 17. "produzzjoni primarja" tfisser il-produzzjoni, trobbija, jew tkabbir ta' prodotti primarji inkluż il-ħsad, annimali tal-ħalib u produzzjoni ta' annimali fl-irziezet qabel il-qatla. Tinkludi wkoll il-kaċċa u s-sajd u l-ħsad ta' prodotti selvaġġi; 18. "konsumatur finali" tfisser il-konsumatur finali ta' oġġett ta' l-ikel li ma jużax l-ikel bħala parti minn xi tħaddim jew attività ta' negozju ta' l-ikel. IL-KAPITOLU II LIĠI ĠENERALI DWAR L-IKEL Artikolu 4 Kamp ta' applikazzjoni 1. Dan il-Kapitolu jirrelata ma’ l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċesar u t-tqassim ta' ikel, u wkoll għall-għalf prodott għal jew mitmugħ lill-annimali li jipproduċu ikel. 2. Il-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 5 sa 10 għandhom jiffurmaw qafas ġenerali tan-natura orizzontali li għandha tiġi segwita meta jittieħdu l-miżuri. 3. Il-prinċipji u l-proċeduri tal-liġi eżistenti dwar l-ikel għandha tiġi addattata kemm jista’ jkun malajr u sa’ l-1 ta' Jannar 2007 l-aktar tard biex tkun tikkonforma ma’ l-Artikoli 5 sa 10. 4. Sa dak iż-żmien, u b'deroga mill-paragrafu 2, il-leġislazzjoni eżistenti għandha tkun implimentata waqt li jingħata kont tal-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 5 sa 10. SEZZJONI 1 PRINĊIPJI ĠENERALI TAL-LIĠI DWAR L-IKEL Artikolu 5 Għanijiet ġenerali 1. Il-liġi dwar l-ikel għandha ssegwi wieħed jew aktar mill-għanijiet ġenerali ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa u l-protezzjoni ta' l-interessi tal-Konsumatur, inklużi prattiki ġusti fin-negozju ta' l-ikel, waqt li jingħata kont ta', fejn japplika, l-protezzjoni tas-saħħa u l-benessri ta' l-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent. 2. Il-liġi ta' l-ikel għandha timmira li tikseb il-moviment liberu fil-Komunità ta' ikel u għalf manifatturat u mqiegħed fis-suq skond il-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet f'dan il-Kapitolu. 3. Fejn jeżistu standards internazzjonali jew fejn it-tlestija tagħhom hija imminenti, ħlief fejn dawk l-istandards jew partijiet relevanti jkunu mezz ineffettiv jew mhux adattat għat-twettiq ta' l-għanijiet leġittimi tal-liġi dwar l-ikel jew fejn ikun hemm ġustifikazzjoni xjentifika, jew fejn ikunu jirriżultaw f'livell differenti ta' protezzjoni minn dak stabbilit bħala adattat fil-Komunità. Artikolu 6 Analiżi tar-riskju 1. Biex jintlaħaq l-għan prinċipali ta' livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ħajja, il-liġi dwar l-ikel għandha tkun ibbażata fuq analiżi tar-riskju u fejn dan ma jkunx adattat għaċ-ċirkostanzi jew in-natura tal-miżura. 2. L-istima tar-riskju għandha tkun ibbażata fuq ix-xhieda xjentifika disponibbli u mwettqa b'mod indipendenti, oġġettiv u trasparenti. 3. L-amministrazzjoni tar-riskju għandha tagħti kont tar-riżultati ta' l-istima tar-riskju, u b'mod partikolari, ta' l-opinjonijiet ta' l-Awtorità imsemmija fl-Artikolu 22, fatturi oħra leġittimi għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni u l-prinċipju ta' prekawzjoni fejn il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 7(1) huma relevanti, biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-liġi dwar l-ikel stabbiliti fl-Artikolu 5. Artikolu 7 Prinċipju ta' prekawzjoni 1. F'ċirkostanzi speċifiċi fejn, wara stima tat-tagħrif disponibbli, il-possibbiltà ta' effetti ta' ħsara fuq is-saħħa tiġi identifikata iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, miżuri provviżorji ta' l-amministrazzjoni tar-riskju meħtieġa biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa magħżula fil-Komunità jistgħu jiġu adottati, sakemm ikun hemm aktar tagħrif xjentifiku disponibbli għal stima tar-riskju aktar komprensiva. 2. Miżuri adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati u ma jkunux aktar restrittivi għan-negozju milli meħtieġ biex jintlaħaq il-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa magħżul fil-Komunità, waqt li jingħata kont tal-possibbiltà teknika u ekonomika u ta' fatturi oħra meqjusa bħala legittimi fil-kwistjoni taħt konsiderazzjoni. Il-miżuri għandhom jiġu riveduti f'perijodu raġonevoli ta' żmien skond in-natura tar-riskju għall-ħajja jew saħħa identifikat u t-tip ta' tagħrif xjentifiku meħtieġ biex tiġi ċċarata l-inċertezza xjentifika u biex titwettaq stima tar-riskju aktar komprensiva. Artikolu 8 Protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumatur 1. Il-liġi dwar l-ikel għandha timmira lejn l-interesi tal-konsumatur u għandha tipprovdi bażi għall-konsumaturi li jagħmlu għażla informata dwar l-ikel li jikkonsmaw. Għandha timmira lejn il-prevenzjoni ta'. (a) prattiki frawdolenti jew li jqarrqu; (b) l-adulterazzjoni ta' ikel; u (ċ) kull prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur. SEZZJONI 2 PRINĊIPJI TA' TRASPARENZA Artikolu 9 Konsultazzjoni pubblika Għandu jkun hemm konsultazzjoni pubblika miftuħa u trasparenti, direttament jew permezz ta' korpi rappreżentattivi, matul it-tħejjija, valutazzjoni u reviżjoni tal-liġi dwar l-ikel, ħlief fejn l-urġenza tal-kwistjoni ma tippermettix dan. Artikolu 10 Tagħrif pubbliku Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi tal-Komunità u dik nazzjonali dwar aċċess għad-dokumenti, fejn ikun hemm bażi raġonevoli ta' suspett li xi ikel jew għalf jista’ jippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali, allura, skond in-natura, serjetà jew limitu tar-riskju, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jieħdu l-passi meħtieġa li javżaw lill-pubbliku in ġenerali bin-natura tar-riskju għas-saħħa, u jidentifikaw sa l-aktar limitu possibbli l-ikel jew l-għalf, jew it-tip ta' ikel jew għalf, ir-riskju li jista’ jippreżenta, u l-miżuri li ttieħdu jew li għandhom jittieħdu biex jipprevjenu, jnaqqsu jew jeliminaw dak ir-riskju. SEZZJONI 3 OBBLIGAZZJONIJIET ĠENERALI TAN-NEGOZJU TA' L-IKEL Artikolu 11 Ikel u għalf importat fil-Komunità Ikel u għalf importat fil-Komunità għat-tqegħid fis-suq fil-Komunità għandu jikkonforma mal-ħtiġijiet relevanti tal-liġi dwar l-ikel jew kondizzjonijiet li għandhom l-għarfien mill-Komunità li jkunu ta' lanqas ekwivalenti għal dawk jew, fejn jeżisti xi ftehim speċifiku bejn il-Komunità u l-pajjiż esportatur, mal-ħtiġijiet li jkunu jinsabu fih. Artikolu 12 Ikel u għalf esportat mill-Komunità 1. Ikel u għalf esportat jew ri-esportat mill-Komunità għat-tqegħid fis-suq ta' pajjiż terz għandu jkun jikkonforma mal-ħtiġijiet relevanti tal-liġi dwar l-ikel, sakemm ma jkunx mod ieħor mitlub mill-awtoritajiet tal-pajjiż importatur jew stabbilit bil-liġijiet, regolamenti, standards, kodiċijiet ta' prattika u proċeduri oħra legali u amminstrattivi hekk kif jistgħu jkunu fis-seħħ fil-pajjiż importatur. F'kull ċirkostanza oħra, ħlief fil-każ fejn l-ikel ikun ta' ħsara għas-saħħa jew l-għalf ma jkunx tajjeb, l-ikel u l-għalf jistgħu jiġu biss esportati jew riesportati jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni jkunu espressament qablu, wara li jkunu ġew avżati bis-sħiħ bir-raġunijiet li dwarhom u biċ-ċirkostanzi li fihom l-ikel u l-għalf ikkonċernat ma setax jitqiegħed fis-suq tal-Komunità. 2. Fejn id-dispożizzjonijiet ta' xi ftehim bilaterali konkluż bejn il-Komunità jew xi wieħed mill-Istati Membri tagħha u pajjiż terz ikunu applikabbli, l-ikel u l-għalf esportat mill-Komunità jew dak l-Istat Membru lejn dak il-pajjiż terz għandu jkun jikkonforma ma’ l-imsemmijin dispożizzjonijiet. Artikolu 13 Standards internazzjonali Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tagħhom, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom: (a) jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' l-istandards tekniċi internazzjonali ta' l-ikel u l-għalf u l-istandards sanitarji u fitosanitarji; (b) jippromwovu l-koordinazzjoni ta' xogħol dwar l-istandards ta' ikel u għalf imwettqa minn organizzazzjonijiet internazzjonali governattivi u non-governattivi; (ċ) jikkontribwixxu, fejn relevanti u xieraq, għall-iżvilupp ta' ftehim dwar l-għarfien ta' l-ekwivalenza ta' miżuri speċifiċi għall-ikel u dawk relatati ma’ l-għalf; (d) jagħtu attenzjoni partikolari għall-iżvilupp speċjali, ħtiġijiet finanzjarji u ta' kummerċ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-istandards internazzjonali ma joħolqux tfixkil żejjed għall-esportazzjoni minn pajjiżi li qed jiżviluppaw; (e) jippromwovu konsistenza bejn standards tekniċi internazzjonali u l-liġi ta' l-ikel waqt li jiżguraw li l-livell għoli ta' protezzjoni adottat mill-Komunità ma jitnaqqasx. SEZZJONI 4 ĦTIĠIJIET ĠENERALI TAL-LIĠI DWAR L-IKEL Artikolu 14 Ħtiġijiet ta' sigurtà ta' l-ikel 1. L-ikel m'għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb. 2. L-ikel għandu jitqies li ma jkunx tajjeb jekk ikun meqjus li: (a) jkun ta'ħsara għas-saħħa; (b) ma jkunx tajjeb għall-konsum uman. 3. Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb, għandu jingħata kont ta': (a) l-kondizzjonijiet normali ta' l-użu ta' l-ikel mill-konsumatur, u f'kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim, u (b) t-tagħrif ipprovdut lill-konsumatur, inkluż it-tagħrif fuq it-tikketta, jew xi tagħrif ieħor ġeneralment disponibbli għall-konsumatur dwar l-iskartar ta' effetti speċifiċi kuntrarji għas-saħħa minn xi ikel partikolari jew kategorija ta' ikel. 4. Biex jiġi stabbilit jekk xi ikel ikunx ta' ħsara għas-saħħa, għandu jingħata kont ta': (a) mhux biss l-effetti probabbli immedjati u/jew fi żmien qasir u/jew fi żmien fit-tul ta' dak l-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem li jikkunsmah, iżda wkoll tal-ġenerazzjonijiet li jiġu wara; (b) l-effetti probabbli tossiċi kumulattivi; (ċ) għas-sensittivitajiet partikolari tas-saħħa ta' xi kategorija speċifika ta' konsumaturi fejn l-ikel ikun maħsub għal dik il-kategorija ta' konsumaturi. 5. Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta' jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta' kontaminazzjoni, sew b'materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir. 6. Fejn xi ikel li ma jkunx tajjeb ikun parti minn grupp, lott jew kunsinna ta' l-ikel ta' l-istess klassi jew deskrizzjoni, għandu jiġi preżunt li l-ikel kollu f'dak il-grupp, lott jew kunsinna huwa wkoll mhux tajjeb, sakemm wara li ssir stima dettaljata ma jkun hemm ebda xhieda li l-bqija tal-grupp, lott jew kunsinna ma tkunx tajba. 