Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R1051

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1051/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton

    ĠU L 148, 1.6.2001, p. 3–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005; Imħassar b' 32003R1782

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1051/oj

    32001R1051



    Official Journal L 148 , 01/06/2001 P. 0003 - 0008


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1051/2001

    tat-22 ta’ Mejju 2001

    dwar l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll 4 dwar il-qoton [1], anness ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Greċja, u b’mod partikolari l-paragrafu 6 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [4],

    Billi:

    (1) Eżami ta’ l-operat ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna prevista mill-paragrafu 11 tal-Protokoll 4 anness ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Greċja juri l-ħtieġa li jinżammu l-arranġamenti eżisteni għall-qoton iżda b’ċerti aġġustamenti.

    (2) Il-miżuri relatati mal-qoton huma stabbiliti fil-Protokoll 4, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1554/95 tad-29 ta’ Ġunju 1995 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għas-sistema ta’ l-għajnuna għall-qoton u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2169/81 [5] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1964/87 tat-2 ta’ Lulju 1987 li jaġġusta s-sistema ta’ l-għajnuna għall-qoton introdotta bil-Protokoll 4 anness ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Greċja [6]. L-arranġamenti previsti fil-Protokoll 4 għandhom jinżammu, b’mod partikolari l-possibbiltà li l-Kunsill jaġġusta l-iskema, u, fl-interess tas-simplifikazzjoni, il-miżuri kollha ta’ l-implimentazzjoni meħtieġa għall-għoti ta’ l-għajnuna għandhom jitqiegħdu flimkien f’Regolament wieħed tal-Kunsill.

    (3) Il-paragrafu 6 tal-Protokoll 4 jistipula li l-miżruri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema tal-qoton għandhom jiġu adottati. L-għajnuna għall-produzzjoni prevista mill-paragrafu 3 tal-Protokoll 4 hija fil-preżent ibbażata fuq sistema, fil-qafas tal-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti, li tiggarantixxi l-prezz minimu lill-produtturi u, permezz ta’ l-għajnuna mħallsa lill-intrapriżi tal-ħalġ, tagħmel tajjeb għad-differenza bejn il-prezz gwida u l-prezz kummerċjali dinji. Fid-dawl ta’ l-esperjenza, il-bażi tas-sistema u l-komponenti varji tagħha għandhom jinżammu.

    (4) Il-prezz gwida, il-prezz minimu li għandu jitħallas lill-produtturi u l-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti għandhom jiġu ffissati f’livelli li jżommu l-bilanc miksub bejn il-prodotti u jippermettu lill-operaturi biex iħaddmu għal żmien medju l-produzzjoni u l-programmi ta’ l-ipproċessar.

    (5) Id-disposizzjonijiet biex jiġi stabbilit il-prezz dinji kummerċjali għall-qoton mhux maħluġ għandhom jinżammu. Dan il-prezz jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi tar-relazzjoni bejn il-prezz għall-qoton maħluġ u l-prezz ikkalkolat għall-qoton mhux maħluġ. Biex jiġi kkalkolat il-prezz tal-qoton maħluġ, għandhom jitqiesu l-offerti li jsiru fis-suq dinji u l-kwotazzjonijiet ta’ dawk il-boroż li jkunu importanti għall-kummerċ ineternazzjonali.

    (6) Il-mekkaniżmu preżenti, li bih meta ċerta kwantità ta’ produzzjoni tinqabeż il-prezz gwida jitnaqqas b’mod proporzjonali fl-Istati Membri responsabbli għal dik id-differenza, għandu jinżamm biex jiġi żgurat li l-pieni jiġu applikati b’mod ġust. Iżda, it-tnaqqis fil-prezz gwida jista’ jiġi llimitat basta li, waqt li jitqies b’mod partikolari l-prezz medju fis-suq dinji, ma jinqabiżx ċertu livell ta’ nefqa. Il-konsegwenzi tal-mekkaniżmu tal-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti għandhom jiġu applikati kemm għall-prezz minimu kif ukoll għall-għajnuna.