7. Ikel li jkun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità li jirregolaw is-sigurtà ta' l-ikel għandu jitqies li jkun tajjeb sal-limitu li huma kkonċernati l-aspetti koperti bid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità. 8. Il-konformità ta' ikel mad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għa dak l-ikel m'għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri adattati biex jimponi restrizzjonijiet fuq it-tqegħid tiegħu fis-suq jew li jeħtieġu l-irtirar tiegħu mis-suq meta jkun hemm raġunijiet ta' suspett, li minkejja dik il-konformità, dak l-ikel ma jkunx tajjeb. 9. Meta ma jkun hemm ebda dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità, l-ikel għandu jitqies li jkun tajjeb meta jkun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali dwar l-ikel ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ikel jitqiegħed fis-suq, b'dawk id-dispożizzjonijiet jitħejjew u jiġu applikati mingħajr preġudizzju għat-Trattat, b'mod partikolari l-Artikoli 28 u 30 tiegħu. Artikolu 15 Ħtiġijiet tas-sigurtà ta' l-għalf 1. M'għandux jitqiegħed għalf fis-suq jew jiġi mitmugħ lil xi annimali li jipproduċu ikel jekk ma jkunx tajjeb. 2. L-għalf għandu jitqies li ma jkunx tajjeb għall-użu maħsub tiegħu jekk jitqies illi: - jkollu effett kuntraju fuq is-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali; - jagħmel l-ikel miksub minn annimali li jipproduċu ikel mhux tajjeb għall-konsum uman. 3. Fejn xi għalf li jkun ġie identifikat bħala li ma jissodosfax il-ħtiġijiet tas-sigurtà ta' l-għalf ikun parti minn grupp, lott jew kunsinna ta' għalf ta' l-istess klassi jew deskrizzjoni, għandu jiġi preżunt li l-għalf kollu f'dak il-grupp, lott jew kunsinna huwa hekk affettwat, sakemm wara li ssir stima dettaljata ma jkun hemm ebda xhieda li l-bqija tal-grupp, lott jew kunsinna ma tkunx tissodisfa l-ħtiġijiet tas-sigurtà ta' l-għalf. 4. Għalf li jkun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità li jirregolaw is-sigurtà ta' l-għalf għandu jitqies li jkun tajjeb sal-limitu li huma kkonċernati l-aspetti koperti bid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità. 5. Il-konformità ta' għalf mad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal dak l-għalf m'għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri adattati biex jimponu restrizzjonijiet fuq it-tqegħid tiegħu fis-suq jew li jeħtieġu l-irtirar tiegħu mis-suq meta jkun hemm raġunijiet ta' suspett, li minkejja dik il-konformità, dak l-għalf ma jkunx tajjeb. 6. Meta ma jkunx hemm dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Komunità, l-għalf għandu jitqies li jkun tajjeb meta jkun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali li tirregola s-sigurtà ta' l-għalf ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-għalf ikun f'ċirkolazzjoni, b'dawk id-dispożizzjonijiet ikunu mħejjija u applikati mingħajr preġudizzju għat-Trattat, b'mod partikolari l-Artikoli 28 u 30 tiegħu. Artikolu 16 Preżentazzjoni Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar speċifiċi tal-liġi dwar l-ikel, it-tikkettjar, reklamar u preżentazzjoni ta' l-ikel jew l-għalf, inkluża l-forma tagħhom, dehra jew imballeġġjar, il-materjal ta' l-imballeġġjar użat, il-mod li bih ikunu rranġati u l-issettjar li bih ikunu esposti, u t-tagħrif li għandu jkun disponibbli dwarhom ikun x'ikun il-mezz, m'għandhomx iqarrqu bil-konsumatur. Artikolu 17 Responsabbiltajiet 1. L-operaturi tan-negozju ta' l-ikel u l-għalf f'kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar, u tqassim fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom għandhom jiżguraw li l-ikel u l-għalf ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawk il-ħtiġijiet jitħarsu. 2. L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-liġi dwar l-ikel, u jimmonitorjaw u jivverifikaw li l-ħtiġijiet relevanti tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa mill-operaturi tan-negozju ta' l-ikel u l-għalf fl-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim. Għal dak il-għan għandhom iżommu sistema ta' kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra kif adattati fiċ-ċirkostanzi, inkluża komunikazzjoni pubblika dwar is-sigurtà u r-riskju ta' l-ikel u l-għalf, sorveljanza dwar is-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf u attivitajiet oħra ta' immonitorjar li jkunu jkopru l-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim. L-Istati Membri għandhom ukoll iniżżlu r-regoli dwar il-miżuri u penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf. Il-miżuri u l-penalitajiet ipprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Artikolu 18 Traċċabilità 1. It-traċċabilità ta' ikel, għalf u annimali li jipproduċu l-ikel, u kull sustanza oħra maħsuba li tkun, jew mistennija li tkun, inkorporata fl-ikel jew fl-għalf għandha tiġi stabbilita fl-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim. 2. L-operaturi tan-negozju ta' l-ikel u l-għalf għandhom ikunu kapaċi li jidentifikaw kull persuna li tkun ipprovdiethom b'ikel, għalf, annimal li jipproduċi l-ikel, jew xi sustanza oħra maħsuba li tkun, jew mistennija li tkun, inkorporata f'ikel jew għalf. Għal dan il-għan, dawk l-operaturi għandhom ikollhom sistemi u proċeduri mħaddma li jkunu jippermettu li dan it-tagħrif jkun disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet kompetenti. 3. L-operaturi tan-negozju ta' l-ikel u l-għalf għandhom ikollhom sistemi u proċeduri mħaddma li jidentifikaw in-negozji l-oħra li lilhom ikunu pprovdew il-prodotti. Dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli fuq talba lill-awtoritjiet kompetenti. 4. Ikel u għalf li jitqiegħed fis-suq jew li x'aktarx jitqiegħed fis-suq fil-Komunità għandu jkun ittikkettjat kif imiss jew identifikat biex jiffaċlita t-traċċabilità tiegħu, permezz ta' dokumentazzjoni relevanti jew tagħrif skond il-ħtiġijiet relevanti ta' aktar dispożizzjonijiet speċifiċi. 5. Dispożizzjonijiet għall-għan ta' l-applikazzjoni tal-ħtiġjiet ta' dan l-Artikolu dwar setturi speċifiċi jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 58(2). Artikolu 19 Responsabbiltajiet għall-ikel: operaturi ta' negozju ta' l-ikel 1. Jekk operatur ta' negozju ta' l-ikel iqis jew ikollu raġuni għaliex jaħseb li ikel li jkun ġie importat, prodott, ipproċessat, manifatturat jew imqassam ma jkunx konformi mal-ħtiġijiet tas-sigurtà ta' l-ikel, għandu minnufih jibda proċeduri biex jirtira l-ikel in kwistjoni mis-suq fejn l-ikel ikun ħalla l-kontroll immedjat ta' dak l-operatur inizjali tan-negozju u javża lill-awtoritjiet kompetenti b'dan. Jekk il-prodott jista’ jkun li wasal għand il-konsumatur, l-operatur għandu effettivament u eżattament javża lill-konsumaturi bir-raġuni ta' l-irtirar tiegħu, u fejn meħtieġ, jiġbor lura mingħand il-konsumaturi l-prodotti diġà pprovduti lilhom fejn miżuri oħra ma jkunux biżżejjed biex jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa. 2. Operatur ta' negozju responsabbli għal attivitajiet ta' bejgħ bl-imnut u tqassim li ma jaffettwax l-ippakkeġġjar, tikkettjar, sigurtà jew integrità ta' l-ikel għandu, fil-limiti ta' l-attivitajiet rispettivi tiegħu, jibda proċeduri biex jirtira mis-suq il-prodotti li ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġijiet tas-sigurtà ta' l-ikel u għandu jieħu sehem fil-kontribuzzjoni lejn is-sigurtà ta' l-ikel billi jgħaddi t-tagħrif relevanti meħtieġ biex jiġi rintraċċat l-ikel, waqt li jikkoopera fl-azzjoni meħuda mill-produtturi, proċessaturi, manifatturi u/jew awtoritajiet kompetenti. 3. Operatur ta' negozju ta' l-ikel għandu minnufih javża lill-awtoritajiet kompetenti jekk iqis jew ikollu raġuni għaliex jaħseb li ikel li jkun tqiegħed fis-suq jista’ jkun ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem. L-operaturi għandhom javżaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-azzjoni meħuda biex jevitaw riskji għall-konsumatur finali u m’għandhomx jipprevjenu jew jiskoraġġixxu lil xi persuna milli tikkoopera, skond il-liġi nazzjonali u l-prattika legali, ma’ l-awtoritajiet kompetenti, fejn dan jista’ jipprevjeni, inaqqas jew jelimina xi riskju li jinħoloq minn dak l-ikel. 4. Operaturi tan-negozju ta' l-ikel għandhom jikkollaboraw ma’ l-awtoritajiet kompetenti dwar azzjoni meħuda biex jiġu evitati jew jitnaqqsu r-riskji maħluqa minn ikel li jipprovdu jew ikunu pprovdew. Artikolu 20 Responsabbiltajiet għall-għalf: operaturi ta' negozju fl-għalf 1. Jekk operatur ta' negozju fl-għalf iqis jew ikollu raġuni għaliex jaħseb li għalf li jkun ġie importat, prodott, ipproċessat, manifatturat jew imqassam ma jkunx konformi mal-ħtiġijiet tas-sigurtà ta' l-għalf, għandu minnufih jibda proċeduri biex jirtira l-għalf in kwistjoni mis-suq u javża lill-awtoritajiet kompetenti b'dan. F'dawn iċ-ċirkostanzi jew, fil-każ ta' l-Artikolu 15(3), fejn il-grupp, lott jew kunsinna ma jkunux jissodisfaw il-ħtieġa tas-sigurtà ta' l-għalf, dak l-għalf għandu jiġi meqrud sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta mod ieħor. L-operatur għandu effettivament u akkuratament javża lil dawk li jużaw l-għalf bir-raġuni ta' l-irtirar tiegħu, u fejn meħtieġ, jitlob lura mingħandhom il-prodotti diġà pprovduti jew meta miżuri oħra ma jkunux biżżejjed biex jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa. 2. Operatur ta' negozju responsabbli għal attivitajiet ta' bejgħ bl-imnut u tqassim li ma jaffettwax l-imballaġġ, tikkettjar, sigurtà jew integrità ta' l-għalf għandu, fil-limiti ta' l-attivitajiet rispettivi tiegħu, jibda proċeduri biex jirtira mis-suq il-prodotti li ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġijiet tas-sigurtà ta' l-għalf u għandu jieħu sehem fil-kontribuzzjoni lejn is-sigurtà ta' l-ikel billi jgħaddi t-tagħrif relevanti meħtieġ biex jiġi rintraċċat l-għalf, waqt li jikkoopera fl-azzjoni meħuda mill-produtturi, proċessaturi, manifatturi u/jew awtoritajiet kompetenti. 3. Operatur ta' negozju fl-għalf għandu minnufih javża lill-awtoritajiet kompetenti jekk iqis jew ikollu raġuni għaliex jaħseb li għalf li jkun qiegħed fis-suq jista’ ma jkunx jissodisfa l-ħtiġijiet tas-sigurtà ta' l-għalf. Għandu javża lill-awtoritajiet kompetenti bl-azzjoni meħuda biex jiġi evitat riskju li joħroġ mill-użu ta' dak l-għalf u m’għandux jipprevjeni jew jiskoraġġixxi lil xi persuna milli tikkoopera, skond il-liġi nazzjonali u l-prattika legali, ma’ l-awtoritajiet kompetenti, fejn dan jista’ jevita, inaqqas jew jelimina r-riskju li joħroġ minn dak l-għalf. 4. L-operaturi tan-negozju għandhom jikkollaboraw ma’ l-awtoritajiet kompetenti dwar azzjoni meħuda biex jiġu evitati riskji maħluqa minn għalf li jipprovdu jew li jkunu pprovdew. Artikolu 21 Responsabbiltà Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi [25]. IL-KAPITOLU III AWTORITA' EWROPEA DWAR IS-SIGURTA' TA' L-IKEL SEZZJONI 1 MISSJONI U XOGĦLIJIET Artikolu 22 Missjoni ta' l-Awtorità 1. Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-ikel, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-"Awtorità", hija b'dan stabbilita. 2. L-Awtorità għandha tipprovdi Konsulenza xjentifika u appoġġ xjentifiku u tekniku għal-leġislazzjoni tal-Komunità u l-politika fl-oqsma kollha li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf. Għandha tipprovdi tagħrif indipendenti fuq il-kwistjonijiet kollha f'dawn l-oqsma u tikkomunika r-riskji. 3. L-Awtorità għandha tikkontribwixxi għal livell għoli ta' protezzjoni tal-ħajja umana u tas-saħħa, u f'dan ir-rigward tagħti kont tas-saħħa u l-welfare ta' l-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent, fil-kuntest tat-tħaddim tas-suq intern. 4. L-awtorità għandha tiġbor u tanalizza d-data biex tippermetti l-karatterizzazzjoni u l-immonitorjar tar-riskji li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf. 5. Il-missjoni ta' l-Awtorità għandha tinkludi l-provvista ta': (a) Konsulenza xjentifika u appoġġ xjentifiku u tekniku dwar in-nutriment tal-bniedem b'relazzjoni mal-leġislazzjoni tal-Komunità u, fuq it-talba tal-Kummissjoni, għajnuna li tikkonċerna komunikazzjoni ta' kwistjonijiet dwar nutriment fi ħdan il-qafas tal-programm tal-Komunità dwar is-saħħa; (b) opinjonijiet xjentifiċi fuq kwistjonijiet oħra li jirrelataw mas-saħħa u l-welfare ta' l-annimali u s-saħħa tal-pjanti; (ċ) opinjonijiet xjentifiċi dwar prodotti ħlief għal ikel u għalf li jirrelataw ma’ organiżmi ġenetikament modifikati kif imfissra fid-Direttiva 2001/18/KE u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri stabbiliti fiha. 6. L-Awtorità għandha tipprovdi opinjonijiet xjentifiċi li għandhom iservu bħala bażi xjentifika għall-abbozzar u l-adozzjoni tal-miżuri tal-Komunità li jaqgħu fi ħdan il-missjoni tagħha. 7. L-Awtorità għandha twettaq ix-xogħlijiet tagħha f'kondizzjonijiet li jippermettulha li sservi bħala punt ta' referenza minħabba l-indipendenza tagħha, il-kwalità xjentifika u teknika ta' l-opinjonijiet li toħroġ u t-tagħrif li xxerred, it-trasparenza tal-proċeduri u metodi tagħha ta' operat, u d-diliġenza tagħha fit-twettiq tax-xogħlijiet assenjati lilha. Għandha taġixxi f'kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi kompetenti fl-Istati Membri li jwettqu xogħlijiet simili bħal dawk ta' l-Awtorità. 8. L-Awtorità, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-koerenza effettiva bejn il-funzjonijiet ta' l-istima tar-riskju, l-amministrazzjoni tar-riskju u l-komunikazzjoni tar-riskju. 9. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ l-Awtorità biex tiġi żgurata t-temma tal-missjoni tagħha. Artikolu 23 Xogħlijiet ta' l-Awtorità Ix-xogħlijiet ta' l-Awtorità għandhom ikunu kif ġej: (a) li tipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri bl-aħjar opinjonijiet xjentifiċi possibbli fil-każi kollha li għalihom tipprovdi l-leġislazzjoni tal-Komunità u kull kwistjoni oħra fi ħdan il-missjoni tagħha; (b) biex tippromwovi u tikkoordina l-iżvilupp ta' metodoloġiji uniformi ta' l-istima tar-riskju fl-oqsma li jaqgħu fi ħdan il-missjoni tagħha; (ċ) biex tipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku lill-Kummissjoni fil-medda tal-ħidmiet tal-missjoni tagħha u, meta hekk mitluba, fl-interpretazzjoni u konsiderazzjoni ta' opinjonijiet dwar l-istima tar-riskju; (d) biex tikkummissjoni l-istudji xjentifiċi meħtieġa għat-temma tal-missjoni tagħha; (e) biex tfittex, tiġbor, tirranġa, tanalizza u tqassar data xjentifiku u tekniku fl-oqsma tal-missjoni tagħha; (f) biex twettaq azzjoni li tidentifika u tikkaratterizza riskji li joħorġu fl-oqsma tal-missjoni tagħha; (g) biex tistabilixxi sistema ta' networks ta' organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma fi ħdan il-missjoni tagħha u tkun responsabbli għat-tħaddim tagħhom; (h) biex tipprovdi għajnuna xjentifika u teknika, meta mitluba li tagħmel dan mill-Kummissjoni, fi proċeduri ta' kriżi ta' amministrazzjoni implimentati mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf; (i) biex tipprovdi għajnuna xjentifika u teknika, meta hekk mitluba mill-Kummissjoni, bil-ħsieb li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Komunità, il-pajjiżi applikanti, organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi, fl-oqsma fi ħdan il-missjoni tagħha; (j) biex tiżgura li l-pubbliku u l-partijiet interessati jirċievu tagħrif malajr, ta' min jorbot fuqu, oġġettiv u li jiftiehem fl-oqsma fi ħdan il-missjoni tagħha; (k) biex tesprimi b'mod indipendenti l-konklużjonijiet u l-orjentazzjonijiet tagħha dwar kwistjonijiet fi ħdan il-missjoni tagħha; (l) biex twettaq kull xogħol ieħor assenjat lilha mill-Kummissjoni fi ħdan il-missjoni tagħha. SEZZJONI 2 ORGANIZZAZZJONI Artikolu 24 Korpi ta' l-Awtorità L-Awtorità għandha tkun magħmula minn: (a) Bord ta' Ġestjoni; (b) Direttur Eżekuttiv u l-impjegati tiegħu; (ċ) Forum ta' Konsulenza; (d) Kumitat Xjentifiku u Bordijiet Xjentifiċi. Artikolu 25 Bord ta' Ġestjoni 1. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jkun magħmul minn 14-il membru maħtura mill-Kunsill b'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew minn lista mħejjija mill-Kummissjoni li tkun tinkludi numru ta' kandidati sostanzjalment ogħla minn numru ta' membri li għandhom jinħatru, miżjuda b'rappreżentant tal-Kummissjoni. Erba’ mill-membri għandu jkollhom l-isfond tagħhom f'organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi u interessi oħra fil-katina ta' l-ikel. Il-lista mħejjija mill-Kummissjoni, akkumpanjata mid-dokumentazzjoni relevanti, għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew. Kemm jista’ jkun malajr u fi żmien tliet xhur minn dik il-komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew jista’ jagħmel il-ħsibijiet tiegħu disponibbli għall-konsiderazzjoni mill-Kunsill, li għandu mbagħad jaħtar il-Bord ta' Ġestjoni. Il-membri tal-Bord għandhom jinħatru b'dak il-mod li jiġu żgurati l-ogħla standards ta' kompetenza, firxa wiesgħa ta' ħila relevanti u, konsistenti ma' dawn, l-akbar tqassim wiesa' ġeografiku possibbli fl-Unjoni. 2. Iż-żmien tal-kariga tal-membri għandu jkun ta' erba’ snin, u jista’ jiġġedded għal darba. Madanakollu, għall-ewwel mandat, dan iż-żmien għandu jkun ta' sitt snin għal nofs il-membri. 3. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jadotta r-regoli interni ta' l-Awtorità fuq il-bażi ta' proposta mid-Direttur Eżekuttiv. Dawn ir-regoli għandhom ikunu pubbliċi. 4. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jeleġġi wieħed mill-membri tiegħu bħala President għal żmien ta' sentejn, li għandu jkun jista’ jiġi mġedded. 5. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura. Kemm-il darba ma jkunx ipprovdut mod ieħor, il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri tiegħu. 6. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jiltaqa' fuq invit tal-President jew fuq talba minn ta' l-anqas terz tal-membri tiegħu. 7. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jiżgura li l-Awtorità twettaq il-missjoni tagħha u twettaq ix-xogħlijiet assenjati lilha taħt il-kondizzjonijiet imniżżla f'dan ir-Regolament. 8. Qabel il-31 ta' Jannar ta' kull sena, il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jadotta l-programm tax-xogħol ta' l-Awtorità għas-sena ta' wara. Għandu wkoll jadotta programm multi-annwali li jkun jista’ jiġi rivedut. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jiżgura li dawn il-programmi jkunu konsistenti mal-leġislazzjoni tal-Komunità u l-politika ta' prijoritajiet fil-qasam tas-sigurtà ta' l-ikel. Qabel it-30 ta' Marzu ta' kull sena, il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jadotta r-rapport ġenerali dwar l-attivitajiet tas-sena ta' qabel ta' l-Awtorità. 9. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni, wara li jkun irċieva l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri, għandu jadotta r-regolament finanzjarju ta' l-Awtorità li jispeċifika b'mod partikolari l-proċedura għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-budget ta' l-Awtorità, skond l-Artikolu 142 tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [26] u mal-ħtiġijiet leġislattivi li jikkonċernaw investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi. 10. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni, mingħajr drittijiet tal-vot u għandu jipprovdi s-segretarjat. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jistieden lill-President tal-Kumitat Xjentifiku biex jattendi il-laqgħat tiegħu mingħajr drittijiet tal-vot. Artikolu 26 Direttur Eżekuttiv 1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi maħtur mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni, fuq il-bażi ta' lista ta' kandidati proposti mill-Kummissjoni wara kompetizzjoni miftuħa, wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej u bnadi oħra għal sejħa ta' dikjarazzjoni ta' interess, għal żmien ta' ħames snin li għandu jkun jista’ jiġġedded. Qabel il-ħatra l-kandidat innominat mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jiġi mistieden mingħajr dewmien biex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula mill-membri ta' din l-istituzzjoni. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga b'maġġoranza tal-Bord ta' l-Amministrazzjoni. 