    (7) Il-perċentwal tat-tnaqqis fil-prezz gwida li japplika fil-preżent, ugwali għal nofs id-differenza żejda tal-kwantità nazzjonali ggarantita, jista’ taħt ċerti ċirkostanzi jhedded id-dixxiplina ta’ l-estimi. Dan il-perċentwal għandu għalhekk jiġi awmentat minn ċertu limitu tal-produzzjoni.

    (8) Biex jiġi żgurat li s-sistema tkun ibbilanċjata, l-għajnuna għall-produzzjoni għandha minnufih titħallas sħiħa lill-benefiċjarji, mingħajr preġudizzju għad-diversi tnaqqis previst mir-regoli tal-Komunità. L-istat preżenti ta’ l-istrutturi għall-produzzjoni huwa tali li l-għajnuna għandha tingħata lill-intrapriżi tal-ħalġ, li jħallsu lill-produtturi prezz li jkun talanqas ugwali għall-prezz minimu u ħlas bil-quddiem fuq dak il-prezz, u li jaċċettaw ċerti kondizzjonijiet dwar il-verifiki tal-kwantitajiet eliġibbli għall-għajnuna.

    (9) L-għajnuna tvarja fl-ammont skond il-prezz dinji kummerċjali u huwa meħtieġ li tiġi applikata għall-kwantitajiet ta’ qoton eliġibbli għall-għajnuna skond il-perjodu attwali meta ssir l-applikazzjoni għall-għajnuna. L-iskema preżenti tippermetti lill-intrapriżi tal-ħalġ li jiffissaw dak l-ammont, fl-applikazzjonijiet tagħhom għall-għajnuna, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tad-data tal-konklużjoni tal-kuntratti tal-bejgħ tal-qoton maħluġ fil-pussess tagħhom. Biex jiġi ffaċilitat aħjar il-bejgħ tal-qoton maħluġ fis-suq dinji, huwa rakkomandabbli li fil-futur jingħata permess biex jiġu konklużi kuntratti qabel il-perjodu tal-ħsad u, b’konsegwenza ta’ dan, biex jittawwal il-perjodu li matulu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu jistgħu jintbagħtu.

    (10) Jidher li huwa rakkomandabbli li wieħed jirregola r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-produtturi u l-intrapriżi tal-ħalġ fil-livell Komunitarju. Il-prinċipju preżenti tal-kunsens komuni bejn il-partijiet fil-kuntratt għandu jinżamm iżda jiġi mfisser f’aktar dettal.

    (11) L-ammont ta’ l-għajnuna li għandu jingħata ma jistax ikun magħruf sakemm tiġi stabbilita l-produzzjoni attwali f’kull Stat Membru. Biex jiġu kkompensati l-effetti kuntrarji tal-ħlasijiet tardivi ta’ l-għajnuna, għandha tibqa’ issir disposizzjoni biex parti mill-għajnuna titħallas bil-quddiem.

    (12) L-Istati Membri li jipproduċu għandhom iwaqqfu l-arranġamenti meħtieġa tal-kontroll biex jiġi żgurat li s-sistema ta’ l-għajnuna topera kif imiss, bl-użu fejn japplika tas-sistema integrata ta’ l-amministrazzjoni u l-kontoll kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta’ Novembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ l-għajnuna tal-Komunità [7].

    (13) Il-koltivazzjoni tal-qoton f’reġjuni li ma jkunux addattati għaliha x’aktarx li jkollha effetti ta’ ħsara fuq l-ambjent kif ukoll fuq l-ekonomija agrikola ta’ dawk ir-reġjuni fejn dan il-prodott ikun importanti. Biex jitqiesu l-għanijiet ambjentali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxi u jadottaw il-miżuri ambjentali li jqisu li jkunu addattati biex jirregolaw l-użu ta’ l-art agrikola għall-produzzjoni tal-qoton. Fil-futur l-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri biex irażżnu l-produzzjoni skond kriterji ambjentali oġġettivi u jfakkru lill-produtturi dwar il-ħtieġa li għandhom li jikkonformaw mal-leġislazzjoni li tkun fis-seħħ. Iż-żewġ Stati Membri produtturi prinċipali għandhom iħejju rapport dwar l-impatt fuq is-settur tal-qoton tal-miżuri ambjentali nazzjonali fiż-żmien meta din l-istima tkun possibbli.