2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali ta' l-Awtorità u għandu jkun responsabbli għal: (a) l-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-Awtorità; (b) it-tħejjija ta' proposta tal-programmi tax-xogħol ta' l-Awtorità b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni; (ċ) l-implimentazzjoni tal-programmi ta' xogħol u d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni; (d) l-assigurazzjoni tal-provvista ta' appoġġ xjentifiku, tekniku u amministrattiv lill-Kumitat Xjentifiku u lill-Bordijiet Xjentifiċi; (e) l-assigurazzjoni li l-Awtorità twettaq ix-xogħlijiet kollha tagħha skond il-ħtiġijiet tal-konsumaturi tagħha, b'mod partikolari fir-rigward illi l-provvista ta' servizzi u l-ħin li jittieħed ikunu adegwati; (f) it-tħejjija tal-prospetti tad-dħul u n-nefqa u l-esekuzzjoni tal-budget ta' l-awtorità; (g) il-materji kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-impjegati; (h) l-iżvilupp u ż-żamma ta' kuntatt mal-Parlament Ewropew, biex jiġi żgurat djalogu regolari mal-Kumitati relevanti tiegħu. 3. Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Bord ta' Ġestjoni għall-approvazzjoni: (a) abbozz ta' rapport ġenerali li jkun ikopri l-attivitajiet kollha ta' l-Awtorità tas-sena ta' qabel; (b) abbozz tal-programmi ta' xogħol; (ċ) l-abboz tal-kontijiet għas-sena ta' qabel; (d) l-abbozz tal-budget għas-sena li tkun ġejja. Id-Direttur Eżekuttiv għandu, wara l-adozzjoni mill-Bord ta' Ġestjoni, jibgħat rapport ġenerali u l-programmi lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u għandu jippublikahom. 4. Id-Direttur Eżekuttiv għandu japprova n-nefqa finanzjarja ta' l-Awtorità u jirrapporta dwar l-attivitajiet ta' l-Awtorità lill-Bord ta' Ġestjoni. Artikolu 27 Forum ta' Konsulenza 1. Il-Forum ta' Konsulenza għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-korpi kompetenti fl-Istati Membri li jwettqu xogħlijiet simili għal dawk ta' l-Awtorità, fuq il-bażi ta' rappreżentant innominat minn kull Stat Membru. Ir-rappreżentanti jistgħu jiġi mibdula minn persuni oħra maħtura fl-istess żmien. 2. Il-membri tal-Forum ta' Konsulenza ma jistgħux ikunu membri tal-Bord ta' Ġestjoni. 3. Il-Forum ta' Konsulenza għandu jagħti Konsulenza lid-Direttur Eżekuttiv fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament, b'mod partikolari fit-tħejjija ta' proposta għall-programm tax-xogħol ta' l-Awtorità. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ wkoll jitlob lill-Forum ta' Konsulenza għall-parir dwar il-prijoritizzazzjoni ta' talbiet għal opinjonijiet xjentifiċi. 4. Il-Forum ta' Konsulenza għandu jkun mekkaniżmu għall-bdil ta' tagħrif dwar ir-riskji potenzjali u t-tixrik ta' tagħrif. Għandu jiżgura kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Awtorità u l-korpi kompetenti fl-Istati Membri b'mod partikolari dwar il-partiti li ġejjin: (a) l-evitar ta' duplikazzjoni ta' l-istudji xjentifiċi ta' l-Awtorità ma’ l-Istati Membri, skond l-Artikolu 32; (b) f'dawk iċ-ċirkostanzi identifikati fl-Artikolu 30(4), fejn l-Awtorità u korp nazzjonali għandhom id-dmir li jikkooperaw; (ċ) fil-promozzjoni tan-networking Ewropej ta' organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma tal-missjonijiet ta' l-Awtorità, skond l-Artikolu 36(1); (d) fejn l-Awtorità jew xi Stat Membru jidentifkaw xi riskju li jkun qiegħed jemerġi. 5. Il-Forum ta' Konsulenza għandu jkun ippresjedut mid-Direttur Eżekuttiv. Għandu jiltaqa' regolarment fuq l-invit tal-President jew fuq it-talba minn ta' almenu terz tal-membri tiegħu, u mhux anqas minn erba' darbiet fis-sena. Il-proċeduri tal-ħidma għandhom jiġu speċifikati fir-regoli interni ta' l-Awtorità u għandhom jkunu pubbliċi. 6. L-Awtorità għandha tipprovdi l-appoġġ tekniku u loġistiku meħtieġ għall-Forum ta' Konsulenza u għandha tipprovdi s-Segretarjat għal-laqgħat tiegħu. 7. Rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem fix-xogħol tal-Forum ta' Konsulenza. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jistieden rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u minn korpi oħra relevanti biex jieħdu sehem. Fejn il-Forum ta' Konsulenza jiddiskuti l-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(5)(b), rappreżentanti mill-korpi kompetenti fl-Istati Membri li jwettqu xogħlijiet simili għal dawk imsemmija fl-Artikolu 22(5)(b) jistgħu jieħdu sehem fix-xogħol tal-Forum ta' Konsulenza, fuq il-bażi ta' rappreżentant wieħed innominat minn kull Stat Membru. Artikolu 28 Il-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Xjentifiċi 1. Il-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Permanenti Xjentifiċi għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdu opinjonijiet xjentifiċi lill-Awtorità, kull wieħed fl-isferi tiegħu ta' kompetenza, u għandu jkollhom il-possibiltà, fejn meħtieġ, li jorganizzaw smiegħ pubbliku. 2. Il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni meħtieġa biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-proċedura ta' l-opinjoni xjentifika, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-adozzjoni tal-proċeduri u armonizzazzjoni tal-proċeduri tax-xogħol. Għandu jipprovdi opinjonijiet fuq kwistjonijiet multisettorjali li jaqgħu fil-kompetenza ta' aktar minn Bord Xjentifiku wieħed, u fuq kwistjonijiet li ma jaqgħux fil-kompetenza ta' xi wieħed mill-Bordijiet Xjentifiċi. Fejn meħtieġ, u b'mod partikolari fil-każ ta' suġġetti li ma jaqgħux fil-kompetenza ta' xi wieħed mill-Bordijiet Xjentifiċi, il-Kumitat Xjentifiku għandu jistabbilixxi gruppi tax-xogħol. F'dawk il-każi, għandu jagħti każ tal-ħila ta' dawk il-gruppi tax-xogħol meta jistabbilixxi opinjonijiet xjentifiċi. 3. Il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun magħmul mill-Presidenti tal-Bordijiet Xjentifiċi u sitt esperti xjentifiċi li ma jkunux jagħmlu parti minn xi Bord Xjentifiku. 4. Il-Bordijiet Xjentifiċi għandhom ikunu magħmula minn esperti xjentifiċi indipendenti. Meta tiġi stabbilita l-Awtorità, għandhom jiġu stabbiliti l-Bordijiet Xjentifiċi li ġejjin: (a) il-Bord dwar l-addittivi fl-ikel, togħmiet, għajnuna ta' ipproċessar u materjali li jiġu f'kuntatt ma' l-ikel; (b) il-Bord dwar l-addittivi u prodotti jew sustanzi użati fl-għalf għall-annimali; (ċ) il-Bord dwar is-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti u l-fdalijiet tagħhom; (d) il-Bord dwar organiżmi ġenetikament modifikati; (e) il-Bord dwar prodotti djetetiċi, nutriment u allerġiji; (f) il-Bord dwar perikoli bijoloġiċi; (g) il-Bord dwar kontaminanti fil-katina ta' l-ikel; (h) il-Bord dwar is-saħħa u l-welfare ta' l-annimali. In-numru u l-ismijiet tal-Bordijiet Xjentifiċi jista’ jiġi addattat fid-dawl ta' l-iżvilupp tekniku u xjentifiku mill-Kummissjoni, fuq talba ta' l-Awtorità, skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 58(2). 5. Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku li ma jkunux membri tal-Bordijiet Xjentifiċi u l-membri tal-Bordijiet Xjentifiċi għandhom jinħatru mill-Bord ta' Ġestjoni, waqt li jaġixxi fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv, għal żmien ta' kariga ta' tliet snin, li jkun jista’ jiġġedded, wara pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej, f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi magħrufa relevanti u fis-sit elettroniku ta' l-Awtorità wara sejħa għal espressjoni ta' interess. 6. Il-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Xjentifiċi għandhom kull wieħed jagħżlu President u żewġ Viċi-Presidenti minn fost il-membri tagħhom. 7. Il-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Xjentifiċi għandhom jaġixxu b'maġġoranza tal-membri tagħhom. L-opinjonijiet minoritarji għandhom jiġu rrekordjati. 8. Ir-rappreżentanti tad-Dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom id-dritt li jkunu preżenti fil-laqgħat tal-Kumitat Xjentifiku, il-Bordijiet Xjentifiċi u l-gruppi ta' xogħol tagħhom. Meta hekk mitluba, jistgħu jgħinu għall-għanijiet ta' kjarifikazzjoni jew tagħrif iżda m'għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw id-diskussjonijiet. 9. Il-proċeduri għat-tħaddim u kooperazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Bordijiet Xjentifiċi għandhom jitniżżlu fir-regoli interni ta' l-Awtorità. Dawn il-proċeduri għandhom jirrelataw b'mod partikolari ma': (a) in-numru ta' drabi wara xulxin li membru jista’ jservi fuq Kumitat Xjentifiku jew fuq Bord Xjentifiku; (b) in-numru ta' membri f'kull Bord Xjentifiku; (ċ) il-proċedura għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Xjentifiċi; (d) il-mod li bih xogħlijiet u talbiet għal opinjoniiet xjentifiċi jiġu assenjati lill-Kumitat Xjentifiku u lill-Bordijiet Xjentifiċi; (e) il-ħolqien u l-organizzazzjoni tal-gruppi tax-xogħol tal-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Xjentifiċi, u l-possibbiltà li esperti minn barra jiġu inklużi f'dawk il-gruppi ta' xogħol; (f) il-possibbiltà li osservaturi jiġu mistiedna għall-laqgħat tal-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Xjentifiċi; (g) il-possibbiltà ta' l-organizzazzjoni ta' smiegħ pubbliku. SEZZJONI 3 TĦADDIM Artikolu 29 Opinjonijiet xjentifiċi 1. L-Awtorità għandha tagħti opinjoni xjentifika: (a) fuq it-talba tal-Kummissjoni, dwar xi kwistjoni fil-kompetenza tal-missjoni tagħha, u fil-każi kollha fejn il-leġislazzjoni tal-Komunità tipprovdi li l-Awtorità tiġi kkonsultata; (b) fuq inizjattiva tagħha stess, fuq kwistjonijiet fil-kompetenza tal-missjoni tagħha. Il-Parlament Ewropew jew Stat Membru jista’ jitlob lill-Awtorità biex toħroġ opinjoni xjentifika dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħha. 2. It-talbiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu akkumpanjati bi sfond tat-tagħrif li jispjega l-kwistjoni xjentifika li għandha tiġi ndirizzata u l-interess tal-Komunità. 3. Fejn il-leġislazzjoni tal-Komunità ma tispeċifikax diġà il-limitu ta' żmien għat-twassil ta' opinjoni xjentifika, l-Awtorità għandha toħroġ opinjonijiet xjentifiċi fil-limitu ta' żmien speċifikat fit-talbiet għall-opinjonijiet, ħlief f'ċirkostanzi debitament ġustifikati. 