    (14) Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni kif imiss tas-sistema ta’ l-għajnuna, għandhom isiru disposizzjonijiet għal proċedura li tistabbilixxi koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-kumitat ta’ l-amministrazzjoni. Il-Kumitat ta’ l-Amministrazzjoni tal-fibri naturali previstmir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 tas-27 ta’Lulju 2000 dwar l-organizzazzjoni kummerċjali komuni tal-qanneb u l-kittien [8], għandu jintuża għal dak l-għan.

    (15) Il-miżuri adottati għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni [9].

    (16) Biex jiġi żgurat li n-nefqa tal-Komunità marbuta ma’ l-applikazzjoni tal-miżuri previsti minn dan ir-Regolament tkun suġġetta għal regoli finanzjarji u monetarji u għal proċeduri adegwati, u minħabba n-natura speċifikament agrarja tal-qoton mhux maħluġ, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrarja komuni [10] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-15 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi l-arranġamenti agrimonetarji għall-ewo għandhom jgħoddu f’dan il-qasam [11].

    (17) L-aġġustamenti ta’ l-iskema prevista minn dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati kemm jista’ jkun bla ntoppi u l-miżuri tranżitorji huma għalhekk meħtieġa,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    IL-KAPITOLU I

    IL-PRINĊIPJI ĠENERALI

    Artikolu 1

    1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-għoti ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni prevista fil-paragrafu 3 tal-Protokoll 4 anness ma’ l-Att dwar l-Adeżjoni tal-Greċja.

    2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a) "Qoton mhux maħluġ" tfisser il-frotta tal-pjanta tal-qoton (Gossypium) li tkun laħqet il-maturità u tkun ġiet maħsuda u li jkun fiha l-miżwet tal-qoton u l-bċejjeċ tal-weraq u l-materjal tal-ħamrija;

    (b) "Qoton maħluġ" tfisser il-fibri tal-qoton (barra minn linters u l-fdalijiet) la magħżula u lanqas mimxuta, li minnu ż-żerriegħa u l-parti l-kbira tal-miżwet u l-bċejjeċ tal-weraq u l-materjal tal-ħamrija jkunu tneħħew.

    3. Is-sena kummerċjali għandha tibda mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Awissu.

    Artikolu 2

    1. L-ammont ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton mhux maħluġ għandu jiġi ffissat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-differenza bejn:

    - il-prezz gwida ffissat għal qoton mhux maħluġ skond l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7, u

    - il-prezz kummerċjali stabbilit skond l-Artikolu 4.

    2. L-għajnuna għandha tingħata għall-qoton mhux maħluġ mixtri bi prezz talanqas ugwali għall-prezz minimu, iffissat skond l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 9.

    IL-KAPITOLU II

    IL-MEKKANIŻMU TAL-PREZZ

    Artikolu 3

    1. Il-prezz gwida għandu jiġi ffissat għal 106,30 EUR kull 100 kg ta’ qoton mhux maħluġ.

    Dan il-prezz għandu jkun relatat mal-qoton:

    - ta’ kwalità tajba u kummerċjalment ġusta

    - li jkun fiha 10 % ta’ umdità u 3 % ta’ impuritajiet,

    - bil-karatteristiċi meħtieġa biex jipproduċi, wara l-ħalġ, 32 % ta’ fibri tal-grad 5 (l-intermedju bajdani) tat-tul ta’ 28 mm (1-3/32).

    2. Il-prezz minimu għandu jiġi ffissat għal EUR 100,99 għal kull 100 kg ta’ qoton mhux maħluġ għall-kwalità magħżula tal-prezz gwida kif joħroġ mill-impriża.