4. Fejn isiru talbiet differenti dwar l-istess kwistjonijiet jew fejn it-talba ma tkunx skond il-paragrafu 2, jew ma tkunx ċara, l-Awtorità tista’ jew tirrifjuta, jew tipproponi emendi għat-talba ta' opinjoni b'konsultazzjoni ma’ l-istituzzjoni jew Stat Membru/i li jagħmel/jagħmlu t-talba. Ġustifikazzjonijiet għar-rifjut għandhom jingħataw lill-istituzzjoni jew Stat Membru/i li jkun għamel it-talba. 5. Fejn l-Awtorità tkun diġà tat opinjoni xjentifika dwar suġġett speċifiku f'talba, tista' tirrifjuta t-talba jekk tikkonkludi li ma jkun hemm ebda elementi xjentifiċi ġodda li jiġġustifikaw ir-ri-eżami. Ġustifikazzjonijiet għar-rifjut għandhom jingħataw lill-istituzzjoni jew Stat Membru/i li jkun għamel it-talba. 6. Ir-regoli ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni wara li tikkonsulta ma’ l-Awtorità, skond il-proċeduri li għalihom jipprovdi l-Artikolu 58(2). Dawn ir-regoli għandhom jispeċifikaw b'mod partikolari: (a) il-proċedura li għandha tiġi applikata mill-Awtorità għat-talbiet riferiti lilha; (b) il-linji ta' gwida li jirregolaw il-valutazzjoni xjentifika ta' sustanzi, prodotti jew proċessi li huma suġġetti taħt il-leġislazzjoni tal-Komunità għal sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel jew għad-dħul fuq lista pożittiva, b'mod partikolari fejn il-leġislazzjoni tal-Komunità tipprovdi għal dan, jew tawtorizza dan, dossier li għandu jiġi ppreżentat għal dan il-għan mill-applikant. 7. Ir-regoli ta' l-Awtorità għandhom jispeċifikaw il-ħtiġijiet fir-rigward ta' format, sfond ta' spjegazzjoni u pubblikazzjoni ta' opinjoni xjentifika. Artikolu 30 Opinjonijiet xjentifiċi diverġenti 1. L-Awtorità għandha teżerċita viġilanza biex tidentifika fi stadju kmieni xi sors potenzjali ta' diverġenza bejn opinjonijiet xjentifiċi u l-opinjonijiet xjentifiċi maħruġa minn korpi oħra li jwettqu xogħlijiet simili. 2. Fejn l-Awtorità tidentifika sors potenzjali ta' diverġenza, għandha tagħmel kuntatt mal-korp in kwistjoni biex tiżgura li tagħrif xjentifiku relevanti kollu jitqassam u biex tidentifika kwistjonijiet xjentifiċi potenzjalment kontenzjużi. 3. Fejn diverġenza sostantiva dwar kwistjonijiet xjentifiċi tkun ġiet identifikata u l-korp in kwistjoni jkun aġenzija tal-Komunità jew xi wieħed mill-Kumitat Xjentifiċi tal-Kummissjoni, l-Awtorità u l-korp ikkonċernat għandhom ikunu obbligati li jikkooperaw bil-ħsieb li jew isolvu id-diverġenza jew jippreżentaw dokument konġunt lill-Kummissjoni li jiċċara l-kwistjonijiet xjentifiċi kontenzjużi u jidentifikaw l-inċertezzi relevanti fid-data. Dan id-dokument għandu jiġi ppubblikat. 4. Fejn diverġenza sostantiva dwar kwistjonijiet xjentifiċi tkun ġiet identifikata u l-korp in kwistjoni jkun korp ta' Stat Membru, l-Awtorità u l-korp nazzjonali għandhom ikunu obbligati li jikkooperaw bil-ħsieb li jew isolvu d-diverġenza jew jippreżentaw dokument konġunt lill-Kummissjoni li jiċċara l-kwistjonijiet xjentifiċi kontenzjużi u jidentifikaw l-inċertezzi relevanti fid-data. Dan id-dokument għandu jiġi ppubblikat. Artikolu 31 Għajnuna xjentifika u teknika 1. L-Awtorità tista’ tintalab mill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna xjentifika jew teknika f'kull qasam taħt il-kompetenza tagħha. Ix-xogħlijiet tal-provvista ta' għajnuna xjentifika u teknika għandhom jikkonsistu f'xogħol xjentifiku jew tekniku li jinvolvi l-applikazzjoni ta' prinċipji stabbiliti sew xjentifiċi jew tekniċi li ma jeħtieġux valutazzjoni xjentifika mill-Kumitat Xjentifiku jew xi Bord Xjentifiku. Dawk ix-xogħlijiet jistgħu jinkludu b'mod partikolari għajnuna lill-Kummissjoni għall-istabbiliment jew valutazzjoni ta' kriterji tekniċi u wkoll għajnuna lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji ta' gwida tekniċi. 2. Fejn il-Kummissjoni tirreferi talba għal għajnuna xjentifika jew teknika lill-Awtorità, għandha tispeċifika, bi ftehim ma’ l-Awtorità, il-limitu ta' żmien li fih għandu jintemm ix-xogħol. Artikolu 32 Studji xjentifiċi 1. Bl-użu ta' l-aqwa riżorsi xjentifiċi indipendenti disponibbli, l-Awtorità għandha tikkummissjona l-istudji xjentifiċi meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tagħha. Dawk l-istudji għandhom jiġu kkummissjonati b'mod miftuħ u trasparenti. L-Awtorità għandha tfittex li tevita duplikazzjoni ma’ programmi ta' riċerka ta' xi Stat Membru jew tal-Komunità u għandha tħajjar il-kooperazzjoni permezz ta' koordinazzjoni kif imiss. 2. L-Awtorità għandha tavża lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bir-riżultati ta' l-istudji xjentifiċi. Artikolu 33 Ġbir ta' data 1. L-Awtorità għandha tfittex għal, tiġbor, tirranġa, tanalizza u tqassar id-data xjentifika u teknika relevanti fl-oqsma taħt il-kompetenza tagħha. Din għandha tinvolvi b'mod partikolari l-ġbir ta' data li tirrelata mal-: (a) konsum ta' l-ikel u l-esponiment ta' individwi għal riskji relatati mal-konsum ta' l-ikel; (b) inċidenza u prelevanza ta' riskju bijoloġiku; (ċ) kontaminanti fl-ikel u l-għalf; (d) residwi. 2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, l-Awtorità għandha taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu fil-qasam tal-ġbir tad-data, inklużi dawk mill-pajjiżi applikanti, pajjiżi terzi u korpi internazzjonali. 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħieġa biex jippermettu li d-data li jiġbru fl-oqsma imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tintbagħat lill-Awtorità. 4. L-Awtorità għandha tibgħat lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni r-rakkomandazzjonijiet adattati li jistgħu jtejbu it-tqabbil tekniku tad-data li tirċievi u analiżi, biex tiġi ffaċilitata l-konsolidazzjoni fil-livell tal-Komunità. 5. Fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippublika inventarju tas-sistemi tal-ġbir ta' data li jeżistu fil-livell tal-Komunità fl-oqsma fil-kompetenza ta' l-Awtorità. Dan ir-rapport, li għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti, għandu jindika b'mod partikolari: (a) għal kull sistema, ir-rwol li għandu jiġi assenjat lill-Awtorità, u xi modifikazzjonijiet jew titjib li jistgħu jkunu meħtieġa biex jippermettu lill-Awtorità li twettaq il-missjoni tagħha, b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri; (b) in-nuqqasijiet li għandhom jiġu rrimedjati biex jippermettu lill-Awtorità li tiġbor u tqassar f'livell tal-Komunità d-data xjentifika u teknika relevanti fl-oqsma fil-kompetenza tagħha. 6. L-Awtorità għandha tibgħat ir-riżultati tax-xogħol tagħha fil-qasam ta' ġbir ta' data lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Artikolu 34 Identifikazzjoni ta' riskji li jkunu qegħdin jitfaċċaw 1. L-Awtorità għandha tistabilixxi proċeduri ta' monitoraġġ ta' tfittxija sistematika għal ġbir, arranġament u analiżi ta' tagħrif u data bil-ħsieb ta' l-identifikazzjoni tar-riskji li jkunu qegħdin jitfaċċaw fl-oqsma fil-komptenza tagħha. 2. Fejn l-Awtorità jkollha tagħrif li jwassalha għal suspett ta' riskju serju li jkun qiegħed jitfaċċa, għandha titlob aktar tagħrif lill-Istati Membri, aġenziji oħra tal-Kummissjoni u lill-Kummissjoni. L-Istati Membri, l-aġenziji tal-Kummissjoni kkonċernati u l-Kummissjoni għandhom iwieġbu bħala kwistjoni ta' urġenza u jibgħatu kull tagħrif relevanti fil-pussess tagħom. 3. L-Awtorità għandha tuża t-tagħrif kollu li tirċievi fit-twettiq tal-missjoni tagħha biex tidentifka riskju li joħroġ. 4. L-Awtorità għandha tibgħat il-valutazzjoni u t-tagħrif miġbur dwar riskji li joħorġu lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Artikolu 35 Sistema ta' allarm malajr Biex tkun tista’ twettaq ix-xogħol tagħha ta' monitoraġġ tar-riskji għas-saħħa u nutriment ta' ikel b'mod effettiv kemm jista’ jkun, l-Awtorità għandha tirċievi kull messaġġ mibgħut permezz ta' sistema ta' allarm malajr. Għandha tanaliżża l-kontenut ta' dawk il-messaġġi bil-ħsieb li tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'kull tagħrif meħtieġ għall-għan ta' l-analiżi tar-riskju. Artikolu 36 Networking ta' organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma tal-kompetenza ta' l-Awtorità 1. L-Awtorità għandha tippromwovi n-networking Ewropew ta' organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma fi ħdan il-missjoni ta' l-Awtorità. L-għan ta' dawk in-networks huwa, b'mod partikolari, li jiffaċilita qafas xjentifiku ta' kooperazzjoni bil-koordinament ta' attivitajiet, il-bdil ta' tagħrif, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti konġunti, il-bdil ta' kompetenza u l-aħjar prattiċi fl-oqsma fi ħdan il-missjoni ta' l-Awtorità. 2. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni, waqt li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jħejji lista li għandha tiġi ppubblikata ta' l-organizzazzjonijiet kompetenti nnominati mill-Istati Membri li jistgħu jgħinu lill-Awtorità, jew individwalment jew f'networks, fil-missjoni tagħha. L-Awtorità tista' tafda lil dawn l-organizzazzjonijiet b'ċertu xogħlijiet, b'mod partikolari b'xogħol ta' tħejjija għal opinjonijiet xjentifiċi, għajnuna xjentifika u teknika, ġbir ta' data u l-identifikazzjoni tar-riskji li joħorġu. Xi wħud minn dawn ix-xogħlijiet jistgħu jkunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju. 3. Ir-regoli ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni wara li tikkonsulta ma’ l-Awtorità, skond il-proċeduri li għalihom jipprovdi l-Artikolu 58(2). Dawn ir-regoli għandhom jispeċifikaw, b'mod partikolari, l-kriterji għad-dħul ta' istitut fuq il-lista ta' organizzazzjonijiet kompetenti nnominati mill-Istati Membri, arranġamenti biex jitniżżlu ħtiġijiet armonizzati ta' kwalità u r-regoli finanzjarji li jirregolaw kull appoġġ finanzjarju. 4. Fi żmien sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika inventarju tas-sistemi tal-Komunità li jeżistu fl-oqsma fil-kompetenza ta' l-Awtorità li jipprovdi li l-Istati Membri jwettqu ċerti xogħlijiet fil-qasam tal-valutazzjoni xjentifika, b'mod partikolari fl-eżami ta' dossiers ta' awtorizzazzjoni. Ir-rapport, li għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti, għandu jindika b'mod partikolari, għal kull sistema, kull modifikazzjoni jew titjib li jista’ jkun meħtieġ biex jippermetti lill-Awtorità li twettaq il-missjoni tagħha, b'kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri. SEZZJONI 4 INDIPENDENZA, TRASPARENZA, KUNFIDENZJALITA’ U KOMUNIKAZZJONI Artikolu 37 Indipendenza 1. Il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni, il-membri tal-Forum ta' Konsulenza, u d-Direttur Eżekuttiv għandhom jintrabtu li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku. Għal dan il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta' rabta u dikjarazzjoni ta' interessi li tkun tindika jew in-nuqqas ta' kull interess li jista’ jiġi meqjus li jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru ta' kull sena bil-miktub. 2. Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Bordijiet Xjentifiċi għandhom jintrabtu li jaġixxu b'mod indipendenti minn kull influwenza minn barra. Għal dan il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta' rabta u dikjarazzjoni ta' interessi li tkun tindika jew in-nuqqas ta' kull interess li jista’ jiġi meqjus li jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru ta' kull sena bil-miktub. 3. Il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Forum ta' Konsulenza, il-membri tal-Forum Xjentifiku u tal-Bordijiet Xjentifiċi, kif ukoll esperti minn barra li jieħdu sehem fil-gruppi tax-xogħol tagħhom għandhom jiddikjaraw f’kull laqgħa kull interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom in relazzjoni mal-partiti fuq l-aġenda. Artikolu 38 Transparenza 1. L-Awtorità għandha tiżgura li twettaq l-attivitajiet tagħha b'livell għoli ta' trasparenza. B'mod partikolari għandha tippubblika mingħajr dewmien: (a) l-aġendi u l-minuti tal-Kumitat Xjentifku u tal-Bordijiet Xjentifiċi; (b) l-opinjonijiet tal-Kumitat Xjentifku u tal-Bordijiet Xjentifiċi minnufih wara l-adozzjoni, bl-opinjonijiet ta' minoranza jiġu dejjem inklużi; (ċ) mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 39 u 41, it-tagħrif li fuqu jkunu bbażati l-opinjonijiet; (d) id-dikjarazzjonijiet ta' interess ta' kull sena mill-Bord ta' l-Amministrazzjoni, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Forum ta' Konsulenza u l-membri tal-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Xjentifiċi, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta' interess magħmula in relazzjoni mal-partiti fuq l-aġendi tal-laqgħat; (e) ir-riżultati ta' l-istudji xjentifiċi tagħha; (f) ir-rapport ta' kull sena ta' l-attivitajiet tagħha; (g) it-talbiet mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni jew xi Stat Membru għal opinjonijiet xjentifiċi li jkunu ġew irrifjutati jew immodifikati u l-ġustifikazzjonijiet għar-rifjut jew modifikazzjoni. 2. Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni għandu jżomm il-laqgħat tiegħu fil-pubbliku sakemm, waqt li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, jiddeċiedi mod ieħor minħabba punti speċifiċi amministrattivi ta' l-aġenda tiegħu, u jista’ jawtorizza rappreżentanti tal-konsumatur jew partijiet oħra interessati li josservaw il-proċedimenti ta' xi wħud mill-attivitajiet ta' l-Awtorità. 3. L-Awtorità għandha tniżżel fir-regoli interni tagħha l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta' trasparenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Artikolu 39 Kunfidenzjalità 1. B'deroga mill-Artikolu 38, l-Awtorità m'għandhiex tikxef lil partijiet terzi tagħrif kunfidenzjali li tirċievi li dwaru jkun ġie mitlub u ġie ġġustifikat trattament kunfidenzjali, ħlief għal tagħrif li għandu jsir pubbliku jekk iċ-ċirkostanzi hekk ikunu jeħtieġu, biex tiġi protetta s-saħħa pubblika. 2. Il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Bordijiet Xjentifiċi kif ukoll l-esperti minn barra li jieħdu sehem fil-gruppi tax-xogħol tagħhom, il-membri tal-Forum ta' Konsulenza u l-membri tal-persunal ta' l-Awtorità, ukoll wara li jtemmu d-dmirijiet tagħhom, għandhom ikunu suġġetti għall-ħtiġijiet ta' kunfidenzjalità skond l-Artikolu 287 tat-Trattat. 3. Il-konklużjonijiet ta' l-opinjonijiet xjentifiċi mogħtija mill-Awtorità li għandhom x'jaqsmu ma’ effetti tas-saħħa futuri m'għandhom taħt ebda ċirkostanza jinżammu kunfidenzjali. 4. L-Awtorità għandha tniżżel fir-regoli interni tagħha l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta' kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Artikolu 40 Komunikazzjonijiet mill-Awtorità 1. L-Awtorità għandha tikkomunika fuq l-inizjattiva tagħha fl-oqsma fi ħdan il-missjoni tagħha mingħajr preġudizzju għal kompetenza tal-Kummissjoni li tikkomunika d-deċiżjonijiet tagħha dwar l-immaniġġjar tar-riskju. 2. L-Awtorità għandha tiżgura li l-pubbliku u l-partijiet interessati jingħataw malajr tagħrif oġġettiv, ta' min jorbot fuqu u faċilment aċċessibbli, b'mod partikolari fir-riżultati tax-xogħol tagħha. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet l-Awtorità għandha tiżviluppa u xxerred materjal ta' tagħrif għall-pubbliku in ġenerali. 3. L-Awtorità għandha taġixxi b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex tippromwovi l-koerenza meħtieġa fil-proċess tal-komunikazzjoni tar-riskju. L-Awtorità għandha tippubblika l-opinjonijiet kollha maħruġa minnha skond l-Artikolu 38. 4. L-Awtorità għandha tiżgura kooperazzjoni xierqa mal-korpi kompetenti fl-Istati Membri u partijiet oħra nteressati fir-rigward ta' kampanji pubbliċi ta' tagħrif. Artikolu 41 Aċċess għad-dokumenti 1. L-Awtorità għandha tiżgura aċċess wiesa' għad-dokumeni fil-pussess tagħha. 2. Il-Bord ta' Ġestjoni, waqt li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-aċċess tad-dokumenti imsemmija fil-paragrafu 1, waqt li jagħti kont sħiħ tal-prinċipji ġenerali u kondizzjonijiet li jirregolaw id-dritt ta' l-aċċess għad-dokumenti ta' istituzzjonijiet tal-Komunità. Artikolu 42 Konsumaturi, produtturi u partijiet oħra interessati L-Awtorità għandha tiżviluppa kuntatti effettivi mar-rappreżentanti tal-konsumaturi, rappreżentanti tal-produtturi, proċessaturi u kull parti oħra interessata. SEZZJONI 5 DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI Artikolu 43 Adozzjoni tal-budget ta' l-Awtorità 1. Id-dħul ta' l-Awtorità għandu jkun jikkonsisti f'kontribuzzjoni mill-Komunità u, minn kull Stat li miegħu l-Komunità tkun temmet il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 49, u imposti għall-pubblikazzjonijiet, konferenzi, taħriġ u attivitajiet oħra simili pprovduti mill-Awtorità. 2. In-nefqa ta' l-Awtorità għandha tinkludi l-impjegati, l-ispejjeż amministrattivi, ta' infrastruttura u tħaddim, u spejjeż li jirriżultaw mill-kuntratti li tidħol fihom ma’ partijiet terzi jew li jirriżultaw mill-appoġġ finanzjarju imsemmi fl-Artikolu 36. 3. Fi żmien biżżejjed, qabel id-data imsemmija fil-paragrafu 5, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji stima tad-dħul u n-nefqa ta' l-Awtorità għas-sena finazjarja li ġejja, u għandu jibgħatha lill-Bord ta' Ġestjoni, akkumpanjati b'lista provviżorja tal-postijiet. 4. Id-dħul u n-nefqa għandhom jibbilanċjaw. 5. Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena l-aktar tard, il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta l-abbozz ta' l-estimi inkluża l-lista provviżorja tal-postijiet akkumpanjati bil-programm preliminari tax-xogħol u jibgħathom lill-Kummissjoni u lill-Istati li magħhom il-Kummissjoni tkun temmet il-ftehim imsemmija fl-Artikolu 49. Fuq il-bażi ta' dak l-abbozz, il-Kummissjoni għandha ddaħħal l-estimi relevanti fl-abbozz preliminari tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea biex jitqiegħed quddiem il-Kunsill skond l-artikolu 272 tat-Trattat. 6. Wara l-adozzjoni tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea mill-Awtorità tal-budget, il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta l-budget finali ta' l-Awtorità u l-programm tax-xogħol, waqt li jaġġusthom fejn meħtieġ bil-kontribuzzjoni tal-Komunità. Għandha tibgħathom mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Awtorità tal-budget. Artikolu 44 Implimentazzjoni tal-budget ta' l-Awtorità 1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-budget ta' l-Awtorità. 2. Il-kontroll tar-rabta u l-ħlas tan-nefqa kollha u l-kontroll ta' l-eżistenza u l-irkupru tad-dħul kollu ta' l-Awtorità għandu jitwettaq mill-kontrollur finanzjarju tal-Kummissjoni. 3. Sal-31 ta Marzu ta' kull sena l-aktar tard, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Kummissjoni, lill-Bord ta' Ġestjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri il-kontijiet dettaljati tad-dħul kollu u n-nefqa dwar is-sena finanzjarja ta' qabel. Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet skond l-Artikolu 248 tat-Trattat. Għandha tippubblika kull sena rapport ta' l-attivitajiet ta' l-Awtorità. 4. Il-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu jagħti l-kunsens lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Awtorità dwar l-implimentazzjoni tal-budget. Artikolu 45 Tariffi li tirċievi l-Awtorità Fi żmien tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u wara li tiġi kkonsultata l-Awtorità, l-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar il-possibbiltà u jekk ikunx il-każ li tiġi ppreżentata proposta leġislattiva taħt il-proċedura ta' ko-deċiżjoni u skond it-Trattat u għal servizzi oħra pprovduti mill-Awtorità. SEZZJONI 6 DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 46 Personalità legali u privileġġi 1. L-Awtorità għandu jkollha personalità legali. Fl-Istati Membri kollha għandha tgawdi l-aktar setgħat wiesgħa mogħtija bil-liġi lil persuni legali. B'mod partikolari, tista' takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tistitwixxi proċeduri legali. 2. Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu jgħodd għall-Awtorità. Artikolu 47 Responsabiltà 1. Ir-responsabiltà kontrattwali ta' l-Awtorità għandha tkun irregolata bil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni li tagħti sentenza skond kull klawżola ta' arbitraġġ li tkun tinsab f'kuntratt konkluż mill-Awtorità. 2. Fil-każ ta' responsabiltà mhux kuntrattwali, l-Awtorità għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minnha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'kull disputa li għandha x'taqsam ma' kumpens għal dik il-ħsara. 