    Artikolu 4

    1. Il-prezz dinji tal-qoton mhux maħluġ għandu jiġi stabbilit wara li titqies ir-relazzjoni storika bejn il-prezz kummerċjali għall-qoton maħluġ u l-prezz ikkalkolat għall-qoton mhux maħluġ. Dan għandu jiġi ffissat perjodikament mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-prezz kummerċjali dinji tal-qoton maħluġ kif imsemmi fl-Artikolu 5.

    2. Jekk il-prezz dinji kummerċjali għall-qoton mhux maħluġ ma jkunx jista’ jiġi stabbilit skond il-paragrafu 1, dan għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ l-aktar prezz reċenti stabbilit.

    Artikolu 5

    1. Il-prezz dinji tal-qoton maħluġ għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prodott ta’ grad 5 (l-intermedju bajdani) b’tul ta’ fibra ta’ 28 mm (1-3/32), waqt li jitqiesu l-offerti li jkunu saru fis-suq dinji u l-kwotazzjonijiet ta’ waħda jew iżjed mill-boroż Ewropej li jkunu importanti għall-kummerċ internazzjonali. Il-prezz għandu jiġi stabbilit billi jintużaw l-offerti u l-kwotazzjonijiet l-aktar favorevoli minn fost dawk li jitqiesu bħala rappreżentattivi tal-prezz reali kummerċjali c.i.f. għall-prodott imwassal sa port Komunitarju.

    2. Fejn l-offerti u l-kwotazzjonijiet irreġistrati ma jkunux jissodisfaw il-ħtiġijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom isiru l-aġġustamenti meħtieġa.

    IL-KAPITOLU III

    IL-MEKKANIŻMU LI JISTABBILIZZA

    Artikolu 6

    Kwantità nazzjonali ggarantita għall-qoton mhux maħluġ għandha tiġi introdotta, li tkun ugwali għal kull sena kummerċjali għal:

    - 782000 tunnellata metrika għall-Greċja,

    - 249000 tunnellata metrika għal Spanja,

    - 1500 tunnellata metrika f’kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra.

    Artikolu 7

    1. Il-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jgħoddu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8.

    2. Jekk matul sena kummerċjali t-total tal-produzzjoni attwali fi Spanja u l-Greċja jeċċedi l-1031000 tunnellata metrika, il-prezz gwida msemmi fl-Artikolu 3(1) għandu jitnaqqas f’dik is-sena kummerċjali f’kull Stat Membru fejn il-produzzjoni attwali teċċedi l-kwantità nazzjonali ggarantita

    3. Il-prezz gwida għandu jitnaqqas għall-Istati Membri kkonċernati b’perċentwal ibbażat fuq ir-rata li biha l-kwantità nazzjonali ggarantita tkun inqabżet. Iżda jekk il-produzzjoni attwali fi Spanja jew fil-Greċja tkun anqas mill-kwantità nazzjonali ggarantita, id-differenza bejn il-produzzjoni totali attwali taż-żewġ Stati Membri u l-1031000 tunnellata metrika għandha tiġi espressa bħala rata tal-kwantità nazzjonali ggarantita li tkun inqabżet, u l-prezz gwida għandu jitnaqqas fuq il-bażi ta’ din ir-rata.

    4. It-tnaqqis fil-prezz gwida għandu jkun ugwali għal 50 % tar-rata taż-żejjed fil-qabża msemmija fil-paragrafu 3.

    Iżda jekk is-somma tal-produzzjoni attwali fi Spanja u l-Greċja mnaqqsa b’1031000 tunnellata metrika tkun ogħla minn 469000 tunnellata metrika, it-tnaqqis fil-prezz gwida ta’ 50 % għandu jiżdied b’żewġ punti perċentwali

    - fil-każ tal-Greċja, għal kull tarġa tal-15170 tunnellata metrika intiera jew parti minnha li l-produzzjoni teċċedi l-kwantità nazzjonali ggarantita miżjuda bi 356000 tunnellata metrika,