3. Ir-responsabiltà personali ta' l-impjegati tagħha lejn l-Awtorità għandha tkun irregolata bid-dispożizzjonijiet relevanti li japplikaw għall-impjegati ta' l-Awtorità. Artikolu 48 Impjegati 1. L-impjegati ta' l-Awtorità għandhom ikunu suġġetti għar-regoli u regolamenti applikabbli għal uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej. 2. Dwar l-impjegati tagħha, l-Awtorità għandha teżerċita s-setgħat li ġew iddevoluti fuq l-awtorità li taħtar. Artikolu 49 Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi L-Awtorità għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li jkunu kkonkludew xi ftehim mal-Komunità Ewropea li bis-saħħa tiegħu jkunu adottaw u japplikaw il-leġislazzjoni tal-Komunità fil-qasam kopert b'dan ir-Regolament. L-arranġamenti għandhom isiru taħt id-dispożizzjonijiet relevanti ta' dawk il-ftehim, waqt li jiġu speċifikati b'mod partikolari n-natura, limitu u mod li bih dawn il-pajjiżi għandhom jieħdu sehem fix-xogħol ta' l-Awtorità, inklużi dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-paretċipazzjoni fin-networks imħaddma mill-Awtorità, id-dħul fil-lista ta' l-organizzazzjonijiet kompetenti li lilhom jistgħu jiġu fdati ċerti xogħlijiet mill-Awtorità, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-impjegati. IL-KAPITOLU IV SISTEMA TA' ALLARM MALAJR, AMMINISTRAZZJONI BI KRIŻI U EMERĠENZI SEZZJONI 1 SISTEMA TA' ALLARM MALAJR Artikolu 50 Sistema ta' allarm malajr 1. Sistema għall-allarm malajr għan-notifikazzjoni tar-riskju dirett jew indirett għas-saħħa umana li jirriżulta minn ikel jew għalf qiegħda b'dan tiġi stabbilita bħala network. Għandha tinvolvi lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità għandhom kull wieħed jaħtru punt ta' kuntatt, li għandu jkun membru tan-network. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tan-network. 2. Fejn xi membru tan-network ikollu xi tagħrif li għandu x'jaqsam ma’ l-eżistenza ta' riskju serju dirett jew indirett għas-saħħa umana li jirriżulta minn ikel jew għalf, dan it-tagħrif għandu minnufih jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skond is-sistema ta' allarm malajr. Il-Kummissjoni għandha minnufih tibgħat dan it-tagħrif lill-membri tan-network. L-Awtorità tista’ tissupplimenta n-notifikazzjoni b'kull tagħrif xjentifiku jew tekniku, li għandu jiffaċilita azzjoni ta' mmaniġġjar tar-riskju malajr u adatta mill-Istati Membri. 3. Mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni l-oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni taħt is-sistema ta' allarm malajr bi: (a) kull miżura li jadottaw li hija mmirata li tirrestrinġi t-tqegħid fis-suq jew li tisforza l-irtirar mis-suq jew il-ġbir lura ta' ikel jew għalf biex jipproteġu s-saħħa umana u li teħtieġ azzjoni malajr; (b) kull rakkomandazzjoni jew ftehim ma’ operaturi professjonali li hija mmirata, fuq bażi volontarja jew obbligatorja, li tevita, tillimita jew timponi kondizzjonijiet speċifiċi dwar it-tqegħid fis-suq jew l-użu eventwali ta' ikel jew għalf minħabba xi riskju serju għas-saħħa umana li jeħtieġ azzjoni ta' malajr; (ċ) kull rifjut, li għandu x'jaqsam ma’ riskju dirett jew indirett għas-saħħa umana, ta' lott, kontenitur jew merkanzija ta' ikel jew għalf minn awtorità kompetenti f'post ta' fruntiera fl-Unjoni Ewropea. In-notifikazzjoni għandha tkun akkumpanjata bi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għall-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih tinħareġ in-notifikazzjoni. Għandha tkun segwita, fi żmien biżżejjed, b'tagħrif supplimentari, b'mod partikolari fejn il-miżuri li fuqhom in-notifkazzjoni hija bbażata jiġu mmodifikati jew irtirati. Il-Kummissjoni għandha minnufih tibgħat lill-membri tan-networks in-notifikazzjoni u t-tagħrif supplimentari rċevut skond l-ewwel u t-tieni subparagrafi. Fejn lott, kontenitur jew merkanzija jiġu riġettati mill-awtorità kompetenti f'post fil-fruntiera, fl-Unjoni Ewropea, il-Kummisjoni għandha minnufih tinnotifika lill-postijiet kollha fil-fruntiera fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-pajjiż terz ta' oriġini. 4. Fejn ikel jew għalf li jkun ġie suġġett għal notifikazzjoni taħt is-sistema ta' allarm malajr jkun intbagħat lill-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lil dan ta' l-aħħar bit-tagħrif xieraq. 5. L-Istati Membri għandhom minnufih javżaw lill-Kummissjoni bl-azzjoni implimentata jew il-miżuri meħuda wara li jkunu rċevew in-notifikazzjonijiet jew tagħrif supplimentari skond is-sistema ta' allarm malajr. Il-Kummissjoni għandha minnufih tibgħat dan it-tagħrif lill-membri tan-network. 6. Il-parteċipazzjoni fis-sistema ta' allarm malajr tista’ tinfetaħ għall-pajjiżi applikanti, pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fuq il-bażi ta' ftehim bejn il-Komunità u dawk il-pajjiżi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, skond il-proċeduri definiti f'dawk il-ftehim. Dan ta' l-aħħar għandu jkun ibbażat fuq reċiproċità u għandu jinkludi miżuri kunfidenzjali ekwivalenti għal dawk applikabbli fil-Komunità. Artikolu 51 Miżuri ta' implimentazzjoni Il-miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 50 għandhom jiġi adottati mill-Kummissjoni, wara diskussjoni ma’ l-Awtorità, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 58(2). Dawn il-miżuri għandhom jispeċifikaw, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet speċifiċi u l-proċeduri applikabbli għat-trasmissjoni tan-notifikazzjonijiet u għat-tagħrif supplimentari. Artikolu 52 Regoli ta' kunfidenzjalità għas-sistema ta' allarm malajr 1. Tagħrif, disponibbli għall-membri tan-network, li jirrelata ma’ riskju għas-saħħa umana maħluq minn ikel jew għalf għandu b'mod ġenerali jkun disponibbli għall-pubbliku skond il-prinċipju ta' tagħrif li għalih jipprovdi l-Artikolu 10. B'mod ġenerali, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għal tagħrif dwar l-identifikazzjoni tal-prodott, in-natura tar-riskju u l-miżura meħuda. Iżda, l-membri tan-network għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li l-membri ta' l-uffiċċju ma jkunux meħtieġa li jikxfu tagħrif miksub għall-għanijiet ta' din is-Sezzjoni li min-natura tiegħu huwa kopert bis-segretezza professjonali f'każi debitament ġustifikati, ħlief għal tagħrif li għandu jsir pubbliku, jekk iċ-ċirkostanzi hekk ikunu jeħtieġu, biex tiġi protetta s-saħħa umana. 2. Il-protezzjoni tas-segretezza professjonali m'għandhiex tipprevjeni t-tixrid lill-awtoritajiet kompetenti tat-tagħrif relevanti għall-effettività tas-sorveljanza tas-suq u attivitajiet ta' infurzar fil-qasam ta' l-ikel u l-għalf. L-awtoritajiet li jirċievu tagħrif kopert b'segretezza professjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tiegħu b'konformità mal-paragrafu 1. SEZZJONI 2 EMERĠENZI Artikolu 53 Miżuri ta' emerġenza ta' ikel u għalf li joriġina mill-Komunità jew importat minn pajjiż terz 1. Fejn ikun ċar li ikel jew għalf li joriġina fil-Komunità jew impurtat minn pajjiż terz x'aktarx li jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa umana, is-saħħa ta' l-annimali jew l-ambjent u riskju bħal dak ma jkunx jista’ jiġi mrażżan b'mod sodisfaċenti permezz tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru/i kkonċernat/i, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura li għaliha jipprovdi l-Artikolu 58(2) fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta' xi Stat Membru, għandha minnufih tadotta miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin, skond il-gravità tas-sitwazzjoni: (a) fil-każ ta' ikel jew għalf li joriġina mill-Komunità: (i) is-sospensjoni tat-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' l-ikel in kwistjoni; (ii) is-sospensjoni tat-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' l-għalf in kwistjoni; (iii) tniżżel kondizzjonijiet speċjali għall-ikel jew l-għalf in kwistjoni; (iv) kull miżura oħra interim adattata; (b) fil-każ ta' ikel jew għalf impurtat minn pajjiż terz: (i) is-sospensjoni ta' l-importazzjonijiet ta' l-ikel jew l-għalf in kwistjoni mill-pajjiż terz kollu jew dik il-parti tiegħu kkonċernata u, fejn japplika, mill-pajjiż terz ta' transitu, (ii) tniżżel kondizzjonijiet speċjali għall-ikel jew l-għalf in kwistjoni mill-pajjiż terz kollu jew dik il-parti kkonċernata; (iii) kull miżura oħra interim adattata; 2. Iżda, f'EMERĠENZI, il-Kummissjoni tista' provviżorjament tadotta l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 wara li tikkonsulta lill-Istat Membru/i kkonċernat/i u tavża lill-Istati Membri l-oħra. Kemm jista’ jkun malajr, u l-aktar tard fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol, il-miżuri meħuda għandhom jiġu kkonfermati, emendati, rrevokati jew imtawwla skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 58(2), u r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandhom isiru pubbliċi mingħajr dewmien. Artikolu 54 Miżuri oħra ta' emerġenza 1. Fejn Stat Membru javża uffiċċjalment lill-Kummissjoni bil-ħtieġa ta' teħid ta' miżuri ta' emerġenza u fejn il-Kummissjoni ma tkunx aġixxiet skond l-Artikolu 53, l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri interim protettivi. F'dan il-każ, għandu minnufih javża lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. 2. Fi żmien għaxar t'ijiem ta' xogħol, il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-kwistjoni quddiem il-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 58(1) skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 58(2) bil-ħsieb ta' l-estensjoni, emenda jew abrogazzjoni tal-miżuri interim nazzjonali protettivi. 3. L-Istat Membru jista’ jżomm il-miżuri interim nazzjonali protettivi sakemm jiġu adottati l-miżuri tal-Komunità. SEZZJONI 3 IMMANIĠĠJAR TA' KRIŻI Artikolu 55 Pjan ġenerali għall-immaniġġjar ta' kriżi 1. Il-Kummissjoni għandha tħejji, b'kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Awtorità u l-Istati Membri, pjan ġenerali għall-imanniġġjar ta' kriżi fil-qasam tas-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "il-pjan ġenerali"). 2. Il-pjan ġenerali għandu jispeċifika t-tipi ta' sitwazzjonijiet li jinvolvu riskji diretti jew indiretti għas-saħħa umana li jinħolqu minn ikel u għalf li x'aktarx ma jistgħux jiġu evitati, eliminati jew imnaqqsa għal livell aċċettabbli bid-dispożizzjonijiet fis-seħħ jew ma jkunux jistgħu jiġi mmaniġġjati adegwatament unikament minħabba l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 53 u 54. Il-pjan ġenerali għandu wkoll jispeċifika l-proċeduri prattiċi meħtieġa għall-immaniġġjar ta' kriżi, inklużi l-prinċipji ta' trasparenza li għandhom jiġu applikati u l-istrateġija ta' komunikazzjoni. Artikolu 56 Unita tal-kriżijiet 1. Mingħajr preġudizzju għar-rwol tagħha li tiżgura l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità, fejn il-Kummissjoni tidentifika sitwazzjoni li tinvolvi riskju serju dirett jew indirett għas-saħħa umana li jinħoloq minn ikel jew għalf, u r-riskju ma jistax jiġi evitat, eliminat jew imnaqqas bid-dispożizzjonijiet eżistenti jew ma jkunx jista’ jiġi mmaniġġjat adegwatament unikament minħabba l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 53 u 54, għandha minnufih tinnotifika lill-Istati Membri u lill-Awtorità. 2. Il-Kummissjoni għandha minnufih tistabilixxi unita tal-kriżijiet, li fih għandha tieħu sehem l-Awtorità, u tipprovdi għajnuna xjentifika u teknika fejn meħtieġ. Artikolu 57 Xogħlijiet tal-unita tal-kriżijiet 1. Il-unita tal-kriżijiet għandu jkun responsabbli għall-ġbir u l-valutazzjoni tat-tagħrif kollu relevanti u biex jidentifika l-għażliet disponibbli biex jevita, jelimina jew inaqqas għal livell aċċettabbli ir-riskju għas-saħħa umana bl-aktar mod effettiv u malajr possibbli. 2. Il-unita tal-kriżijiet tista’ titlob l-għajnuna ta' kull persuna pubblika jew privata li l-ħila tagħha titqies meħtieġa għall-immaniġġjar effettiv tal-kriżi. 3. Il-unita tal-kriżijiet għandu jżomm lill-pubbliku mgħarraf bir-riskji nvoluti u bil-miżuri meħuda. IL-KAPITOLU V PROĊEDURI U DISPOSIZZJONIJIET FINALI SEZZJONI 1 KUMITAT U PROĊEDURI TA' MEDJAZZJONI Artikolu 58 Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ il-"Kumitat", magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresjedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-Kumitat għandu jkun organizzat f'sezzjonijiet biex jittrattaw il-kwistjonijiet kollha relevanti. 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu, in konformità ma’ l-Artikoli 7 u 8 tiegħu. 3. Iż-żmien ipprovdut fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur. Artikolu 59 Funzjonijiet assenjati lill-Kumitat Il-Kumitat għandu jwettaq il-funzjonijiet assenjati lilu b'dan ir-Regolament u b'dispożizzjonijiet relevanti oħra tal-Komunità, fil-każi u l-kondizzjonijiet ipprovduti f'dawk id-dispożizzjonijiet. Jista’ wkoll jeżamina kull kwistjoni li taqa’ taħt dawk id-dispożizzjonijiet, jew fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq talba bil-miktub minn wieħed mill-membri tiegħu. Artikolu 60 Proċedura ta' medjazzjoni 1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Komunità, fejn Stat Membru jkun ta' l-opinjoni li miżura meħuda minn Stat Membru ieħor fil-qasam tas-sigurtà fl-ikel tkun jew inkompatibli ma’ dan ir-Regolament jew x'aktarx li taffettwa it-tħaddim tas-suq intern, għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, li għandha minnufih tavża lill-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat. 2. Iż-żewġ Stati Membri kkonċernati u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu kull sforz biex isolvu l-problema. Jekk ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim il-Kummissjoni tista' titlob opinjoni dwar kull kwistjoni xjentifika relevanti kontenzjuża mill-Awtorità. It-termini ta' dik it-talba u t-terminu ta' żmien li fih l-Awtorità hija mitluba li tagħti l-opinjoni tagħha għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim komuni bejn il-Kummissjoni u l-Awtorità, wara konsultazzjoni maż-żewġ Stati Membri kkonċernati. SEZZJONI 2 DISPOSIZZJONIJIET FINALI Artikolu 61 Klawsola ta' reviżjoni 1. Qabel l-1 ta' Jannar 2005 u kull sitt snin wara dan, l-Awtorità, f’ kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tikkommissjona valutazzjoni indipendenti esterna tal-kisbiet tagħha fuq il-bażi tat-termini ta' referenza maħruġa mill-Bord ta' Ġestjoni bi ftehim mal-Kummissjoni. Il-valutazzjoni għandha tistma l-prattiċi tax-xogħol u l-impatt ta' l-Awtorità. Il-valutazzjoni għandha tagħti kont tal-veduti ta' kull min għandu interess, kemm fil-livell tal-Komunità kif ukoll f'dak nazzjonali. Il-Bord ta' Ġestjoni ta' l-Awtorità għandu jeżamina l-konklużjonijiet ta' l-valutazzjoni u jagħmel lill-Kummissjoni dawk ir-rakkomandazzjonijiet hekk kif jista’ jkun meħtieġ dwar il-bidliet fl-Awtorità u l-prattiċi tax-xogħol tagħha. Il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi. 2. Qabel l-1 ta' Jannar 2005, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tas-Sezzjonijiet 1 u 2 tal-Kapitolu IV. 3. Ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintbagħtu lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Artikolu 62 Referenzi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel u l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali 1. Kull referenza fil-leġislazzjoni tal-Komunità għall-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, il-Kumitat Xjentifiku dwar in-Nutriment ta' l-Annimali, il-Kumitat Xjentifiku Veterinarju, il-Kumitat Xjentifiku dwar Pestiċidi, il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti u l-Kumitat Direttiv Xjentifiku għandha tiġi mibdula b'referenza għall-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel. 2. Kull referenza fil-leġislazzjoni tal-Komunità għall-Kumitat Permanenti għall-Oġġetti ta' l-Ikel, il-Kumitat Permanenti dwar l-Għalf u l-Kumitat Vetrinarju Permanenti għandha tiġi mibdula b'referenza għall-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali. Kull referenza għall-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti fil-leġislazzjoni tal-Komunità bbażata fuq u inklużi d-Direttivi 76/895/KEE, 86/362/KEE, 86/363/KEE, 90/642/KEE u 91/414/KEE li jirrelataw ma’ prodotti dwar il-protezzjoni tal-pjanti u l-istabbiliment ta' livelli massimi ta' residwi għandhom jiġu mibdula b'referenza għall-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali. 3. Għall-għan tal-paragrafi 1 u 2, "leġislazzjoni tal-Komunità" għandha tfisser ir-Regolamenti, Direttivi u Deċiżjonijiet kollha tal-Komunità. 4. Id-Deċiżjonijiet 68/361/KEE, 69/414/KEE u 70/372/KEE huma b'dan imħassra. Artikolu 63 Kompetenza ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta' Prodotti Mediċinali Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza konferita fuq l-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta' Prodotti Mediċinali bir-Regolament (KEE) Nru 2309/93, Regolament (KEE) Nru 2377/90, Direttiva tal-Kunsill 75/319/KEE [27] u d-Direttiva tal-Kunsill 81/851/KEE [28]. Artikolu 64 Bidu ta' l-operat ta' l-Awtorità L-Awtorità għandha tibda taħdem fl-1 ta' Jannar 2002. Artikolu 65 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l--pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikoli 11 u 12 u l-Artikoli 14 sa 20 għandhom jgħoddu mill-1 ta' Jannar 2005. L-Artikoli 29, 56, 57 u 60 u l-Artikolu 62(1) għandhom jgħoddu mid-data tal-ħatra tal-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Xjentifiċi li għandhom jitħabbru permezz ta' avviż fis-Serje "C" tal-Ġurnal Uffiċjali. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-28 ta' Jannar 2002. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President J. Piqué i Camps [1] ĠU C 96 E, tas-27.3.2001, p. 247. [2] ĠU C 155, tad-29.5.2001, p. 32. [3] Opinjoni mogħtija fl-14 ta' Ġunju 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali). [4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Settembru 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2002. [5] ĠU L 229, tat-30.8.1980, p. 11. Direttiva mħassra bid-Direttiva 98/83/KE. [6] ĠU L 330, tal-5.12.1998, p. 32. [7] Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, tas-17.4.2001, p. 1). [8] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 24. [9] ĠU L 371, tat-30.12.1987, p. 76. [10] ĠU L 255, tat-18.10.1968, p. 23. [11] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9. [12] ĠU L 170, tat-3.8.1970, p. 1. [13] ĠU L 340, tad-9.12.1976, p. 26. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/57/KE (ĠU L 244, tad-29.9.2000, p. 76). [14] ĠU L 221, tas-7.8.1986, p. 37. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/57/KE (ĠU L 208, ta' l-1.8.2001, p. 36). [15] ĠU L 221, tas-7.8.1986, p. 43. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/57/KE. [16] ĠU L 350, ta' l-14.12.1990, p. 71. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/57/KE. [17] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/49/KE (ĠU L 176, tad-29.6.2001, p. 61). [18] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [19] ĠU L 214, ta' l-24.8.1993, p. 1. Regolament emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 649/98 (ĠU L 88, ta' l-24.3.1998, p. 7). [20] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1553/2001 (ĠU L 205, tal-31.7.2001, p. 16). [21] ĠU C 22, tad-9.2.1965, p. 369. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/39/KEE (ĠU L 214, ta' l-24.8.1993, p. 22). [22] ĠU L 297, tat-13.10.1992, p. 8. [23] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 169. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/41/KE (ĠU L 145, ta' l-20.6.2000, p. 25). [24] ĠU L 359, tat-8.12.1989, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/41/KEE) (ĠU L 158, tal-11.6.1992, p. 30). [25] ĠU L 210, tas-7.8.1985, p. 29. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 141, ta' l-4.6.1999, p. 20). [26] ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, KEFA, Euratom) Nru 762/2001 (ĠU L 111, ta' l-20.4.2001, p. 1). [27] ĠU L 147, tad-9.6.1975, p. 13. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, tat-28.11.2001, p. 67). [28] ĠU L 317, tas-6.11.1981, p. 1. Direttiva emendata bid-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, tat-28.11.2001, p. 1). --------------------------------------------------