    - fil-każ ta’ Spanja, għal kull skaluna ta’ 4830 tunnellata metrika intiera jew parti minnha li l-produzzjoni teċċedi l-kwantità nazzjonali ggarantita miżjuda bi 113000 tunnellata metrika,

    Artikolu 8

    Jekk matul sena kummerċjali:

    - ikun ġie applikat l-Artikolu 7,

    - il-medja peżata tal-prezz fis-suq dinji adottata biex jiġi ffissat l-ammont ta’ l-għajnuna jkun akbar minn EUR 30,20 kull 100 kg, u

    - in-nefqa totali ta’ l-estimi ta’ l-imsemmija għajnuna tkun anqas minn EUR 770 miljun,

    ir-rimanenza mill-estimi msemmija fit-tielet inċiż għandha tintuża biex tiżdied l-għajnuna f’kull Stat Membru fejn il-produzzjoni attwali teċċedi l-kwantità nazzjonali ggarantita.

    Iżda, l-ammont ta’ l-għajnuna kif miżjud taħt l-ewwel subparagrafu m’għandux jeċċedi:

    - kemm l-ammont ta’ l-għajnuna kkalkolat mingħajr l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7,

    - kif ukoll l-ammont ta’ l-għajnuna kkalkolat wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 fuq il-bażi ta’ 1120000 tunnellata metrika ta’ qoton mhux maħluġ subdiviż fi kwantità nazzjonali ggarantita ta’ 270000 tunnellata metrika fil-każ ta’ Spanja u 850000 tunnellata metrika fil-każ tal-Greċja.

    Artikolu 9

    Il-prezz minimu msemmi fl-Artikolu 3(2) għandu jitnaqqas bl-istess ammont bħall-prezz gwida taħt l-Artikolu 7.

    IL-KAPITOLU IV

    IL-BENEFIĊJARJI TA’L-GĦAJNUNA

    Artikolu 10

    L-għajnuna għandha titħallas kollha kemm hi lill-benefiċjarji msemmija fl-Artikoli 11 u 12 li jagħmlu applikazzjoni.

    Artikolu 11

    Sabiex jirċievu l-għajnuna, intrapriżi tal-ħalġ tal-qoton barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 12 għandhom:

    (a) ikunu bagħtu kuntratt iffirmat li jistipula, b’mod partikolari, il-ħlas lill-produttur ta’ prezz talanqas daqs il-prezz minimu u li jkun fih klawżola li tispeċifika li:

    - fejn l-Artikolu 7 jgħodd, il-prezz miftiehem għandu jiġi aġġustat b’konsegwenza ta’ l-effett ta’ l-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu fuq l-għajnuna,

    - jekk il-kwalità tal-qoton ikkonsenjata tkun differenti mill-kwalità msemmija fl-Artikolu 3(2), il-prezz miftiehem għandu jiġi aġġustat b’kunsens komuni bejn il-partijiet fil-kuntratt bi proporzjon ma’ l-effett ta’ dik id-differenza fil-kwalità fuq il-prezz tal-prodott maħluġ kif relatat mal-prezz imsemmi fl-Artikolu 5;

    (b) ikunu ħallsu bil-quddiem fuq il-prezz minimu ammont li għandu jiġi stabbilit b’kunsens komuni bejn il-partijiet, u dan suġġett għall-kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti;

    (ċ) iżommu konteġġi ta’ l-istokkijiet tal-qoton maħluġ u mhux maħluġ li jissodisfaw il-ħtiġiet li għandhom jiġu stabbiliti u jipprovdu dokumenti oħra ta’ sostenn meħtieġa sabiex id-dritt għal dik l-għajnuna jkun jista’ jiġi vverifikat;

    (d) jipprovdu xhieda li l-qoton ikkonsenjat skond il-kuntratt ikun suġġett għad-dikjarazzjoni ta’ l-arja miżrugħa msemmija fl-Artikolu 16(2).

    Artikolu 12

    1. Sabiex jirċievu l-għajnuna, intrapriżi tal-ħalġ tal-qoton li jaħilġu l-qoton għan-nom ta’ produtturi individwali jew gruppi ta’ produtturi li jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 4 tal-Protokoll 4 għandhom:

    (a) ikunu bagħtu dikjarazzjoni approvata mill-produttur jew mill-grupp tal-produtturi kkonċernati, waqt li jagħtu dettalji tal-kondizzjonijiet li taħthom ikun sar il-ħalġ u kif l-għajnuna tiġi amministrata;

    (b) jintrabtu li jgħaddu l-ammont sħiħ ta’ l-għajnuna lill-produtturi individwali jew, fejn japplika, lill-grupp tal-produtturi kkonċernati;

    (ċ) jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(c);

    (d) jipprovdu xhieda li l-qoton imsemmi fid-dikjarazzjoni msemmija f’(a) ikun is-suġġett tad-dikjarazzjoni ta’ l-arja miżrugħa msemmija fl-Artikolu 16(2);

    (e) jipprovdu xhieda li l-gruppi tal-produtturi jkunu marbuta li jikkonformaw ma’ obbligazzjoni ekwivalenti għall-klawżola fil-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 11(a) u obbligazzjoni minn dawk il-gruppi biex iżommu u jipproduċu dokumenti ta’ sostenn li jikkonċernaw il-ħlas tal-prezz minimu lill-membri tagħhom.

    2. In-nuqqas ta’ tħaris tal-klawżola msemmija fil-paragrafu 1(e) minn grupp ta’ produtturi li għan-nom tiegħu jkun qed isir il-ħalġ għandu jitqies bħala nuqqas fl-ilħuq tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 4 tal-Protokoll 4.

    IL-KAPITOLU V

    L-GĦOTI TA’L-GĦAJNUNA

    Artikolu 13

    L-għajnuna għandha titħallas mill-Istat Membru produttur li fit-territorju tiegħu jsir il-ħalġ.

    Artikolu 14

    1. L-ammont ta’ l-għajnuna li għandu jitħallas għandu jkun l-ammont applikabbli fil-jum li fih issir l-applikazzjoni.

    L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jintbagħtu, fimkien mal-garanzija fejn din tkun meħtieġa, matul perjodu li għandu jiġi stabbilit, għall-kwantità ta’ qoton mhux maħluġ li għandha tidħol fl-intrapriża tal-ħalġ tal-qoton wara l-bidu tas-sena kummerċjali kkonċernata u qabel data li għandha tiġi speċifikata.

    2. Id-dritt għall-għajnuna għandu jinkiseb meta l-qoton jinħaleġ. Iżda, l-għajnuna għandha titħallas bil-quddiem, fuq it-talba tal-parti interessata, mis-16 ta’ Ottubru wara l-bidu tas-sena kummerċjali, meta l-qoton mhux maħluġ jidħol fl-intrapriża tal-ħalġ, b’dan illi tkun saret garanzija adegwata. L-ammont tal-ħlas bil-quddiem għandu jiġi kkalkolat skond il-paragrafu 3.

    Il-bilanċ ta’ l-għajnuna għandu jitħallas mhux aktar tard mit-tmiem tas-sena kummerċjali, ġaladarba kull aġġustament għall-għajnuna li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 jkun ġie stabbilit.

    3. L-ammont tal-ħlas bil-quddiem għandu jkun daqs il-prezz gwida msemmi fl-Artikolu 3(1), imnaqqas bil-prezz dinji u mnaqqas aktar b’ammont ikkalkolat skond l-Artikolu 7, iżda li jibdel il-produzzjoni attwali mal-produzzjoni stmata ffissata skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 19(2), miżjud bi 15 %.

    Mis-16 ta’ Diċembru li jiġi wara l-bidu tas-sena kummerċjali, l-ammont tal-ħlas bil-quddiem imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi mibdul b’ammont rivedut ikkalkolat bl-użu ta’ l-istess metodu iżda bbażat fuq l-estimu tal-produzzjoni riveduta ffissat skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 19(2), miżjud talanqas b’7,5 %. Ħlasijiet bil-quddiem imħallsa bejn is-16 ta’ Ottubru u l-15 ta’ Diċembru għandhom jiġu hekk miżjuda, ħlief fejn id-differenza bejn iż-żewġ ammonti tkun anqas minn EUR 1/100 kg.

    Artikolu 15

    1. L-għajnuna għandha titħallas biss fuq prodotti tajba u ta’ kwalità kummerċjalment ġusta.

    2. Jekk il-kwantità tal-qoton maħluġ tkun anqas minn jew ugwali għal 33 % tal-kwantità tal-qoton mhux maħluġ li jkun iddaħħal fl-intrapriża tal-ħalġ tal-qoton, l-għajnuna għandha tingħata biss lill-kwantità tal-qoton maħluġ, immoltiplikata b’100 u diviża bi 32.

    Jekk il-kwantità tal-qoton maħluġ tkun anqas minn jew ugwali għal 33 % tal-kwantità ta’ qoton mhux maħluġ li jkun iddaħħal fl-intrapriża tal-ħalġ tal-qoton, l-għajnuna għandha tingħata biss għall-kwantità tal-qoton mhux maħluġ, immoltiplikata bi 33 u diviża bi 32.

    3. Il-kwantità tal-qoton maħluġ għandha tkun ugwali għall-piż tagħha, aġġustat fejn ikun meħtieġ għal xi differenza bejn:

    - jew il-perċentwal ta’ l-impuritajiet irreġistrati kif imqabbla mal-perċentwal rappreżentattiv għall-grad 5 jew il-grad irreġistrat u l-grad Nru 5, u

    - il-perċentwal irreġistrat tal-kontenut ta’ l-umdità kif imqabbel mal-livell rappreżentattiv tal-fibra kummerċjali.

    Artikolu 16

    1. L-Istati Membri produtturi għandhom iwaqqfu sistema ta’ pieni u kontrolli li jippermettulhom, b’mod partikolari li jiżguraw li l-prezz minimu jiġi mħares u biex jiżguraw:

    - il-kwantità tal-qoton Komunitarju mhux maħluġ li tkun daħlet f’kull intrapriża tal-ħalġ tal-qoton,

    - il-kwantità tal-qoton Komunitarju mhux maħluġ li tkun ġiet maħluġa,

    - il-kwantità tal-qoton maħluġ miksuba f’kull impriża tal-ħalġ tal-qoton mill-qoton imsemmi fl-ewwel inċiż.

    2. L-Istati Membri produtturi għandhom jistabbilixxu sistema ta’ dikjarazzjonijiet ta’ l-arji miżrugħa, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-qoton kopert bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkun ta’ l-oriġini ddikjarata.

    Artikolu 17

    1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għas-settur tal-qoton:

    - miżuri biex jittejjeb l-ambjent, b’mod partikolari t-teknika tal-koltivazzjoni biex jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent,

    - programmi ta’ riċerka biex jiġu żviluppati metodi ta’ tkabbir li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent,

    - mezzi biex jgħarrfu lill-produtturi dwar ir-riżultati ta’ dik ir-riċerka u l-vantaġġi ta’ l-użu tat-teknika kkonċernata.

    2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ambjentali li jqisu addattati minħabba s-sitwazzjoni speċifika ta’ l-arji agrikoli użati għall-produzzjoni tal-qoton. B’żieda ma’ dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex ifakkru lill-produtturi li huma jkunu meħtieġa jikkonformaw mal-leġislazzjoni dwar l-ambjent.

    3. L-Istati Membri għandhom, fejn ikun approprjat, irażżnu l-arji eliġibbli għall-għajnuna tal-produzzjoni tal-qoton mhux maħluġ fuq il-bażi tal-kriterji oġġettivi relatati ma’:

    - l-ekonomija agrarja ta’ dawk ir-reġjuni fejn il-qoton ikun wiċċ prinċipali,

    - il-ħamrija u l-klima fl-arji in kwistjoni,

    - l-immaniġġar ta’ l-ilma tat-tisqija,

    - is-sistemi tar-rotazzjoni u l-metodi tal-koltivazzjoni li x’aktarx itejbu l-ambjent.

    4. Qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, ir-Repubblika Griega u r-Renju ta’ Spanja għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar is-sitwazzjoni ambjentali fis-settur tal-qoton u l-impatt tal-miżuri nazzjonali adottati skond il-paragrafi 1, 2 u 3.

    IL-KAPITOLU VI

    ĠENERALI

    Artikolu 18

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat ta’ l-Amministrazzjoni tal-fibri naturali mwaqqaf skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1673/2000 (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli minn 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu.

    Il-perjodu ta’ żmien previst fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit bħala ta' xahar.

    3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

    Artikolu 19

    1. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolment għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(2).

    Regoli ta’ din ix-xorta għandhom jikkonċernaw, inter alia, it-tagħrif li għandu jintbagħat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u l-miżuri kollha meħtieġa ta’ l-ispezzjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu bbażati fuq is-sistema integrata ta’ l-amministrazzjoni u l-kontroll stabbilit bir-Regolament (KEE) Nru 3508/92.

    2. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2), il-Kummissjoni għandha tiffissa għal kull Stat Membru kkonċernat, qabel dati li għandhom jiġu speċifikati:

    - waqt li titqies il-previżjoni ta’ l-uċuħ, il-produzzjoni stmata kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 14(3) u t-tnaqqis proviżorju li jirriżulta fil-prezz gwida,

    - waqt li jitqies il-progress tal-ħsad, l-istima tal-produzzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 14(3) u t-tnaqqis proviżorju li jirriżulta fil-prezz gwida,

    - waqt li jitqiesu b’mod partikolari l-kwantitajiet li dwarhom tkun saret applikazzjoni għall-għajnuna, il-produzzjoni attwali fis-sena kummerċjali kurrenti, flimkien mat-tnaqqis fil-prezz gwida msemmi fl-Artikolu 7 u ż-żieda fl-għajnuna msemmija fl-Artikolu 8.

    Artikolu 20

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 2799/98 u Nru 1258/1999 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrarja komuni għandhom jgħoddu, mutatis mutandis, għall-arranġamenti previsti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 21

    Jekk jirriżulta li jkun meħtieġ li jiġu introdotti miżuri tranżitorji biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ l-aġġustamenti tas-sistema stabbilita f’dan ir-Regolament, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2). Dawn għandhom jgħoddu sa mhux aktar tard mit-tmiem tas-sena kummerċjali 2001/2002.

    Artikolu 22

    Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1964/87 u (KE) Nru 1554/95 qed jiġu b’dan irrevokati.

    Artikolu 23

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan għandu jgħodd mill-1 ta’ Settembru 2001. Iżda, l-Artikolu 21 għandu jgħodd mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 22 ta’ Mejju 2001.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Winberg

    [1] ĠU L 291, tad 19.11.1979, p. 174. Il-protokoll kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1050/2001. (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    [2] Il-proposta tat-13 ta’ Diċembru 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [3] L-opinjoni mogħtija fil-15 ta’ Frar 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [4] ĠU C 140, tat-18.5.2000, p. 33.

    [5] ĠU L 148,tal - 30.6.1995, p. 48. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1419/98 (ĠU L 190, ta’ l-4.7.1998, p. 4).

    [6] ĠU L 184, tal-30.6.1995, p. 14. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1553/95 (ĠU L 148, tal-30.6.1995, p. 45).

    [7] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 820/97. (ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 1).

    [8] ĠU L 193, tad-29.7.2000, p. 16.

    [9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    [10] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103.

    [11] ĠU L 349, ta’ l-24.12.1998, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top